Navigation path

Left navigation

Additional tools

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar temi li jirrigwardaw appoġġ għall-films – mistoqsijiet komuni (aġġornata: I5 ta' Mejju 2012)

European Commission - MEMO/12/186   14/03/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/12/186

Brussels, 14 March 2012

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar temi li jirrigwardaw appoġġ għall-films – mistoqsijiet komuni (aġġornata: I5 ta' Mejju 2012)

Ara wkoll IP/12/245)

X'inhu l-iskop tal-konsultazzjoni tal-lum?

Il-kriterji biex tiġi valutata l-kompatibbiltà tal-iskemi ta' appoġġ nazzjonali, reġjonali u lokali għall-films u fis-settur awdjoviżiv mar-regoli tal-UE dwar Għajnuna mill-Istat waslu biex jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2012. Dawn il-kriterji kienu stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċinema fl-2001 (ara IP/01/1326). Il-validità tagħhom iġġeddet tliet darbiet, l-aktar reċenti fl-2009 (ara IP/09/138).

F’Ġunju 2011, il-Kummissjoni nediet l-ewwel fażi ta' konsultazzjoni pubblika fuq il-bażi ta' issues paper (ara IP/11/757 u MEMO/11/428), bħala l-ewwel pass lejn it-twettiq ta' reviżjoni tar-regoli tal-għajnuna mill-Istat. L-abbozz tal-Komunikazzjoni ppubblikat illum huwa bbażat fuq il-proposti magħmula fl-issues paper u l-kontribuzzjonijiet li waslulna fl-ewwel fażi ta' konsultazzjonijiet pubbliċi.

Din it-tieni fażi ta' konsultazzjoni tistieden kummenti fuq l-abbozz il-ġdid tal-Komunikazzjoni. Id-data tal-għeluq għall-kummenti hi l-14 ta' Ġunju 2012. Wara li tanalizza l-kummenti li tirċievi, il-Kummissjoni tistenna li tadotta l-Komunikazzjoni riveduta fit-tieni nofs tal-2012.

X'għamlet il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema?

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat jappoġġjaw Suq Uniku fejn kumpaniji mill-pajjiżi kollha tal-UE jistgħu jikkompetu u jagħmlu kummerċ bejniethom fuq livell indaqs billi ma jippermettux li Stati Membri jippromwovu kumpaniji b'mod selettiv għad-detriment tal-kompetituri fi ħdan l-UE. B'mod ġenerali, appoġġ finanzjarju ipprovdut mill-istati jew il-korpi statali li jhedded li jfixkel il-kompetizzjoni billi jiffavorixxi kumpaniji jew industriji partikolari huwa projbit mil-liġi tal-UE.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti ftit eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, inkluż għal għajnuna mill-Istat mogħtija għall-promozzjoni tal-kultura. Din l-għajnuna tista' titqies kompatibbli f'ċerti ċirkostanzi, stipulati fl-Artikolu 107(3)(d) tat-TFUE u fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema.

Xi tfisser 'obbligu ta' nfiq territorjali' fil-liġi tal-UE?

'Obbligu ta' nfiq territorjali' tfisser kwalunkwe kundizzjoni li tillimita l-għażla tal-oriġini ta' merkanzija, servizzi jew persuni mill-benefiċjarju tal-għajnuna u li għalhekk jista' jkollha effett fuq il-kundizzjonijiet ta' kummerċ jew kompetizzjoni fl-Unjoni sa tal punt li dan imur kontra l-interess komuni, minħabba ksur tad-drittijiet ta' moviment ħieles fis-Suq Intern. Dan hu mniżżel fil-paragrafu 42 tal-abbozz tal-Komunikazzjoni: "l-iskemi tal-għajnuna m'għandhomx jillimitaw aktar milli dovut il-libertà tal-benefiċjarji għall-għajnuna sabiex jiksbu merkanzija u servizzi kullimkien fis-suq intern." Madankollu, kundizzjonijiet tal-għajnuna li huma bbażati fuq il-post tal-użu jew il-konsum ta’ merkanzija jew servizzi, irrispettivament minn fejn ġejjin, mhumiex meqjusa bħala obbligi ta' nfiq territorjali.

Pereżempju, jekk Stat Membru jgħid li l-għajnuna hija disponibbli biss għal attività ta' produzzjoni f'dak l-Istat Membru, dan ma jiksirx il-prinċipji bażiċi tat-Trattat (u ma jkunx obbligu ta' nfiq territorjali) għax il-produtturi għadhom ħielsa li jixtru merkanzija u servizzi relatati minn kullimkien fiż-ŻEE (u mhux biss minn negozji f'dak l-Istat Membru).

Xi eżempji spjegattivi:

1) Skema reġjonali għall-appoġġ tal-films tirrikjedi li l-films kollha li tappoġġja jinkludu tal-anqas għaxart ijiem ta' attività tal-produzzjoni tal-film fir-reġjun. Madankollu, il-produttur hu ħieles li juża merkanzija, servizzi u persuni minn kullimkien fiż-ŻEE fil-produzzjoni. Dan mhuwiex obbligu ta' nfiq territorjali għaliex ma hemmx restrizzjoni fuq l-oriġini tal-merkanzija u s-servizzi involuti fil-produzzjoni.

2) Skema nazzjonali ta' appoġġ għall-films tirrikjedi li l-films kollha li tappoġġja jonfqu 50% tal-produzzjoni totali tal-film fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn kumpaniji bbażati f'dak l-Istat Membru. Dan huwa obbligu ta' nfiq territorjali għaliex ma hemmx restrizzjoni fuq l-oriġini tal-merkanzija u s-servizzi involuti fil-produzzjoni.

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li tibdel il-kriterju tal-infiq territorjali tal-Komunikazzjoni?

Il-prinċipji fundamentali tas-Suq Intern, li jiggarantixxi l-moviment ħieles ta' merkanzija, ħaddiema, servizzi u kapital, jirrikjedi li l-iskemi ta' għajnuna m'għandhomx jillimitaw bla bżonn il-libertà tal-benefiċjarji tal-għajnuna li jakkwistaw merkanzija u servizzi kullimkien mis-suq intern.

Il-kriterji ta' nfiq territorjali tal-Komunikazzjoni eżistenti jippermetti lill-Istati Membri li jimponu li sa 80% tal-baġit kollu tal-produzzjoni ta' film issussidjat jew produzzjoni televiżiva jintefaq fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn negozji bbażati fl-Istat Membri li joffri l-għajnuna, minkejja li l-persentaġġ ta' tali baġit li hu ssussidjat hu ħafna aktar illimitat.

Pereżempju, anke jekk Stat Membru joffri biss għotja relattivament żgħira ta' EUR 300 000 għal produzzjoni ta' film ta' EUR 3 miljuni, dan ifisser li jista' jinsisti li EUR 2.4 miljun tal-baġit tal-produzzjoni jintefqu fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn negozji f'dak l-Istat Membru bħala kundizzjoni għal dik l-għajnuna. Ikunu biss EUR 0.6 miljuni mill-baġit tal-produzzjoni li jkunu jistgħu jintefqu fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn negozji minn barra l-Istat Membru.

Diversi sentenzi mill-Qorti sa mill-2001, bħas-sentenza dwar il-Laboratoires Fournier, jindikaw li x'aktarx il-Qorti tikkunsidra restrizzjoni bħal din dwar l-oriġini ta' prodotti u servizzi bħala sproporzjonata. L-issues paper għalhekk ipproponiet li tillimita l-obbligu massimu tal-infiq territorjali għal 100% tal-ammont tal-għajnuna minflok l-obbligu kurrenti ta' 80% tal-baġit tal-produzzjoni. Ir-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika varjaw ħafna, minn appoġġ għar-regola eżistenti sa rakkomandazzjoni ta' projbizzjoni totali fuq l-obbligi tal-infiq territorjali fi skemi ta' appoġġ għall-films.

X'obbligazzjonijiet ta' nfiq territorjali jippermetti l-abbozz tal-Komunikazzjoni?

Biex jippermetti l-bini ta' kompetenza relatata mal-films fl-UE, l-abbozz tal-Komunikazzjoni jipproponi eċċezzjoni speċjali: li skema ta' appoġġ għall-films tista' tirrifjuta li tappoġġa films li mhux se jonfqu tal-anqas 100% tal-ammont tal-għajnuna lokalment (kriterju ta' eliġibbiltà). Dan ikun obbligu ta’ nfiq territorjali li normalment ma jiġix permess bil-liġi tal-UE, minħabba li dan jista' jwassal għal restrizzjonijiet tal-moviment ħieles. Madankollu, l-abbozz tal-Komunikazzjoni jipproponi li din tista’ tkun eċċezzjoni proporzjonata għall-prinċipji ġenerali minħabba n-natura mobbli ħafna tal-produzzjoni tal-films.

Dan ma jwaqqafx lill-kumitat ta' selezzjoni milli jagħti għajnuna lil film li hu jikkunsidra li jkun l-aktar li ħaqqu fost il-proposti għal proġetti li jaslu. Fil-prattika, b'mod ġenerali, produzzjonijiet tal-films taħt skema għall-films ta' sikwit jonfqu parti akbar mill-baġit totali tagħhom fit-territorju mill-ammont ta' għajnuna.

Minħabba li mid-dehra kien hemm xi nuqqas ta' ftehim, ta’ min jinnota li kemm il-kriterju territorjali tal-Komunikazzjoni tal-2001 u kriterju territorjali propost fl-abbozz tal-Komunikazzjoni jagħtu lill-Istati Membri possibilità (mhux obbligu) li jimponu rekwiżiti fuq l-infiq territorjali fuq il-produzzjonijiet tal-films.

Eżempji spjegattivi:

3) Fl-eżempju spjegattiv 2 hawn fuq (skema nazzjonali ta' appoġġ għal films li tirrikjedi li l- film jonfoq 50% tat-total tal-baġit tal-produzzjoni tal-film fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn kumpaniji bbażati f'dak l-Istat Membru), immaġina li l-intensità tal-għajnuna hija 50% tal-baġit tal-produzzjoni. F'dan il-każ, l-abbozz tal-Komunikazzjoni jippermetti lill-iskema tirrikjedi li sa 100% tal-ammont tal-għajnuna (jiġifieri, sa 50% tal-baġit tal-produzzjoni) tintefaq fuq merkanzija u servizzi pprovduti minn kumpaniji lokali. Konsegwentement, l-iskema tissodisfa l-kriterju tal-infiq territorjali tal-abbozz tal-Komunikazzjoni, għalkemm tinkludi l-obbligu tal-infiq territorjali, u l-Kummissjoni tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern.

4) Bħala kundizzjoni tal-għajnuna tagħha, skema lokali ta' appoġġ tirrikjedi li tal-inqas 200% tal-ammont tal-għajnuna għandu jintefaq fuq merkanzija u servizzi provduti minn kumpaniji bbażati f'dik il-lokalità. Bħal fl-eżempju spjegattiv 3, dan huwa obbligu ta' nfiq territorjali għaliex hemm restrizzjoni dwar l-oriġini tal-merkanzija u tas-servizzi involuti fil-produzzjoni. Madankollu, kuntrarju għall-eżempju 3, il-Kummissjoni ma tapprovax l-iskema lokali ta' appoġġ għall-films sakemm l-Istat Membru ma jnaqqasx l-obbligu ta' nfiq territorjali biex jaqa' fi ħdan il-kriterju territorjali ta' 100% tal-ammont tal-għajnuna tal-abbozz tal-Komunikazzjoni.

Kif tista' din ir-regola tapplika għal skemi bħal inċentivi fiskali għall-films?

L-abbozz tal-Komunikazzjoni jistipula regola speċifika għal skemi ta' appoġġ awdjoviżiv fejn l-ammont tal-għajnuna huwa kkalkulat fuq il-bażi tan-nefqa tal-produzzjoni f'territorju partikolari, bħal inċentivi fiskali tal-films.

Ir-rekwiżit propost fl-abbozz tal-Komunikazzjoni (li, fi skemi bħal dawn, kwalunkwe nefqa ta' produzzjoni fi ħdan iż-ŻEE għandha tkunu eliġibbli għall-għajnuna) jirrifletti d-deċiżjoni tal-Qorti fil-każ Laboratoires Fournier. Barra minn hekk, rigward l-skemi kollha ta’ appoġġ għall-produzzjoni tal-films u dik televiżiva, l-abbozz tal-komunikazzjoni jiddikjara li l-Istat Membru xorta jista' jirrikjedi li sa 100% tal-ammont tal-għajnuna jintefaq fuq merkanzija u servizzi li joriġinaw fit-territorju tiegħu.

Innota li skont il-prinċipji ġenerali tat-tassazzjoni, l-Istati Membri mhumiex obbligati li jagħtu l-ebda inċentiv tat-taxxa għan-nefqa li mhix direttament marbuta ma' attivitajiet li jiġġeneraw dħul taxxabbli fit-territorju tagħhom.

Eżempji spjegattivi:

5) Inċentiv fiskali għall-films li fih l-ispiża eliġibbli kienet definita bħala n-nefqa tal-preproduzzjoni, tal-fotografija prinċipali u tal-post-produzzjoni mill-benefiċjarju fuq merkanzija u servizzi użati jew kkunsmati fl-Istat Membru. Dan huwa konformi mal-prinċipji ġenerali tat-tassazzjoni u tal-moviment ħieles billi l-oriġini ta’ dik il-merkanzija u dawk is-servizzi mhuwiex ristrett.

6) Skema ta' appoġġ għall-films fejn l-ammont tal-għajnuna jkun proporzjonali għan-nefqa tal-produzzjoni fuq merkanzija u servizzi taż-ŻEE tista' tirrikjedi li l-produzzjoni kollha ssir fit-territorju tagħha u li 100% tal-ammont tal-għajnuna jintefaq fuq merkanzija u servizzi li joriġinaw f'dak it-territorju.

X'jiġri mill-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri biex jattiraw produzzjonijiet ta' films importanti?

Xi risposti għall-ewwel konsultazzjoni argumentaw li l-Ewropa titlef produzzjonijiet kbar kieku l-Kummissjoni kellha tipprojbixxi li l-Istati Membri jużaw l-għajnuna mill-Istat biex jattirawhom. Kif dan jispjega, teżisti biċ-ċar kompetizzjoni internazzjonali biex jiġu attirati produzzjonijiet kbar, inkluż bejn diversi Stati tal-Istati Uniti, l-Kanada, l-Istati Membri tal-UE u bosta pajjiżi oħra madwar id-dinja. Għadd ta' Stati Membri meta jinnotifikaw skemi tagħhom ta' appoġġ għall-films, indipendentement u kunfidenzjalment indikaw lis-servizzi tal-Kummissjoni li huma qed isaħħu jew jintroduċu l-iskemi tagħhom biex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi ma' ċerti Stati Membri oħra.

L-abbozz tal-Komunikazzjoni jipproponi li n-nefqa tal-produzzjoni fi ħdan iż-ŻEE, u mhux biss fl-Istat Membru li jagħti l-għotja, għandha tkun eliġibbli għal għajnuna taħt skemi fejn l-ammont tal-għajnuna jkun ikkalkulat fuq il-bazi tan-nefqa tal-produzzjoni fuq merkanzija u servizzi li joriġinaw f'territorju partikolari. Dan jippermetti li films li jinġibdu fi Stati Membri differenti jibbenefikaw minn mekkaniżmi differenti ta' għajnuna mill-Istat. B'hekk postijiet tal-produzzjoni Ewropej jibqgħu attraenti għall-produtturi waqt li t-theddida ta' tfixkil tal-kompetizzjoni fis-suq intern titnaqqas konsiderevolment.

Barra minn hekk, l-abbozz tal-komunikazzjoni jipproponi l-iskeda rigressiva li ġejja jekk il-proġett ta' film mhuwiex biċċa xogħol Ewropea:

Parti mill-baġit għall-produzzjoni

L-intensità massima tal-għajnuna

Inqas minn EUR 10m

50.00%

EUR 10m – EUR 20m

30.00%

Aktar minn EUR 20m

10.00%

Pereżempju, fil-każ ta' film b'baġit ta' produzzjoni ta' EUR 100m li ma jikkwalifikax bħala xogħol Ewropew skont id-definizzjoni proposta fl-anness tal-abbozz tal-komunikazzjoni, l-ammont massimu kumulattiv tal-għajnuna se jkun total ta’ EUR 5m (50%) għall-ewwel EUR 10m tal-baġit, EUR 3M (30%) għal EUR 10m li jmiss tal-baġit u EUR 8m (10%) għall-bqija tat-€80m tal-baġit – jiġifieri, EUR 16-il miljun.

It-tielet inċiż tal-paragrafu 42 huwa konformi mad-Direttiva dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema?

Dan l-inċiż ("… skemi ta’ għajnuna ma għandhomx, pereżempju, … jirrikjedu li ħaddiema ta’ kumpaniji barranin li jipprovdu servizzi tal-iffilmjar ikollhom jikkonformaw mal-istandards nazzjonali tax-xogħol") jirrepeti l-kliem tal-Komunikazzjoni tal-2001. Madankollu, għandu jirreferi għad-Direttiva dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema, li l-interpretazzjoni tagħha hi disponibbli mill-websajt tad-DG tal-Impjiegi tal-Kummissjoni Ewropea.

Rigward il-paragrafu 44(2) tal-abbozz tal-Komunikazzjoni, x'se jiġri mill-films li joriġinaw minn pajjiżi li jkollhom aktar minn lingwa uffiċjali waħda?

L-abbozz tal-Komunikazzjoni kellu jirreferi għal lingwa uffiċjali tal-Istati Membri jew reġjuni, mhux għal-lingwa nazzjonali tal-Istati Membri.

Kif għandha tiġi applikata l-intensità tal-għajnuna għall-kitba tal-iskript u l-iżvilupp tal-paragrafu 44(3)?

Il-proposta hija li l-kitba tal-iskript u l-iżvilupp jistgħu jirċievu sa 100% ta' finanzjament pubbliku. Għal dawk il-proġetti li jiġu trasformati fi produzzjonijiet ta' films, il-kost biex jiġi akkwistat l-iskript jew il-proġett żviluppat għandu jiġi inkluż fil-baġit tal-produzzjoni u l-proporzjon tal-finanzjament pubbliku għandu jiġi inkluż fil-kalkolu tal-intensità tal-għajnuna.

Pereżempju, awtur tal-iskript jirċievi EUR 10,000 minn fondi pubbliċi (80% tal-kost) biex jtikteb skript u produttur sussegwentement jakkwista l-iskript għal EUR 5,000. Il-kost tal-iskript se jiġi inkluż fil-baġit ta' produzzjoni bħala EUR 5,000. Meta tiġi kkalkulata l-intensità tal-għajnuna għall-film, billi l-iskript irċeva 80% ta' finanzjament pubbliku, il-film għandu jitqies li rċieva EUR 4,000 (jiġifieri, 80% tal- prezz tal-akkwist ta' EUR 5,000 ) bħala għajnuna.

Kif għandha taħdem l-intensità tal-għajnuna proposta għad-distribuzzjoni u l-promozzjoni tal-films tal-paragrafu 44(4)?

Jekk film b'baġit ta' produzzjoni ta' EUR 20m jirċievi EUR 10m ta' għajnuna b'mod globali (mis-sorsi kollha tal-Istat), l-intensità ta' għajnuna hija 50%. Il-proposta fil-paragrafu 44(4) hija li distributur mbagħad ikun jista’ jippreżenta, ngħidu aħna, baġit ta' distribuzzjoni ta' EUR 20,000 għall-film u jistenna li jikseb 50% fuq dawk bħala għajnuna.

Jekk il-film ikun sar f 'pajjiż terz u ma jkun irċieva l-ebda appooġġ għal produzzjoni mill-UE, skont para 44(4), kieku jkun irċieva (forsi) appoġġ għall-produzzjoni ta' 50% u għalhekk għandu jistenna li jirċievi għajnuna tad-distribuzzjoni ta' EUR 10,000 (50% tal-EUR 20,000).

Il-paragrafu 44(5) tal-abbozz tal-Komunikazzjoni jirreferi għall-għajnuna tad-distribuzzjoni jew tal-produzzjoni?

Il-Paragrafu 44(5) jirreferi għall-għajnuna għall-produzzjoni fil-każ ta' xogħlijiet mhux Ewropej. Huwa għandu jidher wara l-paragrafu 44(2), u mhux wara l-paragrafu 44 (4) kif ippubblikat fl-abbozz.

Il-paragrafu 44(6) tal-abbozz ta-Komunikazzjoni jipproponi li tiġi eskluża għajnuna għall-postproduzzjoni u l-fotografija prinċipali?

Le. Is-sentenza fl-abbozz tal-Komunikazzjoni tipprova tiċċara s-sentenza korrispondenti fil-Komunikazzjoni tal-2001.

L-objettiv huwa li l-għajnuna ma għandhiex tkun riżervata għal partijiet individwali fil-katina tal-valur tal-produzzjoni. Il-kitba tal-iskript u l-iżvilupp huma esklużi minn dan.

Pereżempju, Stat Membru ma għandux joffri lill-produtturi inċentivi ekstra espliċitament għax-xogħol ta' postproduzzjoni fl-Istat Membru. Dan ikun għajnuna indiretta għas-settur tal-postproduzzjoni fl-Istat Membru. L-għajnuna għandha tingħata għal attivitajiet ta' produzzjoni bħala entità sħiħa.

X'jiġi rigward films maħduma taħt trattati ta' koproduzzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi li ma jieħdux id-definizzjoni ta' 'xogħol Ewropew' fl-Anness?

Id-definizzjoni inkluża fl-abbozz tal-Komunikazzjoni hija bbażata fuq id-definizzjoni ta' film Ewropew fil-programm MEDIA 2007. Fil-kuntest tal-għajnuna mill-Istat, jista’ jkun xieraq li jiżdiedu films magħmulin taħt trattati ta' koproduzzjoni bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi ma' din id-definizzjoni.

Din id-definizzjoni ġiet inkluża biss bħala mod propost biex irażżan il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri biex jattiraw produzzjonijiet internazzjonali ewlenin imsemmija hawn fuq. Definizzjoni alternattiva ta’ xogħol Ewropew li tista' tkun xierqa hija dik tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva. Suġġerimenti oħra għal mekkaniżmu biex titrażżan il-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, possibbilment mingħajr il-ħtieġa ta’ distinzjoni bejn xogħlijiet Ewropej u mhux Ewropej, ikunu apprezzati.

X'jiġri mill-għajnuna mill-Istat għal transmedia/li jinvolvu media differenti u logħob?

Peress li l-proġetti transmedia jew li jinvolvu media differenti huma inevitabbilment marbuta mal-produzzjoni ta' films, il-komponent tal-produzzjoni ta' film huwa meqjus bħala xogħol awdjoviżiv fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' dan l-abbozz tal-Komunikazzjoni.

Il-maġġoranza tar-risposti għall-konsultazzjoni pubblika dwar l-issues paper kienu kontra li l-kamp ta' applikazzjoni ta' din il-komunikazzjoni jiġi estiż għal-logħob. Il-logħob għandu karatteristiċi differenti fir-rigward tal-produzzjoni, tad-distribuzzjoni, tal-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum, minn dawk tal-films.

Il-Kummissjoni ma kellhiex massa kritika ta' deċiżjonijiet ta' għajnuna mill-Istat relatati mal-logħob u għalhekk ma għandhiex esperjenza suffiċjenti biex tiddefinixxi kriterji komuni ta' valutazzjoni u eżenzjoni għal dan it-tip ta' għajnuna. Għaldaqstant ikun prematur li dan is-settur ikun integrat fil-Komunikazzjoni attwali.

Madankollu, kwalunkwe miżuri ta' għajnuna mill-Istat b'appoġġ għal-logħob se jkomplu jiġu indirizzati fuq bażi ta' każ b'każ.

Għaliex il-Kummissjoni qiegħda tpoġġi fid-dubju it-'twieqi' ta' rilaxx tradizzjonali?

Il-kwistjoni ta' skemi ta' għajnuna li jimponu 'twieqi ta' rilaxx' speċifiċi bħala kundizzjoni għall-għajnuna tqajmet minn għadd ta' kontribuzzjonijiet fl-ewwel konsultazzjoni pubblika. Il-produtturi u d-distributuri argumentaw li l-istrateġiji tal-kummerċjalizzazzjoni u r-rilaxx tal-films għandhom jitħallew għas-suq billi dawn ivarjaw minn xogħol awdjoviżiv għal ieħor. Studju dwar licenzjar multiterritorjali mwettaq għall-Kummissjoni fih lista tal-Istati Membri li jimponu kundizzjonijiet bħal dawn.

Twieqi ta' rilaxx mandatorji bħala kundizzjoni għall-għajnuna jista' jkollhom impatt fuq il-viżibilità u ċ-ċirkolazzjoni tax-xogħlijiet awdjoviżivi, u għalhekk fuq l-effikaċja tal-għajnuna sabiex tiżgura li l-udjenzi Ewropej jiġu offruti għażla aktar kulturalment diversa ta' xogħlijiet awdjoviżivi. L-abbozz tal-Komunikazzjoni għalhekk jirrakkomanda lill-Istati Membri sabiex ma jimponux limitazzjonijiet bla bżonn fuq id-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' xogħol awdjoviżiv bħala kundizzjoni biex jappoġġjawh.

X'inhi l-iskeda għall-analiżi tal-Kummissjoni?

Skeda indikattiva hija disponibbli fuq il-paġna web ghall-konsultazzjoni pubblika. Din se tinżamm aġġornata hekk kif l-analiżi timxi 'l quddiem:

  • Marzu 2012 – Ġunju 2012: Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-Komunikazzjoni

  • Ġunju 2012: Pubblikazzjoni tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni

  • It-tieni nofs tal-2012: Adozzjoni tal-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website