Navigation path

Left navigation

Additional tools

Skeda Informattiva: Regoli tal-UE dwar prezzijiet tal-assigurazzjoni li ma jiddistingwux bejn is-sessi

European Commission - MEMO/12/1012   20/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

MEMO

Brussell, 20 Dicembru 2012

Skeda Informattiva: Regoli tal-UE dwar prezzijiet tal-assigurazzjoni li ma jiddistingwux bejn is-sessi

X'se jinbidel fil-21 ta' Diċembru?

Mill-21 ta' Diċembru 2012 'il quddiem, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni fl-Unjoni Ewropea se jkollhom jiċċarġjaw l-istess prezzijiet lin-nisa u lill-irġiel għall-istess prodotti tal-assigurazzjoni, mingħajr distinzjoni abbażi ta' sess. Il-bidla se tkun tapplika għall-kuntratti ġodda kollha ta' prodotti tal-assigurazzjoni, dan jinkludi l-assigurazzjoni tal-karozzi, l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u annwalitajiet.

Din l-iskeda ta' prezzijiet "unisex" jew newtrali għas-sess se tkun tfisser li l-irġiel u n-nisa li jkollhom l-istess karatteristiċi (jiġifieri ta' età, ta' stat ta' saħħa, dejjem skont il-prodott) se jħallsu l-istess prezzijiet għall-istess prodotti. Il-prezzijiet se jkunu bbażati mhux fuq is-sess, imma fuq fatturi oħra, pereżempju, fil-każ tal-assigurazzjoni tal-karozzi, l-imġieba fis-sewqan. Dan ifisser li n-nies mhux se jibqgħu jħallsu iżjed jew inqas sempliċiment skont is-sess tagħhom.

It-tibdil se japplika għall-kuntratti li jiġu konklużi mill-21 ta' Diċembru 'l quddiem, iżda xi kumpaniji tal-assigurazzjoni qed joffru l-possibbiltà lill-klijenti tagħhom li jikkonkludu l-kuntratti qabel din id-data, f'ċerti każi sa 90 jum qabel, fuq poloz li jkunu se jibdew aktar 'il quddiem.

Għaliex qed jiġri hekk issa?

L-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali fl-UE. Fl-1 ta' Marzu 2011, il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja ddeċidiet li hija diskriminatorja differenza fil-prezzijiet tal-assigurazzjoni li tkun ibbażata biss fuq is-sess tal-persuna.(MEMO/11/123). Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE ddeċidiet li l-primjums tal-assigurazzjoni li jvarjaw bejn in-nisa u l-irġiel jikkostitwixxu diskriminazzjoni abbażi tas-sess u għaldaqstant mhumiex kumpatibbli mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-Istati Membri ma jistgħux jidderogaw minn dan il-prinċipju importanti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

Il-Qorti tat perjodu tranżizzjonali ta' 21 xahar, sal-limitu finali tal-21 ta' Diċembru 2012, lis-settur tal-assigurazzjoni biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jaddattaw l-iskemi tal-prezzijiet tagħhom għar-regoli l-ġodda. Sena ilu, fil-21 ta' Diċembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea kienet ħarġet il-linji gwida biex tgħin lis-settur jaddatta ruħu għar-regoli l-ġodda (IP/11/1581).

Kif se jiġu affettwati l-prezzijiet mill-perspettiva tal-klijenti?

It-tibdil se jkollu impatt fuq il-primjums individwali ta' ċerti prodotti tal-assigurazzjoni. Fl-imgħoddi, l-irġiel u n-nisa xi drabi kienu jħallsu prezz differenti fuq tipi differenti ta' assigurazzjoni, skont is-sess. Issa dawk il-klijenti li qabel kienu jħallsu inqas (pereżempju l-assigurazzjoni tal-karozzi għat-tfajliet) issa wisq probabbli se jaraw il-primjums tagħhom jiżdiedu fil-prezz. Iżda bl-istess mod, dawk li kienu jħallsu iżjed (pereżempju dak li kienu jħallsu l-irġiel għall-assigurazzjoni fuq il-ħajja b'limitu ta' żmien), issa x'aktarx li se jibdew iħallsu inqas.

B'mod ġenerali, it-tibdiliet għandhom jibbilanċjaw ruħhom maż-żmien, iżda huwa diffiċli li wieħed jipprevedi l-impatt reali tagħhom. Dan għaliex jidħlu ħafna fatturi oħra meta l-kumpaniji tal-assigurazzjoni jikkalkulaw il-prezzijiet, u dawn jinkludu l-persentaġġ ta' irġiel u nisa fil-portafoll tagħhom, il-marġni tal-kosti u tar-riskju tat-tranżizzjoni, biex jadattaw ruħhom għal sistema ġdida, u l-livell ta' kompetizzjoni li jkun hemm f'suq speċifiku. Pereżempju, hemm sinjali li f'xi swieq u setturi, bħalma hi l-assigurazzjoni tal-karozzi fir-Renju Unit, b'mod ġenerali bdew niżlin il-prezzijiet tul iż-żmien ta' tħejjija għat-tibdil, u dan xi ftit jew wisq ġara minħabba żieda fil-kompetizzjoni.

Eżempju 1:

John u Mary t-tnejn li huma għandhom 18-il sena u jsuqu l-istess tip ta' karozza. Fil-preżent, John iħallas EUR 1200 fis-sena għall-assigurazzjoni tal-karozza, u Mary tħallas 900. Bir-regoli l-ġodda, John u Mary se jħallsu l-istess primjum, allura dan se jiżdied għal Mary filwaqt li jonqos għal John.

Eżempju 2:

Mark u Karen it-tnejn li huma għandhom 40 sena, ma jpejpux u ma għandhomx problemi tas-saħħa. Bħalissa Mark iħallas EUR 10,000 fis-sena fuq assigurazzjoni privata biex din tikkomplementalu l-pensjoni fil-futur (annwalitajiet) u Karen tħallas EUR 12,000. Kieku dawn it-tnejn kellhom jiffirmaw kuntratt ġdid fl-2013, x'aktarx li Karen ikollha tħallas inqas għall-istess benefiċċju filwaqt li l-primjum ta' Mark jiżdied.

Eżempju 3:

Sarah u Ben it-tnejn li huma għandhom 30 sena, ma jpejpux u ma għandhomx problemi tas-saħħa. Bħalissa qegħdin iħallsu rispettivament EUR 105 u EUR 150 għal assigurazzjoni fuq il-ħajja li tiskadi. Kieku kellhom jiffirmaw kuntratt ġdid fl-2013, iħallsu primjum unisex li x'aktarx ikun iżjed għali minn dak li qed tħallas Mary illum, imma jkun inqas minn dak li qed iħallas Ben.

Kif jistgħu l-klijenti jevitaw żidiet kbar fil-primjums tal-assigurazzjoni?

Skont ir-regoli l-ġodda, il-kumpaniji tal-assigurazzjoni se jikkalkulaw il-primjums individwali abbażi tal-fatturi rilevanti li m'għandhomx x'jaqsmu mas-sess tagħhom (pereżempju l-imġieba fis-sewqan għall-assigurazzjoni tal-karozzi). Dan ifisser li meta l-primjums ikunu primarjament ibbażati fuq fatturi ta' riskju oħrajn minbarra s-sess, probabbilment ma jkunux affettwati mir-regoli l-ġodda. Sewwieq li jsuq bil-galbu ġeneralment iħallas inqas minn wieħed li jsuq b'mod aktar perikoluż, ikun ta' liema sess ikun.

Eżempju 4:

Bħalissa Sandra tħallas EUR 500 fis-sena għall-assigurazzjoni tal-karozza. Hija ssuq bil-galbu u ilha ssuq 20 sena. Kieku kellha tiffirma kuntratt ġdid fl-2013, huwa wisq probabbli li l-primjum tagħha mhux se jkun affettwat mir-regoli l-ġodda.

Għal din l-istess raġuni, l-irġiel u n-nisa jistgħu ma jkunux dejjem iħallsu l-istess prezz għall-istess prodott, minħabba karatteristiċi individwali differenti li ma jkollhomx x'jaqsmu mas-sess.

Eżempju 5:

Skont ir-regoli l-ġodda, Philip u Jane, li t-tnejn għadhom kif ġabu l-liċenzja tas-sewqan, it-tnejn li huma jħallsu EUR 1000 fis-sena għall-assigurazzjoni tal-karozza. Iżda jekk maż-żmien Jane turi li hija sewwieqa inqas ta' riskju minn Philip, il-primjum tal-assigurazzjoni tagħha jonqsilha aktar malajr milli jonqos ta' Philip minħabba l-imġieba tagħha fis-sewqan.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website