Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Id-drittijiet tal-passiġġieri: x’jeħtieġ li jkunu jafu l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

Commission Européenne - MEMO/12/422   14/06/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, l-14 ta’ Ġunju 2012

Id-drittijiet tal-passiġġieri: x’jeħtieġ li jkunu jafu l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru

Il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida li jiċċaraw id-drittijiet ta’ passiġġieri b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru. Il-linji gwida qed jiġu ppubblikati qabel il-Logħob Olimpiku tal-2012 – wieħed mill-akbar avvenimenti sportivi fid-dinja – li se jseħħu f’Londra s-sajf li ġej, speċifikament biex jiffaċilitiaw l-ivvjaġġar tal-atleti li se jieħdu sehem u ta’ ħafna ċittadini tal-UE b’mobbiltà mnaqqsa li għadhom jiltaqgħu ma’ problemi meta jivvjaġġaw bl-ajru. Il-linji gwida huma bbażati fuq valutazzjoni dettaljata tar-Regolament dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru1.X’inhi l-problema?Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri ilha fis-seħħ għal iktar minn erba' snin issa. Madankollu, għad hemm xi problemi prattiċi u inċertezzi minn naħa waħda għat-trasportaturi bl-ajru u l-ajruporti u min-naħa l-oħra għall-passiġġieri b’diżabbiltà u l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa.

Għad fadal wisq każijiet fejn il-passiġġieri jbatu minħabba rifjuti mhux ġustifikati jew minħabba restrizzjonijiet fuq il-bukings jew l-imbarki bbażati fuq raġunijiet ta’ sikurezza xejn ċari (ara hawn taħt).

Għadd sinifikanti ta’ passiġġieri mhumiex infurmati dwar id-drittijiet tagħhom;

Persentaġġ limitat biss (madwar 40%) tal-passiġġieri jagħtu notifika minn qabel dwar il-ħtiġijiet tal-assistenza tagħhom qabel il-vjaġġ. Din hija problema kruċjali għall-ajruporti u għat-trasportaturi bl-ajru meta jippruvaw jipprovdu l-assistenza;

L-inkonsistenzi fil-mod kif il-liġi hija applikata, iwasslu biex il-passiġġieri jiffaċċjaw rekwiżiti differenti u limitazzjonijiet differenti f’okkażjonijiet differenti meta huma jivvjaġġaw fl-ajruporti u fil-linji tal-ajru.

Xi eżempji jinkludu:

  • Uffiċjal għoli tan-NU ma tħallix jitla’ fuq titjira minn Heathrow għal Ġinevra għax ma kienx akkumpanjat. L-uffiċjal kien vjaġġatur frekwenti parapleġiku li kien ilu jivvjaġġa għal ħmistax-il sena mingħajr ma jkun akkumpanjat.

  • 3 passiġġieri fuq titjiriet Franċiżi interni ġew irrifjutati li jimbarkaw għaliex ma kienux akkumpanjati. Dawn sussegwentement irnexxilhom jisfidaw id-deċiżjoni quddiem il-Qorti. Il-linja tal-ajru u l-kumpanija li tipprovid servizzi fuq ir-rampa ffaċċjaw multi sostanzjali minħabba n-nuqqas ta' konformità.

X’inhuma r-regoli attwali?

Il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru daħlet fis-seħħ bis-sħiħ f'Lulju 2008 (ir-Regolament KE 1107/2006) u tiggarantixxi d-dritt għan-nondiskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ diżabbiltà jew ta’ mobbiltà mnaqqsa. Persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandhom l-istess dritt biex jivvjaġġaw bħall-persuni mingħajr tali limitazzjonijiet ta’ mobbiltà.

Dawn id-drittijiet jinkludu:

  • Id-dritt għan-nondiskriminazzjoni fil-ħin tal-ibbukkjar tat-titjira u x-xiri tal-biljett

  • Id-dritt li jivvjaġġaw fuq l-istess livell bħal kull passiġġier ieħor

  • Id-dritt għal informazzjoni dwar ir-regoli tas-sikurezza applikati mit-trasportaturi bl-ajru

  • Id-dritt għal assistenza mingħajr ħlas fl-ajruport u abbord l-inġenju tal-ajru

  • Id-dritt li jittrasportaw biċċtejn tagħmir ta’ mobbiltà mingħajr ħlas

Sabiex jibbenefikaw minn dawn id-drittijiet il-passiġġieri b’diżabbiltà u l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu infurmati b’dan li ġej:

In-notifika tal-ħtiġijiet tiegħek ta’ assistenza lil-linja tal-ajru, lill-aġenzija tal-ivvjaġġar jew lill-operatur tal-vjaġġi mill-inqas 48 siegħa qabel it-tluq tat-titjira hija kruċjali. Il-korpi ta’ maniġment tal-ajruporti jiġu infurmati skont dan u għandhom ikunu responsabbli biex jipprovdulek l-assistenza sal-bieb tat-tluq tal-ajruplan u sas-siġġu tiegħek; dak il-ħin l-assistenza hija r-responsabbiltà tal-linji tal-ajru. L-assistenza hija mingħajr ħlas.

Għalkemm, in-notifika minn qabel mhix obbligatorja, huwa ferm irrakkomandat, li tiżgura li l-fornituri tas-servizzi (il-maniġers tal-ajruport u t-trasportaturi bl-ajru) ikunu jistgħu jorganizzaw l-assistenza l-aktar xierqa skont il-ħtiġijiet tiegħek u skont iċ-ċirkostanzi tal-vjaġġ tiegħek.

Talbiet għat-trasport ta’ siġġu bir-rotu tal-elettriku jew għat-trasport ta' oġġetti oħra potenzjalment perikolużi għandhom ikunu notifikati lit-trasportatur bl-ajru 48 siegħa bil-quddiem.

Is-sikurezza tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ kollha abbord hija ta’ importanza prijoritarja. Fil-każ li t-trasportaturi bl-ajru jirrifjutaw it-tlugħ abbord lil persuni b'diżabbiltà jew lil persuni b'mobbiltà mnaqqsa dan għandu jkun ibbażat fuq raġunijiet ta’ sikurezza ġustifikati b'mod ċar.

Minn mindu daħal fis-seħħ, ir-Regolament irriżulta f’aċċess aktar faċli għat-trasport bl-ajru u vjaġġar b’anqas xkiel għal iktar minn 2 miljun vjaġġatur b’diżabbiltà u b’mobbiltà mnaqqsa li jużaw l-ajruporti ewlenin tal-Ewropa kull sena (ċifri għall-2010).

Illum, erba’ snin wara l-applikazzjoni tiegħu ksibna xi tagħlimiet li wasslu għall-pubblikazzjoni ta' dawn il-linji gwida sabiex jiġu ċċarati wħud mid-drittijiet u l-obbligi tal-atturi differenti.

X’qed nipproponu?

Il-linji gwida jkopru lill-vjaġġaturi fl-ajruporti kollha tal-UE u l-operazzjonijiet tat-trasportaturi tal-UE li jaslu fl-UE u li jitilqu mill-UE. Dawn ikopru wkoll lit-trasportaturi li mhumiex tal-UE li jitilqu mill-Ewropa jew li qegħdin fiha.

L-għan tagħhom huwa li jiġu ċċarati r-regoli dwar l-aċċess għall-ivvjaġġar bl-ajru mingħajr diskriminazzjoni filwaqt li josservaw il-prinċipju fundamentali u suprem tas-sikurezza għall-persuni kollha abbord.

Dawn il-linji gwida ġew diskussi bir-reqqa mal-partijiet interessati kollha: l-awtoritajiet nazzjonali, l-industrija tal-avjazzjoni (l-organizzazzjonijiet tal-linji tal-ajru u tal-ajruporti) kif ukoll l-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi u tal-utenti, notevolment dawk li jirrappreżentaw lil persuni b'diżabbiltà u persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Huma jipprovdu gwida fil-forma ta' 22 mistoqsija u tweġiba dwar oqsma varji.

Għall-fini ta’ dan il-MEMO, hawnhekk qed niffokaw fuq il-problemi l-aktar komuni u l-aktar prattiċi.

Min huwa l-passiġġier b'mobbiltà mnaqqsa?

X'inhi l-problema fid-definizzjoni?

Id-definizzjoni mogħtija fir-Regolament hija wiesgħa ħafna, u tkopri "kull persuna li l-mobbiltà tagħha, meta din tuża t-trasport, tkun imnaqqsa minħabba kwalunkwe diżabbiltà fiżika (sensorja jew lokomotorja, permanenti jew temporanja), diżabbiltà jew indeboliment intelletwali, jew kwalunkwe kawża oħra ta' diżabbiltà, jew età, u li s-sitwazzjoni tagħha teħtieġ attenzjoni adegwata". Din wasslet għal interpretazzjonijiet li jvarjaw rigward min huwa kkunsidrat bħala persuna b'mobbiltà mnaqqsa u għalhekk hija intitolata għall-assistenza.

X’tgħid il-gwida?

Il-linji gwida jagħmluha ċara li filwaqt li l-akbar kategoriji huma l-passiġġieri b’diżabbiltà u l-anzjani, hemm xi ċittadini vulnerabbli oħrajn li huma mċaħħda mill-mobbiltà sħiħa tagħhom u li jistgħu jkollhom bżonn ta’ assistenza skont iċ-ċirkostanzi tal-ivvjaġġar tagħhom.

Il-linji gwida jenfasizzaw li t-talbiet għall-assistenza għandhom ikunu proporzjonati u adattati għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-passiġġier, iżda huwa mistenni li l-assistenza għandha tiġi pprovduta mingħajr restrizzjoni bla bżonn.

F'dan il-kuntest, huwa importanti li wieħed jinnota, li l-mobbiltà ta’ passiġġier tista’ tkun imnaqqsa fl-ajruport stess, eż. f'ajruporti kbar ħafna b’distanzi twal li l-passiġġier ikollu jaqsam jew f’punti ta' konnessjoni. F'dawn il-każijiet l-assistenza tkun meħtieġa biss fl-ajruport - il-mobbiltà ta' dawn il-passiġġieri ma tkunx meqjusa bħala mnaqqsa abbord l-ajruplan.

Xi tfisser notifika minn qabel u għaliex din hija daqshekk importanti?

X’inhi l-problema?

In-notifika minn qabel hija ta’ importanza kruċjali għall-ajruport u għal-linji tal-ajru biex ikunu jistgħu jipprovdu l-assistenza xierqa.

Madankollu, fil-preżent, għadd limitat biss ta’ passiġġieri li jeħtieġu l-assistenza jagħtu n-notifika tal-ħtiġijiet tagħhom qabel it-tluq, u b’hekk iċaħħdu lill-fornituri tas-servizzi mill-ħin ta’ preparazzjoni neċessarju biex jipprovdu l-assistenza meħtieġa. Din hija l-kawża ewlenija ta' ħafna problemi fis-sistema.

X’tgħid il-gwida?

Sabiex ikun żgurat li l-fornituri tal-assistenza huma f'pożizzjoni li jipprovdu s-servizz meħtieġ bl-aħjar kwalità, huwa essenzjali li tinforma lit-trasportatur bl-ajru mill-inqas 48 siegħa qabel it-tluq sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-preparazzjoni meħtieġa

Il-linji gwida jenfasizzaw li l-fornituri tas-servizzi għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jassistu wkoll lill-passiġġieri li ma jkunux taw notifika minn qabel tal-ħtiġijiet tagħhom; madankollu huma jistgħu jagħtu prijorità lil dawk li jkunu avżaw kif mitlub.

Jistgħu jiġu obbligati l-passiġġieri b'mobbilità mnaqqsa li jipprovdu ċertifikat mediku biex ikollhom assistenza b’xejn? Le.

X’inhi l-problema?

Ċerti trasportaturi bl-ajru jitolbu ċertifikati mediċi sabiex il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jagħtu prova tal-bżonn tagħhom għall-assistenza. F'xi każijiet hemm tariffi għall-forniment ta' assistenza.

X’tgħid il-gwida?

It-trasportaturi bl-ajru u l-fornituri tas-servizzi fl-ajruporti ma jistgħux jitolbu għal tali prova bħala prekundizzjoni għall-bejgħ ta’ biljett jew biex persuna titħalla ttir jew tiġġustifika talba għal assistenza.

Jistgħu biss jistaqsu għal ċertifikati mediċi jekk is-saħħa u s-sikurezza tal-passiġġier, tal-passiġġieri l-oħra jew tal-membri tal-ekwipaġġ jistgħu jkunu f’riskju. L-assistenza lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni b'mobbiltà mnaqqsa għandha tingħata bla ħlas.

Jeħtieġ li jkolli l-ossiġenu abbord. Nista’ nieħu l-provvista tiegħi stess tal-ossiġenu jew dan se jingħata mit-trasportatur bl-ajru?

X’inhi l-problema?

It-trasportaturi bl-ajru japplikaw regoli differenti dwar it-trasport tal-ossiġenu u dan iwassal għal sitwazzjonijiet ta’ konfużjoni għall-passiġġieri li jenħtieġu l-ossiġenu abbord.

X’tgħid il-gwida?

Il-linji tal-ajru huma meħtieġa li jġorru tagħmir mediku mingħajr ħlas, soġġett għal kwalunkwe rekwiżit rilevanti dwar oġġetti perikolużi.

Pereżempju, jekk inti teħtieġ l-ossiġenu matul it-titjira huwa importanti li tiċċara direttament mat-trasportatur bl-ajru jekk tistax ittella’ l-provvista tiegħek tal-ossiġenu. Għal raġunijiet ta’ sikurezza, it-trasportatur bl-ajru jista' ma jippermettix dan jew jista’ jiddeċiedi li jipprovdi l-ossiġenu huwa stess (għalkemm mhuwiex obbligat li jagħmel dan).

Bħalissa ma hemm l-ebda regoli standardizzati dwar il-ġarr tal-ossiġenu fl-UE. Għalhekk il-linji gwida jenfasizzaw li l-linji tal-ajru huma intitolati li jistabbilixxu r-rekwiżiti tagħhom stess għall-ġarr tal-ossiġenu fuq il-bażi ta’ raġunijiet ta’ sikurezza. Madankollu, din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli b’mod ċar għall-passiġġieri. Jekk it-trasportatur bl-ajru jipprovdi l-ossiġenu, il-linji gwida jiddikjaraw li dan għandu jsir bi prezz raġonevoli.

Il-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu dejjem akkumpanjati? Le.

X’inhi l-problema?

Xi trasportaturi ma jħallux il-persuni b'diżabbiltà jewi l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa jitilgħu abbord jekk ma jkunux akkumpanjati.

X’tgħid il-gwida?

Jekk inti indipendenti, in-norma hija li inti kapaċi tivvjaġġja waħdek.

Il-mobbiltà mnaqqsa mhix raġuni għal trasportatur bl-ajru biex jirrikjedi li persuna b'diżabbiltà jew persuna b'mobbiltà mnaqqsa tkun akkumpanjata.

Passiġġier jista’ jkun meħtieġ li jkun akkumpanjat minn persuna oħra fil-każ biss jekk ikun ċar li l-passiġġier ma jistax jissodisfa r-rekwiżiti xierqa tas-sikurezza.

Jekk jien nivvjaġġa ma’ persuna li takkumpanjani, dik il-persuna se jkollha tixtri biljett u tista’ hi toqgħod bil-qiegħda ħdejja?

X’inhi l-problema?

It-trasportaturi bl-ajru għandhom politiki differenti rigward jekk il-persuni li jakkumpanjaw passiġġieri b'diżabbiltà u passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa għandhomx iħallsu għas-siġġu tagħhom. Kien hemm ukoll xi sitwazzjonijiet fejn il-persuni li jakkumpanjaw ma setgħux joqgħodu bil-qiegħda ħdejn il-passiġġieri li kellhom bżonn l-assistenza, minkejja li r-Regolament jiddikjara li għandhom “jagħmlu kull sforz raġonevoli" biex dan isir.

X’tgħid il-gwida?

Ir-Regolament ma jispeċifikax jekk is-siġġu għal persuna li takkumpanja għandux jiġi offrut bla ħlas jew bi prezz imnaqqas. Il-linji gwida għalhekk iħallu dan għad-diskrezzjoni tat-trasportaturi bl-ajru. Madankollu, għal xi trasportaturi dan jifforma parti mis-servizz tal-klijent tagħhom.

Il-linji gwida jenfasizzaw li jkunu xi jkunu l-politiki tat-trasportaturi f’dan ir-rigward, huma jeħtieġu jipprovdu informazzjoni trasparenti lill-passiġġieri.

L-informazzjoni għandha wkoll tkun disponibbli jekk ikun hemm xi restrizzjonijiet tas-sikurezza partikolari dwar l-arranġament tal-postijiet bil-qiegħda għall-persuni b’diżabbiltà u għall-persuni b’mobbiltà mnaqqsa – pereżempju siġġijiet fejn dawn jistgħu jfixklu l-evakwazzjoni ta’ emerġenza.

Fir-rigward tal-arranġament tas-siġġijiet tal-persuni li jakkumpanjaw maġenb il-passiġġieri b’diżabbiltà jew il-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa, ir-Regolament KE 1107/2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru, iqiegħed l-obbligu ċar fuq it-trasportaturi bl-ajru li jagħmlu l-isforzi kollha raġonevoli biex dan isir. Il-linji gwida jenfasizzaw dan il-punt.

It-tagħmir ta’ mobbiltà tiegħi jiġi ttrasportat mingħajr ħlas?

X’inhi l-problema?

Il-persuni b'diżabbiltà u l-persuni b'mobbiltà mnaqqsa mhux dejjem ikunu jafu bir-regoli applikabbli għat-trasport tat-tagħmir ta' mobbiltà. Dan jista’ jwassal għal sitwazzjonijiet konfliġġenti fl-ajruport. Skont ir-Regolament, int intitolat li jkollok biċċtejn tagħmir ta’ mobbiltà ttrasportati mingħajr ħlas.

X’tgħid il-gwida?

Il-linji gwida jenfasizzaw li l-passiġġieri u l-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa jistgħu jkollhom biċċtejn tagħmir ta’ mobbiltà ttrasportati mingħajr ħlas. Passiġġier li juża siġġu bir-roti tal-elettriku għandu jinnotifika lit-trasportatur mill-inqas 48 siegħa minn qabel. Il-linji gwida jenfasizzaw ukoll li klieb rikonoxxuti ta’ gwida u assistenza għandhom jivvjaġġaw fil-kabina suġġett għal notifika xierqa minn qabel.

Bħal għal kwalunkwe passiġġier, it-tagħmir sportiv li mhuwiex tagħmir ta' mobbiltà huwa kopert mir-regoli ġenerali dwar il-bagalji

X’għandi nagħmel jekk inħoss li trasportatur bl-ajru jew ajruport ma jirrispettax id-drittijiet tiegħi?

X’inhi l-problema?

Il-passiġġieri spiss ma jkunux jafu l-passi li għandhom jieħdu jekk huma jħossu li drittijiethom ma ġewx irrispettati u meta jkunu jridu jilmentaw.

X’tgħid il-gwida?

Il-linji gwida jiċċaraw li:

  • Jekk inti taħseb illi d-drittijiet tiegħek ma ġewx rispettati, inti għandek l-ewwel tressaq il-kwistjoni għall-attenzjoni tal-maniġer tal-ajruport jew tat-trasportatur bl-ajru.

  • Jekk inti mintix sodisfatt bit-tweġibiet tagħhom, inti tista' tippreżenta ilment quddiem il-korp nazzjonali kompetenti tal-infurzar li r-rwol tiegħu huwa li jiżgura li l-operaturi tat-trasport qed jittrattaw il-passiġġieri kollha skont id-drittijiet tagħhom. Il-lista tal-korpi tal-infurzar tinsab f’dan il-link:

http://ec.europa.eu/transport/passengers/air/doc/prm/2006_1107_national_enforcement_bodies.pdf

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-linji gwida, li se jsiru pubbliċi, se jgħinu lit-trasportaturi bl-ajru u lill-ajruporti sabiex itejbu l-applikazzjoni tar-Regolament u għalhekk jiffaċilitaw aktar l-ivvjaġġar bl-ajru għal persuni b'diżabbiltà u għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa. Għandhom ukoll jgħinu lill-korpi nazzjonali tal-infurzar fir-rigward l-infurzar tar-Regolament. Huma għandhom b’mod partikolari jipprovdu valur miżjud reali għaż-żieda fl-attività tal-ivjaġġar minn persuni b’diżabbiltà u minn persuni b’mobbiltà mnaqqsa mistennija għall-Olimpijadi u l-Paralympijadi.

Għal aktar informazzjoni:

Biex issir taf aktar dwar id-drittijiet tal-passiġġieri b'mobbiltà mnaqqsa, żur: http://ec.europa.eu/transport/passengers/air/prm_en.htm

Jekk jogħġbok ara wkoll: IP/12/602

1 :

Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni b'mobbiltà mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site