Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) - Mistoqsijiet Frekwenti

Commission Européenne - MEMO/11/851   30/11/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/851

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011

Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) - Mistoqsijiet Frekwenti

(IP/11/1479)

X’inhu l-EIT?

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) twaqqaf fl-2008 bl-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea u huwa korp tal-UE awtonomu li jistimola innovazzjoni ta' livell dinji. Dan jgħaqqad flimkien l-istituzzjonijiet eċċellenti ta' edukazzjoni ogħla, iċ-ċentri ta' riċerka u n-negozji u jimmira li jikseb l-objettiv tiegħu permezz ta' kunċett pijunier ta' sħubijiet pubbliċi u privati transfruntiera magħrufa bħala l-Komunitajiet ta' Għarfien u Innovazzjoni (KICs). L-EIT għandu l-kwartieri ġenerali amministrattivi tiegħu (f'Budapest) filwaqt li l-KICs joperaw minn 16-il sit mifruxin mal-Ewropa kollha, minn Barċellona għal Stokkolma. Sal-lum inħolqu tliet KICs li jiffokaw fuq l-enerġija sostenibbli (InnoEnergy KIC), it-tibdil fil-klima (Climate KIC) u s-soċjetà tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT Labs).

X'inhi l-viżjoni tal-Kummissjoni għall-EIT?

L-għan huwa li l-EIT joħloq l-imprendituri ta' għada u jiżgura li "t-trijangolu tal-għarfien" Ewropew ikun fost l-aqwa fid-dinja. Il-KICs tiegħu jiffokaw fuq l-isfidi ewlenin tas-soċjetà u l-Istitut jaġixxi bħala katalist għall-adozzjoni u l-esplojtazzjoni ta' teknoloġiji ġodda u tar-riċerka.

L-EIT u l-KICs tiegħu huma ffurmati b'mod li jiżguraw li titnaqqas kemm jista' jkun il-burokrazija żejda u li jkollhom il-flessibbiltà li jadattaw irwieħhom għall-ħtiġijiet ġodda jew emerġenti, biex ikunu jistgħu jiksbu riżultati effettivi. Il-Kummissjoni trid li l-EIT ikun mudell għas-simplifikazzjoni.

L-istudenti, ir-riċerkaturi u l-imprendituri jinsabu fil-qalba tal-istimolu tiegħu għall-innovazzjoni. Id-dimensjoni edukattiva toħloq opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp tal-karriera u għall-ħolqien ta' pont bejn is-settur akkademiku u dak privat.

L-ewwel KICs tiegħu ilhom joperaw għal perjodu relattivament qasir iżda diġà wrew l-impatt u l-valur tagħhom: f'sena biss, inħolqu sitt kumpaniji li għadhom jibdew u hemm previsti 50 oħra; madwar 700 student tal-Master u tal-PhD irreġistraw jew bħalissa huma rreġistrati fil-korsijiet bit-timbru tal-KIC.

Sal-2020, il-Kummissjoni tistenna li l-EIT jipprovdi impetu biex jinħolqu sa 600 kumpanija li għadhom jibdew u jitħarrġu madwar 25,000 student u 10,000 PhD f'kurrikula ġodda, li jgħaqqdu x-xjenza eċċellenti ma' komponent b'saħħtu tal-imprenditorija.

Kemm hu l-finanzjament propost mill-Kummissjoni li se jirċievi l-EIT bejn l-2014 u l-2020?

Sa mit-tnedija tiegħu, l-EIT irċieva EUR 309 miljun mill-baġit tal-UE. Bħala parti mill-proposta tagħha Orizzont 2020, il-Kummissjoni tipprevedi li żżid konsiderevolment is-sostenn tagħha għall-EIT, b'baġit ta' EUR 2.8 biljun1 bejn l-2014 u l-2020.

Il-baġit qiegħed jiżdied biex jippermetti lill-ewwel tliet KICs jikkonsolidaw ruħhom u jikbru filwaqt li jwitti t-triq għall-ħolqien ta' sitt KICs ġodda sal-2018. Dawn ikunu jiffokaw fuq: l-Għixien B'saħħtu, il-Materja Prima, l-Ikel għall-Ġejjieni (għandhom jinħolqu fl-2014); il-Mobilità Urbana, il-Manifattura b'Valur Miżjud, u s-Soċjetajiet Sikuri u Intelliġenti (għandhom jitwaqqfu fl-2018).

Bħala medja, l-EIT jikkontribwixxi sa 25 % tal-baġit globali tal-KICs. L-ammont distribwit lil kull KIC jista' jvarja, billi l-ħtiġijiet baġitarji ta' kull waħda huma differenti. L-allokazzjoni tal-baġit finali tiddependi fuq il-pjanijiet speċifiċi tan-negozju ta' kull KIC u l-iżvilupp tagħha.

L-EIT kif se jiżgura finanzjament minn sorsi oħra?

Il-mudell ta' finanzjament tal-EIT jibni fuq is-saħħiet u r-riżorsi tal-imsieħba involuti fil-KICs. 25 % tal-finanzjament tal-EIT u tal-KICs tiegħu huwa pprovdut mill-Unjoni Ewropea; il-bqija se jkun ipprovdut fil-biċċa l-kbira mill-imsieħba tal-KICs infushom.

L-esperjenza tal-bidu wriet livell għoli ferm ta' impenn mill-imsieħba industrijali. Il-KICs immaniġġaw ukoll finanzjament addizzjonali li waslilhom minn fondi pubbliċi nazzjonali u reġjonali. Il-Gvern Ġermaniż pereżempju ddeċieda li jalloka EUR 50 miljun fuq perjodu ta' ħames snin għall-immaniġġar tal-inizjattiva edukattiva "Software Campus" mill-KIC ICT Labs.

X'inhi l-Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika (SIA) tal-EIT?

Din hija l-istrateġija ta' qafas proposta mill-Kummissjoni għall-EIT fis-snin li ġejjin. L-għan huwa li jissaħħaħ b'mod sinifikanti l-impatt tal-EIT mal-Ewropa kollha.

L-esperjenzi tal-KICs, kemm l-aqwa prassi kif ukoll dak li tgħallmu, se jinqasmu biex oħrajn ikunu jistgħu jsegwuhom. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi sistemi biex tistimola dan il-qsim tal-għarfien permezz ta' skemi ta' fellowship, netwerk ta' alumni u forum tal-partijiet interessati. Dawn il-miżuri jkunu kkumplimentati mill-isforzi biex it-tmexxija tal-EIT issir aktar effiċjenti u billi tiddaħħal fis-seħħ sistema ġdida ta' monitoraġġ biex tiġi vvalutata l-prestazzjoni tal-EIT u tal-KICs. Bis-saħħa tas-sistema ta' monitoraġġ, l-EIT se jkun jista' jevalwa l-prestazzjoni tiegħu meta mqabbla mal-objettivi tiegħu u l-aqwa prassi fil-livell Ewropew u f'dak globali.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tnaqqas l-għadd ta' membri tal-bord ta' tmexxija tal-EIT. Għaliex?

L-għadd ta' membri fuq il-bord se jitnaqqas minn 22 għal 10. L-approċċ imprenditorjali tal-EIT jirrikjedi teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti, rapidu u ffokat. Bord ta' tmexxija mnaqqas b'enfasi akbar fuq gwida strateġika huwa pass fundamentali lejn din id-direzzjoni, kif imfisser mill-evalwazzjoni esterna indipendenti mwettqa aktar kmieni din is-sena, u ġie propost ukoll mill-bord ta' tmexxija tal-EIT innifsu. It-tnaqqis fl-għadd ta' membri tal-bord se jwassal għal teħid ta' deċiżjonijiet aktar effettiv u effiċjenti, filwaqt li jżomm l-ispejjeż ġenerali amministrattivi għal livell minimu.

X'qiegħed isir biex l-EIT ikun aktar attraenti għan-negozju, speċjalment l-SMEs?

Filwaqt li tippreżerva l-flessibbiltà neċessarja tal-EIT, il-Kummissjoni pproponiet miżuri biex tissimplifika t-teħid ta' deċiżjonijiet u l-proċeduri ta' implimentazzjoni tal-EIT. It-temi għal KICs ġodda ntgħażlu skont il-potenzjal tagħhom għall-ħolqien ta' opportunitajiet ġodda ta' negozju.

L-involviment tan-negozji fl-EIT u fil-KICs tiegħu diġà huwa sinifikanti u qiegħed jiżdied. Sal-lum, il-KICs jinvolvu kważi 200 imsieħeb, li minnhom 75 (kważi 40 %) huma organizzazzjonijiet tan-negozju. Il-Climate-KIC, pereżempju, jinvolvi għadd kbir ta' SMEs reġjonali. L-imsieħba industrijali jikkontribwixxu madwar terz tal-baġit tal-InnoEnergy KIC, li jammonta għal total ta' EUR 290 miljun. Fil-każ tal-KIC ICT Labs, is-sehem tal-baġit mill-imsieħba industrijali huwa 20 %.

Il-kumpaniji, kemm il-multinazzjonali kbar kif ukoll l-SMEs, huma attirati speċjalment mill-istrateġija imprenditorjali tal-EIT għall-innovazzjoni, kif ukoll l-enfasi tiegħu fuq il-flessibbiltà u l-isforzi biex jiġu żgurati regoli aktar sempliċi u ċari.

Kif intgħażlu t-temi għas-sitt KICs ġodda? Xi kriterji ntużaw biex jiddefinixxu l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom?

L-abbozz tal-Aġenda tal-Innovazzjoni Strateġika ppreżentat lill-Kummissjoni mill-bord ta' tmexxija tal-EIT f'Ġunju 2011 kien abbażi tal-għażla tat-temi tal-KICs ġodda. B'mod parallel, il-kriterji kienu żviluppati biex jiżguraw il-valutazzjoni oġġettiva tal-potenzjal ta' innovazzjoni offrut minn kull tema futura proposta. Dawn il-kriterji ġew ivvalutati mal-komunità ta' innovazzjoni usa' permezz ta' konsultazzjoni pubblika.

It-temi jiffokaw fuq l-isfidi tas-soċjetà. Billi jipprovdu l-potenzjal ekonomiku u ta' innovazzjoni, il-KICs eżistenti u dawk ġodda se jikkontribwixxu għall-miri ta' Orizzont 2020 u l-aġenda ta' Ewropa 2020 għall-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli.

X'inhu r-rwol tal-EIT fl-ambitu ta' Orizzont 2020?

Fl-ambitu ta' Orizzont 2020, l-EIT se jkollu rwol importanti billi jgħaqqad flimkien ir-riċerka, l-edukazzjoni u l-innovazzjoni eċċellenti.

L-EIT se jkun parti mill-objettiv tal-"indirizzar tal-isfidi tas-soċjetà", li jikkumplimenta inizjattivi oħra bħala parti mill-istrateġija usa'. Dan se jikkontribwixxi wkoll għal "tmexxija industrijali u oqfsa kompetittivi" billi jistimola r-riċerka mmirata lejn ir-riżultati u jrawwem il-ħolqien ta' SMEs innovattivi b'potenzjal ta' tkabbir għoli. L-EIT ikompli jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' "bażi ta' xjenza eċċellenti" billi jrawwem il-mobilità fost id-dixxiplini, is-setturi u l-pajjiżi.

Orizzont 2020 jipprovdi s-simplifikazzjoni u l-flessibbiltà meħtieġa biex jiġi żgurat li l-EIT jista' jisfrutta b'mod sħiħ il-potenzjal ta' innovazzjoni tiegħu, juri approċċi ġodda u jattira lill-komunità tan-negozju. Dan iħeġġeġ lill-EIT biex juża b'mod sħiħ l-awtonomija tiegħu sabiex ikun jista' jwieġeb malajr għall-ħtiġijiet ġodda jew emerġenti.

1 :

EUR 3.2 biljun meta titqies l-inflazzjoni stmata bejn l-2014 u l-2020


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site