Navigation path

Left navigation

Additional tools

Dikjarazzjoni mill-Kummissarju John Dalli : Aħbar tajba għall-konsumaturi li issa jistgħu jassiguraw lilhom infushom li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed ikun hemm fuq l-ikel huma preċiżi

European Commission - MEMO/11/869   05/12/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/869

Brussell, il-5 ta’ Diċembru 2011

Dikjarazzjoni mill-Kummissarju John Dalli : Aħbar tajba għall-konsumaturi li issa jistgħu jassiguraw lilhom infushom li l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li qed ikun hemm fuq l-ikel huma preċiżi

Illum, f’laqgħa tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali, l-Istati Membri appoġġaw l-abbozz ta' Regolament tal-Kummissjoni Ewropea li jadotta lista ta' indikazzjonijiet dwar is-saħħa permessi għall-użu fl-ikel.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur, John Dalli, iddikjara dan li ġej:

“Ninsab sodisfatt bid-deċiżjoni importanti li ttieħdet illum. Il-konsumaturi għandhom id-dritt li jkollhom informazzjoni preċiża u affidabbli fuq it-tikketti tal-ikel sabiex din l-informazzjoni tgħinhom jagħmlu għażliet aħjar għas-saħħa. Fir-rigward tal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa huwa importanti ħafna li dawn ikunu ġenwini u preċiżi fiż-żgur. Din il-miżura, ġaladarba ġiet approvata wkoll mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, se tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur.”

Il-konsumaturi jistgħu jserrħu rashom li mhux se jingħataw indikazzjonijiet esaġerati, qarrieqa jew mhux sostanzjati. L-indikazzjonijiet permessi għaddew minn evalwazzjoni xjentifika rigoruża u issa huma aktar preċiżi f’dak li jirrigwarda l-benefiċċji għas-saħħa. Imma l-operaturi tan-negozji għandhom xi ftit flessibbiltà fil-mod ta’ kif jikkomunikaw l-indikazzjonijiet tagħhom biex jgħinu l-fehim tal-konsumaturi.

Il-Kummissarju Dalli kkonkluda: “Nixtieq infakkar li l-ħarsien tal-konsumatur huwa l-għan ewlieni tar-Regolament tal-indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa. Il-konsumaturi għandhom it-tendenza li jissovrastimaw il-valur tal-prodotti tal-ikel li fuqhom ikollhom indikazzjonijiet. Issa għandna l-għodod biex inneħħu mis-suq dawk l-indikazzjonijiet dwar is-saħħa li jattribwixxu lill-prodotti benefiċċji għas-saħħa li mhumiex sostanzjati u li jiżgwidaw lill-konsumaturi.

Indikazzjonijiet li jiżgwidaw lill-konsumaturi jippreżentaw ukoll kompetizzjoni inġusta, u jitfgħu fi żvantaġġ il-maġġoranza tal-operaturi tan-negozji tal-ikel li jippruvaw jiżguraw li l-konsumaturi jkollhom informazzjoni korretta li fuqha jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata. Din il-miżura se twassal biex ikun hemm aktar ċarezza, b’regoli armonizzati fl-UE kollha”.

Ara wkoll MEMO/11/868


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website