Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ir-Regolament Finanzjarju: X'hemm ġdid għall-benefiċjarji tal-fondi tal-UE?

European Commission - MEMO/12/501   27/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2012

Ir-Regolament Finanzjarju: X'hemm ġdid għall-benefiċjarji tal-fondi tal-UE?

Għaliex kien meħtieġ li jinbidlu r-regoli baġitarji u r-regoli dwar l-infiq fir-Regolament Finanzjarju?

Il-Kummissjoni tevalwa kontinwament il-mod kif tmexxi l-fondi tal-UE, filwaqt li tqis it-tagħlimiet meħuda mill-passat, il-feedback li tirċievi mingħand l-utenti finali u l-partijiet interessati, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu mmodernizzati r-regoli finanzjarji. Hemm ukoll rekwiżit formali li jistabbilixxi li għandha ssir reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju u tar-Regoli ta' Implimentazzjoni tiegħu mill-inqas darba kull tliet snin.

Barra minn hekk, l-isfida biex tingħeleb il-kriżi ekonomika tinkludi kunsiderazzjonijiet dwar kif il-fondi tal-UE jistgħu jintużaw b’mod aktar sempliċi, b'aktar responsabbiltà u b'mod aktar effettiv u effiċjenti.

Fl-aħħar, il-modifiki introdotti ġejjin fl-aħjar żmien possibbli kemm għall-benefiċjarji kif ukoll għall-awtoritajiet tal-iffinanzjar, qabel it-tnedija tal-programmi tan-nefqa bħala parti mill-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss għall-perjodu 2014-2020, li qed jiġi diskuss preżentement.

X’inhuma l-għanijiet ta' din ir-reviżjoni?

L-UE qed timmodernizza l-proċeduri finanzjarji tagħha sabiex tikkontribwixxi aħjar għall-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. Inġenerali, il-bidliet jiffokaw fuq tliet oqsma:

1. Is-simplifikazzjoni: li titnaqqas il-burokrazija, li jitħaffu l-proċeduri u li ssir enfasi fuq il-prestazzjoni aktar milli fuq ix-xogħol klerikali;

2. Ir-responsabbiltà: li jiġu żgurati ġestjoni finanzjarja soda u aħjar u protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

3. L-innovazzjoni: li jiġu introdotti mekkaniżmi finanzjarji li se jippermettu l-mobilizzazzjoni ta' fondi ta' parti terza bħala ingranaġġ fuq il-fondi tal-UE.

Xi wħud mill-affarijiet il-ġodda…

Bidla fis-sistema tal-għotjiet fejn l-enfasi ma tibqax fuq ir-rimborż għall-pretensjonijiet ta' spiża iżda tkun fuq il-ħlasijiet għat-twassil ta' riżultati: ammonti f’daqqa, rati fissi, spejjeż unitarji

Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, l-għotjiet tal-UE huma rimborżi ta' sehem tal-ispejjeż attwali li jkun ġarrab il-benefiċjarju, u dan jinvolvi xogħol klerikali li jieħu ħafna ħin kemm għall-benefiċjarju, li jrid jelenka n-nefqiet kollha tiegħu, kif ukoll għall-Kummissjoni, li mbagħad trid tivverifika l-proġett mhux biss abbażi tat-twassil tar-riżultati, iżda wkoll abbażi tal-eliġibbiltà tal-ispejjeż kollha ddikjarati.

Is-simplifikazzjoni tikkonċerna l-aktar l-alternattivi għall-ispejjeż attwali, jiġifieri l-ammonti f’daqqa (ħlasijiet abbażi tat-twassil ta' riżultati), ir-rati fissi (perċentwali li jkopru ċerti kategoriji tal-ispejjeż) u l-ispejjeż unitarji (rati għal kull unità, pereżempju għal kull persuna/jum):

  • se jiġi abolit il-limitu massimu għal kull ħlas ta' ammont f'daqqa (li attwalment huwa ta' EUR 25,000); minflok, il-Kummissjoni se tistabbilixxi l-ammonti skont in-natura tal-programm;

  • se jkun possibbli li jintlaħaq ftehim mal-benefiċjarji li l-ammonti f’daqqa, ir-rati fissi u l-ispejjeż unitarji jiġu kkalkolati fuq il-bażi tad-dejta storika tal-benefiċjarji stess jew tal-prattiki kontabilistiċi tas-soltu. Dan huwa b’mod partikolari l-approċċ għall-hekk imsejħa spejjeż medji tal-persunal fil-finanzjament għar-riċerka;

  • f'każ ta' entitajiet li ma jirċevux salarju regolari, bħal sidien ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) jew dawk li jaħdmu għal rashom, l-ispejjeż unitarji jistgħu jiġu stabbiliti (eż. rata għal kull ġurnata) bħala bażi għall-ħlas.

Permezz ta' użu akbar ta' dawn il-formoli iktar sempliċi l-enfasi mhux se tibqa' fuq il-ġustifikazzjoni tal-ispejjeż iżda se tkun fuq id-demostrazzjoni tar-riżultati li jintlaħaq ftehim dwarhom tal-attività li għaliha jintużaw kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE.

Skadenzi iqsar għall-ħlas

Il-benefiċjarji se jkunu intitolati li jirċievu l-flus dovuti lilhom fi żmien l-iskadenzi ta' 30, 60 jew 90 jum skont kemm ikun eżigenti l-ittestjar tar-riżultati skont l-obbligi kuntrattwali. Filwaqt li għalissa l-Kummissjoni tapplika minn jeddha skadenzi simili, id-dispożizzjonijiet il-ġodda se jkunu maħsuba biex meta tinqabeż skadenza l-benefiċjarju jiġi intitolat għal imgħax fuq ħlas tard.

Il-mira taż-żmien sa meta ssir l-għotja u skadenza indikattiva

Is-sejħiet għal proposti se jindikaw id-data ppjanata li fiha se jiġu kkomunikati r-riżultati tal-evalwazzjoni lill-applikanti. Normalment din id-data trid tkun fi żmien sitt xhur mill-għeluq tas-sejħa. Is-sejħa se tindika wkoll id-data ppjanata għall-konklużjoni tal-ftehimiet dwar l-għotjiet (jew għan-notifika tad-deċiżjonijiet dwar l-għotjiet) lill-applikanti li jirnexxu. Normalment din id-data trid tkun fi żmien tliet xhur wara l-komunikazzjoni tar-riżultati tal-evalwazzjoni.

L-Uffiċjal tal-Kummissjoni inkarigat (deskritt fir-Regolament Finanzjarju bħala l-"uffiċjal awtorizzanti b’delega", li normalment ikun id-Direttur Ġenerali) irid jiġġustifika għaliex il-biċċa l-kbira tal-iskadenzi indikattivi ma jkunux ġew irrispettati u, fejn meħtieġ, jipproponi rimedji fir-rapport ta' attività annwali tiegħu. Din id-dispożizzjoni għandha tħaffef l-evalwazzjoni u l-fażijiet ta' konklużjoni tal-kuntratti tal-proġetti.

It-tneħħija tal-obbligu li jiġi ġġenerat imgħax fuq il-"prefinanzjament" u li jiġi rritornat l-imgħax

Il-benefiċjarji tal-fondi tal-UE mhux se jibqgħu jkunu obbligati jiftħu kontijiet tal-bank separati li jrendu l-imgħax. Barra minn hekk, anke jekk jiġi ġġenerat l-imgħax, dan la se jkollu għalfejn jiġi rritornat lill-Kummissjoni tal-UE, u lanqas mhu se jingħadd bħala dħul tal-proġett.

B'dan il-mod, se jiġi fix-xejn il-piż amministrattiv li ta' spiss kien jiġi kkritikat mill-benefiċjarji tal-għotjiet u mill-partijiet interessati matul il-konsultazzjoni pubblika li saret fl-2009 qabel il-proposta tal-Kummissjoni tal-2010, partikolarment minn komunitajiet involuti fir-riċerka (eż. EARTO, FFG) u mill-NGOs (eż. Euclid Network, TSEN, VOICE).

Rekwiżiti amministrattivi inqas stretti għal grupp akbar ta' għotjiet ta' valur baxx

Il-benefiċjarji li japplikaw għal għotjiet ta' mhux aktar minn EUR 25,000 huma diġà eżentati milli jissottomettu ċerti dokumenti. Dan il-limitu se jiġi miżjud għal EUR 60,000.

Ma jistgħu jintalbu l-ebda garanziji fuq il-prefinanzjament għal għotjiet bħal dawn; l-istatus legali tal-benefiċjarju kif ukoll l-kapaċità finanzjarja u operattiva tiegħu se jiġu pprovati permezz ta' dikjarazzjoni solenni, mingħajr ma jkun hemm bżonn li dan jipprovdi dokumenti ta' sostenn, u mingħajr ma jintalbu ċertifikati li jindikaw li l-benefiċjarju ma jkunx f’sitwazzjoni ta' esklużjoni. Barra minn hekk, għal għotjiet bħal dawn, ma japplikax il-prinċipju tan-nuqqas ta' profitt.

Dawn l-ammonti japplikaw għal kull benefiċjarju, u jistgħu jkunu rilevanti għal azzjonijiet li jkunu jinvolvu diversi benefiċjarji li jaħdmu permezz ta' konsorzju.

Aktar simplifikazzjoni u flessibbiltà fir-regoli dwar l-għotjiet

Bħalissa, l-hekk imsejħa "għotjiet f'kaskata" (sub-granting), meta benefiċjarju ta' għotja aktar tard jagħżel benefiċjarji oħra fis-sejħa tiegħu stess għall-offerti, għandhom limitu massimu għall-ammont totali li jista' joħroġ mill-għotja "f'kaskata", li għaldaqstant jillimita l-possibbiltà li jiġu involuti sieħba b'kompetenzi esperti speċifiċi li ma jkunux ġew identifikati fil-bidu tal-proċess. Dan il-limitu se jitneħħa.

Il-VAT u l-fondi tal-UE

Fil-prinċipju, ir-regola attwali li l-VAT tista' ssir eliġibbli jekk ma tiġix irkuprata skont il-leġiżlazzjoni tal-VAT, se tinżamm. Madankollu, l-entitajiet pubbliċi se jitħallew jinkludu l-VAT bħala eliġibbli f'dawk l-azzjonijiet fejn huma ma jkunux involuti bħala awtoritajiet pubbliċi.

Id-definizzjoni ta' profitt f'għotja hija spjegata aħjar meta jitqiesu d-diskussjonijiet mal-partijiet interessati. Il-profitt huwa l-bilanċ pożittiv tal-irċevuti ta' azzjoni fuq l-ammont tal-ispejjeż eleġibbli tagħha. Il-Kummissjoni se tirkupra biss sehem tal-profitt li jikkorrespondi mas-sehem tal-UE fl-iffinanzjar tal-azzjoni.

Ir-regoli dwar il-kontribuzzjonijiet in natura, li jistgħu jintużaw biex jiġi muri l-kofinanzjament, se jsiru aktar utilizzabbli, partikolarment għall-għotjiet taħt is-EUR 60,000.

Fir-rigward tal-għotjiet operattivi, mhux se jkun hemm aktar għalfejn jitnaqqsu gradwalment. Barra minn dan, il-bini ta' riżerva minn benefiċjarju ta' għotja operattiva mhux se jingħadd għall-ikkalkular tal-profitt.

L-akkwist

Ir-regoli dwar l-akkwist huma ġeneralment ibbażati fuq id-Direttivi tal-UE dwar l-Akkwist. Għalhekk, il-possibbiltà li jsiru xi bidliet hija pjuttost limitata:

  • Mhux se jintalbu garanziji fl-oqsma kollha; minflok, dan se jkun jiddependi fuq valutazzjoni tar-riskji;

  • Il-proċeduri taħt il-livelli limiti tad-Direttivi tal-UE dwar l-Akkwist huma ssimplifikati;

  • Il-proċedura tal-akkwist konġunt mhux se tibqa' possibbli għall-Istati Membri biss, iżda se tkun miftuħa wkoll għall-Istati tal-EFTA u għall-pajjiżi kandidati, sakemm dan ikun previst fi ftehim internazzjonali.

L-għodod tal-informatika

Il-mezzi elettroniċi għandhom jintużaw dejjem aktar għall-komunikazzjoni mal-benefiċjarji u ma' awtoritajiet oħra. Ġew miżjuda għadd ta' dispożizzjonijiet konkreti, pereżempju fil-kuntest tal-għotjiet u l-akkwisti, biex tiġi mħeġġa komunikazzjoni aktar malajr, li sseħħ mingħajr l-użu ta' karti.

Amministrazzjoni tajba u r-rimedju

Fil-ġejjieni, il-proposti jew l-offerti li għalihom ma jkunux ġew ippreżentati d-dokumenti kollha jew fejn dawn ma jkunux ċari, mhux se jibqgħu jiġu miċħuda awtomatikament. L-applikanti se jkollhom l-opportunità li jipprovdu l-informazzjoni li tkun nieqsa jew li jagħtu kjarifiki sakemm dan ma jbiddilx il-proposta jew l-offerta. Apparti dan, att min-naħa tal-awtorità tal-iffinanzjar li jkollu effett ħażin fuq xi ċittadin, se jkollu jinkludi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet biex ifittex rimedju għall-kontestazzjoni tal-att inkwistjoni.

X'jista' jsir biex is-sistema ta' kontroll tal-fondi tal-UE issir iktar effettiva u effiċjenti?

L-Istati Membri għandhom jieħdu aktar responsabbiltà għall-ġestjoni tagħhom tal-fondi tal-UE

L-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jobbliga lill-Istati Membri biex jikkooperaw mal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Sa massimu ta' 80 % tan-nefqa tal-baġit tal-UE huma ġestiti mill-Istati Membri fil-qafas tal-hekk imsejħa ġestjoni kondiviża f'oqsma bħall-agrikoltura, it-tkabbir u l-għajnuna għall-impjiegi lir-reġjuni tal-UE (fondi strutturali). Fil-qasam tal-agrikoltura, l-aġenziji tal-pagament nazzjonali jagħtu assigurazzjoni formali għal dak kollu li jonfqu mill-flus tal-UE. Dan għen biex tnaqqset il-possibbiltà ta' żbalji.

Skont ir-regoli l-ġodda, l-amministraturi tal-fondi nazzjonali inkarigati mill-fondi strutturali u minn fondi oħra tal-UE fil-qafas tal-ġestjoni kondiviża, se joħorġu wkoll dikjarazzjonijiet annwali ta' ġestjoni li se jkunu soġġetti għal proċess ta' awditjar indipendenti.

Miżuri addizzjonali għat-tisħiħ tar-responsabbiltà, tal-ġestjoni finanzjarja soda u tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE

Se jkunu armonizzati u ssimplifikati d-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni indiretta, li fil-qafas tagħha, l-aġenziji nazzjonali tal-Istati Membri, pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew entitajiet awtorizzati oħra jimplimentaw il-fondi tal-UE.

Meta jkun mistenni li l-iżbalji li jkunu ġew skoperti permezz ta' verifiki ta' ċerti azzjonijiet imwettqa minn benefiċjarju jistgħu jinstabu f'azzjonijiet oħra simili mwettqa mill-istess benefiċjarju, is-sejbiet dwar żbalji bħal dawn jistgħu jiġu applikati wkoll għal dawn l-azzjonijiet simili. Dan jista' jwassal għal irkupri ulterjuri filwaqt li jipprovdi inċentiv akbar biex tinżamm konformità mar-regoli tal-UE dwar il-finanzjament.

Il-pretensjonijiet tal-UE se jirċievu l-istess trattament bħal dak użat għal pretensjonijiet tal-Istati Membri ekwivalenti fi proċeduri ta' falliment.

Issa huwa possibbli li d-deċiżjonijiet dwar il-penali għal użu skorrett tal-fondi tal-UE jiġu ppubblikati, bil-għan li jiġi skoraġġut tali użu skorrett.

Mekkaniżmi finanzjarji innovattivi li jippermettu l-ingranaġġ tal-fondi tal-UE

L-ingranaġġ tal-fondi tal-UE permezz ta' strumenti finanzjarji

L-istrumenti finanzjarji, jiġifieri l-miżuri ta' appoġġ f'forma ta' self, investimenti ta' ekwità li jinkludu kapital ta' riskju jew garanziji, jeżistu u jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-objettivi ta' politika tal-UE.

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid jipprovdilhom qafas solidu u armonizzat. L-użu miżjud tagħhom se jagħti wkoll effett multiplikatur lill-fondi tal-UE bil-ħsieb li jġibhom aktar effettivi. Ir-regoli l-ġodda se jiffaċilitaw ukoll is-sħubijiet mal-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment.

Il-premjijiet

Il-premjijiet, li sa issa dejjem ġew trattati bħala għotjiet sui generis, se jingħataw aktar attenzjoni. Dawn se jingħataw mill-Kummissjoni wara li tkun saret l-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet f’kompetizzjoni. Il-premjijiet jistgħu jippremjaw kontributi għal politiki tal-UE li jkunu diġà saru. Wara t-tnedija tagħhom, il-premjijiet ta' inkoraġġiment verament jistgħu jistimulaw il-kreattività u soluzzjonijiet innovattivi għal problemi eżistenti minn grupp kbir ta' applikanti li jaspiraw li jkunu r-rebbieħa tal-premju.

Sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs)

Fir-rigward tal-PPPs hemm żewġ innovazzjonijiet: jistgħu jitwaqqfu entitajiet speċjali ta' PPP irregolati bir-regoli finanzjarji bbażati fuq ir-Regolament Finanzjarju mudell, u l-PPPs jistgħu jiġu implimentati minn entitajiet tal-liġi privata fil-qafas tal-ġestjoni indiretta.

Il-Fondi Fiduċjarji tal-UE

Il-fondi fiduċjarji fl-azzjoni esterna huma fondi li jinġabru minn għadd ta' donaturi, b'mod partikolari l-UE, l-Istati Membri tagħha, pajjiżi terzi, l-organizzazzjonijiet internazzjonali jew donaturi privati bħaċ-ċittadini, biex jipprovdu appoġġ għall-objettivi li jkun sar ftehim dwarhom. Dawn jistgħu jkunu marbuta pereżempju mal-ġlieda kontra ċertu mard jew jistgħu jiffokaw fuq l-għoti ta' għajnuna f'ċerti każijiet bħalma huma d-diżastri naturali.

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid se jippermetti lill-UE tistabbilixxi fondi fiduċjarji ta' dan it-tip. Se jkunu ġestiti mill-Kummissjoni u se jiġu implimentati bi standards kontabilistiċi għoljin daqs dawk applikabbli għall-baġit tal-UE. Se jkunu rregolati b'att kostituttiv li jirrifletti l-ftehim tad-donaturi dwar l-objettivi u l-ġestjoni tal-Fond Fiduċjarju tal-UE. Il-possibbiltà l-ġdida tal-Fondi Fiduċjarji tal-UE se żżid il-koordinazzjoni Ewropea tal-appoġġ finanzjarju fl-azzjoni esterna u se ttejjeb ukoll il-viżibbiltà tal-għajnuna esterna tal-UE u tal-Istati Membri.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi l-prinċipji tal-baġit tal-UE u jirregola l-mod ta' kif jintnefaq il-baġit tal-UE. Wara dan il-ftehim politiku, ir-Regolament Finanzjarju se jiġi formalment adottat hekk kif jgħaddu l-vaganzi tas-sajf. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni se tadotta r-Regoli ta' Applikazzjoni - att iddelegat skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE, li jipprovdi d-dettalji u li jagħti kontribut ulterjuri għall-objettivi tar-reviżjoni. Il-biċċa l-kbira tar-regoli f’dan il-pakkett se jibdew japplikaw mill-1 ta' Jannar 2013. Il-proċedura leġiżlattiva kienet inbdiet permezz tal-proposta tal-Kummissjoni COM(2010)815 finali tat-22 ta' Diċembru 2010.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website