Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, il-25 ta' Lulju 2012

L-abbozz tal-Baġit għall-2013: L-ittra tal-President Barroso lill-Kapijiet tal-Istat u l-Gvern dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-President Barroso bagħat ittra fl-24 ta’ Lulju 2012 lill-Kapijiet kollha tal-Istat u tal-Gvern biex jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz tal-baġit għall-2013.

Fl-24 ta’ Lulju, il-Kunsill approva mingħajr diskussjoni l-pożizzjoni ta' COREPER tal-11 ta’ Lulju 2012 biex tillimita ż-żieda fil-ħlasijiet fil-baġit tal-UE għall-2013 sa 2.79%. Il-Kummissjoni, fil-proposta inizjali tagħha tal-25 ta’ April 2012, kienet ipproponiet żieda fil-ħlasijiet b'6.8% biex tikkunsidra l-obbligi legali biex tħallas lill-benefiċjarji bħala riżultat ta’ impenji fil-passat diġà miftiehma mill-Istati Membri. Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirriżulta f'EUR 5.2 biljun inqas milli l-Kummissjoni talbet sabiex jitqiesu l-ħtiġijiet għall-ħlas reali.

It-test sħiħ tal-ittra tal-24.07.2012

Għaddew biss tliet ġimgħat mindu lħaqna qbil, fil-Kunsill Ewropew, li se nkomplu nagħmlu dak kollu meħtieġ biex l-Ewropa titqiegħed lura fuq it-triq tat-tkabbir għaqli, sostenibbli u inklużiv. Il-kapijiet kollha ta’ Stat jew Gvern impenjaw ruħhom għal Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi li jinkludi impenji speċifiċi ħafna fir-rigward tal-finanzjament tal-ekonomija, inkluż permezz tal-mobilizzazzjoni tal-bqija tal-allokazzjonijiet tal-fond strutturali għall-perjodu kurrenti. Dawn huma l-messaġġi li ċ-ċittadini tagħna għandhom bżonn f’dawn iż-żminijiet diffiċli.

Qiegħed niktbilkom issa għaliex ninsab imħasseb li n-negozjati dwar il-baġit tal-2013 diġà qegħdin jikkompromettu l-ispirtu tal-ftehim reċenti tagħna billi mhux qed jiġu magħmula disponibbli fondi biżżejjed biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tħallas il-livelli miftiehma ta’ appoġġ għal proġetti li jsaħħu t-tkabbir.

Il-baġit annwali jistabbilixxi l-ammont ta’ impenji finanzjarji vinkolanti liċ-ċittadini, l-SMEs, ir-riċerkaturi, il-bdiewa, l-istudenti u r-reġjuni li l-Unjoni Ewropea se tappoġġa. Dawn l-impenji joħolqu obbligi li jridu jiġu onorati aktar tard permezz ta’ ħlasijiet xierqa skont regoli miftehma u l-implimentazzjoni proprja tal-programmi. Mingħajr dawn l-impenji, ħafna minn dawn il-proġetti qatt ma jkunu jistgħu jinbdew. Li wieħed jibda joħloq dubji dwar il-ħila tal-UE li tonora l-obbligi tagħha jimmina l-kredibilità tal-programmi tagħna ta’ finanzjament u tabilħaqq tal-impenn tagħna li nappoġġaw it-tkabbir.

Jiena nagħraf u nilqa’ b'sodisfazzjon l-isforzi kuraġġużi li ħafna minnkom qed jagħmlu biex jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi. L-abbozz ta’ baġit propost mill-Kummissjoni ħa kont sħiħ ta’ dan il-kuntest billi ffriża impenji ġodda f’termini reali. Dan huwa għarfien ċar tas-sitwazzjoni li ninsabu fiha u li jeħtieġ li titqies għall-kontribuzzjoni għall-baġit. Iż-żieda proposta fil-livelli tal-pagamenti ta’ 6.8% għall-2013 fil-biċċa l-kbira ġejja minn obbligi legali. Din hija kwistjoni ta’ implimentazzjoni ta’ dak li aħna lkoll konna diġà qbilna dwaru. Ħafna minn dawn il-ħlasijiet huma meħtieġa għal żoni bl-akbar potenzjal ta’ tisħiħ tat-tkabbir u l-kompetittività. Iż-żieda ‘reali’ fl-2013 tkun fil-fatt tidher ħafna iżgħar kieku l-approprjazzjonijiet għall-ħlasijiet tal-baġit 2012 kienu ġew stabbiliti mal-ewwel fil-livell tal-bżonnijiet attwali. Dan kollu għandu jiġi rikonoxxut ukoll meta nħarsu lejn is-sitwazzjoni. Wara kollox, il-baġit għandu rwol sostanzjali ħafna għall-istabbilizzazzjoni tal-ekonomiji u għall-investiment f’għadd ta’ Stati Membri, u jekk dan jiġi injorat ikun hemm effetti ħżiena.

It-tnaqqis ta’ aktar minn EUR 5 biljun fil-livelli tal-ħlasijiet fl-2013, kif il-Kunsill qed jipproponi, tkun ekonomija falza. Ikollu konsegwenzi serji għall-irkupru ekonomiku billi dan it-tnaqqis jaffettwa reġjuni, riċerkaturi jew SMEs bir-riskju li huma mbagħad ikunu nieqsa tal-finanzi.

Diġà fl-2012 ninsabu għaddejjin minn diffikultà kbira biex nipproċessaw it-talbiet għall-ħlasijiet għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-koeżjoni. Dan ipoġġina fil-pożizzjoni odjuża li jkollna nagħżlu liema kontijiet inħallsu u liema minnhom indewmu. Jekk ma nindirizzawx din is-sitwazzjoni kif xieraq fil-baġit għall-2012, u bi ftehim inadegwat dwar il-baġit tal-2013, din is-sitwazzjoni insostenibbli tista’ biss tmur għall-agħar.

Jiena konxju ħafna tal-isforz li xi Stati Membri se jkollhom jagħmlu biex jippermettu lill-Unjoni Ewropea tissodisfa l-obbligi legali tagħha. Iżda nittama li kollha kemm intkom taqblu li dan mhux il-waqt li jiġi ssagrifikat l-investiment favur it-tkabbir u li l-investimenti kofinanzjati mill-baġit tal-UE joffru valur miżjud reali.

Nittama li tkunu lesti li taħdmu b’mod kostruttiv mal-Parlament Ewropew u mal-Kummissjoni biex taqblu fuq il-baġit li l-Ewropa teħtieġ. Qiegħed nibgħat kopja ta’ din l-ittra lill-President tal-Parlament Ewropew.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website