Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-programm Erasmus fl-2010-2011: iċ-ċifri spjegati

European Commission - MEMO/12/310   08/05/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/12/310

Brussell, it-8 ta’ Mejju 2012

Il-programm Erasmus fl-2010-2011: iċ-ċifri spjegati

Il-Kummissjoni Ewropea llum ippubblikat ċifri ġodda dwar in-numru ta' studenti, għalliema u persunal ieħor fl-edukazzjoni għolja li bbenefikaw mill-programm Erasmus fis-sena akkademika 2010-11 (IP/12/454). Total ta’ 231,410 student Ewropew u 42,813-il impjegat fl-edukazzjoni għolja rċevew finanzjament tal-Erasmus biex isiefru għal studji, pjazzamenti ta' impjiegi, tagħlim jew taħriġ.

Erasmus jippermetti lill-istudenti fl-edukazzjoni għolja li jqattgħu bejn 3 u 12-il xahar f’pajjiz Ewropew ieħor – jew għal studji inkella għal pjazzamenti f'kumpanija jew xi organizzazzjoni oħra. Jistgħu jibbenefikaw l-istudenti kollha rreġistrati f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja parteċipanti f'wieħed mit-33 pajjiż tal-Erasmus (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u t-Turkija, u, mill-2011-12, l-Isvizzera). L-istudenti fl-edukazzjoni vokazzjonali għolja ta’ ċiklu qasir ukoll jistgħu jieħdu vantaġġ mill-appoġġ tal-programm.

Rekord ġdid: aktar minn 230,000 student tal-Erasmus

Mill-bidu tal-programm, in-numru ta' studenti li bbenefikaw minn għotja finanzjarja tal-Erasmus kompla jikber. Dan qabeż il-200,000 għall-ewwel darba fl-2009-2010 u l-231,410 student li siefru barra minn pajjiżhom biex jistudjaw jew jitħarrġu fl-2010-2011 jirrappreżentaw rekord ġdid u żieda annwali ta' 8.5% b’paragun mas-sena preċedenti (iż-żieda ekwivalenti sena fuq sena fl-2009-10 kienet ta’ 7.4%).

Ċart 1: In-numru ta' studenti tal-Erasmus kull sena mill-1987-88- sal-2010-11

Ċart 2: Il-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus – bidla relattiva fl-għadd ta' studenti għal kull pajjiż ta’ oriġini bejn l-2009-10 u l-2010-11

Kif hu evidenti fiċ-Ċart 2, l-għadd ta' studenti tal-Erasmus żdied fi kważi l-pajjiżi kollha. L-għolja żieda ta’ studenti li siefru 'l hinn minn pajjiżhom kienet innutata fil-Kroazja (132%), segwita minn Liechtenstein (52%) u Ċipru (22%). 19-il pajjiż esperjenzaw tkabbir għolja mill-medja ta' 8.5%.

Pajjiż wieħed, il-Lussemburgu, ra tnaqqis fl-istudenti tal-Erasmus (-5.8%). Madankollu, dan għadu l-pajjiż li jibgħat l-akbar għadd ta' studenti barra bħala proporzjon tal-popolazzjoni nazzjonali tal-istudenti.

Min l-aktar jispikka fl-Erasmus?

Spanja bagħtet l-aktar studenti kemm għal studji kif ukoll għal pjazzamenti (36,183), segwita minn Franza (31,747) u l-Ġermanja (30,274).

Spanja kienet ukoll l-aktar pajjiż destinatarju popolari b’37,432 student li żaruha, segwita minn Franza (27,721) u mbagħad il-Ġermanja (24,734). L-għadd ta’ studenti li marru r-Renju Unit (24,474) kien id-doppju tal-għadd ta’ dawk li minn dan il-pajjiż marru f’pajjiżi oħra (12,833). Il-maġġoranza tal-pajjiżi bagħtet aktar studenti barra milli ospitat. L-aħjar bilanċ bejn id-dħul u l-ħruġ tal-istudenti kien irreġistrat fis-Slovenja, segwita mill-Awstrija, il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Lussemburgu.

3,041 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja bagħtu studenti fuq skambji ta’ mobbiltà, żieda ta 6.6% fuq is-sena preċedenti.

Ċart 3: Il-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus - il-medja fix-xahar tal-livelli tal-għotjiet tal-UE

Il-medja fix-xahar tal-għotjiet tal-UE naqset minn €254 fl-2009-10 għal €250 fl-2010-11. Dan ippermetta li aktar studenti jibbenefikaw, b’paragun mas-sena preċedenti. Iċ-ċart ta’ hawn fuq turi l-medja fix-xahar tal-għotja għall-studenti mibgħuta minn dawn il-pajjiżi. Il-Kummissjoni tiffissa limitu għall-għotja ta' kull xahar għall-istudenti f 'kull pajjiż; il-livell preċiż f'kull każ huwa stabbilit mill-aġenziji nazzjonali u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jamministraw il-programm.

Fl-2010-11, 254 student bi bżonnijiet speċjali (diżabilitajiet) irċevew finanzjament addizzjonali biex jieħdu sehem fl-iskambji Erasmus, bi tqabbil mal-257 student fl-2009-10.

Żieda ta’ 7.2% għall-istudji Erasmus

Erasmus joffri lill-istudenti l-possibbiltà li jqattgħu parti (bejn tlieta u 12-il xahar) mill-istudju tal-lawrja tagħhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja barra minn pajjiżhom.

Fost il-231,410 student tal-Erasmus, 190,498 marru jistudjaw barra pajjiżhom, żieda ta' 7.2% fuq l-2009-10. L-għadd ta' dawk li jsiefru għall-istudju naqas fi tliet pajjiżi (il-Lussemburgu, l-Ungerija u l-Polonja) filwaqt li 16 irreġistraw żieda għolja mill-medja. F’termini relattivi, l-għolja żieda fuq iċ-ċifri tal-2009-10 feġġet fil-Kroazja (96.6%), segwita minn Liechtenstein (84.2%) u Ċipru (25.1%).

Spanja bagħtet l-aktar studenti barra għall-studju (31,427), segwita minn Franza (25,789) u l-Ġermanja (25,178). Spanja baqgħet l-iktar destinazzjoni popolari għall-istudji barra l-pajjiż, u laqgħat 30,580 student tal-Erasmus (+ 4.3%), segwita minn Franza (23,173, + 5.2%), u l-Ġermanja (19,120, +6.6%).

Bħala medja, l-istudenti marru barra pajjiżhom biex jistudjaw għal ftit aktar minn 6.4 xhur u l-għotja medja kienet ta’ €226 (imqabbla ma’ €230 fis-sena preċedenti).

Ix-xjenzi soċjali, l-istudji kummerċjali u l-liġi kienu l-aktar oqsma popolari fost l-istudenti tal-Erasmus (34.7%), segwiti mill-istudji umanistiċi u l-arti (31.5%) u l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (12.6%).

Żieda ta' 15% fil-pjazzamenti tal-impjiegi tal-Erasmus

Mill-2007, Erasmus offra l-opportunità lill-istudenti biex isiefru ħalli jiksbu esperjenza tax-xogħol f'kumpaniji jew organizzazzjonijiet oħra. Fl-2010-11 student minn sitta tal-Erasmus – 40,912 minn 231,410 – għażlu din l-alternattiva, żieda ta' 15.1% fuq is-sena preċedenti. It-tul medju ta’pjazzament kien ta’ 4.3 xhur u bħala medja l-istudenti rċevew ta’ kull xahar għotja mill-UE ta’€366 (li niżlet minn €386 fl-2009-10).

Bħal fis-snin riċenti, Franza kienet il-pajjiż li l-aktar bagħtet studenti fuq pjazzamenti tal-Erasmus (5,958, b’sehem ta’ 14.6%), segwita mill-Ġermanja (5,096, sehem ta’ 12.5%) u Spanja (4,756, 11.6%). Ir-Renju Unit kien l-iktar destinazzjoni popolari għall-pjazzamenti tal-Erasmus, u laqa' 6,970 studenti (b’sehem ta’ 17%); warajh ġiet Spanja (6,852, b’sehem ta’ 16.7%) u l-Ġermanja (5 614, b’13.7%).

Biex jappoġġaw il-pjazzamenti tal-impjiegi barra minn pajjiżhom, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja jistgħu joħolqu konsorzju għall-pjazzamenti. Dawn il-konsorzji jikkonsistu f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja (HEIs) u organizzazzjonijiet oħra, bħal kumpaniji jew assoċjazzjonijiet.
Fl-2010-11, xi 74 konsorzji tal-pjazzamenti ġew iffinanzjati fi 13-il pajjiż. Il-konsorzji tal-pjazzamenti sabu opportunitajiet għal aktar minn 14% tal-istudenti ppjazzati.

L-akbar grupp ta' studenti involut fil-pjazzamenti tal-Erasmus feġġ mill-isfond tax-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (26.6%), li qabżu l-istudji umanistiċi u l-arti (17.1%) li kellhom l-ikbar sehem fis-sena akkademika preċedenti, u ġew segwiti mill-istudenti tal-agrikoltura u l-istudji veterinarji (15.4%), li l-għadd tagħhom kien tmien darbiet dak tas-sena preċedenti.

Kemm hemm studenti tal-edukazzjoni għolja (baċċellerat u masters) fil-pajjiżi parteċipanti fl-Erasmus? Kemm minnhom qattgħu parti mill-istudji jew il-perjodu kollu tal-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom fl-2010-11?

Mill-popolazzjoni totali tal-istudenti ta' aktar minn 22.5 miljun fit-32 pajjiż parteċipant, madwar 1% minnhom irċevew għotjiet għall-mobbiltà tal-istudenti tal-Erasmus fl-2010/111.

Bil-preżunzjoni li t-tul ta’ żmien medju ta' studju f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja huwa ta’ 4-5 snin (baċċellerat u masters), jista' jiġi stmat li madwar 4.5% tal-istudenti kollha Ewropej jirċievu għotjiet tal-Erasmus f'xi stadju matul l-istudji tal-edukazzjoni għolja tagħhom. Fost dawn, 67% huma ta' livell ta' baċellerat, 28% ta’ livell ta’ masters, 1% fil-livell ta' dottorat, u 4% fi studji ta’ ċiklu qasir. B’kollox madwar 10% tal-istudenti qattgħu jew qegħdin iqattgħu parti mill-istudji jew l-istudji kollha tagħhom barra minn pajjiżhom bl-għajnuna ta' Erasmus jew mezzi oħra pubbliċi u privati.

Fil-laqgħa tagħhom f 'Bukarest (ir-Rumanija) fis-26-27 ta' April 2012 (IP/12/394), il-Ministri tal-edukazzjoni għolja adottaw l-Istrateġija ta’ Bologna dwar il-Mobbiltà li tiddikjara li, sal-2020, 20% tal-lawreati Ewropej li jiggradwaw mill-edukazzjoni għolja se jkunu qattgħu parti mill-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom, b’mod konformi mar-referenza Ewropea tal-mobbiltà fl-edukazzjoni għolja li ġiet adottata f'Novembru 2011.

Korsijiet intensivi tal-lingwa Erasmus (EILC)

Erasmus joffri korsijiet speċjalizzati fil-lingwi tal-UE li jintużaw l-anqas ta’ sikwit u li huma l-inqas mgħallma, sabiex jgħin lill-istudenti jippreparaw għall-istudji tagħhom jew il-pjazzamenti f’impjiegi barra minn pajjiżhom. Il-korsijiet huma organizzati fil-pajjiżi fejn dawn il-lingwi huma użati uffiċjalment. Mhumiex offruti għall-ilsna l-aktar mgħallma bħall-Ingliż, il-Ġermaniż, il-Franċiż u l-Ispanjol (il-Kastiljan).

In-numru ta' EILCs appoġġati kiber b'mod sinifikanti mindu tnedew. Fl-2010-11, ġew organizzati madwar 392 kors (żieda ta’ 8.6% fuq it-361 tas-sena ta' qabel) f’24 pajjiż għal total ta' 5,872 student tal-Erasmus (+9%).

L-aktar destinazzjonijiet popolari għall-istudji tal-lingwi kienu l-Italja, il-Belġju (il-Komunità Fjamminga) u l-Portugall. L-għolja sehem ta’ studenti ġodda li pparteċipaw f’xi kors tal-lingwa kien fis-Slovenja fejn ipparteċipaw 18.9% tal-istudenti kollha tal-Erasmus li marru jistudjaw f’dan il-pajjiż, segwita mill-Islanda (13.9%) u l-Estonja (12.7%).

Mobbiltà tal-persunal permezz tal-Erasmus (assenjazzjonijiet tat-tagħlim u taħriġ tal-persunal)

Erasmus jippermetti wkoll li l-għalliema fl-edukazzjoni għolja u dawk impjegati f'negozji privati jsiefru biex jgħallmu, minn perjodu ta’ jum sa sitt ġimgħat. Bl-istess mod, kwalunkwe membru tal-persunal akkademiku jew le tal-edukazzjoni jista’ jirċievi taħriġ barra l-pajjiż għal perjodu ta’ minn ħamest ijiem sa sitt ġimgħat.

Fis-sena akkademika 2010-11, Erasmus appoġġa 42,813-il skambju ta' għalliema u persunal li mhux għalliem minn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, biex jgħallmu jew jirċievu taħriġ barra mill-pajjiż. Dan jirrappreżenta żieda annwali ta' 13.3%, żieda konsiderevolment ikbar minn dik tas-sena preċedenti (3.8%).

L-aktar pajjiż li bagħat kien il-Polonja (5,210), bi Spanja (4,506) u l-Ġermanja (3,674) warajha. L-aqwa destinazzjoni għal mobbiltà tal-persunal kienet Spanja (4,304), segwita mill-Ġermanja (4,195) u l-Italja (3,703). L-iskambji tal-persunal minn u lejn il-pajjiż rispettiv huma ġeneralment aktar ibbilanċjati mill-iskambji tal-istudenti.

51.2% tal-persunal li pparteċipa f’Erasmus fl-2010-11 kienu rġiel. Tlettax-il membru tal-persunal bi bżonnijiet speċjali rċevew finanzjament addizzjonali biex jipparteċipaw fl-iskambji Erasmus (imqabbla ma' ħamsa fis-sena preċedenti). It-tul medju ta’ dawn il-perjodi ta’ mobbiltà kien ta’ 5.7 ijiem u l-għotja medja – apparti s-salarju regolari tagħhom – kienet ta’ €662 ('l isfel minn €672 fl-2009-10).

Total ta' 2,254 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja pparteċipaw f'attivitajiet tal-mobbiltà tal-persunal, żieda ta’ 4.6% fuq is-sena preċedenti.

L-assenjazzjonijiet tat-tagħlim juru tkabbir sinifikanti

In-numru tal-għalliema li jibbenefikaw minn finanzjament għall-assenjazzjonijiet għat-tagħlim permezz tal-Erasmus żdied regolarment u mindu ddaħħal fl-1997-98, ġew iffinanzjati aktar minn 300,000 skambju ta’ persunal. Minn 42,813-il skambju tal-persunal appoġġati fl-2010-11, 31,617 kienu assenjazzjonijiet għat-tagħlim (+8.9% fuq is-sena preċedenti).

Xi 355 assenjazzjoni tal-persunal tat-tagħlim twettqu minn persunal minn kumpaniji li kienu mistiedna biex jgħallmu f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja f'pajjiżi Ewropej oħra (+37% fuq is-sena preċedenti).

L-aktar pajjiż li bagħat kien il-Polonja bi 3,376 assenjazzjoni tat-tagħlim appoġġati, u warajha ġew Spanja (3,272) u l-Ġermanja (3,006). Bħal fis-snin preċedenti, l-aktar destinazzjonijiet popolari għall-assenjazzjonijiet tat-tagħlim kienu l-Ġermanja (3,059),
Spanja (3,017) u l-Italja (2,859).

L-aktar għalliema mobbli ġew minn dawn l-oqsma ta' studju: l-istudji umanistiċi u l-arti (30.5%); ix-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (22.6%); l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (13.7%). Bħala medja, l-għalliema qattgħu 5.6 ijiem barra minn pajjiżhom għat-tagħlim: tnaqqis żgħir imma kostanti ġie osservat mill-2000-01, meta l-medja kienet ta' 6.9 ijiem. L-għotja medja għal kull assenjazzjoni ta’ membru tal-persunal tat-tagħlim – apparti s-salarju regolari tagħhom – kienet ta’ €645, li tirrappreżenta tnaqqis żgħir fuq is-sena preċedenti (€654).

It-taħriġ tal-persunal għadu qed jikseb il-popolarità

Mindu ddaħħal fl-2007, l-appoġġ għat-taħriġ tal-persunal ra żieda qawwija fil-popolarità. Minn 42,813-il skambju tal-persunal appoġġati fl-2010-11, 11,196 kienu perjodi ta’ taħriġ tal-persunal (+28% fuq is-sena preċedenti). Dawn l-iskambji huma kemm għal persunal akkademiku u kemm le, inklużi dawk li jaħdmu fl-amministrazzjoni u s-servizzi ta’ appoġġ.

2,728 membru tal-persunal tal-edukazzjoni għolja tħarrġu f’kumpaniji barra minn pajjiżhom fl-2010-11 (+48.6% fuq is-sena preċedenti).

Il-Polonja bagħtet l-għolja numru ta' persunal għat-taħriġ (1,834) segwita minn Spanja
(1,234) u l-Finlandja (782). Spanja kienet l-iktar destinazzjoni popolari (1,287) segwita mill-Ġermanja (1,136) u r-Renju Unit (1,121).

Bħala medja, il-perjodi ta’ taħriġ tal-persunal damu 6.2 ijiem. Aktar persunal nisa milli rġiel ipparteċipaw fit-taħriġ tal-istaff (68%), filwaqt li kienu biss 42.1% n-nisa fuq assenjazzjonijiet ta' tagħlim.

Il-programmi intensivi tal-Erasmus ikomplu jikbru fl-għadd

Erasmus joffri lill-għalliema u l-istudenti l-possibbiltà li jissieħbu fi ħdan programmi ta’ studji tematiċi, li jdumu minn għaxart ijiem sa sitt ġimgħat. L-UE tiffinanzja l-organizzazzjoni ta' dawn l-hekk imsejħa programmi intensivi, inkluż l-ivvjaġġar u s-sussistenza għall-parteċipanti.

Il-pajjiżi li organizzaw l-għolja numru ta' dawn il-programmi kienu l-Italja b’51 kors (12.6% tal-għadd totali), segwita mill-Ġermanja (38) u Franza (32). L-aktar suġġetti popolari kienu x-xjenzi soċjali, il-kummerċ u l-liġi (26%); u x-xjenza, l-inġinerija, il-manifattura u l-kostruzzjoni (18%). Il-korsijiet fil-matematika u l-informatika, u fl-istudji umanistiċi u l-arti kellhom sehem ta’ 15% kull wieħed. It-tul taż-żmien medju kien ta’ ftit iktar minn 12-il jum.

404 programmi intensivi tal-Erasmus ġew organizzati fl-2010-11 (minn 384 fis-sena preċedenti). Ipparteċipaw 13,963 student (studenti internazzjonali u wkoll nazzjonali: +10.7%) u 5,010 għalliema (+14.4%).

Il-proġetti ta' kooperazzjoni universitarja tal-Erasmus

Il-programm Erasmus jippromwovi wkoll l-immodernizzar tal-edukazzjoni għolja Ewropea permezz ta’ finanzjament għal proġetti konġunti. Dawn il-proġetti, li jdumu għaddejjin sa 3 snin, jimmiraw biex iħeġġu riformi tal-politika permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u partijiet interessati oħra. L-applikazzjonijiet huma sottomessi darba kull sena kalendarja u madwar €20 miljun jiġu allokati annwalment lil dawn il-proġetti.

Ħafna mill-proġetti ffinanzjati taħt din il-parti tal-programm Erasmus wasslu għal żviluppi ewlenin tal-politika. Pereżempju, is-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), oriġinarjament kienet proġett tal-Erasmus qabel issawret f’għodda ewlenija għat-trawwim tal-mobbiltà li issa qed tintuża madwar l-Ewropa kollha. (L-ECTS talloka punti ta' kreditu lil kull parti ta’ programm ta’ studju, abbażi tal-piż ta’ ħidma fuq l-istudenti, biex jinkisbu eżiti ta’ tagħlim speċifikati. Dan jagħmilha aktar sempliċi għall-istudenti biex jiġmgħu l-krediti miksuba taħt programmi differenti, u tissimplifika r-rikonoxximent tal-istudju barra l-pajjiż).

L-għadd ta' applikazzjonijiet għal proġetti ta' kooperazzjoni universitarja kiber kull sena. Xi 197 applikazzjoni ġew sottomessi fl-2011 (minn 194 fl-2010). Fost dawn, 69 intgħażlu għall-finanzjament, li, bħala medja, jirrappreżentaw rata ta' suċċess ta' 35%. Ir-Renju Unit issottometta l-għolja numru ta’ proposti (29), segwit mill-Finlandja u l-Belġju (21 kull wieħed), l-Italja (18) u Spanja (16). Ir-Renju Unit kien ukoll l-aktar li rnexxa f’termini ta’applikazzjonijiet approvati bi 17-il proġett aċċettat.

Kemm tonfoq l-UE fuq il-programm Erasmus?

Fil-perjodu baġitarju attwali (2007-13) l-UE allokat €3.1 biljuni għall-programm Erasmus. Fl-2010-11, il-baġit totali kien ta’ madwar €460 miljun, li minnhom €435 miljun ġew iddedikati sabiex jappoġġaw il-mobbiltà.

Il-parti l-kbira tal-baġit tal-Erasmus titmexxa minn aġenziji nazzjonali fil-pajjiżi parteċipanti. Kważi 90% tal-baġit ta' Erasmus huwa investit fil-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal. Erasmus jappoġġa wkoll proġetti u netwerks multilaterali li jammontaw għal madwar 4% tal-baġit. Dawn huma amministrati ċentralment mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura (EACEA) fi Brussell.

It-tabella ta’ hawn taħt turi t-total ta’ fondi tal-Erasmus minfuqa fuq il-mobbiltà sena b’sena.

Tabella 1: Fondi deċentralizzati tal-Erasmus allokati lill-Aġenziji Nazzjonali

Sena

Baġit annwali ta' Erasmus iddedikat

għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal f’miljuni ta' €

Bidla, sena b’sena

1988

13,00

1989

26,84

106,46%

1990

32,88

22,50%

1991

43,86

33,39%

1992

62,88

43,37%

1993

67,88

7,95%

1994

72,78

7,22%

1995

73,46

0,93%

1996

74,3

1,14%

1997

70,00

-5,79%

1998

100,27

43,24%

1999

100,27

0,00%

2000

111,79

11,49%

2001

116,19

3,94%

2002

121,9

4,91%

2003

142,53

16,92%

2004

168,00

17,87%

2005

200,96

19,62%

2006

245,75

22,29%

2007

372,25

51,48%

2008

416,36

11,85%

2009

415,25

-0,27%

2010

435,03

4,76%

2011

469,64

7,96%

2012

480,22

2,25%

2013(*)

489,82

2,00%

(*) stima

Kif jiġu allokati l-fondi tal-Erasmus fil-livell nazzjonali?

Il-baġit kumplessiv tal-Erasmus għall-mobbiltà tal-istudenti u l-persunal huwa allokat lil pajjiżi differenti abbażi tal-fatturi li ġejjin:

  • Il-popolazzjoni: in-numru ta' studenti, lawreati u għalliema fl-edukazzjoni għolja (livell 5-6 tal-Istandard internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-edukazzjoni, ISCED). Id-dejta pprovduta mill-Eurostat.

  • L-għoli tal-ħajja u d-distanza bejn il-bliet kapitali: użati bħala fatturi korrettivi, applikati lill-fattur tal-popolazzjoni.

  • Indikatur tal-prestazzjoni fl-imgħoddi: ikkalkulat abbażi tan-numru ta’ studenti u persunal li siefru fuq programmi fil-passat (bl-użu tal-aħħar dejta disponibbli).

Kif tiġi ddeterminata l-għotja ta’ kull xahar tal-UE?

L-għotjiet tal-Erasmus huma maħsuba biex ikopru parti mill-ispejjeż addizzjonali tal-għajxien barra mill-pajjiż u l-ivvjaġġar. L-istudenti tal-Erasmus ma jħallsux miżati għat-tagħlim fl-istituzzjoni ospitanti tagħhom barra minn pajjiżhom.

F'kull pajjiż, l-aġenziji nazzjonali jallokaw il-fondi għad-dispożizzjoni tagħhom lill-istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja. Aġenzija Nazzjonali tista' tiddeċiedi li tagħti għotjiet għolja lill-għadd anqas ta’ studenti (kif inhuwa l-każ, pereżempju, fil-Bulgarija, Ċipru u t-Turkija) jew li tagħti għotjiet aktar baxxi lil aktar studenti (bħal pereżempju fi Franza u l-Italja), iżda trid tirrispetta limitu massimu għall-għotjiet stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea għal kull pajjiż tad-destinazzjoni (ara l-Gwida tal-Programm għat-Tagħlim Tul il-Ħajja).

L-Aġenzija Nazzjonali talloka fondi lill-istituzzjonijiet applikanti abbażi ta’ fatturi bħall-ammonti mitluba jew il-prestazzjoni fil-passat. L-istituzzjoni tista’ mbagħad tiddeċiedi dwar għotja eżatta fix-xahar li tħallas lill-istudenti (u rata ta’ kuljum jew fil-ġimgħa fil-każ tal-persunal) fi ħdan firxa stabbilita mill-aġenzija nazzjonali, li tvarja minn pajjiż għall-ieħor.

L-għotja ta' kull xahar tiddependi fuq il-pajjiż destinatarju u t-tip ta' mobbiltà. Pereżempju, kien hemm tendenza li jingħataw għotjiet għolja għall-pjazzamenti tal-impjiegi milli għall-istudji barra l-pajjiż.

Diversi sorsi oħra ta kofinanzjament minn sorsi nazzjonali, reġjonali u lokali jistgħu jikkomplementaw l-għotja mill-Erasmus mogħtija mill-Unjoni Ewropea.

L-aġenziji nazzjonali jistgħu jżidu l-għotja tax-xahar għal studenti żvantaġġati soċjoekonomikament.

Fl-2010-11, l-għotja medja ta’ kull xahar għall-mobbiltà tal-istudenti varjat minn
€133 għall-istudenti Spanjoli għal €653 għall-istudenti minn Ċipru. Għall-pajjiżi kollha f’daqqa, il-medja tal-għotja tax-xahar kienet ta’ €250.

Kif jistgħu l-studenti u l-persunal japplikaw għall-għotjiet tal-Erasmus?

Il-programm Erasmus huwa miftuħ għall-istudenti kollha li jistudjaw f’istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja li jħaddnu l-Karta Universitarja tal-Erasmus fit-33 pajjiż parteċipant (is-27 Stat Membru tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, it-Turkija, il-Kroazja, u mill-2011-12, l-Isvizzera). Il-biċċa l-kbira tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa – aktar minn 4,000 – iffirmaw il-Karta Universitarja tal-Erasmus.

L-ewwel pass fl-applikazzjoni għal perjodu ta’ studju jew pjazzament f'impjieg tal-Erasmus hu li tikkuntattja l-uffiċċju tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-istituzzjoni lokali tiegħek u timla ftehim ta’ tagħlim għal studji tal-Erasmus jew ftehim ta’ taħriġ għal pjazzamenti tal-Erasmus qabel il-perjodu tal-mobbilità. Dawn il-ftehimiet, li jistabbilixxu l-programm li għandu jiġi segwit mill-istudenti matul il-perjodu tal-istudju jew il-pjazzament tagħhom, jeħtieġ li jiġu approvati u ffirmati mill-istituzzjoni lokali, l-istituzzjoni jew il-kumpanija barranija ospitanti, kif ukoll mill-istudent rispettiv. Dan jissimplifika u anki jiżgura r-rikonoxximent akkademiku sħiħ mill-istituzzjoni lokali għal xogħol kompletat b’mod sodisfaċenti matul il-perjodu tal-Erasmus.

L-istudji tal-Erasmus: Dawk li jixtiequ jwettqu parti mill-istudji tagħhom barra mill-pajjiż iridu jkunu mill-inqas fit-tieni sena tagħhom f’istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja.

Il-pjazzamenti fl-impjiegi tal-Erasmus: L-istudenti jistgħu jipparteċipaw fi pjazzament tal-Erasmus sa mill-ewwel sena tal-istudji tal-edukazzjoni għolja.

Il-perjodi mwettqa barra l-pajjiż – kemm għal studji u wkoll għal pjazzamenti – jistgħu jdumu minn 3 sa 12-il xahar kull wieħed, jew total kombinat ta' 24 xahar. Għal studenti f 'edukazzjoni vokazzjonali għolja ta’ ċiklu qasir, il-perjodu ta’ żmien minimu għall-pjazzamenti huwa ta’ xahrejn.

Erasmus għall-persunal: L-għalliema huma meħtieġa jissottomettu programm ta' tagħlim lill-istituzzjoni jew intrapriża ta’ pajjiżhom bi qbil mal-istituzzjoni ospitanti. Bl-istess mod, il-membri tal-persunal li jixtiequ japplikaw għal għotja għat-taħriġ tal-Erasmus għandhom jiksbu qbil dwar il-programm tat-taħriġ tagħhom bejn l-istituzzjoni lokali tagħhom u l-istituzzjoni jew l-intrapriża ospitanti.

Kif tikkwalifika università biex tipparteċipa fil-programm Erasmus?

Università jew istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja oħra għandha tħaddan numru ta' prinċipji u obbligi oħra stabbiliti fil-Karta Universitarja tal-Erasmus qabel tkun tista’ tipparteċipa fi proġetti ta’ mobbiltà jew ta’ kooperazzjoni tal-Erasmus. L-enfasi għandha tkun fuq l-iżgurar ta' kwalità għolja. L-istituzzjoni ospitanti m’għandha żżomm l-ebda miżati għat-tagħlim għall-istudenti tal-Erasmus li jattenduha, u l-korsijiet jew pjazzamenti mitmuma b'mod sodisfaċenti għandhom awtomatikament jiġu rikonoxxuti bis-sħiħ malli l-istudenti jaslu lura fl-istituzzjoni lokali tagħhom.

X’inhu Erasmus Mundus?

Il-programm Erasmus Mundus huwa programm internazzjonali sieħeb l-Erasmus, li madankollu huwa indipendenti mill-programm Erasmus tradizzjonali. Mit-tnedija tiegħu fl-2004, aktar minn 25,000 student minn partijiet oħra tad-dinja rċevew għotjiet tal-Erasmus Mundus biex jistudjaw f'istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja fl-Ewropa. B'baġit ta' madwar €220 miljun fis-sena (2011), l-għan ta’ Erasmus Mundus huwa li jappoġġa l-eċċellenza akkademika, irawwem il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi barra l-UE u jagħmel l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa aktar attraenti. Erasmus Mundus joffri appoġġ finanzjarju għall-istituzzjonijiet u boroż ta' studju għall-individwi li jieħdu sehem fi:

  • Masters u dottorati Ewropej konġunti (inklużi boroż ta' studju)

  • Partenarjati ma’ istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja Ewropej u boroż ta’ studju għal studenti u akkademiċi

  • Proġetti li jippromwovu l-edukazzjoni għolja Ewropea madwar id-dinja

Id-dimensjoni internazzjonali tal-programmi edukattivi tal-Ewropa se tkun integrata fil-programm futur ‘Erasmus għal kulħadd' (IP/11/1398).

Għaliex il-programm tlaqqam Erasmus?

Il-programm Erasmus huwa msemmi għall-filosfu, teologu u umanista Desiderius Erasmus ta’ Rotterdam (1466-1536). Erasmus, li għex tul il-perjodu tar-Riformazzjoni, huwa magħruf sew bħala opponent tad-dommatiżmu.

Erasmus għex u ħadem f’bosta nħawi tal-Ewropa, imħeġġeġ mill-għarfien, l-esperjenza u l-intuwizzjoni li l-kuntatti ma' pajjiżi oħra jistgħu jġibu magħhom.

L-akronimu ERASMUS jista’ wkoll jinqara bħala EuRopean Community Action Scheme for the Mobbilty of University Students.

Għal iktar informazzjoni:

Ara wkoll: “Erasmus hits new record with 8.5% increase in student exchanges” (Rekord ġdid tal-Erasmus b’żieda ta’ 8.5% fl-iskambji tal-istudenti) (IP/12/454)

Aktar tagħrif dwar il-programm Erasmus

Fatti u ċifri dwar l-Erasmus [fuljett]

Statistika dwar l-Erasmus

1 :

Fl-2010, il-popolazzjoni totali fl-UE-27 kienet ta’ madwar 18.5 miljun student.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website