Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/12/12

Strasburgu, 17 ta’ Jannar 2012

Ksur tar-regoli: Mistoqsijiet Frekwenti

X’inhuma l-istadji differenti fil-proċedura ta’ ksur ?

L-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni, bħala l-Gwardjan tat-Trattati, biex tieħu azzjoni legali kontra Stat Membru li ma jkunx qed jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE.

Il-proċedura ta' ksur tibda b’talba għal informazzjoni (“Ittra ta’ Notifika Formali”) lill-Istat Membru kkonċernat, li jeħtieġ li tingħata risposta għaliha f’perjodu speċifikat, ġeneralment xahrejn.

Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bl-informazzjoni u tikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat qed jonqos milli jirrispetta l-obbligi tiegħu skont il-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba formali għal konformità mal-liġi tal-UE ("Opinjoni Motivata"), fejn titlob lill-Istat Membru biex jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri li ttieħdu biex ikun hemm konformità f'perjodu speċifiku, ġeneralment xahrejn.

Jekk Stat Membru jonqos milli jiżgura li jkun hemm konformità mal-liġi tal-UE, il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi li tirreferi lill-Istat Membru quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Madankollu, f’madwar 95% tal-każijiet ta’ ksur, l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-UE qabel ma ssir referenza quddiem il-Qorti. Jekk il-Qorti tiddeċiedi kontra l-Istat Membru, ikun jeħtieġ li l-Istat Membru jieħu l-miżuri neċessarji biex jikkonforma mas-sentenza.

Fil-każ speċifiku ta’ Stati Membri li jonqsu milli jimplimentaw id-Direttivi sad-data ta’ skadenza li dwarha jkun intlaħaq qbil bejn il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Qorti biex timponi penali finanzjarji fuq l-Istat Membru kkonċernat fl-ewwel deċiżjoni li tieħu l-Qorti fil-kawża. Din il-possibilità, li ġiet introdotta mit-Trattat ta’ Lisbona, hija stipulata fl-Artikolu 260(3) tat-TFUE.

X’jiġri jekk Stat Membru ma jikkonformax ma’ deċiżjoni tal-Qorti ?

Jekk, minkejja l-ewwel deċiżjoni, l-Istat Membru jibqa’ jonqos milli jieħu azzjoni, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ każ ieħor ta’ ksur skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, permezz ta’ notifka ta’ twissija waħda biss bil-miktub qabel terġa’ tirreferi lill-Istat Membru quddiem il-Qorti.

Jekk il-Kummissjoni ma terġax tirreferi l-Istat Membru quddiem il-Qorti, tista’ tipproponi li l-Qorti timponi penali finanzjarji fuq l-Istat Membru kkonċernat li jkunu msejsa fuq kemm dam għaddej u kemm kien serju l-ksur u d-daqs tal-Istat Membru. Hemm żewġ elementi:

  • Somma ta’ darba li tiddependi fuq kemm ikun għadda żmien mid-deċiżjoni oriġinali tal-Qorti;

  • u penali għal kull jum li jgħaddi wara d-data tat-tieni deċiżjoni tal-Qorti sakemm jieqaf il-ksur.

Fl-aħħar, min jiddeċiedi dwar il-penali?

Il-penali finanzjarji jiġu proposti mill-Kumissjoni u l-Qorti tista' timmodifika dawn l-ammonti fid-deċiżjoni tagħha.

X’inhu r-rwol tal-Kummissjoni?

Il-Kummissjoni hija l-gwardjan tat-trattati. Huwa rwol u obbligu tagħha li tiżgura l-ħarsien tal-interess pubbliku. Il-proċedura hija rregolata mit-Trattat (stadji, skadenzi). Dan jista' jinvolvi li l-Istati Membri jittieħdu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea.

Id-deċiżjoni biex jinfetħu l-proċeduri ta’ ksur kontra Stat Membru tittieħed mill-Kulleġġ. Din id-deċiżjoni tkun imsejsa fuq analiżi preċiża u imparzjali, li titwettaq mis-servizzi tal-Kummissjoni, tad-dokumenti u tal-informazzjoni li jittressqu mill-partijiet u ta’ kwalunkwe lmenti.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-każijiet ta’ ksur jinġabru darba fix-xahar fi proċess globali li jinvolvi politiki differenti. Dawn id-deċiżjonijiet ikunu pubbliċi.

Għall-istatistika attwali dwar il-każijiet ta' ksur b'mod ġenerali, ara:

http://ec.europa.eu/eu_law/infringements/infringements_mt.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website