
Il-Kummissjoni Ewropea
MEMO
Brussell, it-13 ta’ Lulju 2012
Sigurtà fit-Triq: Il-Pakkett tal-Affidabbiltà Stradali – Kontrolli aktar iebsa fuq vetturi biex jiġu salvati l-ħajjiet
X’inhu l-Pakkett il-ġdid tal-Affidabbiltà Stradali?
Il-pakkett tal-affidabbiltà stradali jikkonsisti fi tliet parijiet: testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali; spezzjonijiet tekniċi ta' vetturi kummerċjali fil-ġenb tat-triq; u r-reġistrazzjoni ta' vetturi.
Kull kwistjoni tiġi ttrattata waħda wara l-oħra fil-MEMO t’hawn taħt.
Testijiet Perjodiċi tal-Affidabbiltà Stradali – it-titjib ewlieni
Ir-regoli attwali: Id-Direttiva 2009/40/KE tistabbilixxi standards minimi għal testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali ta' vetturi bil-mutur - dawn huma l-kontrolli regolari tal-vetturi kif mitlub mil-liġi. Id-Direttiva tapplika għal karozzi tal-passiġġieri, xarabanks u kowċis u vetturi tqal tal-merkanzija u l-karrijiet tagħhom, iżda mhux għall-iskuters u l-muturi.
Skont il-proposti l-ġodda (ara t-tabella hawn taħt għal sommarju tad-dettalji għal sewwieqa tal-muturi privati):
1. L-iskop tal-vetturi li għandhom jiġu ttestjati għandu jitwessgħa għall-ogħla grupp ta' riskju tal-utenti tat-triq, il-vetturi bil-mutur b'żewġ roti jew bi tlieta (muturi u mopeds) u karrijiet żgħar (li jiżnu anqas minn 3.5 tunnellati). Dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vetturi huma attwalment esklużi mill-obbligu skont il-liġi tal-UE.
Il-proposta tiddefinixxi aktar il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjonijiet mit-testijiet li Stati Membri jistgħu jagħtu lil ċerti vetturi e.ż. vetturi agrikoli u ċerti vetturi li ma jintużawx fi traffiku interkomunitarju b’veloċità skont id-disinn ta’ anqas minn 40 km/h.
Dawn l-eżenzjonijiet jinkludu wkoll vetturi ta’ valur storiku, li issa ġew definiti b’mod aktar preċiż.
2. Fir-rigward tal-frekwenza tal-ittestjar ġew ikkunsidrati żewġ aspetti, l-età u l-kilometraġġ annwali. Għalhekk, il-frekwenza tal-ittestjar ta’ karozzi aktar antiki għandha tiżdied u vetturi b’kilometraġġ għoli ser ikunu soġġetti għal ittestjar annwali kif diġà huwa l-każ għat-taksis u l-ambulanzi.
Għal ċerti kategoriji ta’ vetturi, il-frekwenza attwali tal-ispezzjonijiet perjodiċi hija meqjusa baxxa ħafna biex tiżgura li ma għandhomx difetti. Il-proposta żżid l-istandards minimi għall-frekwenza tal-PTI (spezzjoni teknika perjodika) għal tliet kategoriji ta’ vetturi:
L-ewwel spezzjoni tal-karozzi wara erba’ (4) snin, u mbagħad wara sentejn (2) u li wara jsiru: kull sena
(ċaqliq lejn l-istandard minimu ta’ 4-2-1 minflok dak attwali ta’ 4-2-2)
Karozzi u vetturi kummerċjali żgħar li jiżnu sa 3.5 tunnellati li jkunu laħqu kilometraġġ ta’ aktar minn 160.000 km fid-data tal-ewwel spezzjoni (wara erba’ (4) snin) għandhom ikunu spezzjonati kull sena wara l-ewwel test (4-1-1 minflok il-4-2-2 li jeżisti diġà)
Tibdil għal sewwieqa tal-muturi privati / bil-pajjiż:
Testijiet fuq vetturi ġodda 4 – 2 – 1 u tibdil għal sewwieqa tal-muturi privati | |||
perjodiċità tat-testijiet attwali* | |||
Stati Membri | Karozzi | Muturi Skuters | Tibdil għal sewwieqa tal-muturi privati |
L-Awstrija | 3 - 2 - 1 | 1 - 1 - 1 | l-ebda tibdil |
Il-Belġju | 4 - 1 - 1 | l-ebda testijiet | l-ebda tibdil għall-karozzi; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Il-Bulgarija | 3 - 2 - 1 | l-ebda testijiet | l-ebda tibdil għall-karozzi; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Ċipru | 4 - 2 - 2 | l-ebda testijiet | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Ir-Repubblika Ċeka | 4 - 2 - 2 | 4 - 2 - 2 | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
Id-Danimarka | 4 - 2 - 2 | 4 - 2 - 2 | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
L-Estonja | 3 - 2 - 2 - 2- 1 | 3 - 2 - 2 - 2- 1 | ser isiru testijiet għal karozzi, muturi u skuters kull sena mis-sitt sena (6) (minflok mill-għaxar sena (10)) |
Il-Finlandja | 3 - 2 - 1 | l-ebda testijiet | l-ebda tibdil għall-karozzi; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Franza | 4 - 2 - 2 | l-ebda testijiet | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Il-Ġermanja | 3 - 2 - 2 | 2 - 2 - 2 | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
Il-Greċja | 4 - 2 - 2 | l-ebda testijiet | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
L-Ungerija | 4 - 3 - 2 - 2 | 3 - 3 - 2 – 2°) | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; muturi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena u ser jiġi introdott test għall-iskuters |
L-Irlanda | 4 - 2 - 2 | l-ebda testijiet | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
L-Italja | 4 - 2 - 2 | 4 - 2 - 2 | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
Il-Latvja | 1 - 1 - 1 | 1 - 1 – 1°) | l-ebda tibdil għall-karozzi u għall-muturi ser jiġu introdotti testijiet għall-iskuters |
Il-Litwanja | 3 - 2 - 2 | 1 - 1 - 1 | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena, l-ebda tibdil għall-muturi u għall-iskuters |
Il-Lussemburgu | 3.5 - 1 - 1 | 3.5 - 1 - 1 | l-ebda tibdil |
Malta | 1 - 1 - 1 | l-ebda testijiet | l-ebda tibdil għall-karozzi; ser jiġu introdotti testijiet għall-muturi u għall-iskuters |
Il-Pajjiżi l-Baxxi | 4 - 2 - 2 - 1 | l-ebda testijiet | testijiet għall-karozzi ser isiru kull sena mis-sitt sena (6) (minflok mid-disa’ sena (9)); muturi u skuters ser jiġu ttestjati |
Il-Polonja | 3 - 2 - 1 | 3 - 2 - 1°) | l-ebda tibdil għall-karozzi u għall-muturi; ser jiġu introdotti testijiet għall-iskuters |
Il-Portugall | 4 - 2 - 2 - 1 | l-ebda testijiet | testijiet għall-karozzi ser isiru kull sena mis-sitt sena (6) (minflok mid-disa’ sena (9)); muturi u skuters ser jiġu ttestjati |
Ir-Rumanija | 2 - 2 - 2 | l-ebda testijiet | karozzi aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena; testijiet għall-muturi u għall-iskuters ser jiġu introdotti |
Is-Slovakkja | 3 -1 - 1 | 4 - 2 - 2 | l-ebda tibdil għall-karozzi, muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
Is-Slovenja | 3 - 2 - 2 | 3 - 1 - 1 | l-ebda tibdil |
Spanja | 4 - 2 - 2 - 1 | 5 - 2 - 2 | testijiet għall-karozzi ser isiru kull sena mis-sitt sena (6) (minflok mid-disa’ sena (9)); muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
L-Isvezja | 3 - 2 - 1 | 4 - 2 - 2 | l-ebda tibdil għall-karozzi; muturi u skuters aktar antiki ser jiġu ttestjati kull sena |
Ir-Renju Unit | 3 - 1 - 1 | 3 - 1 - 1 | l-ebda tibdil |
*) Perjodiċità 4-2-1 tfisser l-ewwel test wara erba’ (4) snin, it-test li jmiss wara sentejn (2), u t-testijiet li jsiru wara kull sena.
°) Skuters li għadhom ma ġewx ittestjati.
Sors: CITA, AUTOFORE.
3. It-tagħmir li għandu jintuża għat-testijiet għandu jissodisfa ċerti rekwiżiti minimi u jippermetti l-prestazzjoni effiċjenti tal-metodi deskritti hawn fuq.
Id-disponibbiltà u l-karatteristiċi tat-tagħmir li jintuża fit-testijiet jiddeterminaw il-kwalità tat-testijiet tal-affidabbiltà tat-triq. Attwalment, il-liġi tal-UE ma fihiex dispożizzjonijiet li jikkonċernaw it-tagħmir li jintuża fit-testijiet.
Għalhekk il-proposta tinkludi lista ta' tagħmir minimu meħtieġ għall-PTI u l-ispeċifikazzjoni teknika tiegħu.
Perjodu ta’ tranżizzjoni huwa definit biex jippermetti sostituzzjoni bla tfixkil tat-tagħmir eżistenti li jintuża fit-testijiet u li ma jilħaqx l-istandards meħtieġa.
4. L-ispetturi li jwettqu t-testijiet għall-affidabbiltà stradali għandhom jilħqu ċertu livell ta' għarfien u ħiliet u jkunu mħarrġa kif xieraq.
Testijiet tal-affidabbiltà stradali ta’ standard għoli jeħtieġu persunal tat-testijiet b’ħiliet u kompetenzi ta’ livell għoli. Il-proposta tintroduċi oqsma ta’ għarfien li dwarhom għandu jkollu applikant għall-impjieg ta’ spettur, sistema ta’ taħriġ inkluż taħriġ inizjali u taħriġ ta’ aġġornament perjodiku u l-oqsma li għandu jkopri dan it-taħriġ.
Perjodu ta’ tranżizzjoni huwa definit biex jippermetti tranżizzjoni bla tfixkil tal-persunal eżistenti tat-testijiet f’reġim perjodiku tat-taħriġ.
5. Defiċjenzi skoperti għandhom jiġu vvalutati skont ir-regoli komuni relatati mar-riskju tagħhom.
Il-ġudizzju dwar il-kundizzjoni teknika ta’ vettura għandu jiġi armonizzat madwar l-UE u biex dan ikun possibbli, in-nuqqasijiet skoperti għandhom jiġu vvalutati skont standard komuni. Għal dan il-għan il-Kummissjoni, fl-2010 adottat rakkomandazzjonijiet għall-valutazzjoni tad-difetti. Ir-rakkomandazzjonijiet iddefinixxew 3 kategoriji ta’ difetti (minuri, maġġuri u perikolużi) skont il-konsegwenzi tagħhom għas-sigurtà tal-vetturi u assenjaw kategorija waħda jew aktar minn dawn lid-difetti possibbli kif elenkat fid-Direttiva.
Dawn ir-regoli dwar il-valutazzjoni ta’ difetti u d-definizzjoni tal-kategoriji issa ser jiġu introdotti fir-regolament.
6. L-assigurazzjoni tal-kwalità ta' attivitajiet ta' affidabbiltà stradali mwettqa minn korpi privati awtorizzati għandha titwettaq permezz ta' superviżjoni nazzjonali.
Tistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jissorveljaw l-operazzjoni tal-korpi ta' spezzjoni u l-kwalità ta' spezzjonijiet imwettqa minn dawn il-korpi
Biex jassiguraw li l-kwalità għolja tal-ittestjar tinżamm tul iż-żmien, l-Istati Membri huma mitluba li jwaqqfu sistema għall-assigurazzjoni tal-kwalità li tkopri l-proċessi ta' awtorizzazzjoni, superviżjoni u rtirar, sospensjoni jew kanċellazzjoni tal-awtorizzazzjoni biex iwettqu testijiet tal-affidabbiltà stradali.
7. Ir-reġistrazzjoni ta’ qari ta’ kilometraġġi ser tipprovdi evidenza uffiċċjali biex wieħed jiskopri tbagħbis fil-kilometraġġ
Il-proposta tistabbilixxi regoli ċari dwar il-kwalità legali ta’ tbagħbis fl-odometru (kilometraġġ). Il-bażi biex wieħed jiskopri manipulazzjonijiet fil-qari tal-kilometraġġ hija pprovduta fir-reġistrazzjoni tal-qari ta' kilometraġġi f'kull test tal-vetturi. Biż-żamma ta’ din id-dejta tingħata l-bażi għal kontroll aktar effiċjenti tal-kilometraġġ u l-bażi għal użu transkonfinali ulterjuri ta’ din l-informazzjoni ladarba l-interkonnessjoni tar-reġistri nazzjonali tkun f’postha.
Spezzjonijiet tekniċi ta' vetturi kummerċjali fil-ġenb tat-triq – it-titjib ewlieni
Ir-regoli attwali: Id-Direttiva 2009/40/KE hija kkumplimentata bid-Direttiva 2000/30/KE, li tipprovdi r-rekwiżit għall-kontroll tal-istat tekniku tal-vetturi kummerċjali bejn spezzjoni perjodika u oħra (bi spezzjonijiet tekniċi fit-ġenb tat-triq). Dawn huma kontrolli addizzjonali fuq il-post fil-ġenb tat-triq għal vetturi kummerċjali.
Skont il-proposti l-ġodda:
1. L-għażla ta’ vetturi għandha tkun ibbażata fuq il-profil tar-riskju tal-operaturi u timmira għal intrapriżi ta’ riskju għoli biex tnaqqas il-piż fuq tali operaturi li jieħdu ħsieb il-vetturi tagħhom kif xieraq. Il-profil tar-riskju ser ikun ibbażat fuq ir-riżultati ta’ testijiet tal-affidabbiltà stradali preċedenti u spezzjoijiet fil-ġenb tat-triq u ser iqis l-għadd u s-severità ta’ difetti skoperti, kif ukoll ser jaġixxi bħala fattur ta’ żmien li jipprovdi importanza ogħla għal kontrolli li twettqu reċentement.
2. Spezzjonijiet tekniċi attwali fil-ġenb tat-triq japplikaw għal vetturi kummerċjali li jiżnu aktar minn 3.5 tunnellati. Il-proposti jestendu dan l-obbligu biex anke vetturi kummerċjali żgħar (li jiżnu anqas minn 3.5 tunnellati) u l-karrijiet tagħhom ikunu soġġetti għal spezzjonijiet fil-ġenb tat-triq minħabba li tali vetturi qed jintużaw dejjem aktar għat-trasport bit-triq. Dawn il-vetturi mhumiex koperti b’ċerti rekwiżiti bħar-rekwiżit tat-taħriġ għal-sewwieqa professjonali jew l-installazzjoni ta’ regolaturi tal-veloċità eċċessiva u dan iwassal għal għadd relattivament għoli ta' inċidenti fit-toroq li jinvolvu tali vetturi.
3. L-għadd tal-ispezzjonijiet tekniċi fil-ġenb tat-triq kull sena u l-Istat Membru ser jintrabtu mal-għadd ta’ vetturi kummerċjali reġistrati biex jistipulaw distribuzzjoni aktar ugwali għall-kontrolli fil-ġenb tat-triq fost l-Istati Membri.
4. L-ispezzjonijiet tekniċi fil-ġenb tat-triq ser jitwettqu permezz ta’ approċċ imtarraġ. L-ewwel kontroll inizjali tal-kundizzjoni inġenerali tal-vettura u d-dokumentazzjoni tagħha, bħaċ-ċertifikati tal-affidabbiltà stradali jew rapporti preċedenti dwar l-affidabbiltà stradali. Spezzjoni fil-ġenb tat-triq aktar dettaljata tista’ titwettaq abbażi tal-eżitu tal-ispezzjoni inizjali. Ser isiru spezzjonijiet aktar dettaljati permezz tal-użu ta' unità mobbli għall-ispezzjoni jew ċentru tal-ittestjar fil-qrib.
5. Is-sigurtà tal-merkanzija għandha tiġi inkluża fil-kontrolli fil-ġenb tat-triq. Is-sigurtà adegwata tal-merkanzija hija kkunsidrata bħala fattur relatat ma’ 25% tal-aċċidenti li jinvolvu t-trakkijiet.
6. L-armonizzazzjoni tal-istandards għall-valutazzjoni ta’ defiċjenzi, il-livell ta’ għarfien u ħiliet ta’ spetturi li jwettqu spezzjonijiet fil-ġenb tat-triq ibbażati fuq ir-rekwiżiti għal testijiet perjodiċi tal-affidabbiltà stradali u attivitajiet ta’ spezzjoni kkonċertati regolarment ser jikkontribwixxu biex jiġi evitat trattament inġust.
Ir-Reġistrazzjoni tal-Vetturi – it-titjib ewlieni
Ir-regoli attwali: Id-Direttiva 1999/37/KE dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għal vetturi tistipula r-rekwiżiti għall-ħruġ ta' ċertifikati ta' reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom u l-kontenut minimu armonizzat taċ-ċertifikati ta' reġistrazzjoni tal-vetturi.
Skont il-proposti l-ġodda:
1. Id-dejta dwar vetturi reġistrati għandha tinżamm f’reġistri elettroniċi nazzjonali
2. Id-dejta teknika li ġejja mill-approvazzjoni ta’ vetturi, iżda li mhux neċessarjament tiġi stampata fuq id-dokumenti ta' reġistrazzjoni, għandha tkun disponibbli għall-ispettur għall-għan tat-test tal-affidabbiltà stradali.
3. Infurzar effettiv tal-affidabbiltà stradali għandu jkun ipprovdut permezz tar-reġim ta' reġistrazzjoni tal-vetturi.
Il-fatti u ċ-ċifri importanti
Dwar kontrolli tekniċi għal vetturi aktar antiki
Hemm korrelazzjoni ċara bejn is-severità tal-inċidenti u l-età tal-vetturi. L-evidenza empirika turi li bejn il-ħames sena u s-sitt sena, l-għadd ta' aċċidenti serji (b'imwiet) relatati ma' ħsara teknika żdied b’mod sostanzjali.
L-isfida hija li tipprovdi kontroll tekniku adegwat għal dawn il-vetturi aktar antiki.

L-isfida hija li tipprovdi kontroll tekniku adegwat għal vetturi eqdem minn sitt (6) snin.
Dwar Kontrolli tal-vetturi għall-muturi u l-iskuters
Is-sewwieqa tal-muturi huma l-grupp tal-utenti tat-triq bl-aktar riskju għoli ta’ sikurezza , li barra minn hekk imur kontra x-xejra inġenerali ta’ tnaqqis fl-għadd ta’ mwiet b’aktar minn 4,500 persuna1 maqtula fis-sena. 8% tal-aċċidenti li jinvolvu l-muturi huma kkawżati jew marbuta ma’ difetti tekniċi.

Is-sewwieqa tal-mopeds huma rrappreżentati żżejjed fl-għadd ta’ mwiet, b’aktar minn 1,400 sewwieq maqtul2 500 minn dawn il-vittmi huma żgħażagħ tal-età ta’ bejn l-14 u l-21 sena. Aktar minn 25,000 sewwieq tal-mopeds weġġgħu serjament fejn kważi 9,000 minn dawn il-vittmi huma żgħażagħ tal-età ta' bejn l-14 u l-21 sena.
Aċċess għad-dejta
Waqt li jkunu qed isiru t-testijiet tal-affidabbiltà stradali u l-ispezzjonijiet fil-ġenb tat-triq, jinġabar ammont importanti ta’ dejta dwar il-vettura u l-prestazzjoni tagħha. Din id-dejta potenzjalment tista' tintuża mill-awtoritajiet differenti biex jassiguraw is-segwitu tal-iskoperta ta’ difetti, biex jorganizzaw kontrolli b’mira, iżda wkoll biex issaħħu t-tfassil tal-politika tagħhom. Bl-istess mod, it-testijiet tal-affidabbiltà stradali u l-ispezzjonijiet fil-ġenb tat-triq ikunu aktar effettivi kieku jkollhom aċċess għal informazzjoni kompleta dwar l-istorja tal-vettura u l-karatteristiċi tekniki tagħha. Dan l-iskambju ta’ informazzjoni huwa kruċjali wkoll fir-rigward tal-ġlieda kontra t-tbagħbis fil-kilometraġġ (odometru) speċjalment fir-rigward tas-suq ta' oġġetti użati intra UE.
X'inhu l-pass li jmiss?
L-għan ewlieni tal-miżuri proposti huwa li sal-20203,,tissaħħaħ is-sigurtà fit-triq u li dawn il-miżuri jkunu ta’ kontribut għall-mira politika tat-tnaqqis ta’ mwiet fit-toroq kull sena b’50%
Aktar minn 1,200 ħajja jistgħu jiġu salvati u aktar minn 36,000 inċident jistgħu jiġu evitati4
Il-benefiċċju finanzjarju għas-soċjetà huwa stmat għal aktar minn EUR 5,600 miljun.
B’mod iktar speċifiku, il-miżuri skont il-Pakkett tal-Affidabbiltà tat-Triq għandu tliet għanijiet immeddjati:
1. Li jsaħħaħ b’mod partikolari l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli u żgħażagħ li jużaw it-toroq,
2. Li jistipula żona unika Ewropea għall-kontroll tekniku tal-affidabbiltà stradali bbażata fuq l-istandards armonizzati għal aspetti ta' kontroll, tagħmir, kwalifika ta' spetturi u stima tad-difetti u dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri,
3. Li jtaffi l-piż amministrattiv għal dawk l-impriżi tat-trasport bit-triq li huma konformi mar-rekwiżiti tekniċi tas-sigurtà tat-triq.
Il-proposti għandhom jiġu approvati kemm mill-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Istati Membri qabel isiru liġijiet.
F’perspettiva aktar fit-tul, it-tieni fażi tkun tikkonsisti fit-tqegħid ta’ sistema ta’ skambju tad-dejta interkomunitarja armonizzata li torbot il-bażijiet tad-dejta eżistenti u tippermetti l-aċċess ta’ din id-dejta għal għanijiet ta’ kontroll, pereżempju biex tivverifika fi kwalunkwe ħin tul il-fruntieri l-korrettezza tad-dejta tal-odometru.
Tali aċċess għad-dejta madwar l-UE jista’ mbagħad potenzjalment jipprovdi wkoll rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati tal-affidabbiltà stradali ladarba l-armonizzazzjoni meħtieġa tal-kontrolli tal-affidabbiltà stradali tintlaħaq fil-livell Ewropew.
Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok ara: IP/12/780
Id-Database tal-CARE
Id-Database tal-CARE
Orjentazzjonijiet Politiċi dwar is-Sigurtà fit-Triq 2011-2020 (COM (2010) 389 finali
Stima tal-impatt dwar il-miżuri li jsaħħu t-testijiet tal-affidabbiltà stradali (SWD(2012) 206)