Navigation path

Left navigation

Additional tools

Aġġornament - L-unjoni bankarja

European Commission - MEMO/12/478   22/06/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 22 ta’ Ġunju 2012

Aġġornament - L-unjoni bankarja

Il-Kummissjoni temmen li għandu jkun hemm viżjoni ċara aktar fit-tul dwar il-ġejjieni tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-UE ħalli tagħti sens ta' direzzjoni lir-riformi u d-deċiżjonijiet meħtieġa mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jindirizzaw sfidi attwali.

Għalhekk, il-Kummissjoni ilha tinsisti għal integrazzjoni ekonomika aktar profonda bħala waħda mir-rimedji għall-kriżi attwali. Dan il-pass ġdid fl-integrazzjoni Ewropea jikkumplimenta l-Unjoni Monetarja tagħna. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-kunċett ta’unjoni bankarja

L-unjoni bankarja Ewropea għadha mhijiex strument ġuridiku ġdid għal issa. Hija viżjoni politika għal aktar integrazzjoni fl-UE, li tibni fuq il-passi kbar riċenti biex tissaħħaħ ir-regolamentazzjoni tas-settur bankarju u tmur lil hinn.

Il-kunċett ta’ unjoni bankarja ġie ppreżentat mill-President Barroso fl-aħħar Kunsill Ewropew informali, li ltaqa’ fit-23 ta' Mejju. Minn meta saret din il-laqgħa, dan il-kunċett ġibed ħafna attenzjoni fid-dibattitu politiku u qiegħed jingħata ħafna importanza fl-aġenda tas-Samit Ewropew li jmiss.

Il-benefiċċji sħaħ mill-approfondiment tal-unjoni ekonomika u monetarja u milli-ħolqien ta' Unjoni bankarja jistgħu jagħtu l-frott biss jekk tiġi żviluppata unjoni fiskali.

Il-President tal-Kunsill Ewropew se jippreżenta rapport f'kollaborazzjoni mill-qrib mal-president tal-Kummissjoni Ewropea, il-President tal-Eurogroup u l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew lill-Kunsill Ewropew li jmiss (28-29 ta' Ġunju). Fil-kuntest tal-preparazzjoni ta’ dan ir-rapport se jiġu diskussi estensivament l-elementi ewlenin lejn integrazzjoni ekonomika u monetarja aktar profonda, inklużi l-unjoni bankarja u l-unjoni fiskali, kif ukoll il-metodi tal-ħidma.

Ladarba din il-viżjoni tiġi miftiehma fuq livell politiku, il-Kummissjoni se tipproponi l-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni tista' tagħmel proposti sa mill-ħarifa 2012. Trid ukoll li l-Kunsill u l-PE jħaffu l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fuq leġiżlazzjoni ewlenija li diġà qiegħda titħejja.

1. Ir-regolamentazzjoni bankarja tal-UE: x'għamilna?

Mill-bidu tal-kriżi, il-Kummissjoni Ewropea ressqet madwar 30 proposta għat-titjib fir-regolamentazzjoni tas-sistema finanzjarja, u għall-benefiċċju tal-ekonomija reali. Dan jirrappreżenta bażi solida biex wieħed jimxi aktar 'il quddiem fil-ħolqien ta' unjoni bankarja. Il-Kummissjoni kkontribwiet ukoll għat-tisħiħ tal-istabbiltà finanzjarja fis-settur bankarju permezz tal-politika tagħha tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-programmi differenti ta' stabbiltà u aġġustament.

Il-Kummissjoni ħadet l-azzjonijiet li ġejjin:

1.1 Miżuri li jippermettu superviżjoni aktar integrata tal-banek:

  • Tliet awtoritajiet superviżorji Ewropej (ASE) ġew stabbiliti fl-1 ta' Jannar 2011 sabiex jintroduċu arkitettura superviżorja:

  • l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE), li tindirizza s-superviżjoni bankarja, inkluża s-superviżjoni tar-rikapitalizzazzjoni tal- banek,

  • l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS), li tindirizza s-superviżjoni tas-swieq kapitali

  • u l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX), li tindirizza s-superviżjoni tal-assigurazzjoni.

Is-27 superviżur nazzjonali huma rappreżentati fit-tliet l-awtoritajiet superviżorji kollha. Ir-rwol tagħhom huwa li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ kodiċi uniku għar-regolamentazzjoni finanzjarja fl-Ewropa, isolvu problemi transfruntieri, jipprevjenu l-akkumulazzjoni tar-riskji, u jgħinu sabiex tiġi restawrata l-fiduċja. L-awtoritajiet superviżorji Ewropej individwali għandhom rwoli speċifiċi: pereżempju l-AETS hija s-superviżur tal-UE għall-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, filwaqt li l-ABE u l-AEAPX iwettqu "testijiet tal-istress" fis-setturi rispettivi tagħhom. L-ABE ssorveljat ukoll eżerċizzju attwali ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek tal-UE. L-AETS tista' tipprojbixxi prodotti li jheddu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja globali f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Barra minn hekk, il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ingħata l-kompitu li jissorvelja l-makroprudenza tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni.

Dan il-qafas ġdid ta’ superviżjoni finanzjarja ilu fis-seħħ minn Novembru 2010.

L-ABE għamlet biċċa xogħol tajba u stabbilixxiet malajr il-kredibilità tagħha bħala istituzzjoni ġdida. Il-merti tagħha għandhom jiġu ġġudikati fil-limiti tar-regoli miftiehma mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew. Il-biċċa l-kbira tas-setgħat superviżorji bankarji llum għadha f'idejn is-superviżuri nazzjonali u l-ABE għandha rwol ta' koordinazzjoni. Għall-ġejjieni, huwa ċar li hemm bżonn jinħolqu setgħat superviżorji diretti fil-livell tal-UE.

Għal aktar tagħrif dwar is-superviżjoni finanzjarja, ara MEMO/10/434.

1.2 It-tisħiħ tas-sistema bankarja,

Billi tkun żgurata kapitalizzazzjoni aħjar:

L-istituzzjonijiet bankarji daħlu fil-kriżi b'kapital li ma kienx suffiċjenti kemm fil-kwantità kif ukoll fil-kwalità u dan wassal għal għajnuna mingħajr preċedent mill-awtoritajiet nazzjonali. Bil-proposta tagħha dwar il-kapitalizzazzjoni bankarja ("CRD IV") li għamlet f’Lulju tas-sena li għaddiet (IP/11/915) (MEMO/11/527), il-Kummissjoni nediet il-proċess ta' implimentazzjoni fl-Unjoni Ewropea tal-istandards globali l-ġodda dwar il-kapital bankarju miftiehma fil-livell tal-G20 (aktar komunament magħruf bħala l-Ftehim Basel III). L-Ewropa qed tassumi rwol ta’ tmexxija f’dan ir-rigward billi tapplika dawn ir-regoli għal aktar minn 8 000 bank, li jirrappreżentaw 53 % tal-assi globali. Il-proposti tal-Kummissjoni bħalissa qed jiġu diskussi mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni tistenna li jintlaħaq ftehim dalwaqt.

Il-Kummissjoni trid ukoll tistabbilixxi qafas ta' governanza li jagħti setgħat ġodda lis-superviżuri nazzjonali biex jimmonitorjaw il-banek aktar mill-qrib u jieħdu azzjoni permezz ta' sanzjonijiet possibbli meta jidentifikaw riskji, bħal li jnaqqsu l-kreditu meta jkun jidher li qed jikber f'bużżieqa finanzjarja. Is-superviżuri Ewropej jintervjenu f'xi każijiet, pereżempju meta s-superviżuri nazzjonali f'sitwazzjonijiet transfruntieri ma jaqblux bejniethom.

Għal aktar informazzjoni dwar il-miżuri tal-UE dwar il-kapitalizzazzjoni tal-banek, ara IP/11/915.

Billi tiġi ffaċilitata r-ristrutturazzjoni tas-settur bankarju:

Fost ir-rekwiżiti politiċi indirizzati lill-Istati Membri li rċevew għajnuna finanzjarja internazzjonali kienet inkluża kondizzjonalità estensiva għas-settur finanzjarju.

Fir-rigward tas-settur bankarju, il-miżuri politiċi meħtieġa jikkonsistu, minn naħa, mill-istralċ ordnat ta' istituzzjonijiet mhux vijabbli u min-naħa l-oħra, mir-ristrutturar tal-banek vijabbli. Rekwiżiti kapitali ogħla, rikapitalizzazzjonijiet tal-banek, testijiet tal-istress, miri ta' deingranaġġ kif ukoll it-titjib tal-oqfsa regolatorji u superviżorji kienu wkoll parti mill-inizjattivi politiċi. Filwaqt li mhumiex speċifiċi għall-pajjiżi fil-programm, dawn il-miżuri ta' stabilizzazzjoni jiġu implimentati bl-aktar mod faċli fil-kuntest ta' għajnuna finanzjarja internazzjonali.

Aktar minn hekk, ta' min ifakkar li l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) tista' tipprovdi self lil Stati Membri taż-żona euro li mhumiex fil-programm għall-għan speċifiku li jiġi rikapitalizzati istituzzjonijiet finanzjarji, bil-kondizzjonalità xierqa, skont l-istituzzjoni kif ukoll orizzontalment inkluża riforma strutturali tas-settur finanzjarju domestiku.

Ristrutturar ta' bank speċifiku taħt il-programm imur id f'id mal-kondizzjonalità tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat.

Eżempji konkreti ta’ miżuri mmirati lejn is-settur bankarju meħuda fil-qafas ta' programmi ta' aġġustament makroekonomiku jew ta' programmi ta' għajnuna tal-bilanċ tal-pagamenti

Fil-Greċja, €50 biljun ġew allokati lill-Fond Elleniku tal-Istabbiltà Finanzjarja għall-fini ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek. Fil-Portugall, it-€12 biljun tal-Faċilità tal-Għajnuna tas-Solvenza tal-Banek ġew allokati f’kont dedikat fil-bank ċentrali.

Fir-rigward tal-pajjiżi mhux fiż-żona euro li rċevew għajnuna għal bilanċ tal-pagamenti, il-programm Latvjan inkluda wkoll pakkett ta' għajnuna għall-banek ta’ €600 miljun. Filwaqt li dawn ir-riżorsi finanzjarji huma parti integrali mill-pakketti ta' għajnuna finanzjarja internazzjonali, il-kontribut ewlenieni ta' dan tal-aħħar għall-istabbilizzazzjoni tas-setturi finanzjarji jvarja mir-ristrutturar tal-banek xprunat mill-programmi.

Għal aktar informazzjoni dwar il-programmi jekk jogħġbok ara:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/greek_loan_facility/index_en.htm

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/portugal/index_en.htm

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu_borrower/balance_of_payments/latvia/latvia_en.htm

Billi tiġi offruta aktar protezzjoni għal depożiti bankarji:

Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-UE, depożiti bankarji fi kwalunkwe Stat Membru diġà huma garantiti sa €100,000 għal kull depożitur jekk bank ifalli. Minn perspettiva ta’ stabbilità finanzjarja, din il-garanzija tipprevjeni lid-depożitanti milli jirtiraw il-flus f'panik mill-bank tagħhom u b'hekk jiġu evitati konsegwenzi ekonomiċi serji.

F'Lulju 2010, il-Kummissjoni pproponiet li tmur lil hinn, bl-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni tad-depożiti protetti, ħlas aktar mgħaġġel għall-finanzjament tal-iskemi u skemi mtejba ta' finanzjament, notevolment permezz tal-finanzjament ex ante tal-iskemi ta' garanzija tad-depożiti u faċilità ta' self reċiproku obbligatorja. L-idea wara dan hija li jekk skema ta' garanzija tad-depożiti nazzjonali tisfa vojta, tkun tista’ tissellef minn fond nazzjonali ieħor. Din tkun l-ewwel pass lejn skema ta' garanzija tad-depożiti pan-UE. Din il-proposta għadha qed tiġi diskussa mill-Kunsill u l-Parlament fit-tieni qari. Il-Kummissjoni tistieden lil-leġiżlaturi jħaffu l-proċess ta' kodeċiżjoni fuq din il-proposta u jżommu l-faċilità ta' self reċiproku.

Fl-immaniġġjar ta' għadd ta’ kriżijiet bankarji matul is-snin reċenti, l-awtoritajiet nazzjonali sikwit ħolqu struttura ġdida minn bank li jkun qed ifalli u trasferixxew xi funzjonijiet kritiċi tal-bank lejn din l-istruttura, bħas-salvagwardja tad-depożiti. Dan il-mekkaniżmu ta' riżoluzzjoni jiżgura li d-depożitaturi qatt ma jitilfu l-aċċess għat-tfaddil tagħhom (pereżempju fil-każ ta’ Northern Rock, il-bank inqasam f'bank tajjeb, li kien fih id-depożiti u s-self ipotekarju tajjeb, u f'bank ħażin li serva għall-istralċ tas-self danneġġat).

Għal aktar informazzjoni dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal sistema Ewropea ta’ garanziji tad-depożiti, ara IP/10/918.

Billi tikkalibra l-kontroll tagħha tal-għajnuna mill-Istat:

Il-Kummissjoni kif ikkontrollat l-għajnuna mill-Istat lill-banek matul kriżi?

Meta s-swieq finanzjarji kienu f'xifer il-kollass, l-istint naturali ta' xi wħud li jfasslu l-politika kien li jwarrbu r-regoli komuni tagħna u jaġixxu unilateralment. Mingħajr xi forma ta’ koordinazzjoni mal-UE kollha, stajna rajna tellieqa ta' sussidji, trasferimenti ta' kapital massivi minn pajjiż għall-ieħor, u probabbilment it-tmiem tas-suq intern kif nafuh.

Konna ħfief biex stabbilixxejna reġim ta’ kriżi. Fil-Ħarifa 2008, il-Kummissjoni ppubblikat malajr gwida li spjegat kif l-Istati Membri setgħu jgħinu lill-banek jew negozji f’diffikultà skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Din il-gwida kienet ibbażat fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE), li jippermetti għajnuna mill-Istat biex tirrimedja inkwiet serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

L-ewwel Komunikazzjoni, adottata f'Ottubru 2008, spjegat il-prinċipji bażiċi għall-iskemi ta’ għajnuna, bħal li l-għajnuna tinżamm għal żmien u ambitu limitati, l-iżgurar li l-eliġibilità għal skema ta’ għajnuna ma tkunx ibbażata fuq in-nazzjonalità jew tevita li banek benefiċjarji inġustament jattiraw negozju addizzjonali ġdid unikament b'riżultat tal-għajnuna tal-gvern (ara IP/08/1495). Eżempju tajjeb hija l-iskema Irlandiża ta' għajnuna lill-banek, li kienet emendata sabiex tiżgura kopertura nondiskriminatorja tal-banek b'rilevanza sistemika għall-ekonomija Irlandiża, irrispettivament mill-oriġini (ara IP/08/1497).

Din ġiet segwita minn Komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek f’Diċembru 2008, li tindirizza l-ħtieġa li jiġu rikapitalizzati l-banek, jiġu indirizzati l-kwistjonijiet tas-solvenza u l-aċċess għal kreditu għall-ekonomija reali (ara IP/08/1901) u fi Frar 2009 bil-"Komunikazzjoni dwar l-Assi Danneġġati" li pprovdiet qafas biex jiġu ttrattati l-problemi tal-assi tossiċi (ara IP/09/322).

Fl-aħħarnett, f’Lulju 2009, il-Kummissjoni adottat "Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar", fejn ipprovdiet ċarezza dwar kif il-Kummissjoni se teżamina r-ristrutturar tal-banek sabiex ikunu jistgħu jerġgħu jiksbu l-vijabbiltà fit-tul, jikkondividu l-piż tal-ispiża tas-salvataġġ tagħhom, u kif se tindirizza kwalunkwe tgħawwiġ fil-kompetizzjoni li jirriżulta mill-ammonti kbar ta’ għajnuna li rċevew il-banek (ara IP/09/1180). Mill-1 ta' Jannar 2011, kull bank li kellu bżonn għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kapital jew miżuri minħabba assi danneġġati kellu jippreżenta pjan ta’ ristrutturar (u mhux biss il-banek f’diffikultà, kif kien jiġri fil-passat).

Każijiet li juru kif ir-ristrutturar ta’ banek importanti kien iggwidat minn dawn ir-regoli tinkludi l-KBC (ara IP/09/1730) u l-Lloyds (ara IP/09/1728).

X'kienet il-prassi tal-Kummissjoni s’issa?

Meta tikkontrolla l-għajnuna mill-Istat lill-banek, il-Kummissjoni kienet qed taġixxi bħala awtorità de facto tal-immaniġġjar tal-kriżijiet u r-riżoluzzjoni fil-livell tal-UE, li taħdem biex tindirizza l-problemi strutturali li kienu qed jaffettwaw ħafna banek minn ħafna qabel il-kriżi. Tliet għanijiet prinċipali jiggwidaw xogħlna: Is-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja, il-preservazzjoni tal-integrità tas-suq intern, u l-iżgurar li l-benefiċjarji tal-għajnuna jirritornaw għall-vijabbiltà fit-tul. Ir-ristrutturar li tlabna huwa bbażata fuq tliet prinċipji: li l-bank jirritorna għall-vijabbiltà fit-tul mingħajr il-ħtieġa ta' aktar għajnuna mill-Istat, li l-bank u l-azzjonisti tiegħu u d-detenturi tal-kapital iridu jikkontribwixxu għall-ispejjeż tar-ristrutturazzjoni tiegħu, u li t-tfixkil għall-kompetizzjoni kkawżat mill-għajnuna jiġi mitigat. Pereżempju, tlabna lil xi banek jitbiegħdu minn mudelli ta’ negozju mhux sostennibbli bbażati fuq ingranaġġ eċċessiv u dipendenza żejda fuq finanzjament fil-livell ta' operatur fuq terminu qasir ta' żmien. F'każijiet oħra, tlabna tnaqqis u simplifikazzjoni tal-istrutturi bankarji. Fl-aħħar nett, meta kien ċar li l-vijabbiltà ta’ bank ma setgħetx tiġi restawrata, ingħata bidu għal riżoluzzjoni ordnata tiegħu. Fil-każijiet kollha, tlabna lill-banek iħallsu lura l-għajnuna li rċievew mingħand il-gvernijiet tagħhom. Din il-kundizzjoni hija vitali, għax tindirizza l-kwistjoni tal-periklu morali u tillimita l-ispiża għal kontribwenti.

Bħala eżempji: dan irriżulta f’ristrutturar profond u r-riżoluzzjoni parzjali ta' banek bħall-Hypo Real Estate (ara IP/11/898), Kommunalkredit (ara IP/11/389), u Northern Rock (ara IP/09/1600). Il-mudell ta' negozju insostenibbli adottat minn xi Landesbanken Ġermaniżi rriżulta – fil-każijiet bħall-LBBW (ara IP/09/1927) u HSH (ara IP/11/1047) – fir-ristrutturra tan-negozju ewlieni tagħhom. Fil-każ tal-WestLB – il-vijabbiltà tagħha ma setgħetx tiġi restawrata – ir-riżultat kien riżoluzzjoni ordinata (ara IP/11/1576). F’okkażjonijiet oħra, il-gvernijiet kellhom jassumu l-piż ta' deċiżjonijiet ta' negozju ħżiena adottati minn banek sistemikament importanti. F'dawn il-każijiet, tlabna tnaqqis u simplifikazzjoni sinifikanti tal-istrutturi bankarji, bħal ma ġara fil-każ tal-ING u Commerzbank (ara IP/09/711).

Kemm ser idum japplika r-reġim tal-kriżijiet għall-għajnuna mill-Istat lis-settur finanzjarju? X'se jiġri wara?

Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fil-kriżi dejjem kellu żewġ għanijiet: fuq naħa waħda, kellna nindirizzaw id-diffikultajiet immedjati; min-naħa l-oħra, wittejna t-triq għax-xenarju ta’wara l-kriżi. Mill-bidu, imponejna kundizzjonijiet ta' ristrutturar li kienu ddiżinjati biex tinkiseb aktar stabbilità tas-swieq finanzjarji u biex jgħinu lill-banek jerġgħu jibdew jiffinanzjaw l-ekonomija reali. Dawn il-kundizzjonijiet jinkludu li l-banek iħallsu għal, u eventwalment iħallsu lura, l-għajnuna pubblika u li l-azzjonisti u d-detenturi tal-kapital ibridu jġorru sehem ġust tal-piż ħalli tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-periklu morali.

Fl-aħħar tal-2011 konna qed inħejju biex nimxu mir-reġim ta’ emerġenza għal regoli aktar permanenti u ta' wara l-kriżi. Iżda t-tensjonijiet li komplew fis-swieq wassluna biex nestendu r-reġim tal-kriżi għall-2012, u biex intawlu l-erba’ Komunikazzjonijiet Bankarji kollha, bi ftit modifiki. Dan kien prinċipalment biex jiġi żgurat li l-Istat jiġi remunerat b'mod xieraq meta, kif inhu dejjem aktar probabbli fil-futur, l-Istati Membri jiddeċiedu li jirrikapitalizzaw il-banek tagħhom bl-użu ta' strumenti bħal ishma ordinarji, li għalihom, ir-remunerazzjoni tagħhom ma tkunx iffissata bil-quddiem. Metodoloġija riveduta dwar ir-remunerazzjoni tal-garanziji għall-finanzjament tal-ħtiġijiet tal-banek – il-parti l-kbira tal-għajnuna sal-lum – kienet ukoll miftiehma biex jiġi żgurat li t-tariffi li jħallsu l-banek jirriflettu r-riskju intrinsiku tagħhom u mhux ir-riskju relatat mal-Istat Membru konċernat jew mas-suq kollu (ara IP/11/1488).

Ir-regoli se japplikaw sakemm ikun meħtieġ mill-kondizzjonijiet tas-suq. Malli ċ-ċirkustanzi tas-suq jippermettu, il-Kummissjoni se tadotta reġim permanenti għal għajnuna mill-Istat għas-settur finanzjarju.

1.3 Miżuri oħra meħuda biex jissaħħaħ is-settur finanzjarju tal-Ewropa

Barra mit-tisħiħ tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju, żieda fil-protezzjoni għad-depożitanti tal-banek, it-tisħiħ tar-rekwiżiti kapitali għad-ditti finanzjarji, u t-titjib tal-immaniġġjar tal-kriżijiet fis-settur bankarju, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll:

  • biex teżamina r-riforma tal-istruttura tas-settur bankarju permezz tax-xogħol tal-grupp ta' esperti ta' livell għoli mmexxi minn Erkki Liikanen (ara MEMO/12/129);

  • biex tirregola l-operat bankarju klandestin (ara IP/12/253)

  • biex tagħmel il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu aktar affidabbli (ara IP/11/1355);

  • biex tissikka r-regoli tal-fondi ħeġġ (ara IP/09/669), il-bejgħ bin-nieqes (ara IP/10/1126) u derivattivi (ara IP/10/1125);

  • biex tirrevedi r-regoli attwali dwar il-kummerċ fi strumenti finanzjarji (ara IP/11/1219), l-abbuż tas-suq (ara IP/11/1217) u l-fondi ta investiment (ara IP/10/869);

  • biex jitrażżnu l-prassi tas-salarji fil-banek li jinkoraġġixxu l-imprudenza (ara IP/09/1120);

  • biex tirriforma tas-setturi tal-awditjar (ara IP/11/1480) u tal-kontabilità (ara IP/11/1238).

2. Il-Proposti huma mistennija jidħlu fis-seħħ dalwaqt:

Il-proposta dwar l-għodod tar-riżoluzzjoni għall-banek fi kriżi

Il-proposta tal-Kummissjoni dwar l-għodod tal-irkupru u r-riżoluzzjoni għall-banek fi kriżi, adottata fis-6 ta’ Ġunju, hija l-aħħar minn sensiela ta' miżuri proposti biex jissaħħaħ is-settur bankarju tal-Ewropa u jiġu evitati effetti ta’ kontaġju ta' kwalunkwe kriżi finanzjarja fil-ġejjieni, b'effetti negattivi fuq id-depożitanti u għall-kontribwenti.

Biex tiżgura li s-settur privat iħallas is-sehem ġust tiegħu fi kwalunkwe pleġġ fil-ġejjieni, l-UE pproponiet qafas komuni ta' regoli u setgħat biex tgħin lill-pajjiżi tal-UE jintervjenu ħalli jimmaniġġjaw banek li jkunu f'diffikultà. Pleġġijiet ripetuti ta' banek żiedu l-perċezzjoni pubblika ta' inġustizzja kbira, żiedu d-dejn pubbliku u imponew piż ikbar fuq il-kontribwenti.

Qafas komuni għall-UE kollha ta' għodod għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-banek għandu joffri għodda biex, l-ewwel nett jiġu evitati l-kriżijiet milli jinħolqu u t-tieni nett biex jiġu indirizzati kmieni jekk jinħolqu.

Dan se jipprovdi sett ta' għodod li jippermettu riżoluzzjoni mmaniġġjata ta' banek u istituzzjonijiet finanzjarji fejn meħtieġ.

Xi strumenti se joffri l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) lis-settur bankarju?

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) ser ikollu kapaċità ta' self ta' €500 biljun. Għall-Istati Membri taż-żona euro mhux soġġetti għal programm, l-MES se jkollu l-possibbiltà li jipprovdi self għall-għan speċifiku ta' rikapitalizzazzjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji. L-għoti ta’ tali assistenza finanzjarja huwa soġġett għal deċiżjoni pożittiva tal-Bord tal-Gvernaturi tal-MES, jiġifieri l-ministri tal-finanzi tal-Istati Membri taż-żona euro. Il-kundizzjonalità marbuta ma' assistenza finanzjarja għandha tiġi stipulata f’Memorandum ta’ Ftehim u se tinkludi kondizzjonalità speċifika għall-istituzzjoni kif ukoll kondizzjonalità orizzontali. Ir-rikapitalizzazzjonijiet jistgħu wkoll jitwettqu bħala self akkumpanjat bi programm ta' aġġustament makroekonomiku sħiħ. It-Trattat tal-MES attwalment ma jipprevedix għoti ta' self dirett mill-MES lill-istituzzjonijiet finanzjarji.

3. Miżuri kkunsidrati għal azzjoni fuq perjodu ta' żmien medju

Il-Kummissjoni lesta li fil-ħarifa tippreżenta proposti ewlenin sabiex tintroduċi superviżjoni bankarja aktar integrata u diretta fil-livell tal-UE, garanzija tad-depożiti komuni u fondi ta' riżoluzzjoni komuni, abbażi tal-orjentazzjoni politika tal-Kunsill Ewropew.

L-elementi li ġejjin għandhom ikunu parti mill-istess qafas kumplessiv peress li l-prinċipju bażiku huwa ċar: il-kondiviżjoni tar-riskju fi skema ta' garanzija titlob superviżjoni soda u integrata tas-settur bankarju li tkun kapaċi tiżgura fiduċja reċiproka bejn il-pajjiżi kollha kkonċernati.

  • sistema integrata għas-superviżjoni ta' banek transfruntieri

Filwaqt li r-rwol attwali tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huwa prinċipalment li jissorveljaw il-funzjonament u l-konverġenza tas-sistemi superviżorji nazzjonali, il-Kummissjoni biħsiebha tipproponi l-ħolqien ta' superviżjoni bankarja fil-livell tal-UE. Is-sistema tagħna hija frammentata wisq biex taffronta l-isfidi attwali, u dan ma jwassalx għall-fiduċja neċessarja bejn l-Istati Membri. Dan jeħtieġ ftehim politiku dwar aktar superviżjoni indipendenti mill-UE.

  • skema unika ta' garanziji tad-depożiti (SGD):

Fil-kuntest tal-proposta tas-SGD fl-2010, il-Kummissjoni pproponiet il-possibbiltà ta' self reċiproku, f'każ li xi skema tisfa' vojta. Il-Kummissjoni qed teżamina l-alternattivi differenti biex tibni fuq dan. Barra minn hekk, aħna nikkunsidraw l-iskema ta' garanziji tad-depożiti u l-fond tar-riżoluzzjoni bħala parti tal-istess qafas, peress li riżoluzzjoni b'suċċess ta' bank tevita li wieħed ikollu jirrikorri għall-garanziji tad-depożiti.

  • fond tal-UE tar-riżoluzzjoni

Il-proposta tagħna dwar l-għodod tal-irkupru u r-riżoluzzjoni għall-banek fi kriżi tista’ tkun l-ewwel pass lejn fond tal-UE tar-riżoluzzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi t-twaqqif ta' fondi fuq livell nazzjonali li jkunu jinteraġixxu u jkollhom isellfu lil xulxin taħt ċerti kondizzjonijiet u meta meħtieġ, ħalli jikkostitwixxu sistema Ewropea ta' fondi ta' riżoluzzjoni.

Barra minn hekk, se jkollha tiġi organizzata minn qabel integrazzjoni iktar mill-qrib tal-arranġamenti superviżorji u ta' riżoluzzjoni għal istituzzjonijiet transfruntieri. Il-proposta tipprevedi l-mekkaniżmi biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali u l-ABE jikkooperaw fir-rigward ta' banek transfruntieri li jiffaċċaw problemi.

L-Istati Membri huma offruti l-għażla, li minflok joħolqu fondi ta' riżoluzzjoni separati, jgħaqqdu s-SGD u l-arranġament ta' finanzjament tar-riżoluzzjoni. Ara MEMO/12/416.

Il-proposta trid tgħaddi mill-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u issa tinsab fuq il-mejda tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

4. Ideat oħrajn għar-riflessjonijiet fil-futur

Fir-rigward tal-prospetti li l-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja u/jew l-MES ikunu jistgħu joffru għajnuna direttament lill-banek, din hija wkoll kwistjoni importanti. Il-possibbiltà li tiġi evitata jew tinqata' r-rabta bejn is-sovrani u l-banek tista' titqies bħala alternattiva għal rikapitalizzazzjoni diretta tal-banek, iżda mhijiex parti mit-Trattat MES fil-forma attwali tiegħu. Dan għandu jservi ta' riflessjoni fil-futur sabiex jiġu indirizzati l-għeruq ta' din il-kriżi attwali tad-dejn.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website