Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE)

European Commission - MEMO/12/235   30/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/12/235

Brussell, it-30 ta' Marzu 2012

L-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (IĊE)

I. Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

  • Xi jgħid it-Trattat ta' Lisbona dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

  • Meta ser ikun possibbli li jinbdew l-ewwel inizjattivi taċ-ċittadini?

  • X'jiġri f'każ bħal dak tal-petizzjoni tal-Greenpeace ta' ftit ta' żmien ilu? Dik tkun tista' terġa' titressaq issa li beda japplika r-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini?

  • X'inhu l-valur miżjud tal-IĊE?

  • X'inhi d-differenza bejn EĊI u petizzjoni?

  • Jeżistu xi skemi ta' inizjattivi taċ-ċittadini fl-Istati Membri?

  • IĊE tista' tindirizza 'x'? Każ bħal dak jgħaddi mit-test ta' ammissibbiltà?

  • Iċ-ċittadini jistgħu jvaraw reviżjoni tat-Trattati permezz ta' IĊE?

  • IĊE tista' tinkludi wkoll il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu fl-UE?

II. Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Regolament: kif tiffunzjona l-IĊE?

  • Min jista' jorganizza inizjattiva?

  • L-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet?

  • Hemm dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament?

  • L-organizzaturi ta' IĊE ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi sura ta' finanzjament tal-UE?

  • Iċ-ċittadini kif jistgħu jsiru jafu b'inizjattivi li jkunu għaddejjin?

  • Il-Kummissjoni kif ser tivverifika li l-gruppi li jibdew inizjattivi jkunu gruppi serji?

  • Il-Kummissjoni kif se twaqqaf lil estremisti milli jużaw din l-għodda bħala pjattaforma għall-fehmiet tagħhom?

  • Il-kriterji biex jiġu rrifjutati inizjattivi abbużivi u frivoli jistgħu jitqiesu bħala possibbiltà faċli ta' ċensura min-naħa tal-Kummissjoni?

  • X'inhuma r-rekwiżiti biex tiġi rreġistrata inizjattiva li tiġi proposta?

  • Liema huma l-ilsna li jistgħu jintużaw mill-organizzaturi biex jirreġistraw l-inizjattiva li jkunu qegħdin jipproponu?

  • Il-Kummissjoni ser tittraduċi l-inizjattivi li jiġu proposti?

  • L-organizzaturi potenzjali kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li l-idea tagħhom taqa' fil-kompetenzi tal-Kummissjoni?

  • X'jaħsbu l-firmatarji dwar il-fatt li inizjattiva għandha tiġi minn kwart tal-Istati Membri? Għaliex mhux Stat Membru wieħed biss?

  • Għaliex qiegħed jintuża multiplu tal-għadd ta' Membri fil-Parlament Ewropew bħala l-limitu għall-għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal kull Stat Membru?

  • Xi jsir mid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinġabru fl-Istati Membri fejn ma jintlaħaqx il-limitu minimu?

  • X'għandha tkun l-età taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'inizjattiva?

  • Iċ-ċittadini li jissieħbu f'inizjattiva għandhom ikunu rreġistrati għall-vot?

  • Jekk persuna tkun ċittadin ta' Stat Membru wieħed iżda tgħix fi Stat Membru ieħor, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha f'liema pajjiż tiġi kkunsidrata?

  • Huwa possibbli li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE jipparteċipaw f'inizjattiva? Liema Stat Membru ser jikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom?

  • Huwa possibbli li IĊE tiġi ffirmata onlajn?

  • Iċ-ċittadini kif jistgħu jiżguraw ruħhom li meta jirreġistraw għal inizjattiva onlajn ikunu jistgħu jagħmlu dan b'mod sikur?

  • Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li d-dejta personali tagħhom ma tintużax għal kwalunkwe skop ieħor?

  • Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kif ser jiġu vverifikati?

  • Il-Kummissjoni kif biħsiebha twieġeb għall-inizjattivi li jirnexxu?

  • X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni dwar inizjattiva taċ-ċittadini? In-nies xi dritt għal rimedju għandhom?

  • Huwa possibbli li tiġi ppreżentata inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra li tkun tinsab għaddejja? Huwa possibbli li inizjattiva partikolari titressaq għal diversi drabi?

  • X'inhi r-raġuni għall-fatt li l-Istati Membri ser idumu sena biex jimplimentaw l-IĊE?

  • Regolament bħal dan ma jittrasformax l-IĊE f'għodda burokratika wisq?

  • Diversi tentattivi ta' IĊE mhumiex ser jiġu aċċettati minħabba nuqqas ta' bażi legali jew għaliex ftit li xejn ikunu konformi mal-'valuri tal-UE'. Jista' jkun li rata ta' aċċettazzjoni baxxa tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-proċess tal-IĊE, jew saħansitra għall-Kummissjoni?

  • Dan mhux kollu bżar fl-għajnejn? Fil-verità, l-IĊE mhi se tbiddel xejn!

I. Mistoqsijiet u Tweġibiet Ġenerali dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej

1. Xi jgħid it-Trattat ta' Lisbona dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej?

It-Trattat ta' Lisbona jintroduċi l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. Jipprovdi li "Ċittadini tal-Unjoni, li l-għadd tagħhom ma jkunx anqas minn miljun, li jkunu ċittadini ta' għadd sinifikanti mill-Istati Membri, jistgħu jieħdu l-inizjattiva li jitolbu lill-Kummissjoni Ewropea, fil-qafas tal-kompetenzi mogħtija lilha, sabiex tippreżenta kull proposta xierqa dwar il-kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jikkunsidraw li jkun meħtieġ att legali tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tat-Trattati." (l-Artikolu 11.4 TUE)

It-Trattat jistabbilixxi wkoll li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tali inizjattiva taċ-ċittadini, fosthom l-għadd minimu ta' Stati Membri li ċ-ċittadini tagħhom jipparteċipaw f'inizjattiva, ser jiġu deċiżi f'Regolament li għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni adottat il-proposta tagħha fit-31 ta' Marzu 2010. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Regolament fis-16 ta' Frar tal-2011. Fuq talba tal-Istati Membri, dan mhux ser jibda japplika qabel l-1 ta' April tal-2012 (ara l-mistoqsija numru 27).

2. Meta ser ikun possibbli li jinbdew l-ewwel inizjattivi taċ-ċittadini?

Min-nhar il-Ħadd, l-1 ta' April Dik hija d-data minn meta l-Kummissjoni ser tkun tista' tibda taċċetta talbiet biex jiġu rreġistrati inizjattivi proposti. Dan huwa l-ewwel pass essenzjali qabel ma ċ-ċittadini jibdew jiġbru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ.

3. X'jiġri f'każ bħal dak tal-petizzjoni tal-Greenpeace ta' ftit ta' żmien ilu? Dik tkun tista' terġa' titressaq issa li beda japplika r-Regolament dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini?

Petizzjonijiet bħal dik li ressqu l-Greenpeace dan l-aħħar ma jistgħux jitqiesu bħala inizjattiva taċ-ċittadini. Billi t-Trattat jispeċifika li l-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-inizjattiva taċ-ċittadini għandhom jiġu deċiżi mir-Regolament adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, l-inizjattivi li jinbdew qabel ma jibda japplika r-Regolament ma jistgħux jitqiesu bħala "inizjattivi taċ-ċittadini", għaliex ir-regoli u l-proċeduri għadhom mhumiex fis-seħħ. Il-firem li jinġabru qabel id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament ma jistgħux jintużaw wara; ir-Regolament jipprovdi li d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ jistgħu jinġabru biss wara l-inizjattiva proposta tiġi rreġistrata mal-Kummissjoni.

4. X'inhu l-valur miżjud tal-IĊE?

It-Trattat ta' Lisbona huwa ċar: il-funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jibqa' msejjes fuq "demokrazija rappreżentattiva" u ċ-ċittadini Ewropej ser jibqgħu jiġu rrapreżentati direttament fil-livell tal-Unjoni fil-Parlament Ewropew.

Madanakollu, l-IĊE ser twessa' l-isfera tad-dibattitu pubbliku, u tippermetti li ċ-ċittadini jipparteċipaw b'mod aktar intensiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni permezz ta' din l-għodda ġdida ta' "demokrazija parteċipatorja".

Filwaqt li l-Kummissjoni żżomm id-dritt ta' inizjattiva, u għaldaqstant mhijiex ser tkun marbuta li tressaq proposta abbażi ta' inizjattiva taċ-ċittadini, hija timpenja ruħha li teżamina l-inizjattivi kollha li jaqgħu fil-qafas tas-setgħat tagħha sabiex tikkunsidra jkunx xieraq li titressaq proposta għal politika ġdida.

Għaldaqstant il-Kummissjoni temmen li din l-għodda ġdida ser tagħti kontribuzzjoni pożittiva ferm mhux biss għad-demokrazija Ewropea iżda wkoll għat-tfassil tal-politika fil-livell tal-UE.

5. X'inhi d-differenza bejn EĊI u petizzjoni?

Id-dritt li titressaq petizzjoni quddiem il-Parlament Ewropew, li diġà kien jeżisti taħt Trattati preċedenti, huwa sostanzjalment differenti mill-inizjattiva taċ-ċittadini introdotta għall-ewwel darba mit-Trattat ta' Lisbona. Il-petizzjonijiet jistgħu jitressqu miċ-ċittadini tal-Unjoni u kif ukoll minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jirresjedu jew b'uffiċċju rreġistrat fi Stat Membru, kemm fuq bażi individwali jew flimkien ma' ċittadini jew persuni oħrajn u għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet li jaqgħu taħt l-oqsma ta' attività tal-Unjoni li jolqtuhom direttament (eż. ilment). Għaldaqstant, mhuwiex neċessarju li l-petizzjonijiet ikunu jikkonċernaw proposti ta' politiki ġodda. Dawn ikunu indirizzati lill-Parlament Ewropew fir-rwol tiegħu ta' rappreżentant dirett taċ-ċittadini fil-livell tal-Unjoni.

L-inizjattiva taċ-ċittadini, fuq in-naħa l-oħra, tippermetti li mill-anqas miljun ċittadin jagħmlu sejħa diretta biex il-Kummissjoni tressaq inizjattivi ġodda ta' politika.

6. Jeżistu xi skemi ta' inizjattivi taċ-ċittadini fl-Istati Membri?

L-inizjattivi taċ-ċittadini diġà jeżistu fil-maġġoranza tal-Istati Membri, kemm fil-livell nazzjonali, reġjonali jew dak lokali. L-inizjattivi taċ-ċittadini fil-livell nazzjonali jsiru, fost l-oħrajn, fl-Awstrija, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, il-Portugal, ir-Rumanija, is-Slovakkja, is-Slovenja, Spanja u l-Pajjiżi l-Baxxi. Fl-Awstrija, l-Ġermanja, Spanja, l-Isvezja u l-Pajjiżi Baxxi teżisti l-possibbiltà ta' inizjattivi taċ-ċittadini fuq bażi reġjonali. Fil-Belġju, l-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, il-Lussemburgu, s-Slovenja, Spanja, l-Isvezja eċċ. teżisti l-possibbiltà ta' inizjattivi taċ-ċittadini fil-livell lokali. L-inizjattivi taċ-ċittadini jsiru wkoll f'pajjiżi 'l barra mill-UE (pereżempju fl-Isvizzera u fl-Istati Uniti). Dawn l-inizjattivi jvarjaw b'mod konsiderevoli fir-rigward tal-ambitu tagħhom u ġeneralment joperaw bi proċeduri differenti.

7. IĊE tista' tindirizza 'x'? Każ bħal dak jgħaddi mit-test ta' ammissibbiltà?

Dan mhuwiex il-lok fejn tingħata analiżi legali ta' kull proposta immaġinabbli possibbli. Il-kriterji huma pjuttost ċari: inizjattiva ma tiġix irreġistrata jekk ikun jidher biċ-ċar li din ma taqax fil-kompetenzi tal-Kummissjoni, u jekk ma jkun hemm l-ebda dubju li inizjattiva tkun abbużiva, frivola, jew li tmur kontra l-valuri tal-UE.

8. Iċ-ċittadini jistgħu jvaraw reviżjoni tat-Trattati permezz ta' IĊE?

Le. Skont it-Trattat u kif ukoll kif inhu ddikjarat fir-Regolament, l-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jikkonċernaw biss proposti dwar kwistjonijiet fejn iċ-ċittadini jqisu li tkun meħtieġa azzjoni legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

9. IĊE tista' tinkludi wkoll il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu fl-UE?

Le. Skont it-Trattat, il-firem ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ma jgħoddux għal IĊE. Fil-fatt, it-Trattat jiddikijara biċ-ċar li huma biss iċ-ċittadini tal-Istati Membri li jistgħu jipparteċipaw f'inizjattiva.

II. Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-Regolament: kif tiffunzjona l-IĊE?

1. Min jista' jorganizza inizjattiva?

L-inizjattivi taċ-ċittadini għandhom jiġu organizzati minn kumitati taċ-ċittadini magħmula minn tal-anqas 7 ċittadini li jirresjedu f'tal-anqas 7 Stati Membri differenti. Il-membri tal-kumitat taċ-ċittadini għandhom ikunu ċittadini tal-Unjoni, ta' età li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej (18-il sena fl-Istati Membri kollha għajr fl-Awstrija, fejn l-etaà tal-vot hija ta' 16-il sena). Huma jkollhom jaħtru rappreżentant wieħed, u sostitut tiegħu, li jkollhom il-mandat li jitkellmu u jaġixxu f'isem il-kumitat taċ-ċittadini matul il-proċedura. Il-membri tal-Parlament Ewropew ma jistgħux jingħaddu għall-finijiet li jintlaħaq l-għadd minimu meħtieġ biex jiġi ffurmat kumitat taċ-ċittadini.

2. L-inizjattivi taċ-ċittadini jistgħu jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet?

L-inizjattivi taċ-ċittadini ma jistgħux jiġu organizzati minn organizzazzjonijiet. Madanakollu, kwalunkwe entità tista' tippromwovi jew tappoġġja proposti għal inizjattivi sakemm tagħmel dan bi trasparenza sħiħa.

3. Hemm dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tal-finanzjament?

Fl-interess tat-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika, matul il-proċedura l-organizzaturi ta' inizjattivi huma meħtieġa li jipprovdu informazzjoni aġġornata fuq bażi regolari fir-rigward tal-organizzazzjonijiet li jappoġġjaw inizjattiva, u dwar il-finanzjament ta' tali inizjattivi. Dan huwa fl-interess taċ-ċittadini li jkunu qegħdin jikkunsidraw li jipparteċipaw f'inizjattiva. dan ikun konformi wkoll mal-Inizjattiva Ewropea favur it-Trasparenza tal-Kummissjoni.

4. L-organizzaturi ta' IĊE ser ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xi sura ta' finanzjament tal-UE?

Mhu previst l-ebda finanzjament tal-UE għal dan l-iskop.

5. Iċ-ċittadini kif jistgħu jsiru jafu b'inizjattivi li jkunu għaddejjin?

L-inizjattivi kollha li jkunu għaddejjin ser jiġu rreġistrati u jkunu disponibbli għall-pubbliku minn fuq il-websajt tal-Kummissjoni. Dan jippermetti li jsir segwitu tal-inizjattivi li jkunu għaddejjin u jipprovdi għodda għall-komunikazzjoni u t-trasparenza.

6. Il-Kummissjoni kif ser tivverifika li l-gruppi li jibdew inizjattivi jkunu gruppi serji?

Ir-Regolament jipprevedi li l-inizjattivi proposti li jkunu biċ-ċar li mhumiex serji (eż. dawk li jkunu frivoli, abbużivi jew vessatorji) ma jiġux irreġistrati. Madanakollu, billi l-organizzatur ta' inizjattiva taċ-ċittadini għandu jkun kumitat taċ-ċittadini, l-għadd ta' proposti għal inizjattivi mhux serji għandu jkun limitat.

7. Il-Kummissjoni kif se twaqqaf lil estremisti milli jużaw din l-għodda bħala pjattaforma għall-fehmiet tagħhom?

Ir-Regolament jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta' proposti għal inizjattivi taċ-ċittadini li biċ-ċar imorru kontra l-valuri tal-Unjoni biex b'hekk jiġi evitat li jiġu rreklamanti fehmiet estremisti fuq il-websajt tal-Kummissjoni.

8. Il-kriterji biex jiġu rrifjutati inizjattivi abbużivi u frivoli jistgħu jitqiesu bħala possibbiltà faċli ta' ċensura min-naħa tal-Kummissjoni?

Le. Iirid ikun jidher biċ-ċar li l-inizjattivi jkunu abbużivi u frivoli: dan ifisser li ma tantx għandu jkun hemm dubju dwar in-natura abbużiva jew frivola tagħhom. Fi kwalunkwe każ, min jibda inizjattiva jkollu l-possibbiltà li jressaq proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, jew li jressaq ilment quddiem l-Ombudsman Ewropw jekk ma jkunx jaqbel mad-deċiżjoni (ara l-mistoqsija numru 25).

9. X'inhuma r-rekwiżiti biex tiġi rreġistrata inizjattiva li tiġi proposta?

L-organizzaturi ta' inizjattiva jridu jitolbu lill-Kummissjoni biex tirreġistralhom il-proposta tagħhom. Huma jridu jipprovdu l-informazzjoni li ġejja f'waħda mill-ilsna uffiċjali tal-Unjoni fuq reġistru onljan li ser jiġi pprovdut mill-Kummissjoni:

  • it-titolu tal-inizjattiva taċ-ċittadini li tiġi proposta;

  • is-suġġett tal-inizjattiva;

  • id-deskrizzjoni tal-għanijiet tal-proposta li dwarha l-Kummissjoni tintalab tieħu azzjoni;

  • id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li l-organizzaturi jħossu li jkunu relevanti għall azzjoni proposta;

  • l-isem sħiħ, l-indirizz tal-posta, iċ-ċittadinanza u d-data tat-twelid tas-seba' membri tal-kumitat taċ-ċittadini, b'indikazzjoni speċifika dwar min huwa r-rappreżentant tagħhom u s-sostitut tiegħu, u kif ukoll l-indirizzi elettroniċi tagħhom;

  • l-għejun kollha ta' finanzjament u appoġġ.

L-organizzaturi għandhom ukoll il-possibbiltà li jipprovdu informazzjoni aktar dettaljata f'anness, inkluż abbożż tat-test leġiżlattiv.

Fuq il-bażi ta' din l-informazzjoni, il-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva proposta, dejjem jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet previsti fir-Regolament, partikolarment il-fatt li l-inizjattiva proposta ma tkunx taqa' biċ-ċar 'il barra mill-qafas tas-setgħat tal-Kummissjoni li tressaq proposta għal att legali tal-Unjoni għall-finijiet tal-implimentazzjoni tat-Trattati.

10. Liema huma l-ilsna li jistgħu jintużaw mill-organizzaturi biex jirreġistraw l-inizjattiva li jkunu qegħdin jipproponu?

L-organizzaturi jistgħu jitolbu li jirreġistraw inizjattiva bi kwalunkwe lsien uffiċjali tal-Unjoni.

11. Il-Kummissjoni ser tittraduċi l-inizjattivi li jiġu proposti?

Le. L-organizzaturi ser ikunu responsabbli mit-traduzzjoni tal-inizjattiva li jipproponu fl-ilsna kollha li jixtiequ. Wara l-konferma tar-reġistrazzjoni f'waħda mill-ilsna uffiċjali, l-organizzaturi ser ikollhom il-possibbiltà li jżidu lsien uffiċjali ieħor mar-reġistru. Qabel ma inizjattiva tittella' fir-reġistru, il-Kummissjoni ser tivverifika biex taċċerta ruħha li din ma jkollha l-ebda inkonsistenza sinifikanti u ċara mal-verżjoni oriġinali tat-titolu, is-suġġett u l-għanijiet.

12. L-organizzaturi potenzjali kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li l-idea tagħhom taqa' fil-kompetenzi tal-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni tat informazzjoni dwar il-kompetenzi tagħha fuq il-websajt tal-inizjattiva taċ-ċittadini. Din l-informazzjoni għandha twassal biex l-organizzaturi potenzjali jsiru jafu jekk ikunx hemm dispożizzjoni partikolari fit-Trattat li tippermetti lill-Kummissjoni taġixxi fil-qasam ikkonċernat.

13. X'jaħsbu l-firmatarji dwar il-fatt li inizjattiva għandha tiġi minn kwart tal-Istati Membri? Għaliex mhux Stat Membru wieħed biss?

Kien meħtieġ li jiġi stabbilit l-għadd minimu ta' Stati Membri li ċ-ċittadini tiegħu jiffirmaw għal inizjattiva sabiex jiġi żgurat li l-inizjattiva taċ-ċittadini tkun tirrapreżenta interess ġenwin Ewropew, u biex jiġi rifless il-fatt li t-Trattat jgħid li ċ-ċittadini għandhom ikunu minn "għadd sinifikanti ta' Stati Membri".

L-għadd li ntlaħaq ftehim dwaru mill-Parlament u l-Kunsill huwa ta' kwart tal-Istati Membri, li bħalissa jfisser seba' pajjiżi, anke wara l-adeżjoni tal-Kroazja.

14. Għaliex qiegħed jintuża multiplu tal-għadd ta' Membri fil-Parlament Ewropew bħala l-limitu għall-għadd minimu ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ għal kull Stat Membru?

Fil-Green Paper tagħha l-Kummissjoni ssuġġeriet li l-limitu jiġi stabbiliti għal 0.2% tal-popolazzjoni ta' kull Stat Membru. Madanakollu, ħafna minn dawk li wieġbu qiesu li l-limitu ta' 0.2% tal-popolazzjoni kien wieħed għoli wisq biex tassew jinkiseb l-għan li tiġi żgurata r-rappreżentanza ta' interess Ewropew. Oħrajn qiesu li tali perċentwal ma jkunx wieħed ekwu. Huwa ferm aktar faċli li, pereżempju, jinġabru dikjarazzjonijiet ta' appoġġ mingħand 1,000 ċittadin (li jirrapreżentaw 0.2% tal-popolazzjoni) fil-Lussemburgu milli 160.000 fil-Ġermanja, u għaldaqstant huwa aktar faċli li tittieħed kunsiderazzjoni tal-Istat Membri ż-żgħar milli tal-kbar.

Għalhekk l-approċċ li ntgħażel jirrefletti dan it-tħassib. Ir-Regolament jipprovdi għal limitu fiss għal kull Stat Membru, li huwa digressivament proporzjonali għall-popolazzjoni ta' kull Stat u li jistabbilixxi limitu minimu u kif ukoll limitu li ma jistax jinqabeż.

Sabiex jiġi żgurat li dawn il-limiti jkunu bbażati fuq kriterji oġġettivi, dawn ġew imsejsa fuq multiplu tan-numru ta' Membri tal-Parlament Ewropew eletti għal kull Stat Membru. Il-multiplu magħżul kien ta' 750, fuq naħa sabiex jirrifletti t-talbiet ta' ħafna partijiet interessati li wrew il-fehma li l-limitu minimu jkun anqas minn 0.2% tal-popolazzjoni u, fuq in-naħa l-oħra, sabiex jikkunsidra t-tħassib li l-limitu fl-Istati l-Membri ż-żgħar ma għandux ikun baxx wisq.

Għaldaqstant, din is-sistema se tippermetti numru proporzjonalment aktar baxx ta' firmatarji għall-pajjiżi l-kbar u numru proporzjonalment akbar għall-pajjiżi ż-żgħar.

L-għadd minimu ta' firmatarji għal kull Stat Membru jinsab imniżżel fl-Anness I tar-Regolament.

15. Xi jsir mid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinġabru fl-Istati Membri fejn ma jintlaħaqx il-limitu minimu?

Dawn id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ ċertament li jinżiedu mal-għadd totali ta' firem iżda l-Istati Membri kkonċernati ma jingħaddux fil-kwart ta' Stati Membri li huma meħtieġa.

16. X'għandha tkun l-età taċ-ċittadini biex ikunu jistgħu jieħdu sehem f'inizjattiva?

Iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jkollhom l-età li jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom għall-inizjattiva. Dan ifisser li l-età minima hija ta' 18-il sena fl-Istati Membri kollha għajr fl-Awstrija (16).

17. Iċ-ċittadini li jissieħbu f'inizjattiva għandhom ikunu rreġistrati għall-vot?

Le. L-uniku rekwiżit huwa li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkollhom l-età li jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej.

18. Jekk persuna tkun ċittadin ta' Stat Membru wieħed iżda tgħix fi Stat Membru ieħor, id-dikjarazzjoni ta' appoġġ tagħha f'liema pajjiż tiġi kkunsidrata?

Dan jiddependi fuq id-dejta pprovduta mis-sostenitur/sostenitriċi tal-inizjattiva, u għaldaqstant fuq l-Istat Membru li jivverifika d-dikjarazzjoni ta' appoġġ tal-persuna. Jekk is-sostenitur/sostenitriċi jipprovdi/tipprovdi d-dejta meħtieġa li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta' residenza, huwa/hija jitqies/titqies fl-Istat Membru ta' residenza tagħha. Bl-istess mod, jekk is-sostenitur/sostenitriċi jipprovdi/tipprovdi d-dejta meħtieġa li tikkorrispondi għall-Istat Membru ta' fejn huwa/hija ċittadin(a), huwa/hija jitqies/titqies fl-Istat Membru ta' nazzjonalità tagħha. Pereżempju, ċittadin Awstrijak li jgħix fl-Estonja jista' jew jimla l-formola li tiġi vverifikata fl-Estonja u għaldaqstant jitqies fl-Estonja, billi jipprovdi ismu, kunjomu, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid u ċ-ċittadinanza, JEW jimla l-formola li tiġi vverifikata u titqies mill-Awstrija, u minbarra d-dejta li ssemmiet qabel jintalab ukoll numru ta' identifikazzjoni personali fil-lista aċċettata mill-Awstrija u disponibbli fil-Parti C tal-Anness III tar-Regolament (numru tal-passaport jew tal-karta tal-identità).

Fi kwalunkwe każ, iċ-ċittadini jistgħu jiffirmaw għal inizjattiva darba waħda biss.

19. Huwa possibbli li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE jipparteċipaw f'inizjattiva? Liema Stat Membru ser jikkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom?

Il-possibbiltà li ċ-ċittadini tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE jipparteċipaw f'inizjattiva ser jiddependi fuq l-Istat Membru li huma jkunu ċittadini tiegħu. Xi Stati Membri ma humiex f'pożizzjoni li jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ taċ-ċittadini tagħhom li jgħixu barra mill-UE. Il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni offriet il-possibbiltà li tirreġistra ċ-ċittadini kollha tal-Unjoni li jirresjedu barra mill-UE. Iżda minħabba r-rekwiżiti ġodda li ntlabu mill-Istat Membri, hemm il-possibbiltà li xi ċittadini ma jkunux jistgħu jirreġistraw. Dawk li għandhom din il-possibbiltà ser jitqiesu fl-Istat Membru taċ-ċittadinanza tagħhom.

20. Huwa possibbli li IĊE tiġi ffirmata onlajn?

Iċ-ċittadini għandhom il-possibbiltà li jirreġistraw onlajn. Biex jiġri dan, l-organizzaturi jkollhom joħolqu sistema ta' ġbir ta' firem onlajn li tkun konformi mar-rekwiżiti tekniċi u ta' sigurtà stabbiliti fir-Regolament. Il-Kummissjoni żviluppat standards tekniċi u poġġiet għad-disponibbiltà open source software mingħajr ħlas biex tgħin lill-organizzaturi jibnu s-sistema tagħhom.

21. Iċ-ċittadini kif jistgħu jiżguraw ruħhom li meta jirreġistraw għal inizjattiva onlajn ikunu jistgħu jagħmlu dan b'mod sikur?

Qabel ma jinbeda l-ġbir ta' firem onljan, l-organizzaturi ser ikollhom jitolbu lill-awtorità nazzjonali kompetenti li tkun ser iżżomm id-dejta biex tiċċertifika s-sistema ta' ġbir ta' firem onlajn (inkluż meta l-organizzaturi jużaw open-source software pprovdut mill-Kummissjoni). L-awtoritajiet nazzjonali ser jivverifikaw li l-aspetti tekniċi u tas-sigurtà tas-sistema ta' ġbir ta' firem tagħhom tkun konformi mar-rekwiżiti minimi stabbiliti fir-Regolament. Dan ser jiżgura li l-proċess ta' reġistrazzjoni jkun wieħed sikur.

22. Iċ-ċittadini li jagħtu l-appoġġ tagħhom għal inizjattiva kif jistgħu jaċċertaw ruħhom li d-dejta personali tagħhom ma tintużax għal xi skop ieħor?

Ir-Regolament jiżgura li l-protezzjoni tad-dejta tiġi garantita mill-atturi relevanti kollha – l-organizzaturi, l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Din il-protezzjoni tapplika kemm għall-organizzazzjoni kif ukoll fis-segwitu dwar inizjattiva taċ-ċittadini. Il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta' dejta personali li tnsab fis-seħħ ser tapplika għall-ipproċessar ta' dejta personali li jsir għal inizjattiva taċ-ċittadini. L-organizzaturi ta' inizjattiva taċ-ċittadini, fir-rwol tagħhom ta' kontrolluri tad-dejta, ser ikunu responsabbli minn kwalunkwe dannu li jikkawżaw f'konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u suġġetti għal sanzjonijiet xierqa għal kwalunkwe ksur tar-Regolament.

23. Id-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ kif ser jiġu vverifikati?

Fid-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ tagħhom, iċ-ċittadini ser ikollhom jimlew l-informazzjoni mitluba mill-Istat Membri minn fejn joriġinaw (jew l-Istat Membru fejn jirresjedu jew l-Istat Membru li jkunu ċittadini tiegħu). Din tista' tikludi l-isem, il-kunjom, l-indirizz, id-data u l-post tat-twelid, iċ-ċittadinanza u, f'għadd ta' Stati Membri, in-numru ta' identifikazzjoni personali. Parti minn din l-informazzjoni (eż. l-indirizz sħiħ, il-post u d-data tat-twelid) mhijiex ser tintalab minn xi Stati Membri. Id-dettalji tad-deta meħtieġa issa huma disponibbli f'żewġ mudelli għall-formola tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ li jinsabu fl-Anness III (Parti A u B) tar-Regolament. Fil-każ tal-Istati Membri li jitolbu n-numru tal-identifikazzjoni personali, il-lista ta' dokumenti/numri aċċettati minn kull wieħed minnhom hija disponibbli fil-Parti C tal-Anness III.

L-organizzaturi jridu jużaw formoli separati skont l-Istat Membru tal-firmatarji. Dan ifisser li l-firmatarji kollha f'formola partikolari jridu jkunu mill-istess Stat Membru. Imbagħad l-organizzaturi ser ikollhom jibagħtu dawn id-dikjarazzjonijiet lill-awtorità nazzjonali tal-Istat Membru. Fi stadju sussegwenti l-awtoritajiet nazzjonali jwettqu l-verifiki xierqa sabiex jiċċertifikaw l-għadd ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ validi li jkunu ġabru. Dan jista' jsir billi jittieħdu kampjuni każwali.

24. Il-Kummissjoni kif biħsiebha twieġeb għall-inizjattivi li jirnexxu?

Ir-regoli jagħtu lill-Kummissjoni perjodu ta' tliet xhur biex teżamina inizjattiva taċ-ċittadini li tkun ġabret l-għadd meħtieġ ta' dikjarazzjonijiet ta' appoġġ. Qabel tistabbilixxi l-konklużjonijiet tagħha f'Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ser tiltaqa' mal-organizzaturi f'livell xieraq biex b'hekk huma jkunu jistgħu jfiehmu fid-dettall il-kwistjonijiet imqajma bl-inizjattiva tagħhom. L-organizzaturi ser jingħataw ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom waqt smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament Ewropew.

25. X'jiġri jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni dwar inizjattiva taċ-ċittadini? In-nies xi dritt għal rimedju għandhom?

L-inizjattiva taċ-ċittadini hija għodda li tistabbilixxi aġenda u għaldaqstant ma tolqotx id-dritt ta' inizjattiva tal-Kummissjoni. Madanakollu, din tobbliga lill-Kummissjoni kollha biex, bħala kulleġġ, tikkunsidra t-talbiet li jsiru permezz tal-inizjattivi taċ-ċittadini b'mod serju. Jekk tiddeċiedi li ma tiħux azzjoni fuq inizjattiva taċ-ċittadini, il-Kummissjoni jkollha tispjega r-raġunijiet tagħha b'mod ċar. L-analiżi politika tal-Kummissjoni dwar is-sustanza tal-inizjattiva ma tistax tkun suġġetta għal proċedura ta' appell.

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar ir-reġistrazzjoni tal-inizjattivi proposti, li hija msejsa fuq bażijiet legali, tista' tiġi kkontestata. Meta reġistrazzjoni partikolari tiġi rrifjutata, il-Kummissjoni tinforma lill-organizzaturi dwar ir-raġunijiet, filwaqt li tagħti informazzjoni dwar ir-rimedji ġudizzjarji u extra ġudizzjarji kollha possibbli li jkunu disponibbli għalihom.

26. Huwa possibbli li tiġi ppreżentata inizjattiva li tmur kontra inizjattiva oħra li tkun tinsab għaddejja? Huwa possibbli li inizjattiva partikolari titressaq għal diversi drabi?

Ir-Regolament ma jimponi l-ebda regoli fir-rigward tal-preżentazzjoni suċċessiva tal-istess inizjattivi taċ-ċittadini, jew ta' inizjattivi taċ-ċittadini li jkunu simili għal xulxin. Bl-istess mod, ir-Regolament jippermetti li jitnedew inizjattivi li jmorru kontra xulxin.

27. X'inhi r-raġuni għall-fatt li l-Istati Membri ser idumu sena biex jimplimentaw l-IĊE?

Bosta Stati Membri kellhom bżonn jadattaw il-liġijiet nazzjonali tagħhom biex ikunu jistgħu jwettqu l-verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' appoġġ u/jew biex jiżguraw li l-organizzaturi jkunu suġġetti għal sanzjonijiet xierqa f'każ ta' ksur tar-Regolament.

28. Regolament bħal dan ma jittrasformax l-IĊE f'għodda burokratika wisq?

L-inizjattiva taċ-ċittadini mhijiex suġġetta għal regoli burokratiċi bla bżonn. Ir-regoli li ġew miftiehma jiksbu l-aħjar bilanċ bejn il-ħtieġa li jiġi żgurat li dan ikun strument kredibbli u l-ħtieġa li jkun faċli biex jintuża miċ-ċittadini.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni abbozzat gwida komprensiva u faċli li tinftiehem sabiex l-istadji differenti tal-proċedura jkunu jistgħu jinftiehmu aħjar. Din tista' titniżżel mill-websajt. Il-punt ta' kuntatt, il-Europe Direct, appoġġjat mis-servizzi tal-Kummissjoni, ukoll ser iwieġeb il-mistoqsijiet taċ-ċittadini.

29. Diversi tentattivi ta' IĊE mhumiex ser jiġu aċċettati minħabba nuqqas ta' bażi legali jew għaliex ftit li xejn ikunu konformi mal-'valuri tal-UE'. Jista' jkun li rata ta' aċċettazzjoni baxxa tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-proċess tal-IĊE, jew saħansitra għall-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni temmen li l-parti l-kbira tal-inizjattivi proposti ser jiġu aċċettati. Il-kriterji tar-rifjut ta' IĊE huma limitati u ċari ferm, jiġiferi, jekk ikun jidher biċ-ċar li inizjattiva ma tkunx taqa' fil-kompetenza tal-Kummissjoni, jekk ma jkun hemm l-ebda dubju dwar in-nautura abbużiva u frivola tagħha, jew tmur biċ-ċar kontra l-valuri tal-UE. L-IĊE hija strument innovattiv ta' demokrazija parteċipatorja, u bħal f'kull sistema ġdida, fil-bidu jista' jkun hemm perjodu ta' tagħlim mill-iżbalji. Iżda dan mhux neċessarjament iwassal għal rata għolja ta' rifjuti. Bil-kontra, il-Kummissjoni tinsab ċerta li l-organizzaturi ta' kull IĊE ser jieħdu dan l-eżerċizzju b'serjetà liema bħalha u jitolbu biex jirreġistraw inizjattiva b'għarfien sħiħ tal-kriterji li ssemmew aktar 'il fuq. Għaldaqstant, diffiċilment li ssir ħsara għar-reputazzjoni tal-IĊE jew tal-Kummissjoni.

30. Dan mhux kollu bżar fl-għajnejn? L-IĊE mhijiex ser ikollha impatt!

Miljun firma minn mill-anqas seba' Stati Membri ċertament li jkollhom impatt. Jekk inizjattiva tissodisfa l-kriterji limitati u tiġbor l-għadd obbligatorju ta' firem, żgur li din tingħata l-importanza li jixirqilha. Il-Kummissjoni ser tiltaqa' mal-organizzaturi f'livell xieraq biex b'hekk huma jkunu jistgħu jfiehmu l-kwistjonijiet imqajma mill-inizjattiva tagħhom fid-dettall. L-organizzaturi ser jingħataw ukoll l-opportunità li jippreżentaw l-inizjattiva tagħhom waqt smigħ pubbliku organizzat mill-Parlament Ewropew. Il-makkinarju kollu tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni ser jiġi mmobilizzat biex titfassal Komunikazzjoni, li tiġi adottata mill-Kulleġġ kollu, u li tispjega r-raġunijiet tal-Kummissjoni li tieħu azzjoni dwar l-inizjattiva. Anke jekk fl-aħħar mill-aħħar ma tittieħed ebda azzjoni leġiżlattiva, l-inizjattiva ser tingħata widen mal-Ewropa kollha, mill-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website