Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/12/398

Brussell, l-1 ta’ Ġunju 2012

Mistoqsijiet Frekwenti: Il-Premju tal-Unjoni Ewropea għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra

Meta tnieda l-Premju u għaliex?

Il-Kummissjoni Ewropea ilha tappoġġa l-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra mill-2002 permezz tal-Programm għall-Kultura tal-Unjoni Ewropea.

Il-premju jiċċelebra l-eċċellenza fil-ħidma għall-wirt kulturali fl-Ewropa, filwaqt li jżid il-viżibbiltà ta’ dan fost il-professjonisti, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u l-pubbliku ġenerali. Għandu wkoll l-għan li jippromwovi standards għoljin u ħiliet ta’ kwalità għolja fil-prattika tal-konservazzjoni, li jistimola l-mobbiltà bejn il-fruntieri fost il-professjonisti tal-wirt u li jħeġġeġ il-proġetti relatati mal-wirt madwar l-Ewropa.

Min jista’ jipparteċipa?

Dan il-Premju huwa miftuħ għas-37 pajjiż li huma parti mill-Programm għall-Kultura tal-UE (is-27 Stat Membru, kif ukoll il-pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Liechtenstein u n-Norveġja), il-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni mal-UE u l-pajjiżi kandidati (il-Kroazja, it-Turkija, l-Islanda, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro) u il-pajjiżi kandidati potenzjali (is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina u l-Albanija).

Biex ikunu eliġibbli għall-premju, il-proġetti għandhom ikunu ġew konklużi matul is-sentejn preċedenti. Ir-rebbieħa jintgħażlu minn ġuriji speċjalizzati u indipendenti f’erba’ kategoriji:

  • Konservazzjoni

  • Riċerka,

  • Servizz iddedikat għall-konservazzjoni tal-wirt minn individwi u/jew gruppi

  • Edukazzjoni, taħriġ u sensibilizzazzjoni.

X’tip ta’ wirt kulturali huwa kopert?

Il-kunċett tal-wirt kulturali huwa mifhum fis-sens wiesa’, inklużi:

  • Bini jew gruppi ta’ bini f'ambjent rurali jew urban;

  • Strutturi u siti industrijali u tal-inġinerija;

  • Pajsaġġi kulturali: parks u ġonna storiċi, żoni akbar b’pajsaġġ iddisinjat, jew żoni ta’ sinifikat kulturali, ambjentali u/jew agrikoli;

  • Siti arkeoloġiċi, inkluża l-arkeoloġija ta’ taħt l-ilma;

  • Xogħlijiet u kollezzjonijiet tal-arti: kollezzjonijiet ta’ sinifikat artistiku u storiku jew xogħlijiet antiki tal-arti.

X’inhuma l-benefiċċji ewlenin tal-premju għar-rebbieħa?

Kull sena jintgħażlu sa 31 applikazzjoni għall-premju. Sitta minnhom jirċievu “Grand Prix” għall-proġetti ta’ wirt l-aktar eċċezzjonali tas-sena u jirċievu EUR 10,000 kull wieħed. Għall-ewwel darba fl-2012, ġie organizzat stħarriġ onlajn biex jintgħażel il-“Public Choice Award” (il-Premju tal-Għażla Pubblika).

Ir-rebbieħa jibbenefikaw ukoll mill-viżibbiltà li joħloq il-premju u r-rikonoxximent li jagħtu l-Kummissjoni Ewropea u l-Europa Nostra.

Minn jorganizza l-premju?

Il-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premjijiet Europa Nostra huma organizzati għall-Kummissjoni Ewropea minn Europa Nostra, netwerk Ewropew iddedikat għas-salvagwardja tal-wirt kulturali tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet ta’ issa u tal-ġejjieni. Europa Nostra huwa responsabbli għall-organizzazzjoni tal-ġuriji speċjalizzati, iċ-ċerimonja tal-għotja tal-premjijiet u attivitajiet promozzjonali oħra. Iċ-ċerimonja tal-għotja tal-premjijiet tiġi organizzata f’pajjiż differenti kull sena. Iċ-ċerimonja tas-sena d-dieħla se ssir f’Ateni.

Kemm talloka l-Kummissjoni għall-premju?

Il-Kummissjoni talloka EUR 200 000 għall-Premju (60% tal-baġit totali). Europa Nostra huwa responabbli għall-bqija tal-baġit. Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni tkopri l-proċess tal-għażla, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-akkomodazzjoni għall-membri tal-ġurija, l-attivitajiet promozzjonali inklużi l-pubblikazzjonijiet, u l-ispejjeż assoċjati maċ-ċerimonja nnifisha.

L-Unjoni Ewropea tagħti premjijiet oħra għall-kultura?

Il-Premju tal-UE għall-Wirt Kulturali / il-Premju Europa Nostra huwa wieħed minn erba’ premjijiet mogħtija bħala parti mill-Programm għall-Kultura tal-UE - l-oħrajn huma għall-arkitettura, il-letteratura u l-mużika popolari.

L-UE tappoġġa inizjattivi oħra fil-qasam tal-wirt kulturali?

Iva. Il-Programm għall-Kultura jappoġġa wkoll il-kooperazzjoni u n-netwerking fil-qasam tal-wirt kulturali, il-Kapitali Ewropej tal-Kultura, il-Jiem tal-Patrimonju Ewropew (flimkien mal-Kunsill tal-Ewropa) u ċ-Ċertifikat tal-Patrimonju Ewropew il-ġdid, inizjattivi li kollha għandhom dimensjoni ta’ wirt kulturali qawwija. Il-Programm għall-Kultura investa EUR 30 miljun fil-kofinanzjament tal-proġetti dwar il-wirt kulturali mill-2007. Programmi oħra ffinanzjati mill-UE wkoll jipprovdu appoġġ f'dan il-qasam: mill-2007 'l hawn il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali alloka EUR 3 biljun għall-ħarsien u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali, EUR 2.2 biljun għall-iżvilupp tal-infrastruttura kulturali u EUR 775 miljun għall-appoġġ tas-servizzi kulturali; sa mill-1998 ġew investiti EUR 150 miljun oħra permezz tal-Programmi Qafas tal-UE għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku.

Għal aktar tagħrif: Ara wkoll IP/12/551.


Side Bar