Navigation path

Left navigation

Additional tools

Domandi u risposti: Lejn liġi ġdida tal-UE dwar il-Prodotti tat-Tabakk

European Commission - MEMO/12/1005   19/12/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Memo

Brussell, id-19 ta' Diċembru 2012

Domandi u risposti: Lejn liġi ġdida tal-UE dwar il-Prodotti tat-Tabakk

Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta unika biex tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Il-proposta hija reviżjoni sostanzjali tal-liġi attwali tal-UE u tipproponi regoli ġodda u msaħħa dwar prodotti tat-tabakk.

X'inhu regolat fidd-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk attwali?

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk attwali, adottata fl-2001, li tissostitwixxi d-Direttiva oriġinali tal-1989, tipprevedi miżuri dwar il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ ta’ prodotti tat-tabakk. Prodotti tat-tabakk jinkludu sigarretti, tabakk tal-brim (roll-your-own tobacco, RYO), tabakk tal-pipa, is-sigarri, is-cigarillos, kif ukoll diversi forom ta’ tabakk li ma jdaħħanx. Id-Direttiva tiffissa l-limiti massimi ta’ qatran, nikotina u monossidu tal-karbonju u tobbliga lill-manifatturi jirrappurtaw dwar l-ingredjenti li jużaw. Din tipprojbixxi t-tabakk orali u l-użu ta’ deskrizzjonijiet qarrieqa bħalma huma “light”, “mild” jew "low tar". Għandhom jidhru messaġġi ta’ twissija tas-saħħa fuq il-prodotti tat-tabakk. Ġiet żviluppata librerija ta’ twissijiet bl-istampi sabiex tikkumplimenta twissijiet testwali u qed tintuża minn għadd dejjem jiżdied ta’ Stati Membri.

Għaliex il-Kummissjoni qed tirrevedi d-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk?

L-għan ewlieni tar-reviżjoni huwa li jitjieb it-tħaddim tas-suq intern, filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ saħħa pubblika. Sa mill-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-2001, seħħew diversi żviluppi fis-suq, xjentifiċi u internazzjonali. Pereżempju, issa hemm disponibbli evidenza ġdida dwar l-aromi wżati fil-prodotti tat-tabakk u l-effikaċja tat-twissijiet tas-saħħa. F’xi oqsma, il-liġijiet ivarjaw sostanzjalment bejn l-Istati Membri li jkunu ħadu approċċi regolatorji differenti. Prodotti ġodda bħalma huma sigarretti elettroniċi daħlu fis-suq u xi wħud mid-dispożizzjonijiet attwali tad-Direttiva għadda żmienhom. Il-proposta leġiżlattiva għandha l-għan li tpoġġi l-prodotti u l-konsum tat-tabakk inqas attraenti, u biex tgerrex liż-żgħażagħ milli jibdew ipejpu.

Barra minn hekk, l-UE u l-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) tad-WHO li daħlet fis-seħħ fi Frar 2005 u tinvolvi obbligu legali li jimplimentaw il-Konvenzjoni.

Fl-aħħar nett, kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew talbu ripetutament għal reviżjoni tad-Direttiva attwali.

It-tabakk hu kwistjoni ewlenija tas-saħħa fl-UE u fid-dinja?

Iva. Kull sena, it-tipjip joqtol kważi 700,000 persuna fl-Ewropa (belt kbira daqs Frankfurt), għalhekk il-konsum tat-tabakk l-akbar riskju tas-saħħa li jista’ jiġi evitat. Miljuni ta’ ċittadini tal-UE jbatu minn mard assoċjat mat-tipjip, inkluż il-kanċer, il-mard tal-qalb u l-mard respiratorju. Madwar 50 % ta’ dawk li jpejpu jmutu qabel iż-żmien, medja ta' 14-il sena qabel, u dawk li jpejpu għandhom aktar snin ta’ ħajja kkaratterizzati minn kundizzjoni fqira ta’ saħħa. Fuq livell globali, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tistma li bħalissa l-użu tat-tabakk joqtol kważi sitt miljun ruħ kull sena. Din iċ-ċifra tista’ tilħaq tmien miljun sal-2030 jekk ma jittiħdux passi biex titreġġa’ lura din it-tendenza inkwetanti.

Il-Kummissjoni hija impenjata biex ikun hemm politika qawwija tal-kontroll tat-tabakk biex jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa pubblika fis-suq intern tal-UE. It-tabakk jagħmlek dipendenti ħafna u għalhekk huwa importanti li jiġi evitat li ż-żgħażagħ milli jibdew jużaw it-tabakk. Sebgħin fil-mija ta’ dawk li jpejpu jibdew qabel l-età ta' 18 u 94 % qabel l-età ta’ 25 sena.

X’inhu l-kontenut prinċipali reviżjoni?

Il-proposta tipprevedi reviżjonijiet kbar tad-Direttiva attwali. Din għandha tindirizza b’mod partikolari l-oqsma u dispożizzjonijiet li ġejjin:

  • L-ingredjenti: Se jiġi introdott format ta’ rappurtaġġ elettronika armonizzat għall-ingredjenti u l-emissjonijiet. Il-proposta tipprevedi projbizzjoni tas-sigarretti, tabakk tal-brim (RYO) u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx li jikkaratterizzaw aromi u projbizzjoni ta’ prodotti b’addittivi li jżidu t-tossiċità u d-dipendenza.

  • L-ittikkettar u l-ippakkjar: Il-pakketti kollha tas-sigarretti u tal-brim għandhom juru twissija magħquda tas-saħħa bl-istampi u l-kliem li tkopri 75 % tal-wiċċ u d-dahar tal-pakkett, inkluża informazzjoni dwar servizzi ta’ waqfien mit-tipjip. Elementi promozzjonali huma pprojbiti. Ċerti aspetti tal-pakkett u d-dehra tas-sigarrett huma standardizzati, Pereżempju, id-daqs tal-pakkett tas-sigaretti biex tkun żgurata il-viżibilità tat-twissijiet bl-istampi. L-informazzjoni attwali dwar il-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju tinbidel b’messaġġ ta’ informazzjoni fuq il-ġenb tal-pakkett. L-Istati Membri jibqgħu ħielsa li jintroduċu l-ippakkjar sempliċi f’każijiet ġustifikati b’mod xieraq.

  • It-tabakk li ma jdaħħanx: Il-projbizzjoni tal-prodotti tat-tabakk orali (snus) tinżamm ħlief għall-Iżvezja li għandha eżenzjoni skont it-Trattat tal-Adeżjoni tagħha. Il-prodotti kollha tat-tabakk li ma jdaħħanx għandhom juru twissijiet tas-saħħa fuq iż-żewġ naħat. Prodotti ġodda tat-tabakk għandhom ikunu konformi mad-Direttiva u jesiġu pre-notifika qabel ma jitqiegħdu fis-suq.

  • Estensjoni tal-iskop tal-prodott tad-Direttiva: Prodotti li Fihom in-Nikotina (pereżempju, sigarretti elettroniċi) taħt ċertu limitu tan-nikotina huma permessi fis-suq, iżda għandu jkollhom twissijiet tas-saħħa; prodotti 'il fuq minn dan il-limitu bażiku huma permessi biss jekk awtorizzat bħala prodotti mediċinali bħalma huma t-terapiji sostituttivi tan-nikotina (eż. faxex tan-nikotina). Il-prodotti erbali (eż. sigarretti erbali) se jkollhom juru twissijiet tas-saħħa.

  • Bejgħ bid-distanza transkonfinali: Il-bejjiegħa bl-imnut involuti fil-bejgħ bid-distanza transkonfinali għandhom jinnotifikaw l-attivitajiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti u għandhom jintroduċu mekkaniżmi ta’ verifika tal-età.

  • Kummerċ illeċitu: Hemm previsti sistema provenjenza u traċċar u karatteristiċi ta' sigurtà (eż. ologrammi).

Għat-tqabbil tal-proposta l-ġdida mad-Direttiva attwali, jekk jogħġbok ara t-tabella fl-Anness.

X’inhuma r-regoli għat-tabakk tal-pipa, is-sigarri u s-cigarillos?

Il-prodotti kollha tat-tabakk huma koperti bid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk. Madankollu, it-tabakk tal-pipa, is-sigarri u s-cigarillos bħalissa mhumiex użati fi kwantitajiet sinifikanti fl-inizjazzjoni tat-tipjip. Għalhekk il-proposta tipprevedi regoli inqas stretti għal dawn il-prodotti, pereżempju, ma hemmx twissijiet tas-saħħa bl-istampi obbligatorji jew lanqas xi projbizzjoni tal-aromi karatterizzanti. Se titneħħa l-eżenzjoni jekk ikun hemm bidla sostanzjali fiċ-ċirkostanzi (f’termini ta' volumi ta’ bejgħ jew livell ta' prevalenza fost iż-żgħażagħ).

Il-pakkett tas-sigarretti se jkun differenti fil-ġejjieni?

Iva. Il-proposta tipprevedi twissijiet bl-istampi obbligatorji fuq il-wiċċ u d-dahar tal-pakkett li jkopru 75 % tal-uċuħ rispettivi. Fuq in-naħat laterali se jiżdiedu twissijiet oħra tas-saħħa ("it-tipjip joqtol - ieqaf issa"; “id-duħħan tat-tabakk fih 70 sustanza magħrufa li jikkawżaw il-kanċer” eċċ…) li se jkopru 50 % tal-uċuħ rispettivi. Filwaqt li jiġi kkunsidrat il-wiċċ sħiħ tal-pakkett tas-sigarretti, dan ifisser li t-twissijiet tas-saħħa se jkopru inqas minn 60 % tat-total tal-wiċċ. Barra minn hekk, il-manifatturi tas-sigarretti se jkollhom jikkonformaw mal-obbligi ta’ provenjenza u traċċar, karatteristiċi tas-sigurtà u bolol tat-taxxa. Għall-pakketti tas-sigarretti normali, dan ifisser li 30 % tal-pakkett se jibqa’ għall-marka kummerċjali sakemm Stat Membr ma jagħżilx li jadottaw ippakkjar sempliċi u jistgħu jiġġustifikaw l-għażla tiegħu.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li żżomm il-projbizzjoni tas-snus (it-tabakk orali)?

Iva. Fl-UE, it-tabakk orali (inkluż is-snus) ġie pprojbit sa mill-1992. L-Isvezja għandha eżenzjoni skont it-Trattat tal-Adeżjoni tagħha. Is-snus jagħmlek dipendenti u għandu effetti negattivi fuq is-saħħa. Diġà qabel l-1992, għadd ta’ Stati Membri kienu bdew jipprojbixxu l-prodott meta kkunsidraw il-potenzjal sinifikanti tiegħu ta’ tkabbir u l-element attraenti għaż-żgħażagħ. Fil-konsultazzjoni pubblika qabel il-proposta leġiżlattiva, ħafna Stati Membri rrifjutaw l-idea li titneħħa l-projbizzjoni fuq is-snus. Is-snus jista’ jintroduċi nies ġodda għat-tipjip biex b’hekk jiżviluppaw dipendenza tat-tabakk/nikotina filwaqt li dawk li diġà jpejpu jistgħu jidħlu f’użu doppju (sigarretti u snus). Id-deċiżjoni biex na titneħħiex il-projbizzjoni hi f’konformità wkoll mar-rakkomandazzjoni tal-Istitut Nazzjonali Żvediż tas-Saħħa Pubblika.

Il-liġi l-ġdida se tipprojbixxi l-aromi – bħalma hu l-mentol – u ingredjenti oħra?

Il-proposta mhix se tipprojbixxi aromi speċifiċi iżda tipprojbixxi prodotti tat-tabakk bl-hekk imsejħa l-aromi karatterizzanti, inkluż il-mentol. Konkretament, il-mentol fi kwantitajiet żgħar jistgħu jintużaw, iżda mhux fi kwantitajiet kbar, li jagħtu lill-prodott tat-tabakk aroma distingwibbli barra dak tat-tabakk. Bordijiet tat-testijiet se jassistu lill-Istati Membri un lill-Kumissj9oni biex jiddeċiedu jekk prodott għandux jew le aroma karatterizzanti. Addittivi li huma meħtieġa għall-manifattura ta’ prodott tat-tabakk jistgħu jibqgħu jintużaw. Din tinkludi z-zokkor. Il-proposta ma għandhiex tiddiskrimina bejn il-varjetajiet tat-tabakk bħal Virginia, Burley jew tabakk Orjentali.

Bid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk l-ġdida se tikber il-ġlieda kontra l-kummerċ illegali?

Iva. Il-proposta leġiżlattiva fiha miżuri qawwija kontra prodotti illegali tat-tabakk li jiżguraw li prodotti biss li jikkonformaw mad-Direttiva jinbigħu fl-UE. Id-Direttiva tintroduċi sistema ta’ provenjenza u traċċar fil-katina legali tal-provvista u l-karatteristiċi ta’ sigurtà li jiffaċilitaw l-infurzar tal-liġi u jagħtu s-setgħa lill-konsumaturi li jindunaw bi prodotti illegali. Il-proposta trawwem ukoll l-għarfien tal-konsumaturi fis-sens li l-prodotti illegali jinbigħu minn kriminalità organizzata. Apparti s-sigarretti u dawk tal-brim, il-prodotti tat-tabakk jingħataw perjodu tranżitorju ta’ ħames snin.

Il-Kummissjoni qed tipproponi projbizzjonital-bejgħ bid-distanza transkonfinali?

Le. Madankollu hemm bżonn li tiġi indirizzata l-kwistjoni billi ġie osservat li l-prodotti mixtrija pereżempju, permezz tal-internet spiss ma jkunux kompatibbli mar-regoli stabbiliti fid-Direttiva (jiġifieri, it-tikkettar u l-ingredjenti). Il-proposta tipprevedi li l-bejjiegħa bl-imnut li jixtiequ jbigħu prodotti tat-tabakk transkonfinali għandhom jgħarrfu bl-attività tagħhom, qabel l-ewwel bejgħ lill-Istat Membru li fih huma lokalizzati u f’dawk li jbigħulhom l-prodotti tat-tabakk. Għandhom ukoll jiżguraw li l-prodotti tat-tabakk ma jinbigħux lit-tfal u l-adoloxxenti.

Din il-proposta hija dwar it-tipjip f’postijiet pubbliċi?

Le. Għalkemm il-Kummissjoni Ewropea tappoġġa l-introduzzjoni ta' ambjenti bla tipjip, id-deċiżjoni dwar din il-kwistjoni tibqa’ kompetenza tal-Istati Membri. Fil-livell tal-UE, ambjenti bla tipjip huma indirizzati biss f’Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti Bla Tipjip tal-2009. Il-Kummissjoni se tirrapporta dwar kif l-Istati Membri qed jimplimentaw din ir-Rakkomandazzjoni fl-ewwel nofs tal-2013.

Il-proposta kif se taffettwa s-saħħa taċ-ċittadini tal-UE? Min se jibbenefika mir-reviżjoni?

Iċ-ċittadini kollha sejrin jibbenefikaw mir-reviżjoni prevista billi dawn se jirċievu informazzjoni aktar preċiża dwar il-prodotti. Iż-żgħażagħ se jiġu skoraġġiti milli jibdew l-konsum tat-tabakk billi l-possibilitajiet li jirrendu l-prodotti "attraenti" se jkunu limitati. L-utenti attwali tat-tabakk se jibbenefikaw mill-miżuri proposti fid-Direttiva billi dawn se jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-prodotti u dwar kif jistgħu jieqfu mit-tipjip – jekk jixtiequ – u b’hekk jibbenefikaw f’termini ta' saħħa.

Il-gvernijiet u s-soċjetà kollha kemm hi se jibbenefikaw minn saħħa pubblika mtejba bħalma huma aktar snin ta’ ħajja b'saħħitha. Apparti li huwa valur fih innifsu u ta’ importanza kbira għaċ-ċittadini kollha, popolazzjoni f’saħħitha hija essenzjali għall-produttività u l-prosperità u fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku. L-infiq annwali tal-UE fuq il-kura tas-saħħa pubblika biex ikun trattat mard attribwibbli lit-tipjip huwa stmat li jammonta għal EUR 25.3 biljun, fi stima konservattiva. Barra minn hekk, is-soċjetà titlef EUR 8.3 biljun kull sena minħabba telf fil-produttività (inkluż l-irtirar kmieni/mwiet u l-assenteiżmu) marbuta mat-tipjip. Il-piż fuq il-gvernijiet biex jimplimentaw impenji u r-regolamenti internazzjonali se jitnaqqsu hekk kif l-Istati Membri se jibbenefikaw minn tagħlim mill-esperjenzi ta’ xulxin.

Il-manifatturi tal-prodotti tat-tabakk se jibbenefikaw minn regoli aktar ċari, tħaddim aħjar tas-suq intern u kundizzjonijiet ekwi. Ir-regoli l-ġodda jieħdu kont partikolari tal-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Il-proposta leġiżlattiva se tiġi trasferita lill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, l-istituzzjonijiet Ewropej responsabbli għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni li torbot. Idealment, id-Direttiva l-ġdida tiġi adottata mhux aktar tard mill-2014 u għandha tidħol fis-seħħ mill-2015-2016.

IP/12/1391

Anness

Qasam tal-politika

Is-sitwazzjoni attwali

Il-proposta

Ambitu

Prodotti tat-tabakk li ma jdaħħanx (smokeless tobacco products, STP)

It-tabakk orali pprojbit (deroga għall-Iżvezja). L-STP kollha għandhom juru twissijiet tas-saħħa u jgħaddu minn rappurtar tal-ingredjenti.

It-tabakk orali pprojbit (deroga għall-Isvezja). L-STP kollha għandhom juru twissijiet tas-saħħa fuq iż-żewġ naħat l-aktar viżibbli tal-pakkett. L-STP b’karattru ta’ aromi huma pprojbiti (inkluż it-tabakk orali fl-Iżvezja).

Prodotti li fihom nikotina (nicotine containing products, NCPs)

L-NCPs mhumiex koperti bid-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (tobacco products directive, TPD). Regolamenti differenti fl-Istati Membri, b’madwar nofs l-Istati Membri jirrapporta li huma jqisu tal-anqas uħud mill-NCPs bħala prodotti mediċinali skont il-funzjoni1.

L-NCPs ’il fuq minn ċertu limitu bażiku tan-nikotina huma permessi biss jekk awtorizzati bħala prodotti mediċinali. L-NCPs taħt il-limitu għandhom juru twissijiet tas-saħħa.

Prodotti ġodda tat-tabakk (novel tobacco products)

Prodotti ġodda tat-tabakk (tipikament msaħħna/prodotti mhux maħruqa li allegatament jikkawżaw inqas ħsara) huma koperti bid-dispożizzjonijiet ġenerali tat-TPD.

Il-manifatturi għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri qabel ma jqiegħdu prodotti ġodda tat-tabakk fis-suq tal-UE. Rapport tal-Kummissjoni wara ħames snin. Id-dispożizzjonijiet tat-TPD japplikaw għall-prodotti ġodda mqiegħda fis-suq.

Prodotti erbali għat-tipjip

Prodotti erbali (pereżmpju, sigarretti erbali) li mhumiex koperti mit-TPD u suġġetti għal leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti.

Sigarretti erbali għandhom juru t-twissijiet tas-saħħa.

ippakkjar u tikkettjar

Twissijiet u messaġġi tas-saħħa

Kliem tat-twissijiet ta’ 30-35 % fuq naħa waħda u 40 %-50 % flimkien ma’ burfura fuq in-naħa l-oħra meħtieġa fuq il-prodotti kollha tat-tabakk ħlief l-STP. Is-Sinjura jistgħu jintroduċu kkombinati (stampa + Test) twissijiet fuq wara tal-pakkett2. Il-livelli tal-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju (tar, nicotine and carbon monoxide, TNCO) jintwerew fuq pakketti.

Twissijiet tas-saħħa magħquda obbligatorji huma meħtieġa fuq 75 % tal-wiċċ u d-dahar tal-pakketti tas-sigarretti u tal-brim. Il-livelli tat-TNCO jinbidel b’messaġġ ta’ informazzjoni fuq il-ġenb tal-pakkett li jgħid li d-duħħan tat-tabakk għandu aktar minn 70 sustanza li jikkawżaw il-kanċer. Tintwera informazzjoni dwar servizzi ta’ waqfien mit-tipjip il-pakkett bħala parti mit-twissija tas-saħħa.

Elementi promozzjonali u qarrieqa

Deskritturi tal-prodotti li jissuġġerixxu li prodott tat-tabakk huwa anqas ta’ ħsara minn oħrajn, bħal "light" u "mild" huma pprojbiti3.

Elementi promozzjonali u qarrieqa (bħal "naturali", "organiku", ir-referenzi għal aromi u kuluri qarrieqa) fuq il-pakketti tat-tabakk jew il-prodott innifsu huma pprojbiti. Sigarretti tas-SLIM (< 7.5 mm fid-dijametru) jitqiesu bħala qarrieqa.

Forma u daqs tal-pakkett

L-ebda rekwiżit fit-TPD attwali iżda 14-il Stat Membru jesiġu daqs minimu tal-pakkett ta’ 20 sigarrett4 u erbgħa jesiġu daqs minimu tal-pakkett ta’ 19-il sigarrett5 flimkien ma’ dispożizzjonijiet oħra speċifiċi f’xi Stati Membri6. Xi Stati Membri għandhom rekwiżiti għat-tabakk tal-brim7.

Il-pakketti tas-sigarretti għandu jkollhom forma ta’ kubu u jkun fihom tal-inqas 20 sigarrett. It-tabakk tal-brim (RYO) ma jistax jinbigħ f’boroż b’inqas minn 40 g. Għoli, wisa’ u fond minimi tal-pakkett I tas-sigaretti biex tkun assigurata l-viżibilità sħiħa tat-twissijiet tas-saħħa.

L-ippakkjar sempliċi

L-ebda dispożizzjoni fir-rigward tat-TPD attwali, iżda rakkomandata gwida permezz tal-Konvenzjoni ta’ Qafas dwar il-Kontroll tat-Tabakk u li qiegħda tkun diskussa f’xi Stati Membri.

L-Istati Membri jistgħu jintroduċu ppakkjar standardizzat sakemm ikun kompatibbli mat-Trattat u nnotifikati skont id-Direttiva 98/34.

L-ingredjenti

Rappurtar

Ir-rappurtar huwa obbligatorju iżda l-ebda format armonizzat tar-rappurtar tal-UE ma jeżisti.

Jibqa’ r-rapportar obbligatorju iżda issa f’format elettroniku komuni biex ikun iffaċilitat t-tqabbil u l-infurzar

Addittivi

Addittivi li jwasslu għal dipendenza u tossiċi għandhom jiġu rrapportati. L-Istat Membri jipprojbixxu u/jew jippermettu l-addittivi fid-diskrezzjoni tagħhom (lista negattiva u pożittiva għall- addittivi) 8.

Sigarretti, tal-brim u l-STP b’karattru ta’ aromi huma projbiti. Addittivi li joħolqu impressjoni qrrieqa (pereżempju, vitamini) u ħwarar fil-komponenti tal-prodotti tat-tabakk (pereżempju, filters, karta) huma pprojbiti Prodotti b'tossiċità miżjuda jew l-effett ta' dipendenza huma projbiti.

Arranġamenti ta’ bejgħ

Bejgħ bid-distanza transkonfinali ta’ prodotti tat-tabakk

Ir-regolamentazzjoni hi f’idejn l-Istati Membri, disa' Stati Membri jipprojbixxu bejgħ fuq l-internet tat-tabakk9.

Il-bejjiegħa bl-imnut li jixtiequ jbigħu prodotti tat-tabakk transkonfinali jridu jinnotifikaw lill-pajjiż tal-oriġini u tad-destinazzjoni biex ikun iffaċilitat l-infurzar. . Huma għandhom ukoll jiżguraw li l-età tax-xerrej hija vverifikata fwaqt il-bejgħ.

Provenjenza u traċċar

Traċċabilità

Prodott tat-tabakk għandu jkun immarkat b’tali mod li jippermetti d-determinazzjoni tal-post u l-ħin tal-manifattura. Regoli tekniċi li jridu jiġu adottati mill-komitoloġija, iżda din id-Deċiżjoni ma għadha ttieħditx.

Ġiet introdotta sistema ta’ provenjenza u traċċar komuni tal-UE. Il-prodotti tat-tabakk għandhom jiġu skennjati u l-movimenti rreġistrati waqt li jkunu qed jiċċaqalqu fil-katina ta’ forniment (barra il-bejgħ bl-imnut). Apparti s-sigarretti u tal-brim, il-prodotti tat-tabakk jingħataw perjodu tranżitorju ta’ ħames snin.

Karatteristiċi ta’ sigurtà

Mhumiex previsti fit-TPD attwali

Karatteristiċi ta’ sigurtà (pereżempju, ologrammi jew marki oħra) jitqiegħdu fuq il-prodotti ħalli l-konsumaturi jkunu jistgħu jidentifikaw l-awtentiċità tagħhom. Apparti s-sigarretti u tal-brim, il-prodotti tat-tabakk jingħataw perjodu tranżitorju ta’ ħames snin.

1 :

AT, BE, DE, DK, EE, FI, FR, HU, LU, NL, PT, RO, SE, SK

2 :

BE, DK, ES, FR, LV, MT, RO, UK; IE, HU mill-2013

3 :

FR tipprojbixxi l-użu ta’ elementi promozzjonali fuq il-pakketti.

4 :

AT, CZ, DK, EE, EL, FI, FR, IE, LU, LT, PL, PT, RO, ES

5 :

DE, HU, NL, SE

6 :

Ir-Renju Unit għandu daqs minimu tal-pakkett ta’ 10, l-Italja tirrikjedi daqs tal-pakkett ta' 10 jew 20, il-Latvja u s-Slovenja jipprojbixxu bejgħ ta’ sigarretti singoli

7 :

FR; DE, IT

8 :

Pereżempju, listi pożittivi f’BE, FR, RO, UK, lista negattiva fil-LT, kombinazzjoni f’BG, CZ, DE, HU, SK; dispożizzjonijiet oħra fi FI, FR, ES, PL, SE. Il-BE jipprojbixxi ingredjent kapaċi li jagħti kulur blu lid-duħħan, id-DE tipprojbixxi l-użu ta’ kapsoli mħawrin.

9 :

AT, BG, ES, FR, HU, IT, LT, LV, SK


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website