MEMO/12/316
Brussell, l-10 ta’ Mejju 2012
Aġenda Diġitali: Limiti tariffarji ġodda għad-data roaming bil-mowbajl mistennija jwasslu għal iffrankar ta' aktar minn EUR 200 fis-sena għall-familji u ta’ aktar minn EUR 1000 għal dawk li jivvjaġġaw fuq xogħol.
Mill-1 ta' Lulju 2012, ir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-roaming bil-mowbajl se jiġi estiż biex jinkludi limiti tariffarji għat-tniżżil ta' dejta li se jkun ifisser iffrankar sinifikanti għal dawk li jużaw il-mapep, il-posta elettronika jew in-netwerks soċjali meta jivvjaġġaw. Għal persuna tipika li tivjaġġa fuq xogħol fl-UE dan se jfisser iffrankar ta' aktar minn EUR 1000 fis-sena. Familja li tagħmel btala annwali f'pajjiż ieħor tal-UE tista’ tistenna li se tiffranka mill-inqas EUR 200. (Id-dettalji sħaħ ta' dawn l-istudji ta' każijiet li jikkonċernaw id-data roaming jinsabu fl-Anness II).
Kumplessivament, ir-regolament imtejjeb tal-UE dwar ir-roaming – jekk jitqiesu t-telefonati, l-SMS u d-dejta – se jwassal għal iffrankar għall-konsumatur ta' 75 % fuq medda ta' servizzi tar-roaming bil-mowbajl, meta mqabbel mal-prezzijiet tal-2007. Din is-sena l-Ewropej se jonfqu madwar EUR 5 biljun fuq servizzi tar-roaming, iffrankar ta' madwar EUR 15 biljun meta mqabbel ma' kemm kienu jiswew l-istess servizzi skont it-tariffi tal-2007.
Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Permezz ta' limiti tariffarji għad-dejta aħna ħloqna suq tar-roaming għall-ġenerazzjoni tal-ismart phones. Minbarra dan, temmejna t-tariffi abbużivi li hija familjari magħhom kwalunkwe persuna li użat mowbajl waqt li kienet qed tivvjaġġa barra minn pajjiżha. Ninsab sodisfatta li sena wara sena l-Unjoni Ewropea qed tqiegħed il-flus lura fil-bwiet taċ-ċittadini."
"Mill-2014 qed nipprovdu wkoll soluzzjoni permanenti għall-kwistjoni tar-roaming, xi ħaġa aħjar minn kwalunkwe limitu tariffarju. Qed nikkompletaw dan is-suq billi nippermettu li inti tkun tista’ tagħżel b’mod eħfef fornitur separat tar-roaming. Jekk tista' ssib offerta aħjar meta mqabbla mal-kuntratt standard tiegħek int se tkun tista' tagħmel dan permezz ta' ftit mossi sempliċi, eżattament bħal meta tagħżel netwerk tal-Wi-Fi."
Fl-aħħar snin, il-konsumaturi bbenefikaw minn azzjoni tal-UE biex toħloq salvagwardja b'saħħitha ta' limiti tariffarji u garanziji fil-konfront tax-"xokkijiet mill-kontijiet", u aktar kompetizzjoni li tixpruna s-suq lejn tnaqqis ulterjuri fit-tariffi. L-aħħar proposti tal-Kummissjoni mxew ukoll mill-abbozzar għall-implimentazzjoni f'temp rekord ta' anqas minn sena (ara IP/11/835).
Mis-sajf tal-2012: tniżżil tad-dejta ħafna irħas
Mill-2007, l-UE stabbilixxiet limiti tariffarji għat-telefonati u l-messaġġi. Issa d-dejta qed titqiegħed fl-ambitu tal-istess sistema. Il-limiti tariffarji ġodda li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012, huma:
biex tagħmel telefonata, 29 ċenteżmu kull minuta, VAT mhux inkluża
biex tirċievi telefonata, 8 ċenteżmi kull minuta, VAT mhux inkluża,
biex tibgħat messaġġ, 9 ċenteżmi, VAT mhux inkluża,
għat-tniżżil ta' dejta jew għall-ibbrawżjar fuq l-internet waqt l-ivjaġġar barra l-pajjiż (ħlas impost għal kull Kilobyte użat), 70 ċenteżmu kull Megabyte (MB), VAT mhux inkluża, .
F'Lulju 2009 t-tniżżil tad-dejta kien jiswa aktar minn EUR 4 għal kull Megabyte minn bosta operaturi – issa dawk it-tariffi se jkunu sitt darbiet anqas. Sal-2014, hekk kif it-tariffi jkomplu jitnaqqsu aktar, l-ispiża massima għat-tniżżil tad-dejta se tkun biss ta' 20 ċenteżmu għal kull Megabyte, VAT mhux inkluża, li jfisser iffrankar ta' 90 % fuq bosta rati attwali.
L-operaturi huma liberi li joffru rati irħas. Il-limiti tariffarji huma livell massimu li jaġixxi bħala salvagwardja u l-kompetizzjoni għandha tixprunahom lejn tnaqqis ulterjuri.
Xokk mill-kontijiet: informazzjoni aħjar għal meta wieħed ikun qed jivvjaġġa barra mill-UE
Sabiex jiġi evitat "xokk mill-kontijiet", sa mill-1 ta’ Lulju 2012, nies li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-UE se jibdew jirċievu messaġġ ta' twissija, email jew pop-up window hekk kif joqorbu l-ammont ta’ EUR 50 għat-tniżżil ta’ dejta, jew l-ammont prestabbilit fil-ftehim tagħhom.
Imbagħad il-konsumaturi se jkollhom jikkonfermaw li huma lesti jissuperaw dan il-livell sabiex ikomplu d-data roaming tagħhom.
Dan jestendi s-sistema ta' twissija attwalment fis-seħħ fl-UE.
Mill-2014 'il quddiem: il-kompetizzjoni se twassal għal roaming irħas
Mill-1 ta' Lulju 2014, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu fornitur separat tar-roaming bil-mowbajl - kemm permezz ta' kuntratt kemm billi jagħżlu fornitur fid-destinazzjoni tagħhom, bl-istess mod li jagħżlu netwerk tal-Wi-Fi. Dan kollu bl-istess numru.
L-operaturi tan-netwerks tal-mowbajl f'pajjiżi miżjura se jkollhom inċentiv li joffru dawn is-servizzi b’rati li jkunu qrib it-tariffi nazzjonali; abbażi tal-ispejjeż normalment baxxi tan-netwerk nazzjonali tagħhom. Hekk kif jiżdied l-użu tad-dejta tal-mowbajl, u n-nies ikunu jixtiequ jużaw l-apparati tagħhom kull fejn ikunu u fi kwalunkwe ħin, din l-alternattiva simili għall-Wi-Fi għandha tkun attraenti ħafna għal bosta nies li jivvjaġġaw. Dawn il-forzi se jirrinfurzaw lil xulxin biex joħolqu prezzijiet aktar baxxi u kopertura aħjar tan-netwerk.
Il-limiti tariffarji se jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2017 bħala salvagwardja żejda għall-konsumaturi.
Il-kuntest usa' tal-politika
Ir-regolament dwar ir-roaming huwa parti minn qafas teknoloġiku ferm akbar. B'mod partikolari, dan jikkonċerna t-tmiem ta' restrizzjonijiet żejda għat-tkabbir ekonomiku u l-pożizzjonament tal-Ewropa fuq quddiem fir-rivoluzzjoni tad-dejta. Bosta nies lesti jużaw aktar l-ismart phones barra pajjiżhom għal servizzi usa' – bħall-kura tas-saħħa, ix-xiri, l-ibbankjar, biex isibu triqthom jew bħala mezz ta' soċjalizzazzjoni – kieku d-dejta kienet irħas.
Li jkollok aċċess immedjat għal internet bi prezz raġonevoli huwa importanti, iżda mhuwiex biżżejjed; għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni konkreta wkoll fuq għadd ta' oqsma:
protezzjoni tad-dejta,
Cloud computing,
identifikazzjoni elettronika,
portabilità tan-numru,
id-dritt għall-kuntratti tal-mowbajl ta' 12-il xahar u
tnaqqis fit-tariffi ta' terminazzjoni ta’ telefonata.
Dawn l-azzjonijiet kollha għandhom l-għan li jikkompletaw is-Suq Uniku diġitali b'regoli konsistenti, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kontenut tajjeb ħafna, fuq l-apparati kollha tagħhom kull fejn ikunu.
Għal aktar informazzjoni
Ara MEMO/12/227
Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming
Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter
Anness I
Limiti tariffarji attwali u ġodda għall-konsumatur (VAT mhux inkluża)
Attwali | l-1 ta' Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta’ Lulju 2014 | |
Dejta (kull MB) | L-ebda limitu tariffarju | 70 ċenteżmu | 45 ċenteżmu | 20 ċenteżmu |
Telefonati magħmula (kull minuta) | 35 ċenteżmu | 29 ċenteżmu | 24 ċenteżmu | 19-il ċenteżmu |
Telefonati riċevuti (kull minuta) | 11-il ċenteżmu | 8 ċenteżmi | 7 ċenteżmi | 5 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 11–il ċenteżmu | 9 ċenteżmi | 8 ċenteżmi | 6 ċenteżmi |
Limiti tariffarji għall-operaturi, VAT mhux inkluża (fuq prezzijiet li jintalbu mill-operaturi lil xulxin):
Attwali | l-1 ta' Lulju 2012 | l-1 ta' Lulju 2013 | L-1 ta’ Lulju 2014 | |
Dejta (kull MB) | 50 ċenteżmu | 25 ċenteżmu | 15-il ċenteżmu | 5 ċenteżmi |
Telefonati (kull minuta) | 18-il ċenteżmu | 14-il ċenteżmu | 10 ċenteżmi | 5 ċenteżmi |
SMS (kull SMS) | 4 ċenteżmi | 3 ċenteżmi | 2 ċenteżmi | 2 ċenteżmi |
Il-limiti tariffarji proposti għall-konsumatur iservu biss bħala salvagwardja għall-istess konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni tistenna li l-miżuri strutturali proposti biex isaħħu l-kompetizzjoni għandhom iwasslu għal offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet irħas, li jkunu ħafna iktar baxxi mil-limiti ta’ salvagwardja.
Anness II
Iffrankar fuq id-dejta
Eżempju 1
Familja Belġjana ta' 4 tmur fuq btala fi Franza jew l-Italja għal ġimgħa u tuża smart phone.
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1MB | Prezz medju +/- EUR 5 VAT inkluża | 70 ċenteżmu (+ 21 % VAT) | |
Użu ta' mappa għal 5 darbiet (1 MB għal kull mappa) | EUR 25 | EUR 4.2 | EUR 20.80 |
Użu tal-kontijiet ta' midja soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB kuljum, total ta' EUR 35 MB) | EUR 175 | EUR 29.65 | EUR 145.35 |
Ritratt wieħed imtella' kuljum (+/- 2 MB għal kull ritratt) | EUR 70 | EUR 11.86 | EUR 58.14 |
E-mail wieħed mibgħut kuljum (+/- 20 KB għal kull e-mail, total ta' 0.14 MB) | EUR 0.70 | EUR 0.12 | EUR 0.58 |
Total | EUR 270.70 | EUR 45.83 | EUR 224.87 |
Eżempju 2
Persuna mir-Renju Unit li tmur Franza jew il-Ġermanja fuq xogħol 10 darbiet fis-sena għal 3 ijiem kull darba u tuża l-ismart phone tagħha b'dan il-mod:
Sajf 2009 | Sajf 2012 | Iffrankar | |
1MB | Prezz medju +/- EUR 6, VAT inkluża | 70 ċenteżmu (+ 20% VAT) | |
Użu ta' 3 mapep għal kull vjaġġ (1 MB għal kull mappa) | EUR 180 | EUR 25.20 | EUR 154.80 |
Użu tal-kontijiet ta' midja soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB) | EUR 900 | EUR 126 | EUR 774 |
10 e-mails mibgħuta kuljum (+/- 100 KB għal kull e-mail/1 MB kuljum) | EUR 180 | EUR 25.20 | EUR 154.80 |
Total | EUR 1260 | EUR 176.40 | EUR 1083.60 |