Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 27 ta’ Ġunju 2012

Il-Kummissjoni Ewropea: elementi importanti lejn tkabbir ekonomiku

Fit-28 u fid-29 ta' Ġunju, il-mexxejja tal-UE se jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew biex jaqblu fuq pakkett komprensiv ta' miżuri biex jissaħħu t-tkabbir u l-impjiegi fl-Unjoni Ewropea, "Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi".

Dan il-pakkett jibni fuq miżuri sinifikanti li ttieħdu mill-Kummissjoni Ewropea f'dawn l-aħħar. Mit-tnedija tal-Istrateġija Ewropa 2020 sentejn ilu, il-Kummissjoni introduċiet għadd ta' inizjattivi maħsuba bħala għajnuna biex tingħeleb il-kriżi, biex tingħata spinta lit-tkabbir ekonomiku u jinħolqu aktar impjiegi u impjiegi aħjar fl-UE. F’dan il-mument importanti għall-integrazzjoni Ewropea, wasal iż-żmien biex nitilgħu għal-livell li jmiss fil-ħolqien ta' ekonomija tal-UE li tkun intelliġenti, sostenibbli u inklużiva.

Din in-nota tagħti ħarsa lejn inizjattivi li ressqet il-Kummissjoni u li huma mistennija jiksbu appoġġ sħiħ mill-Kunsill Ewropew permezz tal-adozzjoni tal-Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi.

Xi wħud minn dawn l-inizjattivi huma deskritti hawn taħt:

Strateġija Ewropa 2020

Ewropa 2020 hija l-istrateġija tat-tkabbir fit-tul tal-UE li kienet propost mill-Kummissjoni u approvata mill-Kunsill Ewropew sentejn ilu. Din l-istrateġija bażikament tidentifika l-muturi ta' tkabbir tal-UE għal dawn l-għaxar snin, billi tiffoka fuq soluzzjonijiet ġodda u riformi strutturali. Abbażi tal-prinċipji ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, Ewropa 2020 tistabbilixxi ħames miri ewlenin fl-oqsma tal-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, it-tnaqqis tal-faqar u il-klima/l-enerġija. Din l-istrateġija għadha valida u għandha tgħin lill-Istati Membri biex jaħdmu għalenija għall-benefiċċju ta' kulħadd. L-implimentazzjoni tagħha hija kruċjali biex tingħata spinta lill-potenzjal ta' tkabbir tagħna. Progress fl-implimentazzjoni l-miri tal-Ewropa 2020 hija xprunata permezz tal- mekkaniżmu ta' koordinazzjoni politika li huwa s-Semestru Ewropew.

Ir-Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Pajjiżi

Kull Stat Membru għandu jimplimenta l-istrateġija Ewropa 2020 fil-livell nazzjonali, permezz tal-programm ta' riforma annwali li jirrifletti l-isfidi partikolari għalih. Fuq il-bażi tal-analiżi tagħha tal-programmi ta’ riforma nazzjonali tal-Istati Membri (dwar politiki ekonomiċi u ta' impjieg) u l-programmi tagħhom ta' stabbiltà u konverġenza (fuq l-istrateġiji baġitarji), il-Kummissjoni kull sena toħroġ 28 sett ta’ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż – għas-27 Stat Membru u għaż-żona euro bħala entità sħiħa. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jiddeskrivu l-miżuri li nemmnu li għandhom jittieħdu biex niksbu l-miri tal-politika ddikjarati f'oqsma bħas-swieq tal-prodotti u tax-xogħol, il-pensjonijiet, l-edukazzjoni u s-sistemi fiskali, kif ukoll politiki baġitarji. L-RSP tal-2012 ġew ippubblikati fit-30 ta' Mejju u għandhom jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew fit-28-29 ta' Ġunju. Imbagħad jiġu formalment adottati mill-Kunsill tal-Ecofin f’Lulju.

liġijiet f'pakkett ta' tnejn [ECFIN]

Dawn iż-żewġ abbozzi ta' regolamenti jkomplu jsaħħu l-koordinazzjoni tal-politika baġitarja fiż-żona euro. Huma ġew imressqa mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Novembru 2011 (ara MEMO/11/822). Huma jibnu fuq is-Six Pack, li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 (ara MEMO/11/898).

L-ewwel abbozz ta' regolament jimmira biex itejjeb ulterjormant is-sorveljanza fiskali billi jistabbilixxi kronoliġija komuni u regoli komuni għal monitoraġġ u valutazzjoni ex ante aktar attivi għall-baġits tal-Istati Membri fiż-żona euro. Din il-valutazzjoni bikrija għandha tippermetti prevenzjoni aħjar ta' devjazzjoni fiskali fi Stat Membru wieħed, u l-konsegwenzi possibbli fuq l-imsieħba ekonomiċi tiegħu. It-tieni abbozz ta' regolament għandhu l-għan li jtejjeb is-sorveljanza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro li huma aktar finanzjarjament vulnerabbli.

Il-pakkett ta' tnejn bħalissa qed jiġi studjat bir-reqqa minn kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll mill-Kunsill tal-Ministri. Il-Kummissjoni qed taħdem lejn approvazzjoni rapida ta' verżjoni ambizzjuża tal-abbozzi ta' liġijiet tagħha.

L-approfondiment tas-Suq Uniku [MARKT]

Mill-adozzjoni tal-Att dwar is-Suq Uniku fit-13 ta’ April 2011 'l hawn, il-Kummissjoni wettqet it-12-il proposta leġiżlattiva ewlenija li wiegħdet (ara IP/11/469 u MEMO/11/239, ara wkoll IP/12/187) u 30 azzjoni oħra kumplimentari biex tagħti spinta lit-tkabbir, l-impjiegi u l-fiduċja fis-suq uniku. Huwa kruċjali li n-negozjati dwar dawn it-12-il strument ta' pressjoni ewlenin jiġu ffinalizzati sa tmiem din is-sena.

Bħala riżultat, aktar minn 21 miljun negozju u 500 miljun konsumatur fl-Ewropa għandhom jibbenefikaw pereżempju minn suq uniku għal kapital ta' riskju, rekwiżiti ta' kontabilità aktar sempliċi u aċċess irħas għall-protezzjoni tal-privattivi madwar l-Ewropa. Se jkun eħfef għaċ-ċittadini biex jiksbu rikonoxximent għall-kwalifiki tagħhom u biex ifittxu impjieg fi Stat Membru ieħor. Ikun ukoll eħfef biex il-merkanzija tiċċirkola u biex il-fornituri tas-servizzi joperaw b'mod transkonfinali, grazzi għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli u tal-istandards u ta' azzjonijiet immirati lejn it-tneħħija ta' restrizzjonijiet persistenti u mhux ġustifikati għall-forniment tas-servizzi. Approċċi ġodda għar-riżoluzzjoni tat-tilwim se jgħinu lill-konsumaturi biex jieħdu aktar vantaġġ mill-opportunitajiet li joffri s-suq diġitali uniku bi spinta fil-kummerċ elettroniku li jista’ jkollu valur sa EUR 2,5 biljun.

Biex ikun żgurat li s-Suq Uniku jagħti r-riżultati jiddependi mhux biss fuq regolamenti b'saħħithom iżda wkoll fuq bidla fl-approċċ lejn il-governanza tiegħu. Għal dan il-għan, inħolqu diversi għodod prattiċi u netwerks matul is-snin. Fil-Komunikazzjoni riċenti tagħha dwar “ Governanza Aqwa għas-Suq Uniku”, il-Kummissjoni tipproponi li l-isforzi jiffukaw fuq is-setturi bl-akbar potenzjal għat-tkabbir (ara IP/12/587 u MEMO/12/427). Fl-2012-2013, is-setturi identifikati huma l-industriji ta' servizzi u tan-netwerk, fejn il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom għal tolleranza żero għal dewmien u traspożizzjoni mhux korretta tad-Direttivi. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, se tipprovdi assistenza akbar għat-traspożizzjoni sabiex jissolvu l-problemi li jistgħu jinqalgħu.

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll miżuri biex jitjieb il-mod kif jaħdem is-settur tas-servizzi, li huwa vitali minħabba li d-Direttiva tas-Servizzi tammonta għal aktar minn 45% tal-PDG tal-UE u għandu jkollha rwol strateġiku fil-promozzjoni tat-tkabbir ekonomiku (ara IP/12/587 u MEMO/12/429), partikolarment fis-servizzi tan-negozju, il-kostruzzjoni u t-turiżmu. Skont il-valutazzjoni tal-progress li saret mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, analiżi ekonomika turi li l-implimentazzjoni se tiġġenera żieda ta' 0,8 % fil-PDG tal-UE tul il-5 - 10 snin li ġejjin. Din iċ-ċifra tista’ titla’ għal 2,6% jekk l-Istati Membri juru aktar ambizzjoni billi jiftħu s-servizzi tagħhom koperti mid-Direttiva.

Din is-sena tikkommemora l-20 anniversarju tas-suq uniku. Bħala segwitu għall-Att dwar is-Suq Uniku, il-Kummissjoni se tipproponi it-tieni sett ta' azzjonijiet sa tmiem l-2012 biex tkompli tnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq u telimina l-ostakli li fadal għall-moviment tas-servizzi, l-innovazzjoni u l-kreattività. L-"Att dwar is-Suq Uniku 2" previst li jiġi adottat fil-ħarifa 2012 se jinkludi muturi ġodda għat-tkabbir, il-kompetittività u l-progress soċjali. Il-Kummissjoni se torganizza wkoll ġimgħa ddedikata għat-"Tkabbir ġdid" f'Ottubru 2012, inkluż it-tieni Forum tas-Suq Uniku annwali, bil-ħsieb li taqsam l-opinjonijiet dwar il-futur tas-suq uniku b'mod inklużiv.

Għal aktar informazzjoni:

Att dwar is-Suq Uniku: http://ec.europa.eu/internal_market/smact/

Ktejjeb Single Market Act: Together for new growth

Suq Diġitali Uniku [cnect]

F'din l-aħħar sena ttieħdu diversi passi importanti, uħud b’impatti immedjati, inkluż iregolament ġdid dwar ir-roaming taċ-ċellulari (ara MEMO/12/316), regolament li jarmonizza l-firem-elettroniċi u jagħmel eIDs interoperabbli (ara IP/12/558) u pjanijiet biex jiżdied il-kummerċ elettroniku (ara IP/12/10). Dawn l-azzjonijiet isostnu l-ekonomija diġitali li qiegħda tikber bi 12% kull sena.

Aktar azzjoni regolatorja hija meħtieġa biex Suq Diġitali Uniku isir reali. Broadband b’veloċità għolja ħafna, bħal dik proposta permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF, ara IP/12/583)) hija l-pedament, u l-cloud computing huwa l-arkitettura għal dan l-iżvilupp.

Strateġija tal-UE għall-cloud computing, li tibni fuq regoli ġodda għall-Protezzjoni tad-Dejta, se tiġi ppubblikata fil-ġimgħat li ġejjin biex sal-2015 tippermetti l-ħolqien ta' żewġ miljun impjieg ġdid fl-Ewropa.

Wara dan, se jkun hemm azzjonijiet ulterjuri biex joħolqu regoli armonizzati għad-Drittijiet tal-Awtur, l-ePagamenti, l-eAkkwist, l-eFatturazzjoni, u s-sigurtà tal-internet.

Il-Kostruzzjoni ta' Suq Diġitali Uniku hija l-garanzija li l-Ewropa tikseb il-kompetittività fit-tul. Il-piż ikkombinat ta' proposti attwali u futuri huwa essenzali biex il-manifattura tibqa' fl-Ewropa, il-kura tas-saħħa ssir sostenibbli, jonqos id-dejn pubbliku u aktar. Dawn ir-regoli armonizzati jagħmlu possibbli l-istandards, l-interoperabbiltà u l-prattiki legali komuni li jiġġeneraw żieda fil-produttività, bħalma l-istandard 3G tat-telefonija ċellulari ppermetta li l-Ewropa tmexxi industrija tal-komunikazzjoni mobbli globali ta' EUR 250 biljun fis-sena mid-disgħinijiet 'l hawn.

Piż Regolatorju

L-istrateġija tal-UE għat-tkabbir, Ewropa 2020 tenfasizza l-importanza li jitjieb l-ambjent tan-negozju, inkluż permezz ta' regolament intelliġenti u t-tnaqqas tal-piżijiet regolatorji, sabiex l-intrapriżi Ewropej isiru aktar kompetittivi fil-livell globali. F'Novembru li għadda, il-Kummissjoni nediet inizjattiva biex timminimizza l-piż regolatorju, speċifikament għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u biex tadatta regolamenti tal-UE għall-ħtiġijiet tal-mikro-negozji (ara IP/11/1386). L-SMEs għandhom rwol importanti fit-tkabbir ekonomiku, billi jirrappreżentaw 99% tan-negozji kollha u jipprovdu aktar minn żewġ terzi tal-impjiegi fis-settur privat. Il-liberazzjoni tal-potenzjal tagħhom ta' tkabbir jista' biss ikun ta' benefiċċju għall-ekonomija tal-UE.

Ta' min jinnota li l-azzjoni tal-Kummissjoni għat-tnaqqas tal-piż regolatorju bdiet fl-għaxar snin preċedenti. F'Jannar 2007, il-Kummissjoni pproponiet Programm ta' Azzjoni immirat biex sal-2012 jitħaffef il-piż amministrattiv fuq in-negozji, bil-għan li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-UE b'25%. Dan ġie approvat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007. It-titjib tal-ambjent tan-negozju permezz ta' tnaqqis fil-burokrazija hija għan konġunt li jista' jintlaħaq biss permezz ta' responsabbiltà konġunta tal-Istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni Ewropea diġà pproponiet miżuri li jnaqqsu l-burokrazija żejda sa b'terz, jew aktar minn EUR 40 biljun. Pereżempju, proposta tal-Kummissjoni li tintroduċi l-e-Fatturazzjoni tal-VAT tista' tirrappreżenta EUR 18.4 biljun fi tfaddil għal 22 miljun negozju taxxabbli fl-UE (ara IP/10/1645), u proposta tal-Kummissjoni ta’ Frar 2009 tintroduċi eżenzjoni għall- mikrointrapriżi minn regoli tal-kontabilità, biex b’hekk tgħin li jiġu ffrankati madwar EUR 6,3 biljun (ara IP/09/328).

Is-suq tal-Enerġija [ENER]

L-Istati Membri huma impenjati li sa l-2014 is-suq uniku fl-enerġija ikun ikkompletat. Biex ikun jiffunzjona, is-suq intern jirrikjedi ċ-ċertezza legali li tiffavorixxi l-investiment fil-ġenerazzjoni kif ukoll fl-infrastruttura, fl-enerġiji rinnovabbli kif ukoll fl-effiċjenza tal-enerġija.

Il-liġijiet tal-UE dwar is-suq intern tal-enerġija huma fil-qalba ta' dan il-qafas leġiżlattiv. Dawn jinkludu dispożizzjonijiet prinċipali għall-funzjonament tajjeb tas-swieq tal-enerġija, billi jitwaqqfu regoli ġodda dwar is-separazzjoni u jiġu ffaċilitati l-investimenti transkonfinali.

Id-direttiva dwar l-enerġija rinnovabbli stabbiliet miri vinkolanti għal kull Stat Membru li sal-2020 se jfissru żieda generali ta’ 20% fl-użu tal-enerġiji rinnovabbli. Il-Komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Enerġija Rinnovabbli diġà qed tesplora l-għażliet tal-politika għall-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema Ewropea wara l-2020 (ara IP/12/571).

Id-direttiva dwar l-effiċjenza enerġetika, li għadhom kemm qablu dwarha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill, timmira li żżid l-isforzi tal-Istati Membri biex jużaw l-eneġija b’aktar efficjenza fl-istadji kollha tal-katina tal-enerġija – mit-trasformazzjoni tal-enerġija u d-distribuzzjoni sal-konsum finali tagħha (ara MEMO/12/433).

Apparti salvagwardji legali, u speċjalment matul żminijiet ta' inċertezza ekonomika, is-suq transkonfinali jeħtieġ ukoll inċentivi finanzjarji biex jiżviluppa. Il-parti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa li tirrigwarda l-enerġija se tiffinanzja proġetti li jimlew il-lakuni fis-sinsla tal-enerġija tal-Ewropa. Hi pproponiet li EUR 9,1 biljun jiġu investiti fl-infrastruttura trans-Ewropea (ara IP/11/1200 and MEMO/11/710).

Innovazzjoni: investiment fit-tkabbir u l-impjiegi [RTD]

L-istrateġija Unjoni ta' Innovazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea qed tagħti spinta lill-kompetittività u l-impjiegi permezz ta’ finanzjament aħjar u kondizzjonijiet qafas imtejba għall-innovazzjoni. Il-programm qafas tar-riċerka tal-UE attwali, FP7, qed jinvesti EUR 55 biljun fir-riċerka u l-innovazzjoni fuq seba' snin, inkluż appoġġ dirett għal madwar 17 000 SME. Il-Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskju (RSFF) FP7 qed iġġib aktar minn EUR 10 biljun ta' investiment privat għall-innovazzjoni flimkien mal-Bank Ewropew tal-Investiment, inklużi mill-inqas EUR1 biljun għall-SMEs. Ukoll taħt l-FP7, is-sħubijiet pubbliċi-privati qed ipoġġu lill-Ewropa fuq quddiem fit-teknoloġiji importanti bħall-mediċini innovattivi, l-ajruplani ekoloġiċi, in-nanoelettronika u s-sistemi integrati tal-kompjuter.

F'Lulju l-Kummissjoni se tippreżenta rakkomandazzjonijiet dwar it-tlestija taż-Żona Ewropea għar-Riċerka (ERA), bil-għan li tiġi ottimizzata r-riċerka pan-Ewropea u l-innovazzjoni, jitneħħew l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni tar-riċerkaturi u tal-ideat madwar l-Ewropa u jissaħħu r-rabtiet bejn l-universitajiet u n-negozji. L-Istati Membri tal-UE issa qegħdin jaħdmu flimkien fuq 10 programmi konġunti ta’ riċerka biex jindirizzaw sfidi kbar, bħat-trattament tal-marda tal-Alzheimer, u qed jinvestu fi 48 prijorità fuq infrastrutturi tar-riċerka, bħar-riċerka klinika, il-bijodiversità u l-enerġija solari. Għaxra minn dawn l-infrastrutturi issa qed jiġu implimentati, b’16 oħra mistennija jibdew din is-sena.

Il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-finanzjament tal-innovazzjoni fil-livell tal-UE għal EUR 80 biljun bil-baġit li jmiss taħt l-inizjattiva Orizzont 2020 (ara MEMO/11/848). Dan il-programm ġdid, issimplifikat, se jġib flimkien l-appoġġ kollu fil-livell tal-UE mir-riċerka sas-suq, u joħloq opportunitajiet ġodda għall-intrapriżi innovattivi li jikbru b'ritmu mgħaġġel.

Għal aktar dwar Unjoni ta' Innovazzjoni ara: http://ec.europa.eu/research/innovation-union/index_en.cfm

Għal aktar dwar Orizzont 2020 ara: http://ec.europa.eu/research/horizon2020/index_en.cfm?pg=home

Riforma tal-Privattivi Ewropej [MARKT]

Il-Kunsill Ewropew tat-28-29 ta' Ġunju għandu jilħaq ftehim finali dwar wieħed mill-aktar dossiers importanti u tant mistennija għat-trawwim tal-innovazzjoni: l-introduzzjoni ta' sistema verament Ewropea tal-privattivi, bi privattiva unitarja għall-Ewropa u qorti komuni tal-privattivi. Din il-proposta ppreżentata hija bbażata fuq kooperazzjoni mtejba (ara IP/11/470). Il-Kunsill laħaq ftehim dwar kollox, ħlief dwar fejn għandu jkun il-kwartieri-ġenerali tal-Qorti.

Ladarba approvata, il-Privattiva Komunitarja se tagħmilha aktar sempliċi u orħos biex l-innovazzjonijiet fl-Ewropa ssirilhom privattiva, partikolarment għal negozji żgħar u ta' daqs medju. Hija se tintroduċi privattiva unitarja għal 25 Stat Membru, fuq il-bażi ta’ applikazzjoni waħda u mingħajr ostakli amministrattivi addizzjonali. Spanja u l-Italja, li mhux qed jipparteċipaw f'din il-koperazzjoni msaħħa, jistgħu jagħżlu li jingħaqdu mar-reġim il-ġdid fi kwalunkwe stadju wara li tiġi introdotta s-sistema l-ġdida, kif previst fit-Trattat.

Il-privattiva se tkun pass importanti biex jingħalaq id-distakk li jeżisti bejn l-UE u l-Istati Uniti jew iċ-Ċina: biex tikseb protezzjoni ta' privattiva fil-pajjiżi kollha tal-UE tiswa sa EUR 36 000, meta mqabbel ma’ EUR 2000 fl-Istati Uniti u EUR 600 biss fiċ-Ċina.

Sistema ssimplifikata tal-privattivi fl-Ewropa hija essenzjali biex titrawwem l-innovazzjoni u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp fl-Ewropa. Pereżempju, l-arranġamenti ssimplifikati għat-traduzzjoni tal-privattivi unitarji se jippermettu li l-applikanti jiffrankaw sa 80% tal-ispejjeż attwali u li jużaw aktar riżorsi għall-attivitajiet ta' riċerka.

Għal aktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/patent/index_en.htm

Il-kapital tal-BEI [ECFIN]

Permezz tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), l-UE għandha istituzzjoni qawwija propja biex isostni t-tkabbir u l-impjiegi. Il-BEI, b'kapaċità ta' self diversi darbi akbar mill-Bank Dinji, mill-2008 'l hawn kellu rwol importanti fl-indirizzar tal-kriżi. Iżda, issa qiegħed joqrob lejn il-limiti ta' x'jista' jagħmel bil-kapital kurrenti tiegħu. Biex il-BEI ikun jista' jagħmel aktar għat-tkabbir u l-impjiegi, il-kapital tiegħu jeħtieġ jissaħħaħ, jiġifieri jeħtieġ li l-azzjonarji tiegħu, l-Istati Membri, iżidu l-kapital imħallas tiegħu. Il-President Barroso talab għal tali żieda sa mid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2011 (ara DISKORS/11/607).

Żieda ta' EUR 10 biljuni fil-kapital imħallas tal-Bank tippermetti lill-BEI biex iżid is-self tiegħu b'EUR 60 biljun matul it-tliet sa erba’snin li ġejjin, li, min-naħa tagħhom, jattiraw finanzjament minn sorsi oħra għal investiment totali ta’ EUR 180 biljun għal proġetti ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-BEI jipproponu li jintuża' l-baġit tal-UE għall-ingranaġġ tal-kapaċità tal-BEI għall-finanzjament ta' grupp permezz ta' strumenti ta' kondiviżjoni tar-riskju. Huwa possibbli li jkomplu jiġu żviluppati skemi li diġà jeżistu għar-riċerka u l-innovazzjoni flimkien mal-bonds tal-proġetti għall-infrastruttura, kif ukoll skemi għal negozji żgħar u ta' daqs medju bl-għajnuna tal-Fondi Strutturali.

Fil-21 ta' Ġunju l-President Barroso u l-President tal-BEI Hoyer kitbu lill-membri tal-Kunsill Ewropew jissuġġerixxu tali żieda fil-kapital tal-BEI (ara MEMO/12/470).

Inizjattiva dwar Bonds li jiffinanzjaw Proġetti [ECFIN]

Fid-19 ta' Ottubru 2011, il-Kummissjoni ressqet proposta leġiżlattiva għal Inizjattiva dwar Bonds li jiffinanzjaw Proġetti bil-għan doppju li jitqajmu mill-ġdid is-swieq tal-bonds tal-proġetti u tingħata għajnuna lill-promoturi ta’ proġetti individwali ta’ infrastruttura biex ikunu jistgħu jattiraw finanzjament għad-dejn fit-tul tas-settur privat (ara IP/11/236 and MEMO/11/707).

Il-Kummissjoni se tniedi fażi pilota fl-2012-2013, fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali kurrenti. Hija se tkun ibbażata fuq emenda tar-Regolament dwar in-Netwerks Trans-Ewropej (TEN) u d-Deċiżjoni dwar il-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni u se tieħu sa total ta’ EUR 230 miljun mill-intestaturi tal-baġit ta’ dawn il-programmi. Huwa mistenni li f'Lulju l-proposta tiġi vvutata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Ministri. Il-baġit totali b'ammont ta’ EUR 230 miljun ser jingħaqaad mal-iffinanzjar tal-BEI. Billi tqis l-effett multiplikatur u t-titjib fil-kreditu, il-Kummissjoni tikkalkula li, fil-fażi pilota, il-bonds tal-proġetti jkunu jistgħu jimmobilizzaw sa EUR 4,6 biljuni f’investimenti. L-istrument għall-Bonds tal-Proġetti se jifforma parti integrali mill-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-2014-2020.

L-Użu tal-Fondi Strutturali [REGIO/EMPL]

Fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, li hija l-politika ewlenija tal-UE ta' investiment għat-tkabbir, minn April 2009 il-Kummissjoni Ewropea ħallset total ta’ EUR 11,2 biljun f’avvanzi lil Stati Membri li għandhom nuqqas ta' likwidità sabiex ikunu kapaċi jinvestu malajr fi proġetti li jżidu t-tkabbir.

Barra minn hekk, mill-2011 'l hawn, ġiet offruta l-possibbiltà ta’ tnaqqis fir-rata tal-kofinanzjament nazzjonali b'10 punti perċentwali lil hekk imsejħa pajjiżi tal-programm, li jirċievu assistenza makroekonomika speċjali (bħalissa il-Portugall, ir-Rumanija, il-Latvja, l-Irlanda, u l-Greċja), biex ikun aktar faċli għalihom li jħallsu l-fondi korrispondenti sabiex jirrealizzaw proġetti. (ara IP/11/942) Biex jitħaffu d-deċiżjonijiet dwar ir-realizzazzjoni ta' proġetti, hija meħtieġa approvazzjoni minn qabel mill-Kummissjoni biss għal proġetti b'valur totali ta' 'l fuq minn EUR 50 miljun (dan il-limitu kien ta' EUR 25 miljun sa Ġunju 2010).

Il-proċeduri ġew issimplifikati b’diversi modi biex biex tiġi ffaċilitata r-realizzazzjoni tal-proġetti u ingħatat assistenza amministrattiva speċjali lill-Istati Membri l-ġodda biex tgħinhom jadattaw is-sistemi amministrattivi tagħhom għar-regoli tal-UE. Timijiet ta' Azzjoni tal-Kummissjoni mibgħuta lil tmien Stati Membri bl-ogħla rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ (il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Portugall, is-Slovakkja u Spanja) minn Frar sa Mejju 2012 għenu lill-Istati Membri biex jallokaw mill-ġdid l-infiq tal-Fond Strutturali tal-UE b'valur ta' madwar EUR 7,3 biljuni li minnu jistgħu jibbenefikaw iktar minn 460 000 żgħażugħ u żagħżugħa f'dawn it-tmien pajjiżi (ara MEMO/12/100, riżultati tat-timijiet ta' azzjoni).

Fil-Greċja ġiet stabbilita lista pubblika ta’ 181 proġett prijoritarju kbar, li jammontaw għal investiment totali ta' EUR 115-il biljun, li se joħolqu sa 110 000 impjieg ġdid (ara IP/12/549).

Baġit tal-UE għat-Tkabbir u l-Impjiegi [BUDG]

Il-proposta tal-Kummissjoni għall-perjodu finanzjarja 2014-2020 għandha l-għan li tkompli tiffoka l-baġits futuri tal-UE fuq tkabbir ekonomiku li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi. Għalkemm il-limiti totali jirrappreżentaw iffriżar tal-limiti miftehma tal-2013 il-proposta għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali li jmiss (MFF) jitlob għal żieda f'dawk l-oqsma li jistgħu jsaħħu l-ekonomija Ewropea (ara IP/11/799).

It-tkabbir ekonomiku sostenibbli jibda fl-ibliet u r-reġjuni tagħna. L-ammonti sostanzjali għall-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali (EUR 376 biljun għall-perjodu kollu) se jkunu marbuta mill-qrib mal-għanijiet ta' Ewropa 2020. Dispożizzjonijiet ġodda ta' kondizzjonalità se jiżguraw li l-finanzjament tal-UE jkun iffokat fuq ir-riżultati u joħloq inċentivi sodi għall-Istati Membri biex jiżguraw li l-għanijiet ta' Ewropa 2020 effettivament jitwettqu. Se jiġu konklużi kuntratti ta' sħubija ma' kull Stat Membru biex jiġi żgurat li jkun hemm appoġġ reċiproku tal-finanzjament nazzjonali u dak tal-UE.

Il-faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" , li hi fond ġdid, għandha l-għan li tagħti spinta lill-valur pan-Ewropew tal-proġetti ta' infrastruttura (ara IP/11/1200). B'EUR 50 biljun għad-dispożizzjoni tagħha, hija tinkludi lista preliminari ta' trasport, enerġija u proġetti tal-ICT li jġibu aktar interkonnettività madwar l-Ewropa. Dawn il-konnessjonijiet li jtejbu t-tkabbir se jipprovdu aċċess aħjar għas-suq intern u jtemmu l-iżolament ta’ ċerti "gżejjer" ekonomiċi. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa toffri opportunitajiet għall-użu ta' għodod finanzjarji innovattivi biex jitħaffef u jiġi żgurat li jkun hemm investiment akbar milli jkun jista’ jinkiseb permezz ta’ finanzjament pubbliku biss. Il-Kummissjoni se tippromwovi l-użu ta' bonds tal-proġetti tal-UE biex tgħin biex dawn il-proġetti jitwettqu.

Matul is-seba' snin li ġejjin l-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni se jiżdied b'mod sinifikanti. Il-kompetittività globali tal-Ewropa se tingħata spinta mill-istrateġija komuni tal-UE, "Orizzont 2020", li tiswa EUR 80 biljun u li se tgħin biex jinħolqu l-impjiegi u l-ideat tal-ġejjieni. Hija se tiġbor flimkien il-proġetti kollha f'dan il-qasam biex b'hekk telimina l-frammentazzjoni u tiżgura li proġetti ffinanzjati mill-UE jkunu jikkumplimentaw aħjar u jgħinu biex jikkoordinaw l-isforzi nazzjonali (ara MEMO/11/848).

Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li ssaħħaħ il-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali Sabiex tingħeleb il-frammentazzjoni tal-istrumenti attwali, qed jiġi propost li jinħoloq programm integrat ta' EUR 15.2 biljun għall-edukazzjoni, it-taħriġ u ż-żgħażagħ, b'enfasi ċara fuq l-iżvilupp tal-ħiliet u l-mobbiltà.

Spinta lill-Impjiegi [EMPL]

Il-Pakkett għall-Impjiegi (ara IP/12/380 and MEMO/12/252) ippreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' April jipprovdi aġenda fuq terminu medju għal azzjoni mill-UE u mill-Istati Membri biex jappoġġaw irkupru msejjes fuq ħolqien abbundanti ta’ impjiegi. B'mod partikolari, il-Pakkett iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiffukaw fuq il-ħolqien tal-impjiegi f’setturi bħall-kura tas-saħħa, l-informazzjoni u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u attivitajiet relatati mat-tnaqqis tat-tniġġis u tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju. Huwa jħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri biex it-tassazzjoni jdawruha mix-xogħol għal fuq il-prodotti li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Taħt il-Pakkett, il-Kummissjoni se tkompli tħeġġeġ u tgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aħjar mill-fondi tal-UE - speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew, li jinvesti fil-ħiliet tan-nies, l-edukazzjoni, l-għajnuna fit-tfittxija għax-xogħol u l-inklużjoni. Il-Fond Soċjali Ewropew direttament joħloq medja ta' madwar 2 miljun impjieg fis-sena u jgħin biex jinħolqu aktar impjiegi indirettament permezz ta' taħriġ.

Mobilità tax-Xogħol [EMPL]

Il-Kummissjoni għandha l-għan li tħeġġeġ il-mobilità fi ħdan żona ta' suq ġenwin tax-xogħol fl-UE.

Biex titjieb il-mobilità tax-xogħol, hemm bżonn li jsir progress sabiex jitneħħew l-ostakli legali u prattiċi għall-moviment ħieles tal-ħaddiema, u l-Kummissjoni għamlet proposti biex titjieb, pereżempju, il-portabbiltà tal-pensjonijiet (ara MEMO/05/384), it-trattament fiskali ta’ ħaddiema transkonfinali jew l-għarfien dwar id-drittijiet u l-obbligi.

Biex jitjieb it-tlaqqigħ tal-impjiegi ma' min qed ifittex xogħol sabiex dawk qiegħda f'pajjiż wieħed ikunu jistgħu jimlew il-postijiet battala f'pajjiżi oħra, abbażi tal-ħiliet u l-esperjenza, il-Kummissjoni bi ħsiebha tittrasforma il-portal EURES għal persuni li qegħdin ifittxu l-impjieg f'għodda Ewropea vera ta' kollokament u reklutaġġ u tipprevedi (mill-2013) applikazzjonijiet selfservice online innovattivi biex tipprovdi lill-utenti proċedura ċara istantanja ta' mappar ġeografiku rigward offerti għax-xogħol fl-Ewropea. Mill-21 ta' Mejju, grazzi għall-proġett pilota "L-ewwel xogħol EURES tiegħek ", żgħażagħ li għandhom bejn 18-30 sena minn kwalunkwe Stat Membru li qegħdin ifittxu x-xogħol fi Stat Membru ieħor jistgħu jiksbu informazzjoni u għajnuna għar-reklutaġġ tagħhom, kif ukoll ifittxu appoġġ finanzjarju għall-applikazzjoni jew it-taħriġ tagħhom. Fil-fażi inizjali tiegħu “L-ewwel Xogħol EURES Tiegħek” se jimmira li jtejjeb il-mobbiltà minn pajjiż għal ieħor għal 5 000 ruħ.

Il-Politika tat-Taxxa [TAXUD]

It-tassazzjoni kienet tradizzjonalment meqjusa primarjament bħala għodda li tgħolli d-dħul. Madankollu, l-impatt li għandha wkoll fuq il-kompetittività ekonomika, fuq l-impjiegi u fuq it-tkabbir huwa daqstantieħor importanti.

Fis-Semestru Ewropew 2012, il-Kummissjoni ffukat fuq kif l-Istati Membri jistgħu jagħmlu s-sistemi fiskali tagħhom aktar favorevoli għat-tkabbir eż. billi jittrasferixxu t-taxxi lil hinn mix-xogħol u jiffukaw aktar fuq taxxi ambjentali (ara Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi ).

Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni pproponiet id-Direttiva tat-Taxxa tal-Enerġija (DTE), li tappoġġa din il-bidla, tixpruna l-ekonomija ekoloġika u tappoġġa l-miri tal-UE għall-klima u l-enerġija. (ara IP/11/468). Jekk tiġi implimentata, d-DTE tista' twassal għal miljun impjieg ġdid sal-2030.

Biex jinħoloq ambjent aħjar għan-negozji, f'Marzu 2011 il-Kummissjoni pproponiet Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (ara MEMO/11/171). Din tagħmel in-negozju transkonfinali ħafna orħos u aktar faċli, b’ġabra unika ta’ regoli għall-kalkolu tat-taxxa u sistema ta' one-stop-shop. Inizjattivi reċenti oħra tal-UE biex jinħoloq ambjent tan-negozju aktar kompetittiv jinkludu dik dwar it-tassazzjoni doppja (ara IP/11/1337) u l-Istrateġija l-ġdida tal-VAT (ara IP/11/1508).

Taxxa tal-UE fuq it-Transazzjonijiet Finanzjarji, li tidher li ser tagħmel progress permezz ta' kooperazzjoni msaħħa, tista' tkun għodda importanti biex jinħoloq dħul ġdid, ikun hemm kontribuzzjoni għal stabbilità finanzjarja akbar u terġa tiġi stabbilita l-kunfidenza fil-banek (ara IP/11/1085).

Sabiex jiġu attirati lura l-biljuni ta’ euro li ntilfu minħabba l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fl-UE, il-Kummissjoni ressqet sensiela ta’ miżuri konkreti biex jittieħdu fil-livelli nazzjonali, tal-UE u internazzjonali (ara IP/12/697 u MEMO/12/492), u ser jistabbilixxu approċċ komuni kontra r-rifuġji fiskali u l-pjanifikaturi ta' taxxa aggressiva sa tmiem l-2012.

Il-proposta għal Direttiva tal-UE dwar it-Taxxa fuq it-Tfaddil imsaħħa, u l-mandati għal ftehimiet aktar b'saħħithom rigward it-taxxa fuq it-tfaddil ma' 5 pajjiżi li mhumiex fl-UE (ara MEMO/12/353) huma attwalment fuq il-mejda fil-Kunsill, bil-Kummissjoni tħeġġeġ l-adozzjoni rapida tagħhom bħala għodda ewlenija biex titjieb il-pożizzjoni tal-UE kontra l-evażjoni.

Kummerċ [TRADE]

Il-kummerċ estern huwa mutur ewlieni tal-pjan ta' rkupru ekonomiku tal-Ewropa. Il-ftuħ tas-swieq biex jitħaffef il-pass ta' Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles (FTAs) huwa għalhekk ċentrali biex jinkisbu t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. Minkejja l-isforzi tal-Ewropa biex tikkonkludi ċ-Ċiklu ta' Doha, il-progress fil-livell multilaterali huwa bil-mod ħafna. Għalhekk l-UE espandiet l-isforzi tagħha biex tiftaħ negozjati ġodda tal-FTA u tikkonkludi dawk attwalment mibdijin: l-FTA bejn l-UE-Korea t'Isfel għandu l-ewwel anniversarju tiegħu fl-1 ta' Lulju 2012, wara li fl-2011 ikkontribwixxa għal żieda ta' 16% fl-esportazzjoni mill-UE lejn il-Korea. Il-Kummissarju de Gucht stabbilixxa prijorità li jfittex li jikkonkludi n-negozjati mal-Kanada u ma' Singapor, li huwa l-bieb għall-Asja tax-Xlokk. F 'dak ir-reġjun, l-UE qed tinnegozja wkoll mal-Indja u mal-Malasja u reċentement nediet negozjati kummerċjali mal-Vjetnam (ara IP/12/689). Maċ-Ċina l-UE qed tfittex li tiftaħ negozjati dwar ftehim tal-investiment u l-Kummissjoni dalwaqt se titlob mandat mill-Istati Membri tal-UE sabiex tniedi negozjati mal-Ġappun. Bil-għan li tinħoloq żona ta' kummerċ transatlantiku, il-President Obama tal-Istati Uniti, il-President tal-Kummissjoni Barroso u President tal-Kunsill Ewropew Van Rompuy dan l-aħħar laqgħu il-progress tar-rapport interim bejn il-grupp ta’ ħidma ta’ livell għoli bejn l-EU-US dwar l-impjiegi u t-tkabbir (ara MEMO/12/462). Din is-sena, ġew konklużi ftehimiet kummerċjali mal-Perù, il-Kolombja (ara IP/12/690) u mal-Amerika Ċentrali; filwqat li għaddejjin negozjati mal-imsieħba tagħna tal-Amerika Latina fil-Mercosur. Qegħdin ukoll napprofondixxu l-impenn tagħna fil-viċinat tagħna, kemm fin-Nofsinhar kif ukoll fil-Lvant, fejn dan l-aħħar ikkonkludejna ftehim ambizzjuż mal-Ukraina.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site