Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, it-12 ta’ Lulju 2012

Intejbu l-ambjent tal-investiment fil-broadband – stqarrija dwar il-politika mill-Viċi President Kroes

Illum il-ġurnata fl-Ewropa qegħdin fuq l-għatba ta' bidla diġitali ġdida. Applikazzjonijiet u servizzi ġodda, li jvarjaw mis-servizzi tas-saħħa elettroniċi sal-“cloud computing” u t-televiżjoni konnessa, għandhom joffru benefiċċji kbar liċ-ċittadini u n-negozji u jagħtu spinta ġenerali lill-ekonomija tagħna. Iżda ħafna minn dawn l-ideat il-ġodda ma jistgħux jaħdmu fuq netwerks tal-broadband tal-ADSL ibbażati fuq ir-ram. Ma nistgħux inħallu n-netwerks tagħna jkunu ta’ xkiel għal din l-opportunità tal-għaġeb: jeħtieġ li ninvestu f’infrastruttura ġdida li tkun ta’ veloċità kbira. U biex dan iseħħ, jeħtieġ li jkun b'saħħtu s-settur tal-kumpaniji tat-telekomunikazzjoni u operaturi oħrajn li jipprovdi din l-infrastruttura vitali.

Iktar minn għaxar snin ilu, daħħalna b’suċċess il-kompetizzjoni fil-qasam tan-netwerks tat-telekomunikazzjoni Ewropej. S’issa, dan wassal għal riżultati pożittivi kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji. Iżda l-bidla għal ġenerazzjoni ġdida ta’ netwerks ta’ veloċità kbira li jiswew ħafna flus u li jkunu jeżistu flimkien man-netwerks l-antiki tippreżenta sfidi speċjali. Għalkemm is-settur pubbliku jista’ jgħin f’din il-ħaġa, il-piż kbir reali tal-investiment irid jintrefa’ mis-settur privat. Naturalment, ikun liema jkun in-netwerk u jkun min ikun l-operatur, in-nies iridu jaraw qligħ xieraq qabel ma jinvestu, filwaqt li jqisu r-riskji li jkun hemm.

F’Ottubru li għadda, il-Kummissjoni nediet żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi (ara d-dokument IP/11/1147) dwar l-aċċess irregolat bl-ingrossa għan-netwerks tat-telekomunikazzjoni, il-metodoloġija tal-kostijiet u n-non-diskriminazzjoni, biex tiżgura li jkun hemm konsistenza fl-Ewropa kollha, tiżviluppa s-suq uniku fil-komunikazzjonijiet u tgħin biex jinkisbu l-miri tagħna marbutin mal-broadband ta’ veloċità kbira.

Dawk il-konsultazzjonijiet qajmu dibattitu usa’ dwar ir-rwol tar-regolazzjoni fil-promozzjoni tal-kompetizzjoni u tal-investiment f’perjodu ta’ bidla teknoloġika. Irċevejna kummenti mingħand il-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (l-ARN), l-assoċjazzjonijiet settorjali, l-investituri u l-kumpaniji, kif ukoll studji ddettaljati magħmulin mill-esperti.

Analizzajna bir-reqqa l-kontributi li saru, u issa nista’ nħabbar id-deċiżjonijiet li beħsiebni nipproponi biex niżguraw li l-Ewropa ssib postha bħala l-kontinent konness u kompetittiv, b’mod partikulari permezz tal-investiment fin-netwerks tal-broadband ta’ veloċità kbira, li jkunu netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (NGA).

Naturalment, il-politika regolatorja għandha tgħin il-proċess mhux tfixklu. Ir-regolazzjoni li tkun stabbli fuq ċertu perjodu taż-żmien u li tkun konsistenti fl-Ewropa kollha tista’ twassal għall-kompetizzjoni sostenibbli u għal investiment effiċjenti.

Konklużjonijiet ġenerali

1) Il-kompetizzjoni għandha bżonn ta’ kundizzjonijiet indaqs. B’mod partikulari, l-operaturi alternattivi m’għandux ikollhom jibdew jikkompetu bi żvantaġġ kbir kompetittiv, jiġifieri l-operaturi eżistenti m’għandhomx jitħallew jiddiskriminaw bejn il-friegħi tan-negozju bl-imnut tagħhom stess u dawk ta’ ħaddieħor. Fil-prattika regolatorja tal-lum, spiss jiġi ssottovalutat l-iżgurar ta’ aċċess verament ekwivalenti minn operaturi alternattivi għan-netwerks eżistenti, iżda dan x'aktarx huwa l-aktar garanzija importanti għall-kompetizzjoni sostenibbli fin-netwerks eżistenti u f’dawk ġodda.

2) Intervent kbir wisq jillimita l-flessibbiltà – ħaġa li mbagħad tnaqqas il-firxa tas-servizzi li jkunu jistgħu jiġu offruti lill-konsumaturi differenti u l-kwalità ta’ dawn is-servizzi. B’mod speċjali fil-perjodu meta nkunu qed naqilbu minn teknoloġija għall-oħra, kemm l-operaturi eżistenti kif ukoll l-operaturi l-oħrajn jeħtieġ li jkunu kapaċi jesploraw possibbiltajiet ġodda. Se niffukaw kemm jista’ jkun fuq kwistjonijiet li huma essenzjali għall-kompetizzjoni b’saħħitha – ħaġa li potenzjalment tista’ tippermettilna nnaqqsu l-intervent regolatorju xi mkien ieħor.

3) Irridu nkunu konxji kemm tal-effetti diretti kif ukoll tal-effetti indiretti tar-regolazzjoni. Pereżempju, jekk nirregolaw il-prezzijiet tal-aċċess għar-ram, dan jista’ jaffettwa l-prezzijiet ta’ infrastrutturi oħrajn bħal fil-każ ta' netwerks ġodda tal-fibra jew l-aġġornamenti li jkunu bbażati fuq il-fibra (minn kwalunkwe tip ta’ operatur), il-kejbil u forsi wkoll l-infrastruttura mingħajr fili, u l-qligħ fuqhom. F’ċirkustanzi adegwati, nistgħu nibbenefikaw minn dan billi niffukaw ir-regolazzjoni tal-prezzijiet bl-ingrossa fuq il-prodotti ewlenin.

4) Għandna noqogħdu lura milli nagħżlu r-rebbieħa. “In-newtralità tat-teknoloġija” hija biss frażi oħra biex ngħidu li ma nistgħux inbassru b’ċertezza liema se jkunu l-aħjar soluzzjonijiet teknoloġiċi, jew kif dawn se jikkompetu ma’ xulxin u jinteraġixxu bejniethom. Soluzzjonijiet inkrementali jistgħu jgħinu biex tiġi indirizzata d-domanda baxxa fi żmien qasir – pereżempju, it-teknoloġija l-ġdida li tikkombina l-fibra u r-ram, jew l-aġġornament tal-kejbil tat-televiżjoni jistgħu jkunu kosteffettivi ħafna biex iwasslu kapaċità ogħla tat-tniżżil (downloading).

5) B’mod ġenerali, il-prezzijiet tal-aċċess bl-ingrossa rregolati għandhom iġibu żewġ is-sinjali għax-“xiri jew il-bini”. L-ispejjeż tas-sostituzzjoni jistgħu jagħtu lill-operaturi l-oħrajn inċentiv ċar biex jibnu n-netwerks tagħhom stess, u għalhekk jużaw l-assi tagħhom stess biex jixprunaw kompetizzjoni bbażata fuq l-infrastruttura, f’oqsma fejn jagħmel sens ekonomiku li wieħed jagħmel dan. F’oqsma oħrajn, l-operaturi alternattivi se jkomplu jkollhom aċċess bl-ingrossa għan-netwerks eżistenti u għalhekk il-konsumaturi jistgħu jiksbu servizzi kompetittivi.

6) L-istabbiltà regolatorja u l-konsistenza tul iż-żmien huma valur fihom infushom, u huma essenzjali biex tinbena l-fiduċja min-naħa tal-investituri kummerċjali u l-operaturi. Il-konsistenza fis-suq uniku kollu wkoll tifforma parti essenzjali mill-formola. L-approċċ tagħna għandu jinżamm matul iż-żmien, u għandu jkun konsistenti u affidabbli fit-tul, iżda jeħtieġ ukoll ikun flessibbli biżżejjed biex jadatta ruħu għal ċirkustanzi li qegħdin jinbidlu.

7) Il-kwistjoni dwar jekk żieda jew roħs fil-prezzijiet tal-aċċess għan-netwerks ibbażati fuq ir-ram tixprunax l-investiment fin-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss hi waħda kumplikata. Fatturi differenti joħolqu effetti differenti li jmorru kontra xulxin u jvarjaw fil-qawwa relattiva tagħhom, skont il-kuntest u fl-effett tagħhom fuq l-operaturi eżistenti u dawk alternattivi. F’Ottubru li għadda eżaminajna xi ideat dwar kif nistgħu nirrikonċiljaw dawn il-fatturi li jikkompetu ma' xulxin. L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali kienu mħassbin dwar il-fatt li approċċ li jgħaqqad il-prezz tal-aċċess għan-netwerks ibbażati fuq ir-ram mal-impenji tal-investiment fin-netwerks tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss ikun diffiċli li wieħed jinforzah fil-prattika u jkun miftuħ għall-użu ta’ strateġiji qarrieqa.

Aktar importanti, madankollu huwa li, wara li analizzajna l-evidenza kollha, u minħabba r-relazzjoni kompetittiva sinifikanti bejn in-netwerks ibbażati fuq ir-ram u n-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss, m’aħniex konvinti li tnaqqis gradwali fil-prezzijiet tal-aċċess għan-netwerks ibbażati fuq ir-ram se jixpruna l-investiment fl-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss. Fil-fatt, bħalissa qed naraw progress relattivament tajjeb fl-investiment fil-fibra f’xi Stati Membri fejn il-prezzijiet tal-aċċess għan-netwerks ibbażati fuq ir-ram huma bejn wieħed u ieħor bħall-prezz medju tal-UE jew ogħla minnu.

Il-passi li jmiss

Filwaqt li nqis dawn il-fatturi, beħsiebni noħroġ gwida regolatorja sostenibbli li għandha tapplika mill-inqas sal-2020. Din il-gwida se tagħmel tliet affarijiet ewlenin.

L-ewwel nett, qed nippjana li noħroġ rakkomandazzjoni dwar in-nondiskriminazzjoni. Din se tenfasizza l-fatt li l-ekwivalenza tal-fatturi hija l-aqwa garanzija kontra d-diskriminazzjoni biex ikun żgurat aċċess ekwivalenti.

Naturalment, din il-ħaġa tista’ tiswa ħafna flus fin-netwerks eżistenti. Għalhekk l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali se jkollhom iqisu bir-reqqa l-kwistjoni tal-proporzjonalità f’dawn il-każijiet, iżda, fil-fehma tiegħi, m’hemm l-ebda raġuni għalfejn m’għandux jintlaħaq dan l-istandard fis-sistemi l-ġodda, sabiex l-awtoprovvista u l-provvista lill-partijiet terzi jitqiegħdu f’kundizzjonijiet indaqs kemm jista' jkun f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prodotti tal-aċċess li jkunu jistgħu jitqabblu.

L-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jistabbilixxu l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni f’oqsma bħall-ordnijiet, il-kunsinna, it-tiswija tal-ħsarat u l-kwalità tas-servizz. Dawn għandhom ikunu appoġġati minn ftehimiet jew garanziji fil-livell tas-servizz u minn test tal-potenzjal għar-replikar tekniku u ekonomiku, sabiex ir-regolaturi jkunu jistgħu jiċċekkjaw li operatur effiċjenti jkun jista’ jikkompeti mal-prodott bl-imnut tal-operatur eżistenti abbażi tal-istess prodotti b’aċċess bl-ingrossa pprovduti. B’mod partikulari, il-potenzjal għar-replikar ekonomiku se jkun jeħtieġ test ex ante speċifikat kif xieraq tal-“pressjoni fuq il-marġni”. Din it-taħlita ta’ miżuri se tagħti garanziji alternattivi effettivi mingħajr ma jsir rikors għas-separazzjoni funzjonali, li, fil-fehma tagħna, għandha tibqa’ soluzzjoni li tintuża biss f’każ li wieħed ma jkollu assolutament l-ebda għażla oħra.

It-tieni nett, beħsiebni nipproponi rakkomandazzjoni separata dwar il-metodoloġija tal-kostijiet għall-prezzijiet bl-ingrossa rregolati tal-aċċess għan-netwerk, sabiex ikunu promossi l-konsistenza u l-istabbiltà fl-Ewropa. Għandha tkun tista’ sseħħ konverġenza gradwali, minħabba li ma narax raġuni għalfejn wieħed għandu jiddubita mis-sinjali tal-prezzijiet mibgħuta mill-prezz medju attwali tas-separazzjoni (unbundling) tar-ram fl-Ewropa (li huwa ta’ madwar EUR 9 fix-xahar), li madwaru jista’ jkun pjuttost normali li jkun hemm xi ftit varjazzjoni lokali.

B’mod ġenerali, l-aktar sinjali affidabbli għax-“xiri jew il-bini” biex wieħed jinvesti f’infrastruttura alternattiva effiċjenti jiġu minn metodu tal-kalkolu tal-ispejjeż inkrementali fuq medda twila taż-żmien, li jkun jinkludi ammont xieraq għall-ispejjeż komuni. Tabilħaqq, bosta regolaturi diġà jużaw dan l-approċċ jew varjant tiegħu. Barra minn hekk, “l-assi ekwivalenti modern” ix-xieraq sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż tal-aċċess għar-ram donnu li huwa netwerk tal-fibra – wara kollox, illum il-ġurnata l-ebda operatur m’hu se jibnilek netwerk tar-ram. Madankollu, maż-żmien il-konsumaturi se jibdew jagħtu iktar valur lil dak li jistgħu jiksbu min-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss: imbagħad il-prezzijiet tal-aċċess għan-netwerks ibbażati fuq ir-ram ikollhom jiġu adattati għal dan, abbażi tal-fatt li “wieħed iħallas ta’ dak li jieħu”. F’każijiet fejn in-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss għandhom il-prezzijiet irregolati, ir-regolazzjoni għandha tindirizza r-riskji għall-investiment billi timmira għal irkupru tal-ispejjeż kollha f’din it-tip ta’ infrastruttura, anke jekk l-ispejjeż jonqsu fil-ġejjieni.

Il-konsultazzjoni pubblika li għamilna analizzat ukoll jekk ċerti klassijiet tal-assi bħall-assi tal-inġinerija ċivili għandhomx ikunu suġġetti għal trattament differenti, kif isir f’ċerti Stati Membri, jew le. Innutajna li dik l-applikazzjoni fil-prattika f’dawk il-pajjiżi ma kkawżatx varjazzjoni sinifikanti mill-prezz medju attwali Ewropew tas-separazzjoni, li, bħalma għidt qabel, mhux qiegħed niddubitah.

It-tielet nett, dawn l-inizjattivi jipprovdu opportunità biex wieħed jimponi l-obbligi fejn dawn huma l-aktar utli għall-operaturi alternattivi u tal-anqas piż għall-attivitajiet kummerċjali normali tal-operaturi eżistenti. Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-2010 dwar in-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss tistabbilixxi l-prinċipju ġenerali ta’ aċċess bl-ingrossa għan-netwerks tal-operaturi li jiddominaw is-suq, li jkun orjentat lejn l-ispejjeż, suġġett għal ċerti eċċezzjonijiet.

Meta r-regolaturi jimponu l-kundizzjonijiet adegwati (l-obbligu għall-ekwivalenza tal-fatturi, it-test tal-potenzjal għar-replikar) u meta jkun hemm limitu kompetittiv sinifikanti (minn operaturi li għandhom aċċess orjentat lejn l-ispejjeż għan-netwerk tar-ram skont il-linji ta’ gwida tal-Kummissjoni, jew minn kompetituri oħrajn li jużaw infrastruttura oħra bħall-kejbil jew il-LTE), nipproponi li l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali ma jkollhomx għalfejn joqogħdu japplikaw l-orjentazzjoni lejn l-ispejjeż direttament għall-prodotti b’aċċess bl-ingrossa għan-netwerks ta’ aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Dawn il-kwistjonijiet mhux biss huma importanti, iżda huma kkumplikati wkoll u kien hemm bżonn ta’ kontribut sinifikanti min-naħa tal-partijiet interessati, u ta’ żmien għar-riflessjoni sabiex wasalt għal dawn il-konklużjonijiet. Iżda dawn ir-rakkomandazzjonijiet se jħeġġu lill-operaturi jinvestu, se jsaħħu l-kompetizzjoni fin-netwerks kollha u se jippermettu lill-operaturi alternattivi jikkompetu fuq iktar livelli, mhux biss dak tal-prezz.

Se nippreżenta dawn il-pjanijiet regolatorji lill-kollegi tiegħi fil-Kulleġġ mill-aktar fis possibbli fil-Ħarifa, sabiex ikunu jistgħu jivvalidawhom fil-qafas tal-analiżi ġenerali tiegħi ta’ kif l-aġenda diġitali tista’ ssir strateġija għat-tkabbir diġitali fl-Ewropa li tkun dejjem iktar iffukata.

Nixtieq li l-atturi industrijali kollha jirċievu sinjal ċar u tond li jistgħu jinvestu bi profitt fil-konnettività futura tal-Ewropa u li jistgħu jikkompetu abbażi tal-investiment tagħhom.

Miżuri addizzjonali

Flimkien mal-miżuri msemmija hawn, hemm pakkett ta’ miżuri oħrajn li, flimkien ma’ dawn, jistgħu jagħmlu lill-Ewropa l-kontinent konness. Dawn jinkludu:

  • l-appoġġ pubbliku, kemm jekk dan ikun ġej minn għajnuna mill-Istat mogħtija min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali jew lokali, kif ukoll jekk dan ikun ġej mill-finanzjament tal-UE bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jew mill-Fondi Strutturali. L-istrumenti finanzjarji innovattivi taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa jistgħu ixaqilbu l-bilanċ u jdaħħlu ħafna investituri oħra fis-suq. Għalhekk, il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u l-analiżi tagħha tal-linji ta’ gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-qasam tal-broadband huma importanti ferm sabiex tinkiseb taħlita tajba tal-politika;

  • miżuri sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż tal-adozzjoni tal-aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss. Aktar tard din is-sena, se nressaq proposta leġiżlattiva sabiex l-aħjar prattiki minn ċerti reġjuni jibdew jintużaw madwar l-UE kollha, bħal pereżempju użu mill-ġdid aħjar u qsim tal-infrastruttura tat-tubi fis-setturi kollha u ħruġ iktar faċli tal-permessi;

  • se nkompli nimplimenta l-programm tal-politika tal-ispettru tar-radju sabiex ikun hemm adozzjoni rapida tan-netwerks 4G mingħajr fili. B’mod partikulari, il-gvernijiet nazzjonali jridu jipprovdu biżżejjed spettru bi prezzijiet li ma jkunux tal-konfiska;

  • fl-aħħarnett, jeħtieġ li nibnu suq diġitali uniku ħaj għall-kontenut li jkun onlajn u servizzi u applikazzjonijiet ġodda li jiġbdu n-nies lejn il-benefiċċji ta’ aċċess aktar mgħaġġel għall-internet. Fl-aħħar mill-aħħar, hija d-domanda tal-konsumaturi li se tagħmel l-investiment fin-netwerks inqas riskjuż u aktar vantaġġuż. Il-proposta li ressaqna lbieraħ dwar il-ħruġ ta’ liċenzji multiterritorjali marbutin mad-drittijiet tal-awtur (IP/12/772) hija l-ewwel pass ta’ analiżi aktar ġenerali ta’ kif ir-regoli tagħna tad-drittijiet tal-awtur jaħdmu fl-era diġitali. Diġà għandna proposti leġiżlattivi ambizzjużi dwar il-protezzjoni tad-dejta, is-soluzzjoni tat-tilwim onlajn, it-termini tal-kuntratti tal-bejgħ onlajn u l-identità elettronika; u dalwaqt se nadottaw strateġija għall-“cloud computing”, inizjattivi dwar il-ħlas onlajn u d-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku, elementi tal-politika għat-televiżjoni konnessa, linji ta’ gwida dwar in-newtralità tal-internet, leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà tan-netwerk u ħafna miżuri oħrajn.

Ħoloq utli

Is-sit tal-internet tal-aġenda diġitali.

Is-sit tal-internet ta’ Neelie Kroes.

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website