Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/12/306

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2012

Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tadotta l-ewwel rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva

Illum il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva (AVMSD). L-AVMSD tippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera tal-kontenut awdjoviżiv u tilħaq għanijiet importanti tal-politika pubblika bħall-projbizzjoni tal-inċitament għall-mibegħda, il-ħarsien tal-minorenni minn kontenut ta' dannu u l-promozzjoni ta' xogħlijiet awdjoviżivi Ewropej.

Il-kwistjonijiet ewlenin koperti fir-rapport huma l-prattiki tar-reklamar u l-ħtieġa ta' gwida ulterjuri dwar it-TV Konnessa (li hija TV li tista' tiġi konnessa mal-internet). B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni se:

  • Tvara konsultazzjoni pubblika dwar it-TV Konnessa (fit-tieni nofs tal-2012),

  • Taġġorna l-gwida tagħha dwar ir-reklamar televiżiv fl-2013.

"Ir-rapport juri li l-AVMSD qed taħdem, iżda minħabba t-tibdiliet xprunati mill-internet, bħat-TV Konnessa, il-ħidma tagħna ma tistax tieqaf hawn" qalet Il-Viċi President Neelie Kroes.

L-Implimentazzjoni tal-AVMSD

25 Stat Membru innotifikaw traspożizzjoni sħiħa tal-AVMSD fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. Żewġ Stati Membri – il-Polonja u l-Belġju – għad iridu jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom.

Ir-Reklamar

L-ispots tar-reklamar u tax-xiri minn fuq it-televiżjoni ma jistax jaqbeż 12-il minuta fis-siegħa. Ir-rapport żvela li l-applikazzjoni ta' din ir-regola tat lok għal formati differenti ta’ reklamar. Pereżempju, fi Spanja ġew introdotti tipi differenti ta' reklamar televiżiv, iżda ma ġewx meqjusa bħala spots ta' reklamar mill-awtoritajiet Spanjoli. Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li dawn it-tipi kienu jikkostitwixxu spots ta' reklamar u għalhekk kellhom jingħaddu fl-ambitu tar-regola ta' taħt it-12-il minuta.

Il-Kummissjoni mmonitorjat prattiki ta' reklamar fi tmien Stati Membri matul il-perjodu ta' referenza. F'għadd ta’ Stati Membri jinkiser regolarment il-limitu ta' 12-il minuta għal spots ta' reklamar . Abbażi ta’ dawn is-sejbiet, intbagħtu ittri amministrattivi lill-Istati Membri rispettivi u d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin . Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-konformità tal-Istati Membri mar-regoli ta' reklamar u, jekk meħtieġ, se tibda proċeduri ta' ksur.

L-Alkoħol

Fl-Istati Membri mmonitorjati, ir-reklamar tal-alkoħol jirrappreżenta bejn 0.8 % u 3 % tal-attività globali tar-reklamar fuq servizzi tal-midja awdjoviżiva abbażi tal-għadd totali ta' spots imxandra matul il-perjodu mmonitorjat. Ma nstabu ebda każijiet ċari ta' ksur.

Fl-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tal-AVMSD dwar ir-reklamar tal-alkoħol, 22 Stat Membru stabbilixxew regoli kemmxejn aktar stretti għar-reklamar tal-alkoħol, li jinvolvu kanali, prodotti reklamati jew perjodi ta’ ħin.

It-Tfal

Skont l-AMVSD, il-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi ma għandhomx jikkawżaw ħsara fiżika jew morali lill-minorenni. Dan ifisser li ma għandhomx: iħajru direttament lill-minorenni jixtru jew jikru prodott jew servizz billi jiġi sfruttat in-nuqqas ta' esperjenza jew il-kredulità tagħhom; jinkoraġġixxu direttament lill-minorenni biex jipperswadu lill-ġenituri tagħhom jew oħrajn jixtru l-oġġetti jew is-servizzi li qed jiġu reklamati; jisfruttaw il-fiduċja speċjali li l-minorenni jqiegħdu fil-ġenituri, fl-għalliema jew f'persuni oħrajn; jew juru, b'mod mhux ġustifikat, minorenni f'sitwazzjonijiet perikolużi.

Analiżi tal-kontenut tal-100 spot ta' reklamar imxandra l-aktar uriet li rarament ġew miksura d-dipożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-protezzjoni tal-minorenni fir-reklamar. Kif inhu l-każ fir-reklamar tal-alkoħol, minħabba t-test dettaljat tad-dispożizzjonijiet rilevanti, ftit huma l-każijiet ta' ksur tal-AVMSD. Madankollu, jidher li ta' spiss jintużaw tekniki ta’ reklamar immirat għall-minorenni fir-reklamar fuq it-televiżjoni.

Ħames Stati Membri jipprojbixxu r-reklamar fi programmi tat-tfal. Erba' Stati Membri jimponu projbizzjoni parzjali jew restrizzjonijiet oħra fuq ir-reklamar fi programmi tat-tfal jew matul perjodi speċifiċi ta’ ħin jew għal prodotti speċifiċi, u seba' Stati Membri jipprojbixxu l-wiri ta' lowgos ta' sponsorizzazzjoni fi programmi tat-tfal1.

Diskriminazzjoni

Ir-rapport analizza wkoll id-diskriminazzjoni bejn is-sessi u l-isterjotipi tas-sessi fil-100 spot ta' reklamar imxandra l-aktar fi tmien Stati Membri. Instabet rappreżentazzjoni sterjotipata tar-rwoli tas-sessi f'21 % sa 36 % tal-ispots analizzati. Madankollu, f’xi Stati Membri għadd ta’ karigi, professjonijiet jew prodotti huma iktar sistematikament assoċjati ma’ sess speċifiku milli fi Stati Membri oħra. Ir-rapport żvela li ebda pajjiż mistħarreġ mhuwa eskluż minn tali rappreżentazzjonijiet sterjotipati.

Fid-dawl ta' dan kollu, il-Kummissjoni se timmonitorja ulterjurment l-implimentazzjoni tar-regoli tar-reklamar fl-Istati Membri u fl-2013 se taġġorna l-Komunikazzjoni Interpretattiva tagħha dwar ċerti aspetti tad-dispożizzjonijiet fuq ir-reklamar televiżiv.

TV Konnessa

It-TV Konnessa jew Ibrida timmarka fażi ġdida fil-proċess magħruf bħala 'konverġenza', li jiġbor flimkien l-internet u x-xandir. Permezz tal-inklużjoni tal-konnettività tal-Internet mas-settijiet tradizzjonali tat-TV, l-utent jista' jagħżel it-titli minn librerija ta' programm u servizzi addizzjonali fuq talba kif ukoll kontenut tal-internet.

Is-servizzi tat-TV Konnessa bħalissa jeżistu fil-Ġermanja u l-Italja u waslu biex jiġu introdotti fi Franza u r-Renju Unit. Għalkemm ħafna settijiet tat-TV li qed jinbiegħu bħalissa huma konnessibbli, bejn 20 % u 30 % biss huma fil-fatt onlajn. Attwalment hemm 47 miljun apparat domestiku attiv u konness fl-Ewropa inklużi settijiet tat-TV konnessi, konsowls tal-logħob, kaxxi tad-dekowders awtonomi, plejers ta' diski Blu-ray u kaxxi tad-dekowders għat-TV bi ħlas. Hekk kif aktar ċittadini qed jkollhom aċċess għal veloċitajiet ogħla tal-internet, u qed jiżdied l-apparat konness u l-kontenut disponibbli, huwa mistenni li t-TV Konnessa ser tikber relattivament malajr matul il-ftit snin li ġejjin.

Sabiex jiġi żgurat li ċ-ċittadini Ewropej jibbenifikaw bis-sħiħ minn dawn is-servizzi ġodda u jkollhom aċċess ta' kwalità għal xogħlijiet awdjoviżivi permezz ukoll ta' apparat konness, filwaqt li jkunu protetti adegwatament, il-Kummissjoni se tvara konsultazzjoni pubblika dwar din il-kwistjoni sa tmiem l-2012.

Sfond

L-Artikolu 33 tal-AVMSD jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta regolarment rapport dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Dan huwa l-ewwel rapport ta' applikazzjoni dwar l-AVMSD u jkopri l-perjodu bejn l-2009 u l-2010.

L-ewwel parti tar-rapport tħares retrospettivament lejn l-implimentazzjoni tad-Direttiva, inklużi kwistjonijiet dwar l-effikaċja ta' regoli kwalitattivi dwar ir-reklamar f’settur fejn l-offerta u r-reazzjonijiet tal-individwi għar-reklamar qed jinbidlu.

Fejn il-valutazzjoni tidentifika lok għal titjib, dan ma jdgħajjifx il-loġika ta’ intervent tal-AVMSD iżda jesiġi mezzi aktar effettivi. Għaldaqstant, ir-rapport iservi ta' pedament għat-tisħiħ tal-bażi ta' evidenza lejn dak il-għan.

It-tieni parti tindirizza b'mod prospettiv l-influwenza ta' tibdiliet teknoloġiċi importanti dwar il-qafas regolatorju hekk kif ix-xandir tradizzjonali u l-internet jikkonverġu b’mod rapidu .

Links utli

Ir-rapport dwar l-applikazzjoni

http://ec.europa.eu/avpolicy/reg/tvwf/implementation/reports/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Politiki Awdjoviżivi u tal-Midja:

http://ec.europa.eu/avpolicy/index_en.htm

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

1 :

Ara d-dokument tal-Kumitat ta' Kuntatt http://ec.europa.eu/comm/avpolicy/reg/tvwf/contact_comm/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website