Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-6 ta' Settembru 2012

Mistoqsijiet Frekwenti dwar il-politika tal-litteriżmu tal-Kummissjoni Ewropea u rapport mill-Grupp ta' Livell Għoli ta' Esperti dwar il-Litteriżmu

IP/12/940

Għalfejn il-Kummissjoni Ewropea nediet grupp ta' esperti dwar il-litteriżmu, minkejja li l-edukazzjoni u l-litteriżmu jaqgħu l-aktar taħt il-kompetenza tal-Istati Membri?

L-Istati Membri għandhom interess komuni fit-titjib tal-istandards tal-litteriżmu kemm għat-tfal kif ukoll għall-adulti. It-titjib fil-kapaċità tal-qari kien wieħed mill-ewwel għanijiet tal-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni dwar l-"Edukazzjoni u t-Taħriġ", li tnieda fl-2002, u din il-mira ġiet ikkonfermata mill-ġdid bħala prijorità għall-2010-2020. L-Istati Membri impenjaw ruħhom li jnaqqsu l-proporzjon ta' dawk in-nies ta' 15-il sena b'ħila baxxa fil-qari għal 15 %, sa mhux aktar minn tmiem id-deċennju.

F'Novembru 2010, il-Kunsill tal-Ministri stieden lill-Kummissjoni biex twaqqaf Grupp ta’ Livell Għoli ta’ Esperti biex jeżamina l-iktar modi effettivi u effiċjenti li jappoġġjaw il-ħila fil-qari tul il-ħajja. Ir-rapport tal-grupp jipprova jqajjem kuxjenza dwar il-kriżi fil-litteriżmu li taffettwa lill-Istati Membri kollha u jipprovdi rakkomandazzjonijiet dwar kif din għandha tiġi indirizzata. Il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-isforzi mill-Istati Membri biex itejbu l-litteriżmu. Ir-rwol tal-Kummissjoni bl-ebda mod ma jirfes fuq il-kompetenza esklussiva tal-Istati Membri fl-organizzazzjoni tal-istruttura u l-kontenut tas-sistemi edukattivi tagħhom.

Kif intgħażlu l-membri esperti tal-grupp? Għalfejn il-Prinċipessa Laurentien intgħażlet biex tippresiedi il-grupp?

Il-membri tal-Grupp ta’ Livell Għoli huma esperti dwar il-litteriżmu. Dawn ġew magħżula mill-Kummissjoni Ewropea fuq il-bażi tal-kompetenza u l-istatus tagħhom. Il-Kummissjoni qieset ukoll li jkun hemm bilanċ ġeografiku u bejn is-sessi adegwat.

L-Eċċellenza Rjali Tagħha l-Prinċipessa Laurentien tal-Pajjiżi l-Baxxi hija attivista magħrufa sew f 'dan il-qasam. Hi l-Mibgħuta Speċjali tal-UNESCO dwar il-Litteriżmu għall-Iżvilupp u l-president Olandiż tal-Fondazzjoni tal-Qari u l-Kitba (Stichting Lezen & Schrijven).

X'inhi l-kampanja "l-Ewropej iħobbu jaqraw”?

Il-kampanja “l-Ewropej Iħobbu Jaqraw" hija inizjattiva tal-Kummissarju Androulla Vassiliou, immirata biex tqajjem kuxjenza dwar il-kriżi tal-litteriżmu fl-Ewropa u tippromwovi l-qari għad-divertiment. Hija attendiet gћal sensiela ta' sessjonijiet ta’ qari madwar l-Ewropa, li jinvolvu it-tfal, l-adolexxenti u l-adulti. Dawn l-avvenimenti ta’ sikwit ikollhom dimensjoni multilingwi, jinkoraġġixxu lit-tfal jaqraw bil-vuċi b'lingwi differenti, u jenfasizzaw l-importanza tad-diversità lingwistika.

Xi jfisser it-terminu "livell baxx fil-ħila tal-qari"?

Dawk b'livell baxx ta' ħila fil-qari huma dawk li jirnexxu biss fil-kompiti tal-qari l-iktar sempliċi bħal biex ifittxu xi biċċa informazzjoni, jidentifikaw it-tema ewlenija ta' test, jew jagħmlu konnessjoni sempliċi mal-għarfien ta' kuljum.

Sabiex tkun żgurata l-komparabilità bejn l-Istati Membri tal-UE, il-punt ta' riferiment tal-UE dwar dawk b’ħiliet baxxi jidentifika fuq il-bażi tad-definizzjonijiet użati mill-istħarriġ tal-Programm tal-OECD għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) li fih il-marki jvarjaw mil-Livell 1 sal-Livell 5 (l-ogħla livell). Dawk b’ħiliet baxxi huma studenti li ġabu anqas minn livell 2 fit-test PISA. Dawn huma studenti li huma kapaċi jikkompletaw biss il-kompiti tal-qari l-iktar sempliċi.

L-OECD nediet Programm ġdid għal Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC). Dan se jipprovdi profil dettaljat ta’ ħiliet fost l-adulti bejn is-16 u l-65 sena. Hu se jivvaluta ħiliet fil-litteriżmu u fil-għadd, kif ukoll l-abbiltà tan-nies biex isolvu problemi f'ambjent għani fit-teknoloġija. Jivvaluta wkoll il-ħiliet użati fuq il-post tax-xogħol. L-ewwel riżultati se jiġu ppubblikati f'Ottubru 2013.

X’impatt, jekk hemm, kellhom l-internet, il-midja soċjali u l-użu tal-ismartphones fuq il-livelli tal-litteriżmu?

L-internet u d-diġitalizzazzjoni biddlu n-natura, il-frekwenza u l-importanza tal-kitba. L-għodod diġitali jipprovdu motivazzjoni qawwija li tiffavorixxi l-kitba, ħaġa li hija partikolarment evidenti fost iż-żgħażagħ. Il-komunikazzjoni permezz tal-għodod tan-netwerking soċjali bħal Facebook, MSN u l-SMS tintasab x'imkien bejn id-diskors mitkellem u l-kitba f’termini tat-tip ta' lingwa użata. Minħabba li huwa iktar faċli u immedjatament aċċessibbli, it-texting jista’ jkun motivanti ferm, partikolarment għall-qarrejja li jsibuha diffiċli jaqraw.

Dawn il-prattiċi informali qed jibdew jiġu inkorporati fil-proċessi tat-tagħlim f'ċerti skejjel u istituzzjonijiet oħrajn tal-edukazzjoni, iżda ġeneralment fil-forma ta' proġetti individwali. Madankollu, fid-dawl tal-benefiċċji motivazzjonali tagħhom, dawn il-prattiċi informali jeħtieġ li jiġu rikonoxxuti aħjar mis-sistemi edukattivi.

Żewġ punti ta’ tħassib ifeġġu fid-dibattiti dwar il-kitba permezz tal-midja diġitali: jekk kitba bl-idejn hix superjuri għall-ittajpjar meta t-tfal żgħar jiġu mgħallma jaqraw u jiktbu, u jekk it-texting iwassalx għal titjib jew tgħawwir fil-kitba u l-ortografija. Fil-ftit evidenza li teżisti sa issa, l-argumenti jidhru li jappoġġjaw b’mod ugwali ż-żewġ punti di vista. Tinħtieġ aktar evidenza tal-impatt tal-midja diġitali u l-kitba bl-idejn, bil-għan li jiġu ddeterminati strateġiji xierqa f 'dan il-kuntest ġdid.

Għalfejn hemm tali diskrepanza bejn il-prestazzjoni fil-qari tal-bniet u s-subien?

Id-differenza bejn is-sessi hija primarjament distakk fil-motivazzjoni. Id-dejta turi li f'kull età, l-irġiel jaqraw inqas bħala passatemp min-nisa. L-analiżi tat-testijiet PISA wrew li s-subien tal-etajiet bejn it-13 u d-19-il sena huma inqas impenjati fil-qari mill-bniet u dan huwa rifless fi prestazzjoni tal-qari aktar baxxa u rati ogħla ta' kisbiet baxxi fost is-subien.

Hemm modi li jimmotivaw lis-subien u jħeġġuhom jinvolvu ruħhom fil-qari: Billi jintużaw iktar formati diġitali, li jadattaw il-materjali tal-qari fl-iskejjel għall-interessi tagħhom u b’mod aktar ġenerali li tingħata aktar għażla għall-istudenti kollha (subien u bniet) dwar x 'jistgħu jaqraw. Ir-rapport jissuġġerixxi wkoll li aktar irġiel iridu jinġibdu lejn it-tagħlim ħalli jservu ta’ mudell għas-subien.

Jidher li l-Grupp ta' Livell Għoli ffoka biss fuq il-ħila fil-qari; dan minnu?

Il-Grupp ta’ Livell Għoli ffoka fuq fil-kapaċitajiet tal-qari u tal-kitba, iżda qies aspetti differenti li jolqtu l-qari, bħat-teknoloġiji l-ġodda, u l-influwenza tad-diġitizzazzjoni fil-kapaċitajiet tal-qari u tal-kitba. Hemm ħafna aktar riċerka u data komparabbli fil-qasam tal-qari milli tal-kitba. Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli hija li jiġu żviluppati testijiet komparabbli internazzjonalment dwar il-ħiliet fil-kitba u li tissaħħaħ ir-riċerka f’dan il-qasam.

Il-Grupp ta’ Livell Għoli uża definizzjoni ta’ ħafna livelli dwar il-litteriżmu, mil-litteriżmu bażiku sa dak funzjonali u l-litteriżmu multipli. Il-litteriżmu bażi jfisser li wieħed għandu l-għarfien tal-ittri, il-kliem u t-testi meħtieġa biex jaqra u jikteb f'livell li jippermettilu l-fiduċja fih innifsu u l-motivazzjoni għal aktar żvilupp; il-litteriżmu funzjonali huwa l-kapaċità li wieħed jaqra u jikteb biex jiżviluppa u jopera fis-soċjetà, fid-dar, l-iskola u fuq il-post tax-xogħol; il-litteriżmu multipli huwa l-abbiltà li tuża l-ħiliet tal-qari u tal-kitba sabiex tipproduċi, tifhem u tevalwa b 'mod kritiku, tinterpreta testi riċevuti permezz ta' varjetà ta' mezzi u f'ħafna forom (stampati, diġitali, awdjoviżivi). Il-litteriżmu multipli huwa bażi għal parteċipazzjoni diġitali u sabiex wieħed jagħmel għażliet infurmati dwar il-finanzi, is-saħħa, eċċ. L-istħarriġiet internazzjonali jużaw ukoll din id-definizzjoni.

Hemm xi studji oħra minbarra l-istudju PISA tal-OECD li jkejlu l-ħiliet tal-istudenti fil-qari u l-kitba?

Hemm studji oħra, bħall-Progress in International Reading Literacy Study (PIRLS), li huwa kkoordinat minn l-Assoċjazzjoni Internazzjonali għall-Evalwazzjoni tal-Kisbiet Edukattivi. Dan jiffoka fuq l-istudenti tar-raba' grad (9-11-il sena).

Għall-adulti, l-OECD nediet Programm ġdid għal Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC). L-ewwel riżultati tiegħu se jiġu ppubblikati f'Ottubru 2013.

Kif se jagħmel differenza l-Grupp ta' Livell Għoli?

Ir-rapport tal-Grupp ta’ Livell Għoli jenfasizza d-dejta u l-evidenza ewlenija dwar l-istandards tal-litteriżmu, murija b’eżempji minn pajjiżi differenti u pen portraits. Dan jipprovdi sinteżi aċċessibbli tal-iktar riċerka rilevanti disponibbli u tal-politika, il-programmi u l-kampanji ewlenin madwar l-Ewropa biex jittejjeb il-litteriżmu.

Ir-rapport fih ukoll rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal gruppi ta’ etajiet differenti (tfal żgħar, tal-età tal-primarja, l-adolexxenti u l-adulti), li jenfasizzaw x’jistgħu u x’għandhom iwettqu l-atturi differenti involuti biex jagħmlu differenza.

Ir-rapport se jkun il-qofol ta’ dibattitu dwar il-litteriżmu fil-laqgħa informali il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE f'Ċipru fl-4-5 ta' Ottubru. Id-diskussjonijiet tagħhom se jwasslu għal konklużjonijiet li għandhom jiġu adottati mill-Kunsill tal-Edukazzjoni f’Novembru. Dawn se jinkludu dettalji dwar kif l-Ewropa se taħdem fuq il-lezzjonijiet mitgħallma.

Hu minnu li kien hemm madwar 75 miljun adult b'edukazzjoni baxxa fl-UE fl-2011 u li ħafna minnhom x’aktarx għandhom problemi ta’ litteriżmu wkoll?

M’għandniex ċifri preċiżi dwar il-litteriżmu fost l-adulti. Kienu biss Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit li wettqu stħarriġ riċenti. Dawn juru li madwar wieħed minn kull ħames adulti ma jkollhomx livell suffiċjenti ta' litteriżmu biex ilaħħqu b’mod minimu ma' dak li titlob is-soċjetà tal-lum. Dan ifisser kważi 75 miljun adult madwar l-UE. Il-Programm il-ġdid għal Evalwazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti se jipprovdi dejta aktar b’saħħitha f’Ottubru 2013.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website