Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/819

Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011

Ewropa Kreattiva Mistoqsijiet Frekwenti

(ara wkoll IP/11/1399)

X’inhu l-programm Ewropa Kreattiva?

Il-Programm Ewropa Kreattiva jappoġġa ċ-ċinema Ewropea u s-setturi kulturali u kreattivi, billi jippermettilhom li jżidu l-kontribut tagħhom għall-impjiegi u t-tkabbir. Permezz ta' baġit propost ta' EUR 1.8 biljun għall-perjodu 2014-2020 għandu jappoġġa għexieren ta' eluf ta' artisti, professjonisti kulturali u organizzazzjonijiet kulturali fl-ispettaklu, l-arti, il-pubblikazzjoni, il-films, it-TV, il-mużika, l-arti interdixxiplinari, il-patrimonju, u l-industrija tal-logħob tal-kompjuter, billi jippermettilhom li joperaw madwar l-Ewropa, biex jilħqu udjenzi ġodda u biex jiżviluppaw il-ħiliet li huma meħtieġa fl-era diġitali. Permezz tal-għajnuna li dan il-programm il-ġdid joffri lix-xogħlijiet kulturali Ewropej sabiex jilħqu udjenzi ġodda f’pajjiżi oħra, se jikkontribwixxi wkoll għall-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità lingwistika u kulturali tal-Ewropa.

Għaliex l-Ewropa teħtieġ programm bħal Ewropa Kreattiva?

Il-kultura taqdi rwol ewlieni fl-ekonomija tal-UE-27. Studji tal-UE wrew li l-industriji kulturali u kreattivi jammontaw għal madwar 4.5 % tal-PDG tal-UE u 3.8 % tal-impjiegi (8.5 miljun impjieg u ħafna aktar jekk jitqiesu r-riperkussjonijiet f'setturi oħrajn). Ir-riċerka turi l-potenzjal tat-tkabbir impressjonanti tas-setturi: bejn is-sena 2000 u l-2007, l-għadd ta' impjiegi f'dawn is-setturi kiber b’medja ta’ 3.5 % fis-sena, meta mqabbel mal-1 % tal-UE-27 fl-ekonomija globali. Ir-rati ta' tkabbir tal-impjiegi fl-Istati Uniti u ċ-Ċina f'dawn is-setturi kienu mgħaġġla wkoll, b’medja ta’ madwar 2 % fis-sena. L-Ewropa hija fil-wisa' l-mexxejja dinjija għall-esportazzjonijiet tal-prodotti tal-industrija kreattiva. Biex inżommu din il-pożizzjoni jeħtiġilna ninvestu fil-kapaċità tas-setturi li joperaw min-naħa għall-oħra tal-fruntieri.

Il-programm Ewropa Kreattiva jirrispondi għal dan il-bżonn, b’approċċ aktar strateġiku u pjanijiet għal investiment immirat fejn l-impatt se jkun l-akbar.

Il-programm Ewropa Kreattiva jqis l-isfidi maħluqa mill-globalizzazzjoni, b’mod partikolari l-impatt tat-teknoloġiji diġitali, li qegħdin jibdlu kif ix-xogħlijiet kulturali huma magħmula, distribwiti, u aċċessibbli, kif ukoll it-trasformazzjoni tal-għejun tad-dħul u l-mudelli tan-negozju. Iżda dawn l-iżviluppi joħolqu wkoll opportunitajiet għall-industriji kulturali u kreattivi Ewropej u l-programm ifittex li jgħinhom jaħtfu l-opportunitajiet, sabiex jibbenefikaw mill-bidla diġitali u jinħolqu aktar karrieri internazzjonali u opportunitajiet ta’ impjieg.

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi li jingħaqdu fi programm wieħed il-programmi eżistenti Kultura, MEDIA u MEDIA Mundus?

Dawn is-setturi jiffaċċjaw sfidi simili, inkluż l-frammentazzjoni tas-suq minħabba d-diversità kulturali u lingwistika, il-globalizzazzjoni u l-bidla diġitali, kif ukoll diffikultajiet serji fl-aċċess għas-self kummerċjali.

Għandhom ukoll ħtiġijiet simili f’termini ta' salvagwardja u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, u t-tisħiħ tal-kompetittività tagħhom sabiex jikkontribwixxu għall-impjiegi u t-tkabbir.

Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-istruttura ta’ dawn is-setturi hija wkoll diversa. Għalhekk qed tipproponi programm ta' qafas wieħed, imma b'fergħat separati li jipprovdu appoġġ xieraq.

Kif se jvarja l-programm Ewropa Kreattiva mill-programmi attwali MEDIA u Kultura? Dawn l-ismijiet se jisparixxu?

Il-Programm Ewropa Kreattiva se jikkombina l-mekkaniżmi attwali ta' appoġġ separati għas-setturi kulturali u awdjoviżivi fl-Ewropa f'"one-stop shop" miftuħ għall-industriji kulturali u kreattivi kollha.

Madankollu se jkompli jittratta l-ħtiġijiet partikolari tal-industrija awdjoviżiva u s-setturi kulturali u kreattivi l-oħra permezz tal-fergħat speċifiċi tiegħu Kultura u MEDIA. Dawn se jibnu fuq is-suċċess tal-programmi attwali Kultura u MEDIA.

Barra minn dan, se joħloq faċilità ta' garanzija finanzjarja ġdida li se tippermetti lill-operaturi ż-żgħar jaċċessaw sa EUR 1 biljun f'self mill-bank.

X'se jikseb il-programm?

Il-Kummissjoni tistma li, fl-2014-2020, mill-inqas 8,000 organizzazzjoni kulturali u 300,000 artist, professjonist kulturali u x-xogħlijiet tagħhom, se jirċievu appoġġ biex jaqsmu l-fruntieri u jiksbu l-esperjenza li se tgħinhom jiżviluppaw karrieri internazzjonali. Il-programm se jsostni wkoll it-traduzzjoni ta' aktar minn 5,500 ktieb u xogħol letterarju ieħor.

Hemm ħafna fuq xiex tibni: grazzi min-naħa għall-appoġġ mill-MEDIA, il-proporzjon ta' films Ewropej fost il-films kollha li jkunu għadhom kif ġew rilaxxati fiċ-ċinema Ewropej kiber minn 36 % fl-1989 għal 54 % fl-2009. In-netwerk Europa Cinemas, li fih aktar minn 2,000 skrin l-aktar fiċ-ċinema indipendenti, jgħin biex tiġi żgurata taħlita wiesgħa u diversa ta' films għal udjenzi f'475 belt. Il-films tagħhom attiraw 59 miljun ammissjoni fl-2009 meta mqabbel mat-30 miljun fis-sena 2000.

Xi sfidi qed jindirizza l-programm?

L-industriji kulturali u kreattivi bħalissa ma jisfruttawx bis-sħiħ is-Suq Uniku. Waħda mid-diffikultajiet li jiffaċċja s-settur hija l-lingwa: l-Unjoni Ewropea għandha 23 lingwa uffiċjali, tliet alfabetti u madwar 60 lingwa reġjonali u minoritarji rikonoxxuti uffiċjalment. Din id-diversità hija parti mill-możajk rikk tal-Ewropa iżda tfixkel lill-awturi biex jilħqu qarrejja f’pajjiżi oħra, lil dawk li jmorru ċ-ċinema jew it-teatru li jridu jaraw xogħlijiet barranin, u lil mużiċisti li jridu jilħqu semmiegħa ġodda. Stħarriġ tal-Ewrobarometru (2007) wera li minoranza biss mill-Ewropej jaraw televiżjoni jew films b'lingwa barranija u 7 % biss jaqraw kotba b'lingwa barranija.

Aktar ffokar fuq l-appoġġ għal ħolqien ta' udjenza u fuq il-kapaċità tas-setturi biex jinteraġixxu ma' udjenzi b’mod aktar dirett, pereżempju permezz ta’ inizjattivi dwar il-litteriżmu medjatiku jew għodod interattivi onlajn ġodda, għandu l-potenzjal li jiftaħ għall-pubbliku ħafna iktar xogħlijiet li mhumiex nazzjonali. Il-Kummissjoni tistma li ferm aktar minn 100 miljun ruħ se jintlaħqu direttament jew indirettament permezz ta' proġetti appoġġati mill-Ewropa Kreattiva.

Kif se tkun immaniġġata l-Ewropa Kreattiva?

Il-programm Ewropa Kreattiva se jkun portal aktar sempliċi, faċilment rikonoxxibbli u aċċessibbli għal professjonisti kulturali u kreattivi Ewropej, irrispettivament mid-dixxiplina artistika tagħhom u se joffri appoġġ għall-attivitajiet internazzjonali fi ħdan u barra l-UE. Is-sistema attwali ta' ġestjoni, permezz tal-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura, se tissokta.

L-individwi huma eliġibbli biex japplikaw għall-fondi?

L-Ewropa Kreattiva mhux se jkun miftuħ għall-applikazzjonijiet minn individwi. Iżda madwar 300 000 artist u professjonist kulturali individwali, kif ukoll istituzzjonijiet ta' taħriġ, se jintlaħqu permezz ta' proġetti ppreżentati minn organizzazzjonijiet kulturali. Dan huwa mod ħafna iktar kost-effettiv biex jinkisbu r-riżultati u impatt dejjiemi.

Liema pajjiżi huma eliġibbli li japplikaw għal fondi?

L-Ewropa Kreattiva se jkun miftuħ għall-Istati Membri, kif ukoll għall-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera), il-pajjiżi li qed jinnegozjaw l-adeżjoni mal-UE u l-pajjiżi kandidati, il-kandidati potenzjali u l-pajjiżi tal-viċinat. Pajjiżi oħra jistgħu jinvolvu rwieħhom f’azzjonijiet speċifiċi.

Attwalment, l-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi tal-EFTA, il-Kroazja, it-Turkija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, is-Serbja, il-Montenegro, u l-Bożnja-Ħerzegovina qed jipparteċipaw fil-Programm Kultura.

L-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera qed jipparteċipaw fil-programm MEDIA.

X'se jiġri lil MEDIA Mundus?

Il-MEDIA Mundus, il-programm eżistenti li jappoġġa l-kooperazzjoni bejn il-professjonisti Ewropej u internazzjonali u d-distribuzzjoni internazzjonali tal-films Ewropej, se jiġi integrat fil-fergħa MEDIA tal-Ewropa Kreattiva.

L-Ewropa Kreattiva se tinkludi sottoprogramm transsettorjali. X'jinvolvi dan?

Dan is-sottoprogramm se jikkonsisti f’żewġ partijiet: il-faċilità ta' garanzija finanzjarja, amministrata mill-Fond Ewropew għall-Investiment, biex tiffaċilita l-aċċess tas-self mill-banek għall-operaturi ż-żgħar; u finanzjament għall-appoġġ ta' studji, analiżi u ġbir aħjar ta' dejta għat-titjib tal-bażi ta' evidenza għat-tfassil tal-politika.

Ma jkunx aktar effiċjenti jekk jiġu pprovduti għotjiet diretti lill-benefiċjarji minflok ma jiġu offruti li jigi ggarantit parti mis-self tal-bank tagħhom?

Garanzija ta' faċilità għandha effett elevat multiplikattiv u tattira fondi oħra minn investituri bis-saħħa tal-kondiviżjoni tar-riskju mal-UE. Dan jista’ jkun osservat diġà mill-Fond ta' Garanzija ta' Produzzjoni MEDIA attwali, billi l-kontribuzzjoni tal-UE ta' EUR 2 miljun diġà ġġenerat self lil produtturi tal-films li jiswa EUR 18-il miljun.

Għaliex huwa neċessarju li jiġi stabbilit fond ta' garanzija speċjali għas-setturi kulturali u kreattivi? Dawn is-setturi ma jistgħux jiġu koperti bil-Programm Qafas għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni jew bil-Faċilità Finanzjarja għall-Kondiviżjoni tar-Riskji għar-riċerka?

L-inizjattivi eżistenti ma jikkunsidrawx l-ostakli addizzjonali li l-SMEs kulturali u kreattivi jħabbtu wiċċhom magħhom biex ikollhom aċċess għall-finanzi:

  • Il-biċċa l-kbira mill-assi tagħhom – bħal drittijiet ta' proprjetà intellettwali; – huma intanġibbli;

  • Il-prodotti kreattivi huma ġeneralment mhux prodotti bil-kwantità. Kull ktieb, film, opera, u logħba tal-kompjuter jistgħu jitqiesu bħala prototipi uniċi;

  • Id-domanda għas-servizzi finanzjarji minn SMEs kulturali u kreattivi ta' spiss ma tkunx sostanzjali biżżejjed biex il-banek iqisuhom kummerċjalment attraenti u biex jiżviluppaw l-għarfien espert meħtieġ biex jifhmu l-profil tar-riskju tagħhom kif suppost.

Minħabba dawn il-kwistjonijiet, strumenti finanzjarji Ewropej oħra ma kinux kapaċi jappoġġaw dawn is-setturi u għaldaqstant huwa meħtieġ strument finanzjarju speċifiku.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website