Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/12/184

Brussell, il-15 ta’ Marzu 2012

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar it-Task Force għall-Greċja u dwar it-tieni rapport ta’ kull tliet xhur tagħha

Ara wkoll: IP/12/242

1. X’inhi l-missjoni tat-Task Force għall-Greċja?

It-Task Force tal-Kummissjoni għall-Greċja (TFGR) nħolqot u tfasslet biex tgħin lill-awtoritajiet Griegi biex, fis-snin li ġejjin, iwettqu r-riformi u jiksbu t-tkabbir, b’konformità mal-programmi li ntlaħaq qbil dwarhom bejn il-Greċja, l-UE u l-FMI.

Minn mindu nħolqot mill-President Barroso f’Lulju li għadda wara talba mill-gvern Grieg, it-Task Force, li bdiet tiffunzjona f’Settembru 2011, ħadmet fuq biċċtejn xogħol ewlenin:

  • (1) l-identifikazzjoni u l-koordinazzjoni tal-assistenza teknika, mogħtija mill-Istati Membri, li l-Greċja teħtieġ biex twettaq il-programm ta’ aġġustament li qablu dwaru l-UE, il-FMI u l-BĊE. Issa li l-valutazzjoni lesta, wasal iż-żmien li nqabblu l-kompetenzi offruti minn bosta Stati Membri u minn entitajiet bħall-FMI mal-esiġenzi f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-ġbir tat-taxxi, ir-reġistru tal-artijiet, l-immodernizzar tas-sistema tas-saħħa, ir-riforma amministrattiva u l-bini tal-kapaċità, il-proċess tal-privatizzazzjoni u l-ħolqien ta' kundizzjonijiet aħjar għan-negozju.

  • (2) it-tħaffif tar-ritmu tal-assorbiment tal-fondi tal-UE sabiex tingħata spinta lil proġetti li jinkuraġġixxu t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Il-prijorità ewlenija kienet l-flus li l-UE poġġiet għad-dispożizzjoni tal-Greċja jiġu ffukati mill-ġdid għal fuq 181 proġett ewlieni li jinkuraġġixxu t-tkabbir. Il-pass li jmiss se jkun li l-fondi disponibbli jitwasslu fejn hemm bżonn biex jintużaw għal dawn il-proġetti.

2. Liema oqsma tkopri t-Task Force?

It-Task Force qed taħdem fid-9 oqsma li ġejjin, b’konformità mal-programm għall-aġġustament ekonomiku u mal-Memorandum ta’ Qbil (MtQ) li dawrhom intlaħaq qbil mal-Greċja, mal-UE, mal-BĊE u mal-FMI, u wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet Griegi u mal-Istati Membri. Dawn l-oqsma għalhekk jirrappreżentaw l-aktar riformi urġenti u kruċjali li jridu jsiru biex il-Greċja tiġi megħjuna tiżviluppa fil-futur.

  • Il-Programmi tal-Politika favur il-Koeżjoni, l-ambjent u t-trasport

  • Il-Baġit u t-tassazzjoni

  • Is-settur finanzjarju / l-aċċess għall-finanzjament

  • Il-kundizzjonijiet għan-negozju (l-akkwist pubbliku u l-kompetizzjoni)

  • Ir-riforma amministrattiva / il-gvern elettroniku

  • Is-suq tax-xogħol,

  • Is-saħħa pubblika,

  • Il-ġustizzja u l-intern

  • Il-privatizzazzjoni u t-tlestija tax-xogħlijiet pubbliċi

3. S’issa ftit li xejn sar progress. Jaqaw din hija xi struttura burokratika oħra?

Fl-aħħar sitt xhur,

  • L-ewwel prijorità għat-Task Force kienet li jiġu identifikati l-bosta proġetti li għaddejjin u li huma sostnuti permezz tal-fondi tal-UE, iżda li twaqqfu minħabba li l-awtoritajiet Griegi naqsu milli jipprovdu l-finanzjament għalihom. Ġew elenkati wkoll proġetti ewlenin maħsubin biex iżidu t-tkabbir, u bħalissa parti sostanzjali mill-fondi tal-UE qed tiġi pprogrammata mill-ġdid biex tintuża għal dawn il-proġetti.

  • It-tieni prijorità għat-Task Force kienet li tistabbilixxi koperazzjoni serja u relazzjonijiet tajbin ta’ ħidma mal-awtoritajiet Griegi. Dan wassal għal sensiela ċara ta’ talbiet min-naħa tal-awtoritajiet Griegi għal assistenza teknika. Sadattant, it-Task Force irnexxielha tqabbel dawn l-esiġenzi ma' assistenza teknika pprovduta mill-Istati Membri, f'oqsma ewlenin.

4. Iżda b'mod konkret, s’issa x'riżultati kisbet it-Task Force?

L-ewwel nett, il-fondi tal-UE – wieħed mill-uniċi għejun ta’ finanzjament favur it-tkabbir li huma disponibbli bħalissa fil-Greċja – qed jiġu mmirati u minfuqin aħjar.

  • It-Task Force u l-awtoritajiet Griegi qed jiffukaw mill-ġdid parti sostanzjali mill-EUR 20.4 biljun li tpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Greċja fil-fondi tal-UE ddedikati għall-politika favur il-koeżjoni. Qed isir sforz partikulari biex jitmexxew ’il quddiem 181 proġett li jinkuraġġixxu t-tkabbir u li ġew identifikati kif xieraq. L-eżempji ewlenin: 5 konċessjonijiet tal-awtostradi (1,400km u 30,000 post tax-xogħol potenzjali) u sostenn lill-impriżi żgħar u medji.

  • Il-Greċja tejbet l-assorbiment tagħha tal-fondi tal-UE, u laħqet il-35% (’il fuq mill-medja tal-UE għal dan il-punt fil-perjodu ta’ programmazzjoni) filwaqt li għal talbiet għall-pagamenti laħqet ’il fuq minn 98% tal-mira annwali għall-2011 tal-Memorandum ta’ Qbil.

It-tieni nett, fl-aħħar sitt xhur ġiet ipprovduta assistenza teknika li qatt ma kien hemm bħalha minn kważi 20 Stat Membru, mill-Kummissjoni u mill-FMI. Matul is-sena huwa mistenni aktar. Din il-kompetenza konkreta qed tikkontribwixxi għall-immodernizzar tal-ekonomija u tal-amministrazzjoni pubblika tal-Greċja. Hemm diversi żviluppi pożittivi li fuqhom se tkun tista' tissejjes l-assistenza teknika li għad trid tingħata:

  • Diġà nġabru EUR 954 miljun f’arretrati tat-taxxi, meta l-mira inizjali kienet EUR 400 miljun.

  • L-għadd ta’ kawżi pendenti quddiem il-qrati b’rabta mat-taxxi tnaqqas bi 15% f’4 xhur (għandu jitnaqqas bi 80% sa tmiem l-2012).

  • Franza u l-Ġermanja qed jagħtu l-appoġġ tagħhom għal riforma amministrattiva kbira tal-gvern ċentrali u ta’ dawk lokali. il-ħolqien ta’ koordinazzjoni bejn il-ministeri sa Mejju 2012; il-valutazzjoni tal-kompetenzi tal-ħaddiema taċ-ċivil, li ilha għaddejja minn Jannar; strutturi orizzontali għat-TIK u għar-riżorsi umani fil-ministeri, li ilha għaddejja minn Frar...

  • Il-liberalizzazzjoni tal-aċċess għall-professjonijiet irregolati u tat-tħaddim tagħhom ġiet adottata fi Frar bl-assistenza tat-Task Force.

5. Jaqaw qed tistabbilixxu gvern inviżibbli fil-Greċja?

Din hija assurdità. It-Task Force għall-Greċja m’għandhiex setgħat eżekuttivi u ma tista’ timponi l-ebda deċiżjoni legali jew finanzjarja fuq il-gvern Grieg. Qiegħda hemm biex toffri sostenn lill-Greċja waqt li din qed timplimenta r-riformi li qablet dwarhom mal-Kummissjoni, mal-BĊE u mal-FMI, u li ġew adottati mill-Parlament tagħha. Aħna qed naħdmu għall-Greċja u id f’id mal-Griegi!

6. It-Task Force kif tmur mat-Trojka UE/FMI/BĊE?

It-Task Force tal-Kummissjoni tikkumplimenta l-kisbiet li wettqet it-Trojka. It-Trojka ħadmet mal-awtoritajiet Griegi biex jidentifikaw ir-riformi strutturali ewlenin li jridu jiġu implimentati fil-Greċja, u wara għenithom jissorveljaw l-implimentazzjoni fuq il-bażi ta’ perjodi ta’ tliet xhur.

It-Task Force tal-Kummissjoni qiegħda hemm biex tgħin lill-Greċja timplimenta dawn ir-riformi, billi ġġibilha l-assistenza teknika mingħand l-Istati Membri u billi ttejjeb kemm jista’ jkun l-użu li jsir mill-fondi tal-UE. Ir-rapport tat-Task Force jimmoniterja l-progress konkret li jkun sar rigward dawn iż-żewġ dimensjonijiet.

Il-persunal tal-Kummissjoni li hu assenjat mat-Trojka u mat-Task Force iwieġeb għall-Viċi President Rehn, bil-għan li niżguraw li jkun hemm konsistenza.

7. Kemm hemm nies jaħdmu mat-Task Force?

It-Task Force hija bbażata Brussell bi preżenza permanenti f’Ateni. Jaħdmu magħha hemm bejn wieħed u ieħor 45 ruħ (li minnhom 15 qegħdin Ateni). Il-biċċa l-kbira tagħhom huma uffiċjali tal-Kummissjoni. It-Task Force imexxiha l-konsulent speċjali tal-President, Horst Reichenbach. Il-koordinazzjoni tal-assistenza teknika ssir permezz ta’ laqgħat koordinattivi ta' livell għoli li jsiru fuq bażi regolari fi Brussell (l-aħħar laqgħa saret fis-6 ta’ Marzu).

Hemm ukoll għadd ta’ Esperti Nazzjonali Ssekondati, li ġew irreklutati minn Franza (2), mir-Renju Unit (2), mill-Ġermanja (2), mill-Pajjiżi l-Baxxi (2), mill-Belġju u mir-Repubblika Ċeka. Bħalissa qed jiġu pproċessati aktar reklutraġġi (mill-Awtrija u mill-Isvezja). Stati Membri oħrajn qalu li jistgħu jkunu interessati jibagħtu esperti. F’dan l-istadju l-membri tal-persunal qed jiġu ssekondati għal sena.

8. Ix-xahar li għadda, il-Grupp tal-Ewro ssuġġerixxa li l-Kummissjoni tkabbar lit-Task Force fid-daqs. X’inhuma l-pjanijiet tal-Kummissjoni?

Minħabba li t-tieni Programm għall-Aġġustament Ekonomiku għall-Greċja jagħmel enfasi ikbar milli kien għamel l-ewwel wieħed fuq iż-żieda fit-tkabbir, fil-postijiet tax-xogħol u fil-kompetittività, il-kontribut tat-Task Force se jkun saħansitra iktar importanti milli kien s’issa.

Il-Kummissjoni dalwaqt tiddeċiedi kif se ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tagħti sostenn lill-Greċja fil-Greċja stess, u dan se tagħmlu b'koordinazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet Griegi.

9. Fiex tikkonsisti l-assistenza teknika?

L-assistenza teknika hija maħsuba biex tipprovdi lill-Greċja kompetenzi rigward oqsma ewlenin fejn hi m’għandhiex il-kompetenza jew l-esperjenza prattika. Bosta Stati Membri minn jeddhom bagħtu esperti nazzjonali biex jagħtu s-sostenn tagħhom lil proġetti ta’ assistenza teknika, min għal ftit żmien u min għal żmien itwal. Anki l-FMI qed jipprovdi l-kompetenza. It-Task Force qiegħda hemm biex tikkoordina din il-kompetenza u biex tiżgura li tkun taqbel mal-esiġenzi konkreti. F’diversi każijiet, it-Task Force qiegħda – xi kultant flimkien ma’ servizzi oħrajn tal-Kummissjoni – tipprovdi l-assistenza teknika hija stess.

10. Min iħallas għall-assistenza teknika?

Dawn l-esperti, li s-soltu joqogħdu l-Greċja għal perjodu limitat ta’ ftit jiem, jitħallsu mill-Istati Membri minn fejn ikunu ġejjin. Il-Kummissjoni tkopri biss l-ispejjeż tal-missjonijiet tagħhom.

11. L-assistenza teknika kif taħdem b’mod konkret?

Il-ħtiġijiet għall-għajnuna teknika prinċipalment huma miġburin flimkien skont sferi konkreti ta’ politiki (il-baġit u t-tassazzjoni; is-settur finanzjarju; il-fondi tal-koeżjoni u l-biedja; il-kundizzjonijiet għan-negozju, l-akkwist pubbliku u l-kompetizzjoni; is-suq tax-xogħol, is-saħħa pubblika, il-ġustizzja u l-intern; ir-riforma amministrattiva, il-gvern elettroniku, l-istatistika; is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali).

Fejn talba tintlaqa’, it-Task Force tassisti biex jissawwar programm ta' ħidma li fih jitniżżlu r-riżultati tanġibbli li jkunu jridu jinkisbu u previżjonijiet ta’ kisbiet intermedjarji li jkun hemm qbil dwarhom mal-awtoritajiet Griegi. It-Task Force tgħin ukoll lill-awtoritajiet Griegi jimmobbilizzaw l-inputs li huma meħtiġin biex il-programm ta’ ħidma tal-assistenza teknika jitwettaq (il-kompetenza rilevanti mingħand Stati Membri oħrajn, u mingħand organizzazzjonijiet Ewropej jew internazzjonali).

Tista’ tingħata assistenza teknika bil-modi li ġejjin:

  • missjonijiet esperti għal ftit żmien jew workshops li permezz tagħhom l-amministrazzjonijiet nazzjonali jippreżentaw is-soluzzjonijiet tagħhom lill-kontropartijiet Griegi tagħhom. Dan għandu jippermetti lill-awtoritajiet Griegi jidentifikaw l-aktar soluzzjoni xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom.

  • għajnuna b'mod aktar sostnut mingħand Stati Membri jew organizzazzjonijiet partikulari li għandhom know-how speċjalizzat. Dan jista’ jkun jinvolvi l-preżenza tal-esperti għal żmien itwal jew il-koperazzjoni mal-awtoritajiet Griegi sabiex jingħataw soluzzjonijiet tekniċi f’oqsma bħat-TIK.

  • F’xi każijiet, Stat membru b’rekord tajjeb ħafna f’qasam politiku partikulari jista’ jassumi r-responsabbiltà ta’ ‘gwida fi sfera politika’. Il-gwida fi sfera politika jista’ jkun involut fi stadju bikri tal-proġett, inkluż fid-definizzjoni tal-pjanijiet direzzjonali. F’dawn il-każijiet, it-Task Force tiffaċilita l-koperazzjoni ma’ taqta’ xejn bejn l-awtoritajiet Griegi, il-gwida fi sfera politika u fornituri oħrajn tal-assistenza teknika.

It-tqabbil tal-assistenza teknika offruta mad-domanda għaliha jiġi organizzat permezz ta’ laqgħat koordinattivi ta’ livell għoli li torganizzahom it-Task Force u li jinvolvu lill-awtoritajiet Griegi, lill-fornituri (potenzjali) tal-assistenza teknika u lis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea. Qabel dawn il-laqgħat, l-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn jintalbu jesprimu l-interess tagħhom li jipprovdu assistenza teknika għal proġetti partikulari.

12. Tistgħu tagħtu eżempji konkreti ta’ assistenza teknika pprovduta mill-Istati Membri?

It-Task Force nediet għadd ta’ proġetti bi ftehim mal-amministrazzjoni Griega. Diġà ntlaħaq qbil dwar aspetti konkreti ta’ xogħol f'dawn l-oqsma:

  • L-amministrazzjoni tat-taxxi, bi pjan ta’ azzjoni konġunt bejn il-FMI u l-UE (id-DĠ TAXUD u t-Task Force) li diġà kiseb l-appoġġ ta’ għadd ta’ Stati Membri (l-Awstrija, il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, Spanja, l-Isvezja),

  • Il-ġestjoni finanzjarja pubblika, speċjalment il-kontroll fuq in-nefqa,

  • Ir-riforma amministrattiva (bi Franza taġixxi bħala gwida fi sfera politika fil-livell ċentrali u bil-Ġermanja taqdi l-istess funzjoni fil-livell reġjonali).

  • Il-Ġermanja qablet ukoll li tkun il-gwida fi sfera politika fil-każ tas-settur tas-saħħa, fejn għad iridu jittieħdu d-deċiżjonijiet rigward x’xogħol konkret irid isir.

  • Għaddejja diskussjoni dwar diversi aspetti ta’ xogħol rigward il-kundizzjonijiet għan-negozju, fejn f’bosta każijiet se tkun it-Task Force innifisha li se tassumi r-rwol ta’ gwida fi sfera politika.

Il-koordinazzjoni ssir permezz ta’ laqgħat koordinattivi ta’ livell għoli li torganizzahom it-Task Force kull perjodu ta’ tliet xhur u li jinvolvu lill-awtoritajiet Griegi, lill-fornituri (potenzjali) tal-assistenza teknika u lis-servizzi tal-Kummissjoni. Qabel dawn il-laqgħat, l-Istati Membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn jintalbu jesprimu l-interess tagħhom li jipprovdu assistenza teknika għal proġetti partikulari

Ir-rapport ta’ kull tliet xhur tat-Task Force jagħti ħarsa ġenerali lejn il-kompetenzi li jkunu ġew immobbilizzati u jivvaluta l-progress li jkun sar fil-post.

13. Kemm hemm flus tal-UE disponibbli għall-Greċja? U l-Greċja dawn il-flus qed tużahom b’mod effiċjenti?

Permezz tal-Fondi Strutturali tagħha, fil-perjodu bejn l-2007 u l-2013 l-UE allokat EUR 20 biljun għall-Greċja, li minnhom kważi EUR 8 biljun diġà tħallsu. Għall-bqija tal-perjodu ta’ programmazzjoni, hemm madwar EUR 12-il biljun li għadhom ma ntefqux, anki jekk f’bosta każi diġà huma impenjati għal proġetti.

Dawn il-flus – jew parti minnhom – jistgħu jintużaw biex jagħtu spinta lill-potenzjal tal-Greċja għat-tkabbir permezz ta’ proġetti mmirati, li jkunu mfasslin speċifikament biex isostnu lill-impriżi żgħar u medji, lill-ġlieda kontra l-qgħad, u lill-iżvilupp infrastrutturali importanti. Flimkien mal-awtoritajiet Griegi tfasslet lista ta' 181 proġett prijoritarju, u din ġiet ippubblikata f'Novembru 2011. Dawn il-proġetti se jużaw 56% tal-finanzjament disponibbli matul il-perjodu ta’ programmazzjoni, u l-amministrazzjoni Griega u l-Kummissjoni se jimmoniterjawhom u jsostnuhom b’mod intensiv.

Fl-aħħar nett, huwa importanti li wieħed jinnota r-rekord pożittiv tal-Greċja fejn tidħol il-kapaċità tagħha li tassorbi l-fondi. Sa tmiem l-2011, il-Greċja kienet assorbiet 35% għall-EUR 20.4 biljun f’fondi mill-UE. Dan jaqbeż il-medja tal-UE, li hija 33.5%. Dawn ir-riżultati tajbin ġew innutati fil-każ tal-Fondi Reġjonali (39.6% għall-EL u 34.6% għall-UE), u tal-Fond tal-Koeżjoni (29.2% għall-EL u 28.5% għall-UE). Fil-każ tal-Fond Soċjali, ġew assorbiti 24.4% tal-allokazzjoni Griega, filwaqt li l-medja tal-UE hija 27%.

14. X’fih it-tieni rapport?

Ir-rapport jispjega fil-qosor kif it-Task Force torganizza u tikkoordina l-fornitura tal-assistenza teknika, filwaqt li jidentifika oqsma oħrajn fejn tista’ tkun meħtieġa l-assistenza teknika fil-futur.

Ir-rapport isemmi l-lezzjonijiet li jistgħu jittieħdu mill-ewwel sitt xhur ta’ ħidma tat-Task Force. Wieħed mill-kapitli ewlenin tar-rapport huwa ddedikat għall-użu tal-fondi ta' koeżjoni bil-ħsieb li jiġu sostnuti t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Fil-kapitlu dwar it-tħaffif tar-ritmu tal-proġetti tal-politika favur il-koeżjoni, ir-rapport jippreżenta għadd ta’ żviluppi pożittivi flimkien mal-isfidi li għad baqa’. Huwa jitkellem dwar kif qed isir progress inkuraġġanti fuq il-181 proġett prijoritarju u jagħti aġġornament dwar l-istejtus tal-konċessjonijiet tal-awtostradi, li għandhom importanza politika u ekonomika. Jippreżenta wkoll l-Istrument għall-Kondiviżjoni tar-Riskji li jmiss.

Fil-parti dwar l-aċċess għall-finanzjament / is-settur finanzjarju, ir-rapport jagħti ħarsa ġenerali lejn ir-riżorsi sinifikattivi li huma disponibbli għall-finanzjament tal-impriżi żgħar u medji. Huwa jsemmi x-xogħol li għaddej biex jiġu indirizzati l-isfidi li l-banek domestiċi Griegi għandhom quddiemhom fejn tidħol il-likwidità, u jiddefinixxi strumenti ġodda li se jsiru u li jistgħu jistimulaw l-aċċess tal-impriżi żgħar u medji għall-finanzjament.

It-tieni pilastru tar-rapport jitkellem b’mod ġenerali dwar l-assistenza teknika mogħtija biex jiġu sostnuti r-riformi strutturali li huma maħsubin mill-Programm ta’ Aġġustament Ekonomiku bħala kundizzjoni minn qabel biex jerġa' jkun hemm it-tkabbir u l-kompetittività.

Il-parti dwar il-baġit u t-tassazzjoni titkellem dwar il-progress li nkiseb, bħas-suċċess fil-ġbir tal-arretrati tat-taxxa. Tidentifika wkoll oqsma fejn jeħtieġ li jsir aktar progress, bħall-ġbir tat-taxxi mingħand il-kontribwenti għonja. Isemmi l-isforzi li qed isiru sabiex jiġi implimentat pjan ta’ azzjoni komprensiv dwar l-amministrazzjoni tat-taxxi, li huma msejsin fuq appoġġ sinifikanti min-naħa tal-Istati Membri, tal-FMI u tas-servizzi tal-Kummissjoni. Jiġu deskritti l-isforzi li qed isiru fil-qasam tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, fejn hemm bżonn kruċjali ta’ koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi Griegi differenti. Jeħtieġ ukoll li jsir aktar progress fir-rigward tal-Ġestjoni Finanzjarja Pubblika, notevolment fejn jidħol il-kontroll fuq in-nefqa.

Fil-parti dwar ir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u l-gvern elettroniku, ir-rapport jinnota li sar ħafna progress. Il-gvern Grieg stabbilixxa grupp ta’ tmexxija li jaqa’ taħt il-Prim Ministru. Qed tingħata assistenza teknika sostanzjali mill-awtoritajiet Franċiżi, li qed imexxu l-ħidma biex isseħħ ir-riforma amministrattiva tal-gvern ċentrali. Sadattant, bl-appoġġ tal-Ġermanja, għaddejja wkoll riforma fil-livell tal-gvernijiet deċentralizzati, reġjonali u lokali.

Rigward ir-riformi strutturali bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet għan-negozju, miexi sew ix-xogħol ta’ tħejjija sabiex tingħata assistenza teknika f’oqsma bħall-iffaċilitar tal-esportazzjonijiet, l-organizzazzjoni mill-ġdid tal-liġi dwar l-akkwist pubbliku u tal-amministrazzjoni pubblika, il-professjonijiet irregolati u s-simplifikazzjoni regolatorja. Hemm għadd ta’ proġetti ta’ assistenza teknika li qed jistennew li jaqblu magħhom l-awtoritajiet Griegi sabiex ikunu jistgħu jibdew.

Is-saħħa pubblika hija settur ieħor fejn ġew identifikati bosta ħtiġijiet ta’ assistenza teknika kif ukoll min jista’ jipprovdiha. L-assistenza teknika se tiffoka fuq l-ipprezzar tal-farmaċewtiċi, il-ġestjoni aħjar tal-konsum tas-servizzi u tal-prodotti pprovduti mis-sistema tas-saħħa, u l-kundizzjonijiet li fihom jingħataw is-servizzi tas-saħħa. Dwar dan l-aħħar punt, se tingħata assistenza teknika biex jiġi stabbilit il-fond integrat tal-mard.

Bl-istess mod, sar progress fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja. B’riżultat ta’ eżerċizzji inizjali ta’ analiżi li kienu jinvolvu lill-amministrazzjoni Griega u lil dawk li jistgħu jipprovdu l-assistenza teknika, kien possibbli li tiġi identifikata l-assistenza teknika meħtieġa f’oqsma bħat-tħaffif tar-ritmu tal-proċeduri ġudizzjarji, il-kawżi pendenti li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi, u s-soluzzjoni tat-tilwimiet barra mill-qorti, u li din tibda tingħata parzjalment.

Filwaqt li diġà beda jsir xogħol konkret fir-rigward tal-migrazzjoni, tal-ażil u tal-fruntieri, xi assistenza teknika li hi meħtieġa, ngħidu aħna, għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni Grieg dwar il-migrazzjoni u l-ażil għall-2010, għad trid tiġi mqabbla ma' offerti li jistgħu jsiru għall-għoti ta' assistenza teknika.

Taħt kull intestatura jiġu deskritti l-kontribuzzjonijiet ta’ dawk li jipprovdu l-assistenza teknika, inklużi l-kontribuzzjonijiet vitali li jsiru ta’ spiss minn servizzi oħrajn tal-Kummissjoni. Ir-rapport jispjega wkoll, f’anness, kif inhuma l-affarijiet rigward il-proġetti ta' assistenza teknika u jsemmi l-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet involuti.

Aktar tagħrif:

It-2ni rapport ta’ kull tliet xhur jista' jinqara hawn:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/president/taskforce-greece/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website