Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/706

Brussell, it-19 ta' Ottubru 2011

Inqarrbu l-Ewropa: in-netwerk ewlieni l-ġdid tat-trasport fl-UE

Illum il-Kummissjoni adottat proposta biex tittrasforma s-sistema llapazzata eżistenti tat-toroq, ferroviji, ajruporti u kanali tal-UE f'netwerk magħqud tat-trasport (TEN-T). In-netwerk ewlieni l-ġdid se jneħħi l-konġestjonijiet, jaġġorna l-infrastrutturi u jirrazzjonalizza l-operazzjonijiet tat-trasport transkonfinali għall-passiġġieri u għan-negozji mal-UE kollha. Ser itejjeb il-konnessjonijiet bejn il-mezzi differenti tat-trasport, filwaqt li jikkontribwixxi għall-miri tal-UE fir-rigward tat-tibdil fil-klima billi jnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 mit-trasport.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Siim Kallas, responsabbli għat-Trasport, qal: "Biex ikollna ekonomija tal-UE effiċjenti, it-trasport huwa fundamentali; madankollu, bħalissa ħafna konnessjonijiet essenzjali ma jeżistux. Il-ferroviji tal-Ewropa ikollhom jużaw bilfors seba' daqsijiet differenti tal-binarji, u biss 20 mill-ajruporti ewlenin tagħna, u 35 mill-portijiet ewlenin tagħna, huma direttament imqabbdin man-netwerk tal-ferrovija. Mingħajr konnessjonijiet tajbin, l-Ewropa la tista' tikber u lanqas tistagħna. "

Il-politika l-ġdida ġejja wara proċess ta' konsultazzjoni ta' sentejn, u tistabbilixxi netwerk ewlieni tat-trasport li għandu jitwettaq sal-2030, biex iservi ta' sinsla għat-trasport fi ħdan is-Suq Uniku. Il-proposti ta' finanzjament ippubblikati llum (għall-perjodu 2014-2020) jiffukaw strettament l-iffinanzjar tat-trasport tal-UE fuq dan in-netwerk ewlieni tat-trasport, billi jitgħaqqdu l-konnessjonijiet transkonfinali neqsin, jitneħħew il-konġestjonijiet u jiġi ddisinjat netwerk aktar 'intelliġenti'.

In-netwerk ewlieni l-ġdid tat-TEN-T se jissejjes fuq netwerk komprensiv ta' rotot reġjonali u nazzjonali, kollha mqabbdin man-netwerk ewlieni. Dan se jiġi ffinanzjat l-aktar mill-Istati Membri, b'ċerti possibbiltajiet ta' finanzjament tat-trasport u tal-iżvilupp reġjonali mill-UE, inklużi strumenti ta' finanzjament ġodda u innovattivi. L-għan huwa li jiġi żgurat li, b'mod progressiv u sal-2050, il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji tal-Ewropa jkunu inqas minn nofs siegħa 'l bogħod minn fergħa jew oħra tan-netwerk.

Fit-totalità tiegħu, in-netwerk il-ġdid tat-trasport se jwasslilna:

  • ivvjaġġar iktar sikur u b'inqas konġestjoni

  • vjaġġi iktar mgħaġġla u b'inqas intoppi

Il-EUR 31.7 biljun allokati għat-trasport taħt il-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali se jservu, effettivament, bħala "kapital tal-bidu" (seed capital) biex jixpruna iktar investiment mill-Istati Membri, bil-għan li jitlestew konnessjonijiet transkonfinali li għadhom diffiċli, u li mingħajr dan il-finanzjament x'aktarx ma jsirux. Kull miljun ewro minfuq fuq il-livell Ewropew se jiġġenera EUR 5 miljun mill-gvernijiet tal-Istati Membri, u 20 miljun mis-settur privat. .

Ma' din l-istqarrija tal-istampa qed jinhemżu mapep li juru t-TEN-T (in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport) ewlieni għall-2030, kif ukoll il-kurituri ewlenin ta' implimentazzjoni għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020.

Sfond:

Il-politika l-ġdida tfassal netwerk tat-trasport għall-Ewropa li huwa ħafna iżgħar, u ddefinit b'mod aktar strett. L-għan tagħha huwa li tiffoka l-infiq fuq għadd iżgħar ta' proġetti fejn ikun jista' jintlaħaq il-valur miżjud reali għall-UE. Barra minn hekk, l-Istati Membri se jkollhom jilqgħu rekwiżiti iktar stretti f'termini ta' speċifikazzjonijiet komuni applikati bejn il-fruntieri, kif ukoll obbligi legali biex jitlesta tabilħaqq il-proġett.

In-netwerk tat-TEN-T jikkonsisti f'żewġ saffi: netwerk ewlieni li għandu jitlesta sal-2030, u netwerk komprensiv imqabbad miegħu, li għandu jitlesta sal-2050. In-netwerk komprensiv se jiżgura l-kopertura sħiħa tal-UE u l-aċċessibbiltà tar-reġjuni kollha. In-netwerk ewlieni se jagħti prijorità lill-konnessjonijiet u lin-nodi ewlenin tat-TEN-T, bil-għan li jsir operattiv bis-sħiħ sal-2030. Iż-żewġ saffi jinkludu l-mezzi kollha tat-trasport: bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, bl-ilmijiet interni u bil-baħar, kif ukoll bil-pjattaformi intermodali.

Il-linji gwida tat-TEN-T jistipulaw rekwiżiti komuni għall-infrastruttura tat-TEN-T, b'rekwiżiti aktar stretti għan-netwerk ewlieni. Dan se jiżgura operati fluwidi tat-trasport man-netwerk kollu. Il-politika ssostni wkoll l-implimentazzjoni ta' sistemi għall-ġestjoni tat-traffiku, li se tippermetti li jsir l-aqwa użu mill-infrastruttura, kif ukoll li tiżdied l-effiċjenza sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

L-implimentazzjoni tan-netwerk ewlieni se tiġi ffaċilitata b'approċċ ibbażat fuq il-kurituri. Għaxar kurituri se jipprovdu s-sisien għall-iżvilupp ikkoordinat tal-infrastruttura fi ħdan in-netwerk ewlieni. Dawn il-kurituri, li se jkopru mill-anqas 3 mezzi tat-trasport, 3 Stati Membri u 2 sezzjonijiet transkonfinali, se jgħaqqdu flimkien l-Istati Membri kkonċernati, kif ukoll il-partijiet interessanti rilevanti, pereżempju l-maniġers u l-utenti tal-infrastrutturi. Il-"Pjattaformi tal-Kurituri", ippreseduti minn koordinaturi Ewropej, se jgħaqqdu flimkien il-partijiet interessati kollha; dawn se jkunu strument ewlieni biex jiġu ggarantiti l-koordinazzjoni, il-kooperazzjoni u t-trasparenza.

See http://ec.europa.eu/transport/index_en.htm for core network maps, national maps, projects lists.

Fatti u ċifri ewlenin / Mistoqsijiet frekwenti

  • It-trasport huwa fundamentali għal ekonomija Ewropea effiċjenti.

  • It-trasport tal-merkanzija mistenni li jikber bi 80 % sal-2050, u t-trasport tal-passiġġieri b'aktar minn 50 %.

  • It-tkabbir jeħtieġ il-kummerċ, u l-kummerċ jeħtieġ it-trasport. Iż-żoni tal-Ewropa mingħajr konnessjonijiet tajbin se jbatu biex jistagħnew.

In-Netwerk Ewlieni l-ġdid – iċ-ċifri

In-Netwerk Ewlieni se jgħaqqad:

  • 83port ewlieni Ewropew ma' konnessjonijiet bil-ferrovija u bit-triq

  • 37 ajruport ewlieni ma' konnessjonijiet bil-ferrovija għall-bliet ewlenin

  • 15 000 km ta' ferroviji mġedda għall-veloċità għolja

  • 35 proġetti transkonfinali ewlenin biex inaqqsu l-konġestjoni

Dan kollu se jisqi l-ekonomija tas-suq uniku, billi jippermetti tabilħaqq iċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-passiġġieri u tal-merkanzija fl-Unjoni.

In-Netwerk Ewlieni l-ġdid – il-finanzjament

Huwa stmat li l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-ewwel fażi ta' finanzjament għan-netwerk ewlieni għall-perjodu 2014-2020 (ara l-lista ta' proġetti mehmuża) se jkunu ta' EUR 250 biljun. In-netwerk ewlieni għandu jitlesta sal-2030.

Il-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" tqiegħed għad-dispożizzjoni EUR 31.7 biljun għall-infrastruttura tat-trasport għall-perjodu finanzjarju li jmiss, 2012-2020. 80 % minn dawn il-flus se jintużaw biex isostnu:

  • Proġetti tan-netwerk ewlieni – proġetti ta' prijorità tul l-għaxar kurituri ta' implimentazzjoni fin-netwerk ewlieni. Se jkun disponibbli wkoll finanzjament għal għadd limitat ta' proġetti f'sezzjonijiet oħra, ta' valur miżjud għoli għall-Ewropa lil hinn min-netwerk ewlieni.

  • Finanzjament għal proġetti orizzontali dawn huma proġetti marbutin mat-teknoloġija informatika, li jinkludu fost l-oħrajn finanzjament għas-SESAR (is-Sistema tal-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru Uniku Ewropew) u l-ERTMS (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju). Dan il-finanzjament għandu jintuża tul il-kurituri ewlenin tat-trasport. Din hija prijorità partikulari: innovazzjoni oħra fin-netwerk ewlieni l-ġdid se tkun obbligi aktar stretti biex is-sistemi tat-trasport "jissieħbu u jadattaw ruħhom", jiġifieri li jinvestu biex, fuq kollox, jilħqu l-istandards diġà eżistenti tal-UE, ngħidu aħna fir-rigward ta' sistemi komuni ta' sinjalazzjoni ferrovjarja.

Il-bqija tal-finanzjament jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta' proġetti ad hoc, inklużi proġetti fuq in-netwerk komprensiv.

Kif nista' nara liema proġetti tat-trasport se jkunu ffinanzjati f'pajjiżi?

Il-prinċipju ewlieni huwa li kull pajjiż igawdi mill-aċċess għal netwerk ewlieni tat-trasport Ewropew b'saħħtu, li jippermetti ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-persuni u tal-merkanzija. Il-pajjiżi Ewropej kollha se jkunu mqabbdin ma' dan in-netwerk.

Il-lista tal-proġetti li ġew identifikati bħala prijorità għall-finanzjament tal-UE għall-perjodu finanzjarju li jmiss (2014-2020) hija stipulata fl-Anness għar-Regolament "Nikkollegaw l-Ewropa" ("Inqarrbu l-Ewropa") - ara l-Anness mehmuż ma' din il-Memo (ħolqa).

Dawn il-proġetti huma eliġibbli għall-finanzjament mill-UE għat-trasport għall-perjodu 2014-2020, billi:

  • jilħqu l-kriterji stipulati fil-metodoloġija biex isiru parti min-netwerk ewlieni (ara hawn isfel għal iktar tagħrif dwar il-metodoloġija u l-kriterji);

  • joffru valur miżjud għoli għall-UE; u

  • se jkunu lesti għall-implimentazzjoni bejn l-2014 u l-2020.

Se jkun f'idejn l-Istati Membri li jressqu proposti dettaljati lill-Kummissjoni, u l-finanzjament se jiġi allokat abbażi ta' dan. Dan għandu jiġri minn kmieni fl-2014. Il-livell preċiż ta' fondi mill-UE disponibbli se jiddependi wkoll mid-dettalji mogħtija fil-proposti nazzjonali. Kollox ma' kollox, il-kontribut tal-UE għal kull żvilupp ewlieni ta' infrastruttura tat-trasport normalment se jkun ta' madwar 20 % tal-ispejjeż ta’ investiment għal kwalunkwe perjodu tal-baġit ta' seba' snin. L-għajnuna għall-istudji individwali tista' tammonta sa 50 %, u fil-każ ta' studji u xogħol ta' kostruzzjoni għal proġetti transkonfinali, tista' tammonta sa 40 %. Il-bqija tal-finanzjament għandu jiġi mill-Istati Membri, mill-awtoritajiet reġjonali, jew possibilment minn investituri privati.

U jekk jiena ma ninsabx fuq in-netwerk ewlieni? X'inhu n-netwerk komprensiv? Min jiffinanzjah, u kif jaħdem?

Fuq il-livell reġjonali kif ukoll dak nazzjonali, l-hekk imsejjaħ 'netwerk komprensiv' se jkun imqabbad man-netwerk ewlieni tat-trasport. Dan in-netwerk komprensiv huwa parti integrali mill-politika tat-TEN-T. Fil-biċċa l-kbira se jitmexxa mill-Istati Membri nfushom, b'ċertu finanzjament imqiegħed għad-dispożizzjoni għall-qasam tat-trasport, kif ukoll, m'hemmx xi ngħidu, għall-qasam tal-politika reġjonali.

Din hija s-sussidjarjetà fil-prattika u fl-azzjoni. L-intenzjoni tagħna hija li, b'mod progressiv u sal-2050, il-maġġoranza l-kbira taċ-ċittadini u tan-negozji tal-Ewropa jkunu inqas minn 30 minuta 'l bogħod minn fergħa jew oħra tan-netwerk.

Il-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T imorru ħafna iktar 'il bogħod minn qabel fl-ispeċifikazzjoni tar-rekwiżiti, inkluż f'dak li jirrigwarda n-netwerk komprensiv; b'hekk, biż-żmien, u sal-2050, partijiet kbar min-netwerk komprensiv ikunu ssieħbu fin-netwerk, fis-sens illi jkunu laħqu standards ta' interoperabbiltà u ta' effiċjenza għall-ferrovija, għall-karozzi elettriċi, eċċ.

X'inhuma r-rekwiżiti aktar stretti għan-netwerk ewlieni?

Hemm żewġ settijiet importanti ta' rekwiżiti għall-proġetti li jixtiequ jirċievu finanzjament fin-netwerk ewlieni: (a) ir-rekwiżiti tekniċi li għandhom jiġu applikati; u (b) rekwiżiti legali ġodda għat-tlestija tal-proġetti.

Ir-rekwiżiti tekniċi:

Jaqbel li r-rekwiżiti tekniċi jkunu interoperabbli man-netwerk kollu, speċjalment għan-netwerk ewlieni. Dan ifissier, ngħidu aħna, li fl-ERTMS (is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju), is-sistemi bażiċi tal-STI (sistemi ta’ trasport intelliġenti) għall-kontroll tal-ferroviji għandhom japplikaw kullimkien. Bl-istess mod, l-istandards tas-sikurezza tat-toroq, f'dak li għandu x'jaqsam mar-rekwiżiti tas-sikurezza għall-mini u s-sikurezza tat-toroq, għandhom japplikaw man-netwerk kollu, u t-teknoloġija tal-STI għandha tissieħeb man-netwerk. Barra minn hekk, jekk se jinbnew punti għall-iċċarġjar fl-infrastruttura futura tal-veikoli elettriċi, loġikament ikollhom jilħqu standards komuni, sabiex il-karozzi jkunu jistgħu jużawhom man-netwerk kollu.

Ir-rekwiżiti legali:

Fil-linji gwida tat-TEN-T jiddaħħal rekwiżit legali strett ħafna, sabiex l-Istati Membri bi proġetti li jirċievu finanzjament fuq in-netwerk ewlieni jkollhom l-obbligu legali li jlestu tali proġetti. L-obbligu huwa li l-proġetti jitlestew sal-2030, li hija d-data għat-tlestija tan-netwerk ewlieni. Madankollu, dan ir-rekwiżit legali għandu jipprovdi inċentiv ċar biex l-Istati Membri jżommu l-proġett tat-trasport tagħhom fit-triq it-tajba.

Mnejn se nġibu l-EUR 250 biljun meħtieġa għan-netwerk ewlieni?

Il-EUR 31.7 biljun allokati għat-trasport taħt il-Faċilità "Nikkollegaw l-Ewropa" tal-Qafas Finanzjarju Multiannwali se jservu, effettivament, bħala "kapital tal-bidu" (seed capital) biex jixpruna iktar investiment mill-Istati Membri, bil-għan li jlestu konnessjonijiet transkonfinali li għadhom diffiċli, u li mingħajr dan il-finanzjament x'aktarx ma jsirux.

L-iffinanzjar tat-TEN-T għandu influwenza tassew qawwija. L-esperjenza miksuba fl-aħħar snin turi li kull EUR 1 miljun minfuqa fuq il-livell Ewropew se jiġġenera EUR 5 miljun mill-gvernijiet tal-Istati Membri, u EUR 20 miljun mis-settur privat.

Ma' dawn il-fondi ta' appoġġ tiżdied il-possibbiltà ta' fondi ġodda mis-settur privat, li jaslu permezz ta' strumenti innovattivi ta' finanzjament, bħall-bonds għall-proġetti.

Kif jaħdem il-kofinanzjament? Kemm fondi jiġu mill-Istati Membri, u kemm mill-UE?

L-infrastruttura tat-trasport titlob investiment enormi, u l-parti l-kbira għandha tiġi dejjem mill-Istati Membri. Ir-rwol tal-UE fejn jidħlu l-investiment u l-koordinazzjoni huwa li tagħti valur miżjud, billi tneħħi l-konġestjonijiet diffiċli, tibni l-konnessjonijiet li għadhom neqsin, u ssostni l-ħolqien ta' netwerk reali tat-trasport Ewropew.

Ir-rati normali ta' kofinanzjament għall-proġetti tat-TEN-T fuq in-netwerk ewlieni se jkunu kif ġej:

  • Sa 50 % kofinanzjament mill-UE għall-istudji

  • Sa 20 % għax-xogħlijiet (eż. xogħlijiet ta' esplorazzjoni għal mina ewlenija)

  • Teżisti l-possibbiltà li jiżdied il-kofinanzjament għall-proġetti transkonfinali ta' konnessjonijiet bil-ferrovija u fuq l-ilmijiet interni (sa 40 %)

  • Għal ċerti proġetti tal-STI, bħall-ERMTS, jista' jitqiegħed għad-dispożizzjoni kofinanzjament ogħla, sa 50 %, biex jgħin lill-Istati Membri fit-tranżizzjoni.

Kif intgħażlu l-proġetti li se jkunu fuq in-netwerk ewlieni?

Il-prijorità kienet li l-finanzjament tat-trasport mill-UE jiġi riorjentat sabiex jinħoloq netwerk Ewropew reali; mhux sempliċement li tiġi indirizzata l-konġestjoni bi ftit azzjonijiet mifruxin 'l hawn u 'l hemm, iżda li verament isir netwerk.

Għal dan il-għan, tfasslet metodoloġija ġdida abbażi ta' konsultazzjonijiet wiesgħa mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati. Il-mira kienet li jinħoloq netwerk Ewropew li jqarreb iċ-ċentri soċjali u ekonomiċi ewlenin lejn punti ta' aċċess għal pajjiżi terżi (portijiet, ajruporti u konnessjonijiet bl-art), u li tiġi implimentata l-infrastruttura meħtieġa biex tirfed is-suq uniku u biex tkun ta' sostenn għall-kompetittività u għall-iżvilupp ekonomiku.

Il-metodoloġija tibbaża fuq għadd ta' stadji. L-ewwel nett, l-għażla tan-nodi ewlenin, li għandhom jilħqu ċerti kriterji statistiċi: eż. il-bliet kapitali u ċentri oħra soċjali u ekonomiċi importanti; portijiet u ajruporti ewlenin (bi kriterji ta' volum u ta' territorju); u punti ta' aċċess għal pajjiżi terzi. It-tieni, il-proċess ta' konnessjoni ta' dawn in-nodi b'mezzi tat-trasport bl-art, jiġifieri bil-ferrovija, bl-ilmijiet interni u bit-triq (uħud minn dawn il-konnessjonijiet diġà jeżistu, uħud fejn ikun hemm il-konġestjoni, u wħud fejn kien hemm konnessjonijiet neqsin). It-tielet, l-inkorporazzjoni ta' analiżi dettaljata tal-flussi ewlenin tat-traffiku, kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-merkanzija. Dan huwa essenzjali biex jiġu ddefiniti s-sezzjonijiet prijoritarji għan-netwerk ewlieni, kif ukoll biex jintgħaraf biċ-ċar liema sezzjonijiet prijoritarji jeħtieġu li l-infrastruttura tagħhom teħtieġ tiġdid jew kostruzzjoni, jew is-sezzjonijiet prijotarji fejn ikun hemm il-konġestjoni.

Fuq din il-bażi, ġie ddefinit netwerk ewlieni strateġiku, li jgħaqqad l-iktar nodi strateġikament importanti, jiddiversifika l-mezzi tat-trasport fir-rotot, u jikkunsidra l-flussi ewlenin tat-traffiku.

Il-proġetti kollha fuq in-netwerk ewlieni huma prijorità għall-kofinanzjament mill-UE. Madankollu, għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020, tingħata importanza partikulari lill-proġetti transkonfinali li joffru l-ikbar valur miżjud għall-UE.

X'inhuma eżatt il-kurituri, u għala għandna bżonnhom?

L-esperjenza mgħoddija wriet li huwa diffiċli ħafna li jiġu implimentati proġetti tat-trasport transkonfinali u oħrajn, f'diversi Stati Membri, b'mod koordinat. Filfatt, huwa faċli ħafna li jinħolqu sistemi u konnessjonijiet diverġenti, u li b'hekk tinħoloq aktar konġestjoni.

Innovazzjoni ewlenija fil-linji gwida l-ġodda tat-TEN-T hija l-introduzzjoni ta' għaxar kurituri ta' implimentazzjoni fuq in-netwerk ewlieni. L-għan tagħhom huwa li jgħinu fl-implimentazzjoni tal-iżvilupp tan-netwerk ewlieni. Kull kuritur għandu jinkludi tliet mezzi tat-trasport, tliet Stati Membri, u żewġ sezzjonijiet transkonfinali.

Se jinħolqu "pjattaformi tal-kurituri" biex jiġbru flimkien il-partijiet interessanti u l-Istati Membri kollha relevanti. Il-pjattaforma tal-kuritur hija struttura ta' governanza li ser tfassal u timplimenta "pjanijiet ta' żvilupp tal-kuritur", bil-għan li jingħaqdu b'mod effiċjenti x-xogħlijiet li jsiru tul il-kuritur f'diversi Stati Membri u jkunu fi stadji differenti ta' progress. Għall-għaxar kurituri ewlenin fuq in-netwerk ewlieni, il-pjattaformi tal-kurituri se jkunu ppreseduti minn koordinaturi tal-UE.

It-TEN-T il-ġdid kif jilħaq l-għanijiet ekoloġiċi?

It-TEN-T huwa għodda essenzjali biex il-politika tat-trasport tilħaq il-mira globali tal-UE li l-emissjonijiet mit-trasport jitnaqqsu b'60 % sal-2050 (ara l-White Paper "Trasport 2050", ippubblikata aktar kmieni din is-sena). Fil-qofol tiegħu, it-TEN-T huwa netwerk ta' trasport multimodali (jiġiferi, li jkopri diversi mezzi ta' trasport), li jiffaċilita t-trasferiment tal-passiġġieri u tal-merkanzija mit-toroq għal fuq il-ferroviji u mezzi oħra. Il-proġetti kollha tat-TEN-T għandhom jgħaddu minn analiżi ħarxa tal-impatt tagħhom fuq l-ambjent qabel ma jkunu jistgħu jikkwalifikaw għall-fondi mill-UE. B'hekk, għandhom jilħqu r-rekwiżiti kollha f'dak li jirrigwarda l-ippjanar u s-sostenibbiltà, kif stipulati fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE.

L-isfond tal-politika tat-TEN-T: L-għan tal-politika tat-TEN-T (Netwerks Trans-Ewropej) huwa li timplimenta l-infrastruttura tat-trasport u l-interkonnessjonijiet li jirfdu s-suq uniku, sabiex tiġi żgurata ċ-ċirkulazzjoni ħielsa tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u jkun hemm sostenn għat-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività tal-UE. Fl-imgħoddi, is-sistemi tat-trasport fl-Ewropa ġew żviluppati l-aktar skont linji u kriterji nazzjonali. Dan wassal għal interkonnessjonijiet fqar jew neqsin għalkollox fil-fruntieri, jew tul kurituri ewlenin. L-interkonnessjonijiet dgħajfin tat-trasport ifixklu t-tkabbir ekonomiku. Mis-snin tmenin 'l hawn, il-politika tat-TEN-T iffukat il-finanzjament tal-UE fuq l-appoġġ għall-iżvilupp ta' proġetti Ewropej ewlenin ta' infrastruttura. Saru ħafna stejjer importanti ta' suċċess (ara l-ħolqa). Madankollu, partikularment fid-dawl tal-perjodu finanzjaru diffiċli li għaddejjin minnu, jeħtieġ li norjentaw l-infiq fit-trasport tal-UE lejn fejn ikun joffri l-iktar valur miżjud possibbli biex jinħoloq netwerk ewlieni Ewropew b'saħħtu.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site