Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-10 ta' Lulju 2012

L-istaġun tal-btajjel: Suġġerimenti utli għal sajf mingħajr inkwiet.

Bil-ftuħ diġà tal-istaġun tal-vaganzi u b’miljuni ta’ Ewropej bil-ħsieb li jivvjaġġaw ġewwa u barra mill-Unjoni Ewropea, hemm ċerti konsiderazzjonijiet tal-ivvjaġġar li kull Ewropew għandu jkun konxju tagħhom. Dawn il-pariri jikkonċernaw l-assigurazzjoni tas-saħħa, is-soluzzjoni ta’ tilwim mal-operatur fuq is-safar jew is-safar b’annimali domestiċi u jipprovdu viżjoni utli dwar il-modi kif l-UE qiegħda taħdem biex tgħin u tassisti lill-vjaġġaturi tal-UE.

Min jista’ jgħini jekk ikolli xi emerġenza medika?

Qiegħed tippjana biex tivvjaġġa fl-UE, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja jew l-Iżvizzera? Jekk inhu hekk, tinsiex il-Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) warajk. Din il-karta tista' tiffrankalek il-ħin, il-problemi u l-flus jekk timrad jew tkorri waqt li tkun imsiefer. Il-karta tinħareġ – bla ħlas – mill-fornituri tal-assigurazzjoni tas-saħħa nazzjonali. Din tiżgura aċċess għal trattament urġenti bl-istess kundizzjonijiet u spejjeż (b'xejn f'xi pajjiżi) bħall-persuni assigurati f'dak il-pajjiż.

Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559

Hemm gwida prattika, li issa hija disponibbli bħala applikazzjoni għall-ismartphones, dwar kif tintuża din il-Karta fis-27 pajjiż tal-UE, fl-Iżlanda, fil-Liechtenstein, fin-Norveġja u fl-Iżvizzera. Din fiha tagħrif ġenerali dwar il-karta, in-numri tat-telefown tal-emerġenza, it-trattamenti koperti u l-ispejjeż, kif jintalab ir-rimborż u l-punt tal-kuntatt fil-każ li tintilef il-karta. L-applikazzjoni hija disponibbli f’24 lingwa.

Niżżel l-applikazzjoni tal-"Karta tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa tal-Unjoni Ewropea (EHIC) " għall-ismartphone tiegħek:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=559

Lil min għandi nsejjaħ fil-każ ta’ emerġenza?

112 huwa n-numru uniku għall-emerġenzi Ewropew, aċċessibbli kullimkien fl-UE, mit-telefown fiss u l-mowbajls, mingħajr ħlas. In-numru 112 jgħaqqad lil min qed iċempel mas-servizz relevanti ta' emerġenza (il-pulizija lokali, tat-tifi tan-nar jew is-servizzi mediċi) u huwa disponibbli 24 siegħa kuljum. Il-112 issa jiffunzjona fl-istati membri kollha tal-UE flimkien ma’ numri ta’ emerġenza nazzjonali eżistenti (bħalma huma d-999 jew il-110). Id-Danimarka, il-Finlandja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Iżvezja wkoll iddeċidew li jagħmlu n-numru 112 in-numru ta' emerġenza nazzjonali tagħhom uniku jew prinċipali. In-numru 112 qed jintuża wkoll fi ftit pajjiżi barra mill-UE bħal pereżempju fil-Kroazja, fil-Montenegro u fit-Turkija.

Għal aktar tagħrif: http://ec.europa.eu/information_society/activities/112/index_en.htm

Se nivvjaġġa barra mill-Ewropa iżda pajjiżi ma għandux ambaxxata jew konsulat fid-destinazzjoni tiegħi. Lil min għandi nikkuntattja jekk ikolli bżonn l-għajnuna?

Bħala ċittadin ta’ Stat Membru tal-UE, int awtomatikament ċittadin tal-UE, għalhekk intitolat għall-għajnuna konsulari jekk int barra mill-UE (anki jekk pajjiżek ma jkunx rappreżentat). Tista’ tmur għand kwalunkwe konsulat jew ambaxxata ta’ Stat Membru ieħor tal-UE biex titlob l-għajnuna, pereżempju jekk tiġi arrestat, ikollok inċident serju jew titlef xi dokumenti importanti.

Inti intitolat ukoll għal għajununa f’sitwazzjonijiet ta' kriżi: Meta jinqala’ l-bżonn, l-Istati Membri tal-UE jridu jgħinu liċ-ċittadini jevakwaw daqslikieku kienu ċ-ċittadini tagħhom stess.

Tista’ tiskopri jekk pajjiżek hux rappreżentat fil-pajjiż li qed iżżur fuq il-websajt tal-protezzjoni konsulari tal-Kummissjoni Ewropea: http://ec.europa.eu/consularprotection

Lil min għandi nsejjaħ jekk it-tfal tiegħi jiġu nieqsa?

L-Unjoni Ewropea qablet fuq numru komuni tal-helpline (116 000) biex ikunu rrapportati tfal li jiġu nieqsa fi kwalunkwe stat mis-27 Stat Membru tal-UE. Sew jekk inti ġenitur li wildek ġie nieqes, sew jekk int tifel li ntlift jew ħrabt, u sew jekk int persuna li għandek informazzjoni dwar tfal nieqsa, int tista’ ċċempel dan l-istess numru li jqabbdek ma’ organizzazzjoni bl-esperjenza li kapaċi tipprovdi appoġġ u għajunua prattika, kemm psikoloġika, legali jew amministrattiva.

Hemm aktar informazzjoni fuq:

http://www.hotline116000.eu/

Matul il-btajjel tiegħi, kelli problemi ma’ linja tal-ajru, kumpanija tal-kiri tal-karozzi jew operatur turistiku. Min jista’ jgħini?

Jekk ikolli kanċellazzjonijiet jew dewmien fit-titjiriet jew il-vjaġġi tat-tren …

Jekk ikollok problemi ma’ kumpanija tal-ajru skedata jew charter (bħalma huma kanċellazzjonijiet jew dewmien), għandek drittijiet speċifiċi skont ir-Regolament dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru tal-UE.

Hemm aktar informazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ajru tal-UE fuq:

http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/en/03-air.html

Jekk għandek problema b’tibdil fil-ħinijiet jew kanċellazzjonijiet ta' tluq ta' trenijiet, int tingħata drittijiet speċifiċi skont ir-regolament dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferroviji tal-UE. Meta tkun qed tivvajġġa fuq servizz internazzjonali tal-ferroviji, int tibbenefika minn regoli komuni fl-UE.

Hemm aktar informazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Passiġġieri tal-Ferroviji tal-UE fuq:

http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/en/13-rail.html

Jekk ikolli problemi bix-xarabank jew il-vjaġġi tad-dgħajjes …

Diġà ġiet adotta leġiżlazzjoni ġdida tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tax-xarabank u l-vjaġġi tad-dgħajjes u se tidħol fis-seħħ f’Diċembru 2012 u Marzu 2013, rispettivament. Is-sajf li ġej, tkun tista’ tgawdi id-drittijiet tiegħek li huma simili għal dawk stabbiliti fis-settur tal-ajru u l-ferrovija.

Jekk għandek bżonn ta’ aktar għajnuna, tista’ tmur għal parir għand l-organizzazzjoni tal-konsumatur nazzjonali tiegħek. Hemm lista ta’ kuntatti fuq: http://ec.europa.eu/consumers/empowerment/cons_networks_en.htm#national

Liema dispożizzjonijiet speċifiċi japplikaw jekk jien persuna b’diżabilità?

Ġiet stabbilita leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-UE li tipproteġi lil persuni b’diżabilità u persuni b’mobilità mnaqqsa minn diskriminazzjoni fl-ivvjaġġar bl-ajru jew it-tren, biex tippermettilhom li jkollhom l-istess aċċess għall-mobilità bħaċ-ċittadini l-oħra.

Tista’ tiċċekkja l-links li ġejjin għall-informazzjoni kollha:

bl-ajru: http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/en/03-air.html

bit-tren: http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/en/13-rail.html

Jekk ma tistax issolvi l-ilment ma kumpanija bbażata f’pajjiż ieħor tal-UE, iċ-Ċentru Ewropew tal-Konsumatur f’pajjiżek jista' jgħinek fil-każ tiegħek.

In-Netwerk Ewropew għaċ-Ċentri tal-Konsumatur (ECC-Net) huwa netwerk mifrux mal-UE kollha kosponsorizzat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Dan hu magħmul minn 29 ċentru, wieħed f’kull wieħed mis-27 Stat Membru tal-UE u kif ukoll fl-Islanda u n-Norveġja. L-ECCs jistgħu joffru pariri legali u prattiċi, jgħinu bħala medjaturi ma’ kumpanija f’pajjiż Ewropew ieħor, jew jipproponu soluzzjonijiet oħra.

Aktar dwar l-ECC-Net, inklużi d-dettalji ta’ kuntatt: http://ec.europa.eu/consumers/ecc/index_en.htm

Niżżel l-applikazzjoni! Drittijietek dejjem fuqek.

Jekk int tuża l-ismart-phone tista’ tniżżel l-applikazzjoni l-ġdida dwar id-drittijiet tal-passiġġiera u għandek l-informazzjoni kollha l-ħin kollu.

Biex tniżżel l-applikazzjoni jekk jogħġbok segwi dan il-link:
http://ec.europa.eu/transport/passenger-rights/en/mobile.html

Ibbukkjajt package holiday iżda l-operatur tiegħi falla. Nista’ nieħu rifużjoni?

Id-Direttiva dwar il-Vjaġġi Kollox Kompriż tipproteġi l-konsumaturi Ewropej li jmorru fuq btala u tkopri package holidays rranġati minn qabel li jikkombinaw tal-inqas tnejn minn dawn li ġejjin: (1) it-trasport, (2) l-akkomodazzjoni (3) servizzi turistiċi, bħalma huma ż-żjajjar f’postijiet ta’ interess turistiku (mibjugħin inklużi fil-prezz).

Id-Direttiva tipprovdi l-protezzjoni li tkopri: it-tagħrif li hemm fil-fuljetti, id-drittijiet li wieħed iħassar mingħajr ma jħallas penali, ir-responsabbiltà għas-servizzi (pereżempju, lukandi ta’ standard baxx iżżejjed) u l-protezzjoni fil-każ li operatur turistiku jfalli jew kumpanija tal-ajru tfalli.

Fil-btajjel tiegħi ħadt gost ħafna tant li qed nitħajjar nixtri timeshare fl-istess kumpless. X’inhuma r-regoli?

Grazzi għal regoli ġodda tal-UE li issa huma fis-seħħ fis-27 Stat Membru kollha (IP/12/528), il-bejjiegħa tat-timeshares għandhom jipprovdu tagħrif dettaljat lill-klijenti f’ħin xieraq, qabel ma l-konsumatur jintrabat bi kwalunkwe kuntratt, inkluż il-prezz li jrid jitħallas, deskrizzjoni tal-prodott u l-perjodu eżatt u t-tul tas-soġġorn li l-konsumatur huwa intitolat għalih skont il-kuntratt. Din l-informazzjoni għandha tingħata fil-lingwa tal-klijent stess, jekk dan jagħżel hekk.

Ir-regoli jiżguraw ukoll li l-klijenti jkunu jistgħu jirtiraw minn kuntratt fil-perjodu "cooling-off" ta’ 14-il jum kalendarju u li n-negozjanti ma jkunux jistgħu jitolbu lill-klijenti xi forma ta' ħlas bil-quddiem jew depożitu matul dak il-perjodu. Qabel il-konklużjoni tal-kuntratt, in-negozjant jeħtieġlu li espliċitament jiġbed l-attenzjoni tal-konsumatur għall-eżistenza tad-dritt għall-irtirar, it-tul tal-perjodu ta’ rtirar u l-projbizzjoni fuq il-ħlas bil-quddiem tul il-perijodu ta’ rtirar.

Kontijiet tat-telefon eżorbitanti jħassru l-baġit tiegħi tal-btala. Kif nista’ nnaqqashom filwaqt li qed nivvjaġġa?

Ir-Regolament il-ġdid tar-roaming bil-mowbajl daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012. L-aħbar ewlenija hija li hemm massimi fissi għall-prezzijiet tal-mobile internet roaming. Dan huwa r-roaming għall-ġenerazzjoni tal-ismart-phone. Madankollu, il-konsumaturi għandhom jagħżlu bir-reqqa l-offerti tad-dejta. Pereżempju, il-ħlas ta EUR 2 jew EUR 3 kuljum għal roaming tad-dejta bla limitu jista’ jidher bħala offerta tajba, iżda fil-fatt l-konsumatur ikollu jħallas sew jekk juża din d-dejta u sew jekk le. Għalhekk għal dawk li jniżżlu ammonti iżgħar ta dejta, il-massimi fissi tal-prezzijiet huma xibka ta sikurezza. Il-prezzijiet għal sejħiet tal-vuċi u messaġġi testwali waqgħu wkoll – għal inqas minn spejjeż tipiċi domestiċi. Skont dawn ir-regoli l-ġodda, il-ħlasijiet huma kif ġejjin:

  • 29 ċenteżmu kull minuta biex tagħmel telefonata, VAT mhux inkluża

  • 8 ċenteżmi kull minuta biex tirċievi telefonata, VAT mhix inkluża

  • 9 ċenteżmi biex tibgħat messaġġ, VAT mhix inkluża

  • 70 ċenteżmu kull Megabyte (MB) għat-tniżżil ta' dejta jew għall-ibbrawżjar fuq l-internet waqt l-ivvjaġġar barra l-pajjiż (ħlas impost għal kull Kilobyte użat), VAT mhux inkluża.

Biex tkun af aktar dwar ir-regolament dwar ir-roaming jew issib l-operatur tiegħek u t-tariffi tiegħu, mur fuq:

http://ec.europa.eu/information_society/activities/roaming/index_en.htm

X’għandi nkun naf jekk irrid intella’ l-annimal domestiku tiegħi (qattus, kelb jew nemes) għal btala fl-UE?

Ċittadin tal-UE li qed jivvjaġġa fl-UE: Huwa possibbli li tivvjaġġa fl-UE bl-annimal domestiku tiegħek: hemm bżonn biss li żżomm xi ftit punti f'moħħok. Fuq il-passaport tal-annimal domestiku tiegħek għandu jitniżżel tilqim kontra l-marda tar-rabja validu meta tkun qed tivvjaġġa bil-kelb tiegħek lejn pajjiż tal-UE ieħor. Madankollu, jekk tivvjaġġa lejn l-Irlanda, il-Finlandja, Malta jew ir-Renju Unit l-annimal domestiku tiegħek jeħtieġ ukoll li jgħaddi minn trattament kontra l-parassiti. Dawn ir-regoli huma applikabbli biss għall-klieb, il-qtates u l-inmsa domestiċi. Għal klieb jew qtates żgħar jew kwalunkwe tip ieħor ta’ annimal domestiku, huwa rakkomandabbli li tivverifika mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż tal-UE li int qed tippjana li żżur biex issib il-kondizzjonijiet speċifiċi li dan jistabbilixxi għall-ivvjaġġar lejn dak il-pajjiż bl-annimal domestiku tiegħek.

Għal aktar informazzjoni:
http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/pets/nat_rules_dogscatferret_en.htm

Ċittadin tal-UE li jirritorna lejn pajjiżu minn barra l-UE: Passaport għall-annimali domestiċi jintuża għall-annimali domestiċi li jivvjaġġaw fil-pajjiżi tal-UE jew jirritornaw lura lejn pajjiżhom minn barra l-UE. Skont id-destinazzjoni tal-btala tiegħek, l-annimal domestiku tiegħek jista’ jkun meħtieġ li, minbarra t-tilqim kontra l-marda tar-rabja, isirulu t-testijiet u jistenna għal tliet xhur qabel ma jidħol fl-UE.

Jekk inti resident ta’ Andorra, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, Monako, in-Norveġja, San Marino, l-Isvizzera u l-Istat tal-Belt tal-Vatikan u għandek passaport għall-annimal domestiku tiegħek, inti intitolat li tivvjaġġa bl-annimal domestiku tiegħek fl-UE.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/food/animal/liveanimals/pets/index_en.htm

Matul iż-żjara tiegħi, liema tip ta’ ħut nista’ niekol?

Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet riforma sħiħa tal-Politika Komuni tas-Sajd tal-UE, biex tagħmel is-sajd sostenibbli sabiex ikun żgurat futur għall-industrija tas-sajd fl-UE, tipproteġi l-ambjent marittimu u jkun hemm biżżejjed ħut għall-ġenerazzjonijiet futuri. Bħalissa l-Parlament Ewropew u l-Kunsill qegħdin jiddiskutu dawn il-proposti. Iżda filwaqt li dawk li jfasslu l-politika jiddiskutu biex jagħmlu tibdil għall-aħjar, int tista wkoll tagħmel il-parti tiegħek bħala konsumatur billi tistaqsi għal ħut sostenibbli.

Agħżel il-ħut tiegħek bil-għaqal. Globalment, tnejn minn kull tliet ħażniet ta’ ħut huma mistada żżejjed. Dawn jikkostitwixxu 80 % ta' ħażniet tal-Meditterran u nofs il-ħażniet tal-Atlantiku. Kull meta tixtri l-ħut, l-għażla tiegħek tgħodd. Għandek il-kapaċità tal-akkwist biex tagħmel id-differenza.

Int x'tista' tagħmel? Tistaqsi lill-bejjiegħ tal-ħut, lill-bejjiegħ bl-imnut jew lil sid ir-restorant dwar il-ħut li jbigħu jew tfittex dwaru f’xi gwida dwar l-ikel tal-baħar. Bosta organizzazzjonijiet jipproduċu gwidi għal pajjiżi differenti fl-UE, fejn jelenkaw il-prodotti tal-baħar rakkomandati.

Inti dejjem tixtri l-istess tip ta’ ħut? Domanda għolja għal ċerti speċijiet ta’ ħut u ikel tal-baħar tista’ twassal għal sajd żejjed. B’kuntrast, speċijiet ħafna anqas magħrufa huma ħafna iżjed abbundanti. Ħares lil hinn mill-għażliet tas-soltu u pprova xi ħaġa ġdida biex tbiddel. Il-btajjel huma żmien tajjeb biex tesperimenta!

Għal aktar tagħrif, żur il-websajt "Choose your fish".

Nista’ nġib miegħi xi laħam jew ġobon mill-btajjel tiegħi barra?

Meta tirritorna lura f’pajjiżek minn ħafna mill-pajjiżi barra mill-UE, huwa illegali li ġġib lura xi laħam jew prodotti tal-ħalib, sew jekk dawn huma għalik u sew jekk dawn huma rigal għall-oħrajn.

Ftit pajjiżi ġirien huma esklużi. Pereżempju, jekk inti qed tirritorna mill-Kroazja, mill-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja jew l-Islanda tista ddaħħal lura inqas minn 10 kilos ta' ċerti prodotti ta oriġini mill-annimali. Hemm ukoll xi ftit eċċezzjonijiet oħra: waħda, pereżempju, tikkonċerna l-ħalib tat-trab tat-trabi, l-ikel tat-trabi u l-ikel speċjali jew l-ikel tal-annimali domestiċi meħtieġa għal raġunijiet mediċi. Dawn il-prodotti, madankollu, għandhom ikunu f’ippakkjar issiġillat u ma għandhomx ikunu jiżnu aktar minn żewġ kilos jew jeħtieġu refriġerazzjoni qabel jinfetħu.

Tista’ wkoll iġġib miegħek ċerti ħut u frott tal-baħar sakemm ma jaqbżux piż ta’ 20 kilo, ħlief mill-Gżejjer Faeroe jew l-Islanda fejn ma japplikaw l-ebda restrizzjonijiet ta’ piż. Prodotti tal-annimali oħrajn, bħall-għasel, għandhom ukoll restrizzjoni ta piż ta żewġ kilos.

Meta tittrasporta prodotti tal-annimali bejn il-pajjiżi fl-UE, dawn ir-regoli ma japplikawx. Lanqas ma japplikaw jekk inti ġej minn Andorra, il-Liechtenstein, in-Norveġja, San Marino jew l-Iżvizzera.

Aktar restrizzjonijiet jistgħu japplikaw fil-każ ta’ mard tal-annimali infettiv fil-pajjiżi terzi.

Fil-każ ta’ dubju, huwa rakkomandat li tiċċekkja mas-servizz veterinarju fil-punt tad-dħul fl-UE (l-ajruport, il-port, it-triq, eċċ.).

Huwa importanti li niftakru illi dawn ir-regoli jeżistu sabiex tkun protetta s-saħħa tiegħek u s-saħħa tal-annimali tal-UE minn mard serju tal-annimali.

Għal aktar informazzjoni, iċċekkja l-websajt dwar l-ivvjaġġar Europa! http://europa.eu/youreurope/citizens/travel/index_en.htm

Għal iktar mistoqsijiet komuni:

http://europa.eu/youreurope/citizens/travel/faq/index_en.htm#need-help

Jekk tixtieq tistaqsi mistoqsija oħra, tista’ tagħmel dan fuq dan l-indirizz:

http://europa.eu/youreurope/citizens/help/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website