Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/710

Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011

Il-Pakkett tal-Kummissjoni dwar l-infrastruttura tal-enerġija

Għalfejn għandna bżonn pajplajns u grilji tal-elettriku ġodda?

L-infrastruttura tal-enerġija – pajplajns, grilji tal-elettriku – huma ta' importanza ewlenija għall-miri kollha tagħna tal-klima u l-enerġija.

Biex sal-2020 inżidu s-sehem tal-enerġija rinnovabbli għal 20 % tal-konsum tal-enerġija finali tagħna, hemm bżonn li lill-konsumatur inwasslulu l-enerġija ġġenerata mill-imtieħen tar-riħ u mill-impjanti solari. Għal dan il-għan, hemm bżonn ta' netwerk aktar integrat u b'saħħtu milli jeżisti llum il-ġurnata.

Sabiex niffrankaw 20 fil-mija tal-istima tal-konsum tal-enerġija tagħna fl-2020 permezz tat-teknoloġija, għandna bżonn miters intelliġenti u grilji intelliġenti, li jippermettu lill-konsumaturi jikkontrollaw eżattament il-konsum tal-enerġija tagħhom u jiffrankaw il-flus u l-enerġija billi jbiddlu drawwiethom.

Sabiex niżguraw provvista ta' gass anki f'każ ta' kriżi, hemm bżonn li niddiversifikaw is-sorsi tagħna, u li jkollna pajplajns ġodda li jġibu l-gass minn reġjuni ġodda direttament lejn l-Ewropa.

Sabiex ikun hemm suq intern b'kompetizzjoni u li jiffunzjona, u prezzijiet ġusti u kompetittivi, għandna bżonn tal-interkonnessjonijiet bejn l-Istati Membri, biex jippermettu lill-kumpaniji joffru l-enerġija tagħhom fl-Istati Membri kollha.

Kemm hemm bżonn investiment fl-UE?

Fl-għaxar snin li jmiss, madwar EUR 200 biljun huma meħtieġa għall-bini ta' pajplajns tal-gass u grilji tal-elettriku. B’mod iktar speċifiku: EUR 140 biljun għal sistemi ta' trażmissjoni tal-elettriku b'vultaġġ għoli, applikazzjonijiet ta' ħżin u grilji intelliġenti, EUR 70 biljun għal pajplajns tal-gass, ħżin, terminali tal-Gass Naturali Likwifikat (LNG) u infrastruttura għall- flussi fid-direzzjoni opposta (biex tippermetti li l-gass jimxi fiż-żewġ direzzjonijiet), u EUR 2.5 biljun għall-infrastruttura tat-trasport tad-dijossidu tal-karbonju (CO2).

Dan ifisser li l-livelli attwali ta' investiment għandhom jiżdiedu b'mod konsiderevoli. Imqabbel mal-perjodu mill-2000 sal-2010, dan jirriżulta f'żieda ta' 30 % f'investimenti fis-settur tal-gass, u żieda ta' 100 % fis-settur tal-elettriku meta kkumparati mal-istess perjodu ta' qabel.

Għalfejn jenħtieġ li l-UE ssir attiva?

Huwa stmat li l-investimenti meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tal-2020 mhumiex se jsiru jew mhumiex se jsiru fil-ħin, l-aktar minħabba żewġ raġunijiet:

1. Il-permessi tal-bini jdumu ħafna biex jinkisbu. Fil-preżent, il-bini ta' kejbils tal-elettriku fil-għoli jista' jieħu aktar minn 10 snin.

2. Mhux l-investimenti kollha meħtieġa huma kummerċjalment vijabbli. Ċerti kejbils tal-elettriku u pajplajns tal-gass jistgħu ma jkunux kummerċjalment vijabbli għaliex is-suq waħdu ma joffrix dħul tajjeb mill-investiment. Jagħmel differenza jekk tippjana pajplajn tal-gass għal reġjun fejn il-konsum annwali ta' gass huwa ta' madwar 10 bcm biss , bħalma hu l-każ tat-tliet Stati Baltiċi u l-Finlandja, jew għal pajjiż bħall-Ġermanja fejn il-konsum annwali huwa ta' madwar 80 bcm. Xorta waħda, dawn il-pajjiżi għandhom jiġu konnessi mas-suq Ewropew tal-enerġija sabiex iħeġġu l-kompetizzjoni u prezzijiet ġusti għall-konsumatur, u jiggarantixxu li produtturi differenti tal-gass jkunu jistgħu jintervjenu f'każ ta' kriżi tal-gass.

F'ċerti każijiet, żewġ pajjiżi jkunu kkonċernati: wieħed ikollu l-ispejjeż, iżda l-ieħor il-benefiċċji. Dan hu l-każ meta jiġu installati kompressuri biex il-gass jimxi f'żewġ direzzjonijiet sabiex jgħin lill-pajjiż ġar f'każ ta' kriżi tal-gass, jew meta kejbils tal-elettriku jinbnew f'pajjiż wieħed sabiex jakkomodaw il-ġenerazzjoni mir-riħ żejda minn pajjiż ieħor.

X'hemm ġdid?

Il-Kummissjoni tipproponi li tagħżel numru ta' proġetti ta' "Interess Komuni" li huma importanti biex tilħaq il-miri tagħha tal-klima u l-enerġija. Il-proġetti li kisbu dan it-titlu għandhom żewġ vantaġġi:

  • jibbenefikaw minn proċedura speċjali tal-għoti ta' permessi li hija eħfef, aktar veloċi u aktar trasparenti minn proċeduri normali: kull Stat Membru jaħtar awtorità kompetenti waħda responsabbli – "punt uniku ta' servizz (one stop shop)" - għat-tlestija tal-proċess sħiħ tal-għoti ta' permessi. Il-proċedura sħiħa tal-għoti ta' permessi mhijiex se taqbeż it-tliet snin;

  • huma eliġibbli għall-fondi tal-UE, kemm jekk għotjiet, bonds tal-proġetti jew garanziji. Fil-perjodu 2014-2020, EUR 9.1 biljun huma merfugħa għall–infrastruttura tal-enerġija taħt il-"Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" (CEF, "Connecting Europe Facility").

L-UE qatt iffinanzjat proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija?

Din hija l-ewwel darba li l-UE qed tikkofinanzja l-bini ta' infrastruttura kbira tal-enerġija mill-baġit regolari tagħha. Fil-perjodu finanzjarju ta’ qabel (2007-2013), l-UE bażikament iffinanzjat studji ta' vijabbiltà b'ammont totali ta' EUR 155 miljun. EUR 3.85 biljun ġew investiti fi proġetti tal-enerġija taħt il-Pjan Ewropew ta' Enerġija għall-Irkupru, imwaqqaf fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja. Dawn kienu ammonti ta' darba biss.

X'inhuma l-kriterji ta' selezzjoni għall-proġetti ta' interess komuni?

Għandhom juru vijabbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali, u jinvolvu minn tal-inqas żewġ Stati Membri. Kriterji żejda speċifiċi għas-settur jiżguraw li l-proġetti jsaħħu b'mod notevoli s-sigurtà tal-provvista, jippermettu integrazzjoni tas-suq, iħeġġu l-kompetizzjoni, jiżguraw il-flessibbiltà tas-sistema, u jippermettu t-trażmissjoni ta' ġenerazzjoni rinnovabbli lil ċentri tal-konsum u siti tal-ħżin.

Kif jiġu magħżula l-proġetti ta' interess komuni?

L-għażla ssir fi proċess ta' żewġ stadji:

1. Il-livell reġjunali: Il-promotur tal-proġett jissottometti l-proposta tiegħu lill-grupp reġjunali relevanti. Dawn il-gruppi li jlaqqgħu flimkien lill-Istati Membri, ir-regolaturi, l-operaturi tas-sistema tat-trażmissjoni u l-promoturi tal-proġetti joħolqu l-lista ta' proposta tagħhom.

2. Il-livell tal-UE: Id-deċiżjoni finali dwar il-lista ta' proġetti ta' interess komuni, mifruxa mal-Unjoni kollha, se tittieħed mill-Kummissjoni. L-ewwel lista se tiġi adottata sal-31 ta' Lulju 2013, u mbagħad tiġi aġġornata kull sentejn.

Proġett kemm jista' jieħu fondi?

L-UE se tikkofinanzja sa 50 % tal-ispejjeż għal studji u xogħlijiet, u f'ċirkustanzi eċċezzjonali sa 80 % għal proġetti li huma kruċjali għas-sigurtà tal-provvista jew għas-solidarjetà reġjonali jew fuq il-livell tal-UE, li jeħtieġu soluzzjonijiet innovattivi, jew li joffru sinerġiji bejn is-setturi.

Il-proġetti kollha ta' interess komuni jieħdu l-fondi tal-UE b'mod awtomatiku?

Le. Ladarba jkollom l-istatus, ikunu jistgħu japplikaw għall-fondi tal-UE. Sabiex ikunu kkunsidrati għal għotjiet għal xogħlijiet, ikollhom jagħtu prova li mhumiex kummerċjalment vijabbli. Li proġett ikun magħżul bħala "ta' interess komuni" mhuwiex garanzija li se jirċievi fondi mill-UE. Mill-banda l-oħra, ifisser madankollu li l-proġett se jibbenefika mill-proċeduri aktar mgħaġġla tal-għoti ta' permessi, u mit-trattament regolatorju speċifiku previst għal dawn il-proġetti.

Tista' tagħti eżempji ta' proġetti ffinanzjati fil-futur?

L-UE tista' tiffinanzja:

  • grilja 'l barra mix-xtut fl-Ibħra tat-Tramuntana biex tittrasporta l-elettriku ġġenerat mill-imtieħen tar-riħ 'il barra mix-xtut lill-konsumaturi fl-ibliet il-kbar

  • proġetti innovattivi biex jaħżnu l-enerġija

  • proġetti kumplessi tal-pajplajns tal-gass li jippermettu t-trasport ta' gass minn sorsi ġodda ta' provvista, bħar-reġjun Kaspju sal-UE

  • kumpressuri li jippermettu li l-gass jimxi fiż-żewġ direzzjonijiet. Dan jippermetti li l-pajjiżi jgħinu lil xulxin f'każ ta' kriżi tal-gass.

Il-portafoll finanzjarju xi strumenti ġodda jinkludi għall-proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija?

L-istrumenti se jinkludu strumenti ta' ekwità (eż. fondi ta' investiment) u strumenti ta' qsim tar-riskju (eż. self u garanziji, u b'mod notevoli bonds tal-proġetti), li joħolqu effett ta' tkattir akbar minn tal-għotjiet. Billi jiġu kkombinati diversi forom ta' għajnuna, ikun possibbli li titfassal l-għajnuna finanzjarja mogħtija skont il-bżonnijiet partikolari ta' proġett. Strumenti ta' qsim tar-riskju huma aktarx adatti għal investimenti akbar iffinanzjati minn proġetti, bħal pajplajns kbar għall-importazzjoni tal-gass li jinvolvu numru kbir ta' azzjonisti. Proġetti innovattivi ħafna b'riskju teknoloġiku sinifikanti, b'mod notevoli fit-trażmissjoni 'l barra mix-xtut, jistgħu jeħtieġu għajnuna ta' għotja biex jirrankaw.

Il-proċedura tal-għoti ta' permessi kif titjieb eżattament?

It-tlestija ta' proġetti tal-infrastruttura tal-enerġija, b'mod partikolari fis-settur tal-elettriku, tista' tieħu aktar minn 10 snin. Dan jiġri prinċipalment minħabba proċeduri twal u kumplessi tal-għoti ta' permessi li jieħdu madwar 2/3 ta' dan iż-żmien. Proġetti ta' interess Ewropew jibbenefikaw minn proċedura ta' permess iktar mgħaġġla li ma teċċedix it-tliet snin. Barra minn hekk, l-iżviluppaturi tal-proġetti ma jkollhomx għalfejn jindirizzaw diversi awtoritajiet għall-permessi, iżda awtorità waħda nazzjonali kompetenti li tikkoordina l-proċess tal-għoti ta' permessi u li toħroġ deċiżjoni komprensiva.

Il-proċedura proposta se tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi għal proġett partikolari madwar l-Ewropa b'medja ta' madwar 30 % fuq in-naħa tal-promotur u madwar 45 % fuq in-naħa tal-awtoritajiet.

Jekk il-permessi jingħataw fi tliet snin, dak ikun ifisser li leħen iċ-ċittadini ma jinstemax?

Ir-regoli l-ġodda jtejbu l-possibbiltà li ċ-ċittadini jkunu involuti fi proġett u li jsemmgħu leħinhom. Ir-Regolament isostni li ċ-ċittadini għandhom ikunu involuti fi stadju bikri ħafna tal-proċedura tal-permessi. Isostni wkoll li dan għandu jsir QABEL ma l-iżviluppatur tal-proġett jissottometti l-applikazzjoni formali tiegħu għall-permess. B'dan il-mod, it-tħassib taċ-ċittadini jista' jibqa' jitqies fil-fażi tal-ippjanar tal-proġett. F'ħafna Stati Membri hija prattika kurrenti li ssir konsultazzjoni pubblika WARA s-sottomissjoni tal-fajl lill-awtorità.

L-istandards ambjentali tal-UE, u b'mod partikolari l-protezzjoni tas-siti ta' Natura 2000, se jkunu rrispettati?

L-istandards ambjentali, b'mod partikolari l-istandards stipulati mid-Direttiva Natura 2000, se jkunu rispettati bis-sħiħ, u b'mod partikolari l-ħtieġa li jitwettqu evalwazzjonijiet adegwati tal-impatt u li jitnaqqsu l-impatti fuq l-abitati protetti. Barra minn hekk, is-sistema l-ġdida se tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità ta' dawn l-evalwazzjonijiet, billi t-tħassib ambjentali, permezz ta' involviment aħjar tal-pubbliku u tal-partijiet interessati, se jiġi identifikat u ikkunsidrat fi stadju aktar bikri tal-proċess.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-preżervazzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent se jinżammu l-istandards eżistenti. Fejn hemm bżonn li jinbnew proġetti kruċjali minkejja impatti ħżiena fuq xi sit, se jiġi żgurat li l-awtorizzazzjoni tingħata lir-rotta li l-inqas li toħloq ħsara, li m'hemmx rotot alternattivi, u li jittieħdu l-miżuri ta' kumpens neċessarji, kif previst fid-Direttiva Natura 2000.

X'inhu l-limitu ta' żmien għall-adozzjoni tal-abbozz tar-Regolament, u l-proċess relatat tas-sejħa għall-proposti?

Ir-Regolament għandu jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill sal-aħħar tal-2012, għal dħul fis-seħħ fil-bidu tal-2013. Dan iħalli biżżejjed żmien għat-tfassil tal-ewwel lista ta' proġetti ta' interess komuni tal-Unjoni kollha, minħabba l-iffinanzjar possibbli tagħhom taħt il-"Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa" (CEF), li se jidħol fis-seħħ fl-2014.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/energy/infrastructure/strategy/2020_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site