Navigation path

Left navigation

Additional tools

EMO/12/227

Brussell, it-28 ta’ Marzu 2012

L-Aġenda Diġitali: L-UE jirnexxilha tagħmel ftehim preliminari dwar soluzzjoni dejjiema tar-roaming għall-utenti tal-mowbajls

Illum għandna aħbar tajba ħafna għal dawk kollha li xi darba ngidmu mit-tariffi għoljin meta pprovaw jużaw il-mowbajl jew it-tablets tagħhom waqt li kienu barra minn pajjiżhom: wara l-proposta li l-Kummissjoni Ewropea għamlet is-sena li għaddiet (ara IP/11/835), il-membri tal-Parlament Ewropew u rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea għamlu ftehim preliminari dwar regoli ġodda tal-UE li japplikaw għar-Roaming. Dawn ir-regoli għandhom iwasslu għal soluzzjoni strutturali u dejjiema għall-prezz għoli li wieħed iħallas meta juża l-mowbajls jew xi apparat ieħor tat-telefonija smart waqt li jkun qed jivvjaġġa fl-UE. Dan il-ftehim huwa mistenni li jiġi approvat mill-Parlament Ewropew f’Mejju 2012 u mill-Kunsill f’Ġunju, u b’hekk titwitta t-triq biex ir-regoli l-ġodda jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012.

Dawn ir-regoli se joħolqu aktar kompetittività fis-suq tar-roaming. Fl-istess ħin, jimponu limiti ta’ salvagwardja ġodda fuq il-prezzijiet għall-konsumatur, inkluż livell massimu ġdid applikabbli għall-prezz tad-data roaming, li għandhom ibaxxu l-prezzijiet b’mod gradat mil-livelli għoljin attwali sakemm il-benefiċċji tal-kompetittività jkunu bdew jitgawdew bis-sħiħ.

Neelie Kroes, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Aġenda Diġitali, qalet: “Il-konsumaturi xebgħu jħallsu tariffi tar-roaming għoljin. Il-ftehim il-ġdid tar-roaming joffrilna soluzzjoni strutturali fit-tul, bi prezzijiet orħos, b’aktar għażla u b’approċċ ġdid u intelliġenti għall-ibbrawżjar ta’ dejta u fl-internet. Il-benefiċċji se jibdew jinħassu sa mill-waqfa għall-vakanzi tas-sajf - u sas-sajf tal-2014, in-nies ikunu jistgħu jagħżlu l-aħjar minn fost id-diversi offerti."

Il-kompetittività għandha tagħtina roaming orħos

Mill-1 tal-Lulju 2014, il-klijenti se jkollhom l-opportunità li jagħżlu l-aħjar offerta u jiffirmaw kuntratt separat għar-roaming permezz tal-mowbajl, li jista’ jkun ma’ fornitur differenti minn dak li jipprovdilhom is-servizz ta’ telefonija mobbli domestiku tagħhom, filwaqt li jibqgħu jżommu l-istess numru tat-telefon. Kull darba li l-klijent jaqsam fruntiera, il-mowbajl tiegħu jaqleb għal fuq in-netwerk tal-fornitur tar-roaming li jkun għażel huwa, bla ma jkollu jagħmel xejn aktar. Il-klijenti se jkollhom ukoll l-opportunità li jagħżlu huma stess liema netwerk lokali tal-mowbajl jużaw għad-data roaming fil-pajjiż li jkunu qed iżuru (dettalji oħra aktar ’l isfel).

Sa mill-1 ta’ Lulju 2012, l-operaturi u l-bejjiegħa ta’ netwerks virtwali tal-mowbajl, li ma jkollhomx in-netwerks tagħhom proprji, se jibda jkollhom id-dritt li jużaw in-netwerks ta’ operaturi oħra bi prezzijiet bl-ingrossa regolati sabiex jipprovdu servizzi tar-roaming (flimkien ma’ servizzi nazzjonali) lill-klijenti tagħhom. Dan għandu joħloq aktar kompetizzjoni bejn l-operaturi, u b’hekk iżidilhom l-inċentivi biex joffru lill-klijenti prezzijiet u servizzi tar-roaming li jkunu aktar attraenti.

Din hija l-ewwel darba li l-Unjoni Ewropea indirizzat il-prezz għoli tar-roaming fl-għeruq tiegħu, billi introduċiet bdil strutturali (fil-qalba tas-suq) li jiffavorixxi l-kompetittività.

Data roaming: agħżel in-netwerk tiegħek qabel jew waqt li tuża r-roaming

Ir-regoli l-ġodda tal-UE li japplikaw għar-Roaming se jagħtu lok għal offerti kompetittivi ta’ data roaming billi jintroduċu metodi ġodda kif wieħed juża s-smartphone, in-netbook jew it-tablet tiegħu waqt li jkun qed jivvjaġġa barra minn pajjiżu. Minn Lulju 2014, l-operaturi tas-servizzi tal-mowbajl tal-pajjiżi li l-vjaġġaturi jkunu qed iżuru se jkollhom il-possibbiltà li joffrulhom is-servizzi ta’ data roaming tagħhom direttament, u dawn is-servizzi jistgħu jiġu magħżulin mill-konsumaturi bil-quddiem jew fil-waqt proprju. L-operturi tan-netwerks tal-mowbajl tal-pajjiżi li l-vjaġġaturi jkunu qed iżuru se jkollhom inċentiv li joffru dawn is-servizzi b’tariffi li jkunu qrib il-prezzijiet għal servizzi nazzjonali; abbażi tal-kost tan-netwerk nazzjonali tagħhom, li normalment ikun baxx. Hekk kif l-użu tad-dejta tal-mowbajl jkompli jiżdied, u peress li n-nies jixtiequ jużaw l-apparat tat-telefonija tagħhom kull fejn ikunu u fi kwalunkwe ħin, din l-alternattiva tat-tip WiFi għandha tintlaqa' tajjeb minn ħafna vjaġġaturi.

Sakemm naslu… roaming orħos permezz ta’ livelli massimi għat-tariffi

Sakemm il-kompetittività jirnexxilha twassal biex il-prezzijiet jorħsu, ir-regoli tal-UE li japplikaw għar-Roaming se jnaqqsu, b’mod gradat, il-livelli massimi attwali għat-tariffi ta’ servizzi ta’ telefonati u messaġġi (SMS), u se jintroduċu livell massimu ġdid għat-tariffi bl-imnut għas-servizzi tad-dejta tal-mowbajl. Dawn il-livelli massimi għandhom iservu ta’ salvagwardja għall-konsumaturi sat-30 ta’ Ġunju 2017.

Skont ir-regoli l-ġodda, li se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2012, il-konsumaturi mhux se jħallsu tariffi ogħla minn:

  • 29 ċenteżmu kull minuta għat-telefonati,

  • 8 ċenteżmi kull minuta biex jirċievu t-telefonati,

  • 9 ċenteżmi biex jibagħtu messaġġ SMS,

  • 70 ċenteżmu kull megabyte (MB) biex iniżżlu dejta jew għall-ibbrawżjar fl-internet waqt li jkunu barra minn pajjiżhom (iħallsu għall-ammont ta’ kilobytes li jużaw).

Dawn il-livelli ta’ prezzijiet massimi regolati se jkomplu jonqsu b’mod gradat biex sal-1 ta' Lulju 2014, il-klijenti tar-roaming ma jkunux qed iħallsu aktar minn 19-il ċenteżmu kull minuta għat-telefonati, massimu ta’ 5 ċenteżmi kull minuta biex jirċievu t-telefonati, massimu ta’ 6 ċenteżmi biex jibagħtu messaġġ SMS, u massimu ta’ 20 ċenteżmu għal kull megabyte (MB) biex iniżżlu dejta jew għall-ibbrawżjar fl-internet waqt li jkunu barra minn pajjiżhom (iħallsu għall-ammont ta’ kilobytes li jużaw).

Dawn il-livelli ġodda ta’ prezzijiet ġew ibbażati fuq dejta reċenti dwar il-kost tal-industrija biex tipprovdi servizzi ta’ roaming, li ngħatat mill-BEREC, l-entità tar-regolaturi Ewropej tat-telekomunikazzjoni Il-livelli massimi ta’ prezzijiet bl-ingrossa huma bbażati fuq kalkolu tal-kost bażiku meħtieġ għall-forniment, filwaqt li l-livelli massimi ta’ prezzijiet bl-imnut ġew iffissati f’livell li għandu jagħmel l-investiment f’servizzi alternattivi ta’ roaming aktar attraenti u jħajjar l-involviment ta’ operaturi ġodda – li huwa essenzjali biex f’dan is-suq tiġi żviluppata kompetittività effikaċi u dejjiema fl-interess tal-konsumaturi.

Kont b’sorpriża kerha: informazzjoni aħjar għal meta wieħed ikun barra mill-UE

Bir-regoli l-ġodda, il-konsumaturi se jirċievu informazzjoni dwar it-tariffi tar-roaming anke meta jkunu qed jivvjaġġaw f’pajjiżi mhux tal-UE; dan għandu jgħinhom jevitaw li jtellgħu “kontijiet b’sorpriża kerha” meta jużaw l-apparat tat-telefonija smart tagħhom barra minn pajjiżhom. Ir-regoli l-ġodda se jipprevedu għall-estensjoni tas-sistema ta’ allert li qed tintuża bħalissa fil-pajjiżi tal-UE. Sa mill-1 ta’ Lulju 2012, il-klijenti li jkunu qed jivvjaġġaw f'pajjiżi mhux tal-UE se jibdew jirċievu twissija permezz ta’ SMS, e-mail jew pop-up window hekk kif joqorbu l-ammont ta’ EUR 50 għat-tniżżil ta’ dejta li jkunu għamlu, jew l-ammont prestabbilit fil-ftehim tagħhom. Hekk kif jilħqu dan il-livell, il-konsumaturi se jkollhom jikkonfermaw li huma lesti jħallsu aktar biex ikunu jistgħu jkomplu bid-data roaming tagħhom.

Għal aktar informazzjoni

Ara MEMO/11/485

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-roaming

Il-websajt tal-Aġenda Diġitali

Il-websajt ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Anness

Limiti massimi, attwali u proposti, tal-prezzijiet bl-imnut (mingħajr VAT)

Attwali

L-1 ta’ Lulju 2012

L-1 ta' Lulju 2013

L-1 ta’ Lulju 2014

Dejta (kull MB)

Xejn

70 ċenteżmu

45 ċenteżmu

20 ċenteżmu

Telefonati magħmula (kull minuta)

35 ċenteżmu

29 ċenteżmu

24 ċenteżmu

19-il ċenteżmu

Telefonati rċevuti (kull minuta)

11-il ċenteżmu

8 ċenteżmi

7 ċenteżmi

5 ċenteżmi

SMS (kull SMS)

11-il ċenteżmu

9 ċenteżmi

8 ċenteżmi

6 ċenteżmi

Limiti massimi, attwali u ġodda, tal-prezzijiet bl-ingrossa (għal prezzijiet li jintalbu mill-operaturi lil xulxin):

Attwali

L-1 ta’ Lulju 2012

L-1 ta' Lulju 2013

L-1 ta’ Lulju 2014

Dejta (kull MB)

50 ċenteżmu

25 ċenteżmu

15-il ċenteżmu

5 ċenteżmi

Telefonati (kull minuta)

18-il ċenteżmu

14-il ċenteżmu

10 ċenteżmi

5 ċenteżmi

SMS (kull SMS)

4 ċenteżmi

3 ċenteżmi

2 ċenteżmi

2 ċenteżmi

Il-limiti massimi tal-prezzijiet bl-imnut proposti jservu biss bħala salvagwardja għall-konsumaturi, filwaqt li l-Kummissjoni qed tippretendi li l-miżuri strutturali proposti biex itejbu l-kompetittività għandhom iwasslu għal offerti innovattivi pan-Ewropej u prezzijiet orħos, li jkunu b’mod sinifikanti taħt il-limiti massimi ta’ salvagwardja.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website