Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/12/316

Brussell, l-10 ta’ Mejju 2012

Aġenda Diġitali: Limiti tariffarji ġodda għad-data roaming bil-mowbajl mistennija jwasslu għal iffrankar ta' aktar minn EUR 200 fis-sena għall-familji u ta’ aktar minn EUR 1000 għal dawk li jivvjaġġaw fuq xogħol.

Mill-1 ta' Lulju 2012, ir-regolament tal-Unjoni Ewropea dwar ir-roaming bil-mowbajl se jiġi estiż biex jinkludi limiti tariffarji għat-tniżżil ta' dejta li se jkun ifisser iffrankar sinifikanti għal dawk li jużaw il-mapep, il-posta elettronika jew in-netwerks soċjali meta jivvjaġġaw. Għal persuna tipika li tivjaġġa fuq xogħol fl-UE dan se jfisser iffrankar ta' aktar minn EUR 1000 fis-sena. Familja li tagħmel btala annwali f'pajjiż ieħor tal-UE tista’ tistenna li se tiffranka mill-inqas EUR 200. (Id-dettalji sħaħ ta' dawn l-istudji ta' każijiet li jikkonċernaw id-data roaming jinsabu fl-Anness II).

Kumplessivament, ir-regolament imtejjeb tal-UE dwar ir-roaming – jekk jitqiesu t-telefonati, l-SMS u d-dejta – se jwassal għal iffrankar għall-konsumatur ta' 75 % fuq medda ta' servizzi tar-roaming bil-mowbajl, meta mqabbel mal-prezzijiet tal-2007. Din is-sena l-Ewropej se jonfqu madwar EUR 5 biljun fuq servizzi tar-roaming, iffrankar ta' madwar EUR 15 biljun meta mqabbel ma' kemm kienu jiswew l-istess servizzi skont it-tariffi tal-2007.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Permezz ta' limiti tariffarji għad-dejta aħna ħloqna suq tar-roaming għall-ġenerazzjoni tal-ismart phones. Minbarra dan, temmejna t-tariffi abbużivi li hija familjari magħhom kwalunkwe persuna li użat mowbajl waqt li kienet qed tivvjaġġa barra minn pajjiżha. Ninsab sodisfatta li sena wara sena l-Unjoni Ewropea qed tqiegħed il-flus lura fil-bwiet taċ-ċittadini."

"Mill-2014 qed nipprovdu wkoll soluzzjoni permanenti għall-kwistjoni tar-roaming, xi ħaġa aħjar minn kwalunkwe limitu tariffarju. Qed nikkompletaw dan is-suq billi nippermettu li inti tkun tista’ tagħżel b’mod eħfef fornitur separat tar-roaming. Jekk tista' ssib offerta aħjar meta mqabbla mal-kuntratt standard tiegħek int se tkun tista' tagħmel dan permezz ta' ftit mossi sempliċi, eżattament bħal meta tagħżel netwerk tal-Wi-Fi."
Fl-aħħar snin, il-konsumaturi bbenefikaw minn azzjoni tal-UE biex toħloq salvagwardja b'saħħitha ta' limiti tariffarji u garanziji fil-konfront tax-"xokkijiet mill-kontijiet", u aktar kompetizzjoni li tixpruna s-suq lejn tnaqqis ulterjuri fit-tariffi. L-aħħar proposti tal-Kummissjoni mxew ukoll mill-abbozzar għall-implimentazzjoni f'temp rekord ta' anqas minn sena (ara
IP/11/835).

Mis-sajf tal-2012: tniżżil tad-dejta ħafna irħas

Mill-2007, l-UE stabbilixxiet limiti tariffarji għat-telefonati u l-messaġġi. Issa d-dejta qed titqiegħed fl-ambitu tal-istess sistema. Il-limiti tariffarji ġodda li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2012, huma:

  • biex tagħmel telefonata, 29 ċenteżmu kull minuta, VAT mhux inkluża

  • biex tirċievi telefonata, 8 ċenteżmi kull minuta, VAT mhux inkluża,

  • biex tibgħat messaġġ, 9 ċenteżmi, VAT mhux inkluża,

  • għat-tniżżil ta' dejta jew għall-ibbrawżjar fuq l-internet waqt l-ivjaġġar barra l-pajjiż (ħlas impost għal kull Kilobyte użat), 70 ċenteżmu kull Megabyte (MB), VAT mhux inkluża, .

F'Lulju 2009 t-tniżżil tad-dejta kien jiswa aktar minn EUR 4 għal kull Megabyte minn bosta operaturi – issa dawk it-tariffi se jkunu sitt darbiet anqas. Sal-2014, hekk kif it-tariffi jkomplu jitnaqqsu aktar, l-ispiża massima għat-tniżżil tad-dejta se tkun biss ta' 20 ċenteżmu għal kull Megabyte, VAT mhux inkluża, li jfisser iffrankar ta' 90 % fuq bosta rati attwali.

L-operaturi huma liberi li joffru rati irħas. Il-limiti tariffarji huma livell massimu li jaġixxi bħala salvagwardja u l-kompetizzjoni għandha tixprunahom lejn tnaqqis ulterjuri.

Xokk mill-kontijiet: informazzjoni aħjar għal meta wieħed ikun qed jivvjaġġa barra mill-UE

Sabiex jiġi evitat "xokk mill-kontijiet", sa mill-1 ta’ Lulju 2012, nies li jkunu qed jivvjaġġaw barra mill-UE se jibdew jirċievu messaġġ ta' twissija, email jew pop-up window hekk kif joqorbu l-ammont ta’ EUR 50 għat-tniżżil ta’ dejta, jew l-ammont prestabbilit fil-ftehim tagħhom.

Imbagħad il-konsumaturi se jkollhom jikkonfermaw li huma lesti jissuperaw dan il-livell sabiex ikomplu d-data roaming tagħhom.

Dan jestendi s-sistema ta' twissija attwalment fis-seħħ fl-UE.

Mill-2014 'il quddiem: il-kompetizzjoni se twassal għal roaming irħas

Mill-1 ta' Lulju 2014, il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħżlu fornitur separat tar-roaming bil-mowbajl - kemm permezz ta' kuntratt kemm billi jagħżlu fornitur fid-destinazzjoni tagħhom, bl-istess mod li jagħżlu netwerk tal-Wi-Fi. Dan kollu bl-istess numru.

L-operaturi tan-netwerks tal-mowbajl f'pajjiżi miżjura se jkollhom inċentiv li joffru dawn is-servizzi b’rati li jkunu qrib it-tariffi nazzjonali; abbażi tal-ispejjeż normalment baxxi tan-netwerk nazzjonali tagħhom. Hekk kif jiżdied l-użu tad-dejta tal-mowbajl, u n-nies ikunu jixtiequ jużaw l-apparati tagħhom kull fejn ikunu u fi kwalunkwe ħin, din l-alternattiva simili għall-Wi-Fi għandha tkun attraenti ħafna għal bosta nies li jivvjaġġaw. Dawn il-forzi se jirrinfurzaw lil xulxin biex joħolqu prezzijiet aktar baxxi u kopertura aħjar tan-netwerk.

Il-limiti tariffarji se jibqgħu fis-seħħ sat-30 ta' Ġunju 2017 bħala salvagwardja żejda għall-konsumaturi.

Il-kuntest usa' tal-politika

Ir-regolament dwar ir-roaming huwa parti minn qafas teknoloġiku ferm akbar. B'mod partikolari, dan jikkonċerna t-tmiem ta' restrizzjonijiet żejda għat-tkabbir ekonomiku u l-pożizzjonament tal-Ewropa fuq quddiem fir-rivoluzzjoni tad-dejta. Bosta nies lesti jużaw aktar l-ismart phones barra pajjiżhom għal servizzi usa' – bħall-kura tas-saħħa, ix-xiri, l-ibbankjar, biex isibu triqthom jew bħala mezz ta' soċjalizzazzjoni – kieku d-dejta kienet irħas.

Li jkollok aċċess immedjat għal internet bi prezz raġonevoli huwa importanti, iżda mhuwiex biżżejjed; għalhekk il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu azzjoni konkreta wkoll fuq għadd ta' oqsma:

  • protezzjoni tad-dejta,

  • Cloud computing,

  • identifikazzjoni elettronika,

  • portabilità tan-numru,

  • id-dritt għall-kuntratti tal-mowbajl ta' 12-il xahar u

  • tnaqqis fit-tariffi ta' terminazzjoni ta’ telefonata.

Dawn l-azzjonijiet kollha għandhom l-għan li jikkompletaw is-Suq Uniku diġitali b'regoli konsistenti, sabiex l-Ewropej ikunu jistgħu jibbenefikaw minn kontenut tajjeb ħafna, fuq l-apparati kollha tagħhom kull fejn ikunu.

Għal aktar informazzjoni

Ara MEMO/12/227

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Anness I

Limiti tariffarji attwali u ġodda għall-konsumatur (VAT mhux inkluża)

Attwali

l-1 ta' Lulju 2012

l-1 ta' Lulju 2013

L-1 ta’ Lulju 2014

Dejta (kull MB)

L-ebda limitu tariffarju

70 ċenteżmu

45 ċenteżmu

20 ċenteżmu

Telefonati magħmula (kull minuta)

35 ċenteżmu

29 ċenteżmu

24 ċenteżmu

19-il ċenteżmu

Telefonati riċevuti (kull minuta)

11-il ċenteżmu

8 ċenteżmi

7 ċenteżmi

5 ċenteżmi

SMS (kull SMS)

11–il ċenteżmu

9 ċenteżmi

8 ċenteżmi

6 ċenteżmi

Limiti tariffarji għall-operaturi, VAT mhux inkluża (fuq prezzijiet li jintalbu mill-operaturi lil xulxin):

Attwali

l-1 ta' Lulju 2012

l-1 ta' Lulju 2013

L-1 ta’ Lulju 2014

Dejta (kull MB)

50 ċenteżmu

25 ċenteżmu

15-il ċenteżmu

5 ċenteżmi

Telefonati (kull minuta)

18-il ċenteżmu

14-il ċenteżmu

10 ċenteżmi

5 ċenteżmi

SMS (kull SMS)

4 ċenteżmi

3 ċenteżmi

2 ċenteżmi

2 ċenteżmi

Il-limiti tariffarji proposti għall-konsumatur iservu biss bħala salvagwardja għall-istess konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni tistenna li l-miżuri strutturali proposti biex isaħħu l-kompetizzjoni għandhom iwasslu għal offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet irħas, li jkunu ħafna iktar baxxi mil-limiti ta’ salvagwardja.

Anness II

Iffrankar fuq id-dejta

Eżempju 1

Familja Belġjana ta' 4 tmur fuq btala fi Franza jew l-Italja għal ġimgħa u tuża smart phone.

Sajf 2009

Sajf 2012

Iffrankar

1MB

Prezz medju +/- EUR 5 VAT inkluża

70 ċenteżmu (+ 21 % VAT)

Użu ta' mappa għal 5 darbiet (1 MB għal kull mappa)

EUR 25

EUR 4.2

EUR 20.80

Użu tal-kontijiet ta' midja soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB kuljum, total ta' EUR 35 MB)

EUR 175

EUR 29.65

EUR 145.35

Ritratt wieħed imtella' kuljum (+/- 2 MB għal kull ritratt)

EUR 70

EUR 11.86

EUR 58.14

E-mail wieħed mibgħut kuljum (+/- 20 KB għal kull e-mail, total ta' 0.14 MB)

EUR 0.70

EUR 0.12

EUR 0.58

Total

EUR 270.70

EUR 45.83

EUR 224.87

Eżempju 2

Persuna mir-Renju Unit li tmur Franza jew il-Ġermanja fuq xogħol 10 darbiet fis-sena għal 3 ijiem kull darba u tuża l-ismart phone tagħha b'dan il-mod:

Sajf 2009

Sajf 2012

Iffrankar

1MB

Prezz medju +/- EUR 6, VAT inkluża

70 ċenteżmu (+ 20% VAT)

Użu ta' 3 mapep għal kull vjaġġ (1 MB għal kull mappa)

EUR 180

EUR 25.20

EUR 154.80

Użu tal-kontijiet ta' midja soċjali kuljum għal nofs siegħa (+/- 5 MB)

EUR 900

EUR 126

EUR 774

10 e-mails mibgħuta kuljum (+/- 100 KB għal kull e-mail/1 MB kuljum)

EUR 180

EUR 25.20

EUR 154.80

Total

EUR 1260

EUR 176.40

EUR 1083.60


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site