Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/818

Brussell, it-23 ta’ Novembru 2011.

Erasmus għal Kulħadd – Mistoqsijiet Frekwenti

(ara wkoll IP/11/1398)

X'inhu l-Erasmus għal Kulħadd?

Erasmus għal Kulħadd huwa programm propost mill-Kummissjoni Ewropea għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Għandu jibda fl-2014 u għandu jżid b'mod sinifikanti l-fondi allokati għall-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet. L-Erasmus għal Kulħadd huwa bbażat fuq il-premessa li l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ huwa ċ-ċavetta li tiftaħ il-potenzjal tan-nies, minkejja l-età jew l-isfond tagħhom. Dan jgħinhom iżidu l-iżvilupp personali tagħhom, jiksbu ħiliet ġodda u jtejbu l-prospetti tax-xogħol tagħhom.

X'se jappoġġa l-Erasmus għal Kulħadd?

L-Erasmus għal Kulħadd se jkollu struttura ssimplifikata li għandha ttejjeb l-effettività, u dan ifisser aktar għotjiet għal studenti, apprendisti, għalliema u oħrajn. Il-benefiċċji għall-individwi se jġibu wkoll benefiċċji għall-ekonomija sħiħa tal-UE.

L-opportunitajiet għall-mobilità u l-kooperazzjoni se jkunu msaħħa b'mod sinifikanti bil-programm il-ġdid: b'mod partikolari, se jkun hemm iktar finanzjament disponibbli għall-opportunitajiet barra għal studju, taħriġ, tagħlim u volontarjat għal studenti ta' edukazzjoni għolja jew vokazzjonali, apprendisti, għalliema, ħarrieġa u ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ vokazzjonali. Se jkun hemm ukoll aktar opportunitajiet għall-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jew organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jidħlu fi sħubijiet sabiex jiskambjaw prattika tajba u għan-negozji biex jippromwovu l-innovazzjoni u l-impjegabbiltà, kif ukoll appoġġ akbar għall-pjattaformi tal-IT, bħall-e-twinning, sabiex jiġu konnessi l-skejjel u oħrajn li jipprovdu t-tagħlim permezz tal-Internet.

Il-programm se jappoġġa tliet tipi prinċipali ta' azzjonijiet:

  • Il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' tagħlim għall-individwi, kemm fl-UE kif ukoll lil hinn minnha, inklużi; studji u taħriġ, apprendistati, tagħlim u żvilupp professjonali u attivitajiet mhux formali għaż-żgħażagħ bħall-volontarjat. Sa 5 miljun ruħ fis-setturi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jibbenefikaw minn opportunitajiet għal tagħlim barra pajjiżhom bis-saħħa tal-programm Erasmus għal Kulħadd. L-Ewropej se jkollhom l-għażla li jistudjaw, jitħarrġu jew jgħallmu f'istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja kullimkien fid-dinja, u studenti u membri tal-persunal li mhumiex Ewropej se jkollhom aktar opportunitajiet biex jistudjaw, jgħallmu u jitgħallmu fl-Ewropa. L-estensjoni tal-programm lil hinn mill-fruntieri tal-UE se żżid l-attrattività tal-edukazzjoni għolja Ewropea u fl-istess ħin tappoġġa l-iżvilupp tal-edukazzjoni għolja xi mkien ieħor fid-dinja.

  • Il-kooperazzjoni istituzzjonali bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, l-intrapriżi, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-NGOs, biex tinkoraġġixxi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' prattiki innovattivi fl-edukazzjoni, it-taħriġ u l-attivitajiet taż-żgħażagħ, u biex tippromwovi l-impjegabbiltà, il-kreattività u l-intraprenditorija.

  • Appoġġ għal riforma tal-politika fl-Istati Membri u kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-bażi tal-evidenza għat-tfassil tal-politika u l-iskambju ta' prattiki tajba. Fost l-attivitajiet ta' appoġġ se jkun hemm l-implimentazzjoni ta’ għodod ta' trasparenza tal-UE, l-studji transkonfinali, u appoġġ għal aġendi tal-politika speċifiċi bħall-proċessi ta' Bologna (għall-edukazzjoni għolja) u ta' Kopenħagen (għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali).

Żewġ elementi kompletament ġodda se jiffurmaw parti mill-Erasmus għal kulħadd:

  • Skema ta' garanzija fuq self biex tgħin lill-istudenti tal-Master's biex jiffinanzjaw l-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom u biex jiksbu l-ħiliet meħtieġa għal impjiegi b'għarfien intensiv.

  • Il-programm jipprevedi l-ħolqien ta' 400 "alleanza ta' għarfien" u "alleanza ta' ħiliet settorali". L-alleanzi tal-għarfien huma sħubijiet fuq skala kbira bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja u n-negozji bl-għan li jippromwovu l-kreattività, l-innovazzjoni u l-imprenditorija billi joffru opportunitajiet ġodda ta' tagħlim u kwalifiki ġodda. L-alleanzi tal-ħiliet settorali huma sħubijiiet bejn dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji bl-għan li jippromwovu l-impjegabbiltà permezz ta' kurrikula ġodda speċifiċi għas-settur u forom innovattivi ta' tagħlim u taħriġ vokazzjonali.

Kif se jvarja l-Erasmus għal Kulħadd mill-programmi attwali?

L-għan ewlieni se jibqa’ l-istess - li jittejbu l-ħiliet tan-nies u fl-aħħar mill-aħħar l-impjegabbiltà tagħhom kif ukoll li jiġi appoġġat l-modernizzar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-programm Erasmus għal Kulħadd waħdu se jissostitwixxi seba' programmi eżistenti: huwa jġib flimkien il-Programm ta' Tagħlim Tul il-Ħajja eżistenti (Erasmus, Leonardo da Vinci, Comenius, Grundtvig), Żgħażagħ fl-Azzjoni, u ħames programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali (Erasmus Mundus, Tempus, Alfa, Edulink u l-programm għall-kooperazzjoni mal-pajjiżi industrijalizzati).

L-azzjonijiet ewlenin tal-programmi eżistenti se jissoktaw (jiġifieri l-mobilità għat-tagħlim, il-proġetti ta’ kooperazzjoni u l-appoġġ għar-riforma tal-politika), iżda l-attivitajiet se jiġu msaħħa fejn l-impatt sistemiku hu l-aktar b'saħħtu u fejn hemm valur miżjud ċar għall-UE. Hemm ukoll għadd ta’ proposti innovattivi ġodda, bħall-iskema tal-garanzija ta' self għall-istudent tal-Erasmus fil-livell tal-Master's, l-alleanzi tal-għarfien u l-alleanzi tal-ħiliet għas-settur. Programm wieħed se jirriżulta f'regoli u proċeduri ta' applikazzjoni iktar sempliċi, kif ukoll l-evitar tal-frammentazzjoni u duplikazzjoni.

Għaliex neħtieġu strateġija ġdida tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ?

Id-dinja kienet differenti meta programmi eżistenti ġew maħluqa. Bħalissa qegħdin nesperjenzaw wieħed mill-perjodi ekonomiċi l-aktar diffiċli ta’ żmienna. L-UE irreaġixxiet bi strateġija koordinata għat-tkabbir u l-impjiegi msejħa Ewropa 2020 – u l-edukazzjoni u t-taħriġ huma parti integrali minn din l-strateġija.

Is-suq tax-xogħol Ewropew qed jinbidel ukoll. L-għadd ta’ impjiegi li jirrikjedu ħiliet għolja qed jikber filwaqt li l-għadd ta' impjiegi b'ħiliet baxxi qed jonqos. Huwa stmat li sal-2020 kważi 35% tal-impjiegi kollha se jeħtieġu ħiliet għolja, kapaċità ta’ innovazzjoni u l-kapaċità li wieħed jadatta. Waħda mill-miri prinċipali tal-istrateġija Ewropa 2020 tikkonsisti fiż-żieda tal-livell tal-kwalifiki minn edukazzjoni għolja għal 40% (minn 32% bħalissa). . L-Erasmus għal Kulħadd jista' jikkontribwixxi billi jgħin lin-nies biex jiksbu aktar ħiliet u ħiliet aħjar permezz ta' opportunitajiet biex jistudjaw u jitħarrġu barra minn pajjiżhom.

Il-mira ewlenija tal-edukazzjoni l-oħra fl-Istrateġija Ewropa 2020 hija li tnaqqas is-sehem ta' dawk li jħallu l-iskola kmieni minn 14% għal inqas minn 10%. Biex jikkontribwixxi għal dan il-għan, l-Erasmus għal Kulħadd se jappoġġa l-modernizzazzjoni fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inklużi l-edukazzjoni skolastika, mill-infanzja sal-livell sekondarju u t-taħriġ vokazzjonali inizjali. Se jiġi appoġġat it-tagħlim mhux formali ukoll permezz tal-iskambji taż-żgħażagħ u l-volontarjat.

L-Erasmus għal Kulħadd kif se jittratta l-qgħad taż-żgħażagħ?

L-Erasmus għal Kulħadd se jgħin liż-żgħażagħ biex jiksbu taħriġ u ħiliet li jistgħu jżidu l-iżvilupp personali u l-prospetti tax-xogħol tagħhom. L-istudju barra l-pajjiż jista' jżid ukoll il-ħiliet lingwistiċi u l-adattabilità. Studji wrew li studenti li jkunu qattgħu parti mill-istudji tagħhom barra l-pajjiż huma l-aktar probabbli li jidħlu għal xogħol barra minn pajjiżhom meta jidħlu fis-suq tax-xogħol.

L-Erasmus għal Kulħadd jirrikonoxxi wkoll l-importanza tat-tagħlim mhux formali. L-evidenza turi li l-kisba ta' impjieg ma għandhiex x'taqsam biss mal-fatt li tikseb diploma tajba; min iħaddem qed ifittex dejjem aktar ħiliet miksuba permezz ta' esperjenzi ta’ tagħlim mhux formali bħalma huwa l-volontarjat. Tabilħaqq, 75% minn dawk li pparteċipaw fis-Servizz Volontarju Ewropew qalu li l-prospetti tal-karriera tagħhom tjiebu bis-saħħa ta' din l-esperjenza.

Min se jkunu l-benefiċjarji ewlenin?

Kif jissuġġerixxi l-isem, l-Erasmus għal Kulħadd huwa miftuħ għall-istudenti u l-ħarrieġa kollha, ġejjin minn kull entità pubblika jew privata tal-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport. Dan se jappoġġa esperjenzi formali u mhux formali u attivitajiet fis-setturi kollha.

Il-benefiċjarji mmirati se jinbidlu minn dawk appoġġati mill-programmi eżistenti?

Le. Il-programm il-ġdid xorta se jiffoka fuq il-bżonnijiet taż-żgħażagħ, kemm jekk huma tfal tal-iskola, studenti, apprentisti, voluntiera jew involuti f'assoċjazzjonijiet. Se jqiegħed aktar enfasi fuq appoġġ għall-għalliema, it-trejners, l-uffiċjali tat-tagħrif u l-ħaddiema fil-qasam taż-żgħażagħ minħabba l-importanza tagħhom bħala "moltiplikaturi".

Proġetti ta' kooperazzjoni se jiffokaw aktar fuq l-inklużjoni tan-negozji bħala msieħba ma' stabbilimenti edukattivi u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ.

L-iskejjel se jiġu mħeġġa biex jikkollaboraw ma' sħabhom fil-pajjiżi l-oħra tal-UE sabiex jissaħħaħ l-impatt tal-appoġġ tal-UE u jittejbu s-sinerġiji bejn il-forom differenti ta’ kooperazzjoni, bħall-mobilità tal-istudent u tal-persunal u l-proġetti edukattivi. Fir-rigward ta' edukazzjoni għall-adulti, il-programm se jixpruna l-mobilità tal-għalliema u l-ħarrieġa u jrawwem kooperazzjoni transkonfinali eqreb bejn l-organizzazzjonijiet.

Xi attivitajiet appoġġati minn programmi attwali se jitnaqqsu jew jitwaqqfu fid-dawl tal-impatt sistematiku limitat tagħhom, jew għax jipprovdu għal valur fqir tal-flus jew jekk dawn jistgħu jkunu appoġġati b'mod aktar effiċjenti permezz ta' fondi oħra tal-UE, bħall-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Il-mobilità tan-nies li diġà jinsabu fis-suq tax-xogħol, pereżempju, se tkun iktar ta' prijorità għall-FSE.

X'inhu l-valur miżjud tal-garanzija tas-self ta’ student fil-livell tal-UE meta bosta Stati Membri għandhom skema ta' self tal-istudenti tagħhom stess?

Skemi ta’ self tal-istudenti jeżistu f'għadd ta' pajjiżi, iżda huma ħafna drabi ristretti għal studji f'istituzzjonijiet nazzjonali jew għal dawk li qegħdin jistudjaw. Bosta skemi ta’ self nazzjonali jkollhom restrizzjonijiet f'termini ta' portabilità barra l-pajjiż.

Il-faċilità tas-self tal-istudenti tal-UE proposta tiffoka fuq l-istudenti tal-Master's li jistudjaw f'pajjiż Ewropew differenti. Il-korsijiet għal-lawrja tal-Master's aktarx li jkunu aktar għoljin minn korsijiet universitarji. L-inizjattiva se tkun komplimentarja għall-iskemi nazzjonali ta' finanzjament, fejn dawn jeżistu.

X'iktar qed tagħmel il-Kummissjoni biex iżżid il-mobilità tal-istudenti u ż-żgħażagħ?

Il-finanzjament huwa importanti, iżda l-flus biss mhumiex biżżejjed biex jagħmlu l-mobilità opportunità realistika għal kulħadd. Dan se jeħtieġ sforz konġunt u sħubijiet ġodda biex jitneħħew l-ostakoli li qed jippersistu fil-livelli nazzjonali u reġjonali. Parti minn dan l-isforz se jkun biex tittejjeb d-disponibilità tal-informazzjoni, biex ikun żgurat li l-għotjiet u s-self huma "portabbli" (jiġifieri li jistgħu jintużaw mill-istudenti li qed jistudjaw jew jitħarrġu barra minn pajjiżhom) u biex jittejjeb ir-rikonoxximent għar-riżultati tal-istudju u t-taħriġ.

F’Mejju, il-ministri tal-edukazzjoni tal-UE qablu dwar pjan konġunt [fil-forma ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill] biex jitneħħew l-ostakli għal studju jew taħriġ barra minn pajjiżhom.

Għalfejn il-Kummissjoni ddeċidiet li tieqaf tuża l-ismijiet ta' programmi ta' mobilità eżistenti bħal Leonardo da Vinci, Comenius u Grundtvig?

Erasmus huwa isem li huwa magħruf sew mill-pubbliku u assoċjat bis-sħiħ mat-tagħlim barra mill-pajjiż u l-kooperazzjoni Ewropea. Kif ikun qed jitwaqqaf programm uniku integrat, jagħmel sens li jiġu evitati ħafna ismijiet u li wieħed jikkapitalizza fuq il-popolarità u l-għarfien tal-marka Erasmus.

Liema pajjiżi se jkunu jistgħu jipparteċipaw f'Erasmus għal Kulħadd?

L-Erasmus għal Kulħadd se jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha tal-UE, l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Isvizzera, il-pajjiżi kandidati tal-UE li jibbenefikaw minn strateġija ta’ qabel l-adeżjoni u pajjiżi oħra fil-Balkani tal-Punent.

Barra minn hekk, pajjiżi mhux fl-UE, l-aktar il-pajjiżi tal-viċinat, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn azzjonijiet immirati sabiex jippromwovu opportunitajiet ta' studju u taħriġ barra mill-pajjiż, kif ukoll attivitajiet għaż-żgħażagħ.

Ċifri ewlenin: Erasmus għal Kulħadd (2014-2020)

Baġit totali:

EUR 19-il biljun (inklużi EUR 1.8 biljun għall-kooperazzjoni internazzjonali)

Opportunitajiet ta’ mobilità globali

5 miljun ruħ

L-edukazzjoni għolja

2.2 miljun student

Mobilità tal-persunal

miljun għalliem, ħarrieġ, ħaddiem maż-żgħażagħ u persunal ieħor

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali

735,000 student

Skemi ta' skambju ta' voluntiera u ta' żgħażagħ

540,000 żagħżugħ

Skema ta' garanzija ta' self għal-lawrja tal-Master's

330,000 student

Studenti internazzjonali

135,000 student

Għotjiet konġunti għal-lawrji

34,000 student

Miri ta' kooperazzjoni:

Sħubijiet Strateġiċi

Aktar minn 20,000 li jgħaqqdu flimkien

115,000 istituzzjoni

L-Alleanzi tal-Għarfien

200 stabbiliti minn 2000 istituzzjoni tal-edukazzjoni għolja u n-negozji

Alleanzi fil-Ħiliet Settorali

200 stabbiliti minn 2,000 fornitur tal-edukazzjoni u t-taħriġ u n-negozji


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website