Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/685

Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2011

Ir-riforma tal-PAK – spjega tal-elementi ewlenin

Il-Kummissjoni llum ippubblikat proposti għal Erba’ Regolamenti bażiċi tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-Politika Agrikola Komuni – dwar i) Ħlasijiet Diretti, ii) L-Organizzazzjoni Komuni tas-Suq Unika (OKS), iii) L-iżvilupp Rurali u, iv) Regolament Orizzontali għall-iffinanzjar, il-ġestjoni u s-sorveljanza tal-PAK. Barra minn hekk, hemm 3 regolamenti iżgħar li jindirizzaw l-arranġamenti ta' tranżizzjoni għar-regoli l-ġodda. Il-pakkett fih wkoll: Memorandum ta' Spjegazzjoni; Sommarju għaċ-Ċittadini; u Annessi marbuta ma' aspetti differenti tal-Valutazzjoni tal-Impatt.

L-elementi ewlenin tal-proposti jistgħu jingħataw fil-qosor kif ġej:

  • Pagamenti Diretti

L-Iskema ta’ Pagament Bażiku: Sabiex jitbiegħdu minn sistemi differenti tal-Iskema ta' Pagament Uniku fl-UE-15 (li jippermettu referenzi storiċi, jew pagament għal kull ettaru, jew fużjoni ibrida tat-tnejn) u l-Iskema Simplifikata ta' Pagamenti skont l-erja (SAPS) fil-maġġoranza tal-UE-12, wara l-2013 se tibda tapplika "Skema ta’ Pagament Bażiku“ ġdida. (Ara http://ec.europa.eu/agriculture/markets/sfp/pdf/ms_en.pdf għall-mudelli tal-preżent f'kull Stat Membru.) Din se tkun soġġetta għall-"kundizzjonalità" (li tirrispetta ċerti regoli dwar l-ambjent u l-benesseri tal-annimali u regoli oħra), bħalma hi bħalissa, għalkemm jeżistu diversi simplifikazzjonijiet għar-rekwiżit tal-preżent (ara aktar 'l isfel). L-għan huwa li jitnaqqsu b'mod sinifikanti d-diskrepanzi bejn il-livelli tal-pagamenti miksuba wara l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni tal-preżent, bejn il-bdiewa, bejn ir-reġjuni (jiġifieri internament) u bejn l-Istati Membri (jiġifieri esternament). L-Istati Membri kollha se jkunu obbligati li sal-bidu tal-2019 jibdew javviċinaw pagament uniformi għal kull ettaru fil-livell nazzjonali jew reġjonali. F'konformità mal-proposti tal-Kummissjoni fi ħdan il-Qafas Finanzjarju Multiannwali, il-pakketti nazzjonali għall-pagamenti diretti se jkunu aġġustati sabiex dawk li jirċievu inqas minn 90 % tal-pagament medju tal-UE għal kull ettaru jibdew jirċievu aktar. Id-diskrepanza bejn l-ammonti previsti bħalissa u d-90 % tal-medja tal-UE-27 hija mnaqqsa b'terz. Pereżempju, jekk Stat Membru bħalissa jirċievi ammont medju kull ettaru li jikkorrispondi għal 75 % tal-medja tal-UE, ie 15 % inqas meta mqabbel mad-90%, dan l-ammont imbagħad se jiżdied gradwalment għal 80 %. Il-Kummissjoni hija impenjata li tiddiskuti għan aktar fit-tul biex tinkiseb “konverġenza sħiħa" permezz tad-distribuzzjoni ugwali ta' appoġġ dirett madwar l-Unjoni Ewropea kollha fil-Prospettivi Finanzjarji li jmiss wara l-2020.

L-ekoloġija: Minbarra l-Pagament Bażiku, kull azjenda se tirċievi pagament għal kull ettaru sabiex tirrispetta ċerti prattiki agrikoli li huma ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent. Għal dan il-pagament l-Istati Membri se jużaw 30 % mill-pakkett nazzjonali. Dan huwa obbligatorju, iżda mhux se jkun suġġett għal limitu massimu.

It-3 miżuri previsti huma:

  • Iż-żamma ta' mergħa permanenti; u

  • Id-diversifikazzjoni tal-għelejjel (bidwi għandu jikkultiva mill-inqas 3 għelejjel fuq l-art tiegħu li tinħadem, li ebda waħda minnhom ma tikkostitwixxi aktar minn 70 % tal-art, filwaqt li t-tielet waħda għandha tammonta għal mill-inqas 5% mill-erja li tinħadem; u

  • iż-żamma ta' “erja ta' interess ekoloġiku” ta’ mill-inqas 7 % tal-art agrikola (minbarra mergħat permanenti) – jiġifieri l-marġni tal-għelieqi, l-arbuxxelli, is-siġar, l-artijiet mistrieħa, il-karatteristiċi tal-pajsaġġ, il-bijotopi, l-istrixxi marġinali, iż-żona msaġġra.

  • NB: Il-produtturi organiċi m'għandhom l-ebda rekwiżiti addizzjonali għaliex jidher li dawn qed jipprovdu benefiċċju ekoloġiku ċar.

Żoni b'restrizzjonijiet naturali: L-Istati Membri (jew ir-reġjuni) jistgħu jagħtu pagament addizzjonali għal erjas li għandhom limitazzjonijiet naturali (kif definiti skont ir-regoli tal-IżviluppRurali) – sa 5% tal-pakkett nazzjonali. Dan huwa fakultattiv u ma jaffettwax l-għażliet LFA disponibbli taħt l-Iżvilupp Rurali. NB Bi tweġiba għall-kritika li saret mill-Qorti tal-Awdituri, id-definizzjoni ta' '"Żoni Anqas Vantaġġati" ġiet aġġustata biex tirrifletti kriterji oġġettivi.

Bdiewa żgħażagħ: Il-Pagament Bażiku għal Bdiewa Żgħażagħ parteċipanti ġodda (dawk taħt l-40 sena) għandu jiżdied b'25 % aktar għall-ewwel 5 snin tal-installazzjoni. Dan huwa limitat għal massimu tad-daqs medju ta’ razzett f’dak l-Istat Membru. Għall-Istati Membri fejn id-daqs tar-razzett huwa żgħir, il-limitu huwa 25 ettaru. Dan se jiġi ffinanzjat b'ammont sa 2 % tal-pakkett nazzjonali.

Bdiewa żgħar: Kwalunkwe bidwi li jikklejma appoġġ fl-2014 jista' jiddeċiedi sal-15 ta' Ottubru 2014, biex jipparteċipa fl-Iskema tal-Bdiewa Żgħar u b’hekk jirċievi pagament annwali stabbilit mill-Istat Membru ta’ bejn EUR 500 u EUR 1 000 , irrispettivament mid-daqs tar-razzett. (Iċ-ċifra se tkun marbuta jew mal-pagament medju għal kull benefiċjarju, jew mal-pagament medju nazzjonali għal kull ettaru għal 3 ettari). Dan se jikkostitwixxi simplifikazzjoni enormi għall-bdiewa kkonċernati u għall-amministrazzjonijiet nazzjonali. Il-parteċipanti se jiffaċċjaw rekwiżiti ta’ kundizzjonalità anqas stretti, u se jkunu eżenti mill-aspetti ekoloġiċi. (Il-valutazzjoni tal-impatt turi li bejn wieħed u ieħor, terz tal-azjendi agrikoli li japplikaw għall-finanzjament tal-PAK għandhom erja ta' 3 ettari jew anqas – iżda dan jammonta għal 3 % biss tal-erja agrikola kumplessiva fl-UE-27.) L-ispiża totali tal-Iskema tal-Bdiewa Żgħar tista' ma tkunx aktar minn 10 % tal-pakkett nazzjonali, u l-livell tal-pagament se jiġi aġġustat skont dan fil-każ li jkun meħtieġ. Se jkun hemm ukoll fondi għall-Iżvilupp Rurali għal pariri lil bdiewa żgħar dwar għotjiet għall-iżvilupp ekonomiku u r- ristrutturar fir-reġjuni b'ħafna azjendi agrikoli żgħar bħal dawn.

L-għażla "akkoppjata": Sabiex jindirizzaw l-effetti potenzjalment ħżiena tar-ridistribuzzjoni tal-pagamenti diretti fuq bażi nazzjonali u sabiex jitqiesu l-kundizzjonijiet eżistenti, l-Istati Membri se jkollhom l-għażla li jipprovdu ammonti limitati ta' pagamenti “akkoppjati”, jiġifieri pagament marbut ma' prodott speċifiku. Dan se jkun limitat għal 5 % tal-pakkett nazzjonali jekk Stat Membru bħalissa jipprovdi 0-5 % ta’ appoġġ akkoppjat, jew sa 10 % jekk il-livell kurrenti ta’ appoġġ akkoppjat huwa ogħla minn 5 %. Il-Kummissjoni tista' tapprova rata ogħla jekk l-Istati Membri jkunu jistgħu juru li dan huwa ġġustifikat.

Trasferiment ta' fondi bejn Pilastri: L-Istati Membri se jkollhom il-possibilità li jittrasferixxu sa 10 % tal-pakkett nazzjonali tagħhom għal Pagamenti Diretti (l-ewwel Pilastru) għall-Pakkett tagħhom tal-Iżvilupp Rurali; u l-Istati Membri li jiksbu inqas minn 90 % tal-medja tal-UE għal pagamenti diretti issa jistgħu jittrasferixxu sa 5 % mill-fondi għall-Iżvilupp Rurali tagħhom għall-pakkett nazzjonali tal-ewwel Pilastru.

Il-kundizzjonalità: L-għoti tal-pagamenti kollha mill-pakkett nazzjonali tal-Pagamenti Diretti se jkompli jkun marbut maż-żamma ta' għadd ta' rekwiżiti minimi relatati mal-ambjent, mal-benesseri tal-annimali u mal-istandards tas-saħħa tal-annimali u tal-pjanti. Madankollu, bħala eżerċizzju fis-simplifikazzjoni, l-għadd tar-Regoli ta' Ġestjoni Statutorji (Statutory Management Rules - SMRs) ġie mnaqqas minn 18 għal 13 u r-regoli dwar Kundizzjoni Agrikola u Ambjentali Tajba (Good Agricultural & Environmental Condition - GAEC) tnaqqsu minn 15 għal 8 – pereżempju, billi ġew esklużi elementi li mhumiex rilevanti għall-bidwi. Qed jiġi propost ukoll li d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma u d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi se jkunu inkorporati fir-regoli tal-kundizzjonalità ladarba jkun stabbiliti li ġew applikati kif jixraq fl-Istati Membri kollha u li l-obbligi għall-bdiewa jkunu ġew identifikati b'mod ċar.

"Limitu massimu": L-ammont ta 'appoġġ li kwalunkwe azjenda agrikola individwali tista' tirċievi mill-Iskema ta' Pagament Bażiku se jkun limitat għal EUR 300 000 fis-sena, u l-pagament se jitnaqqas b’70 % għall-parti minn EUR 250 000-300 000; b'40 % għall-parti minn EUR 200 000 000-250 000, u b'20 % għall-parti minn EUR 150 000-200 000. Madankollu, sabiex jitqies l-impjieg, l-azjenda tista' tnaqqas l-ispejjeż tas-salarji fis-sena preċedenti (inklużi t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali) qabel dan it-tnaqqis jiġi applikat. NB: Il-fondi “ffrankati” taħt dan il-mekkaniżmu jibqgħu fl-Istat Membru kkonċernat u jiġu ttrasferiti għall-pakkett tal-Iżvilupp Rurali, għall-użu fl-nnovazzjoni u l-investiment mill-bdiewa, u mill-gruppi operattivi tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni.

“Bdiewa attivi”: Sabiex tikkorreġi għadd ta' lakuni legali, il-Kummissjoni qed tirrestrinġi d-definizzjoni ta' bdiewa attivi. Bil-għan li jiġu esklużi pagamenti lil applikanti li m'għandhomx attività agrikola reali jew tanġibbli, id-definizzjoni proposta tiddikjara li ma jingħatawx pagamenti lil applikanti li l-pagamenti diretti tal-PAK tagħhom huma anqas minn 5 % tal-irċevuti totali minn attivitajiet kollha mhux agrikoli, jew jekk l-erjas agrikoli tagħhom huma prinċipalment żoni naturalment miżmuma fi stat adattat għall-mergħa jew għall-kultivazzjoni u dawn ma jwettqux l-attività minima meħtieġa, kif definit mill-Istati Membri. Hemm deroga għall-bdiewa li jirċievu anqas minn 5 000 f’pagamenti diretti fis-sena preċedenti.

Ettari eliġibbli – Ir-regoli jipprevedu l-istabbiliment tal-2014 bħala ssena ta' referenza ġdida għall-erja tal-art, iżda se jkun hemm rabta mal-benefiċjarji tas-sistema tal-pagamenti diretti fl-2011 sabiex tiġi evitata l-ispekulazzjoni.

  • Il-mekkaniżmi tal-ġestjoni tas-suq

Is-sistemi eżistenti ta' intervent pubbliku u ta' għajnuna għal ħażna privata huma mekkaniżmi ppruvati ta' xibka ta' sikurezza li jgħinu lill-produtturi fi żminijiet ta' diffikultajiet tas-suq wara pereżempju kriżi tal-ikel. Madankollu, dawn se jiġu riveduti biex ikunu aktar reattivi u aktar effiċjenti. Iddaħħlet klawsola ta 'salvagwardja ġdida għas-setturi kollha li tippermetti lill-Kummissjoni tieħu miżuri ta' emerġenza b'reazzjoni għal disturbi ġenerali tas-suq – bħall-miżuri li ttieħdu matul il-kriżi tal-e-coli f’Mejju-Lulju 2011. Dawn il-miżuri se jiġu ffinanzjati mir-Riżerva tal-Kriżijiet deskritta fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali.

Minħabba li l-kwoti tal-ħalib u tad-drittijiet għat-tħawwil tal-inbid diġà se jiskadu, il-Kummissjoni qed tfittex li ttemm l-aħħar sistema tal-kwoti li fadal – il-kwoti taz-zokkor. Is-sistema tal-kwoti taz-zokkor għandha tiskadi fit-30 ta’ Settembru 2015. Peress li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw igawdu aċċess illimitat bla dazju fis-suq tal-UE, waqt li l-esportazzjonijiet tal-UE huma limitati bir-regoli tad-WTO (sakemm jibqgħu jeżistu l-kwoti), l-unika għażla hija li tintemm is-sistema tal-kwoti sabiex is-settur ikollu perspettiva fit-tul – speċjalment fil-kuntest tat-titjib mistenni fil-produttività. Għall-perjodu ta' wara l-kwoti, iz-zokkor abjad se jkun eliġibbli għall-għajnuna għall-ħażna privata, u għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet standard għal ftehimiet bejn il-fabbriki taz-zokkor u I-kultivaturi .

L-iskema tal-Frott fl-Iskejjel u l-Iskema tal-ħalib fl-iskejjel għandhom jiġu estiżi. It-testi jirriflettu wkoll proposti eżistenti minn Diċembru 2010 dwar il-ħalib (kuntratti bil-miktub obbligatorji u poter tan-negozjar imsaħħaħ fil-katina alimentari) u dwar l-istandards ta' kummerċjalizzazzjoni ta' kwalità – inkluż il-kunċett tal-“post ta’ biedja”.

Sabiex ittejjeb il-pożizzjoni tan-negozjar tal-bdiewa fil-katina alimentari, il-Kummissjoni teħtieġ organizzazzjoni aħjar tas-setturi. Ir-regoli relatati mar-rikonoxximent tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi (POs) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali issa jkopru s-setturi kollha – b'iktar għażliet għall-istabbiliment ta' tali Organizzazzjonijiet tal-Produtturi li issa ġew ittrasferiti għall-fondi għall-Iżvilupp Rurali (ara hawn taħt). Fl-interess tas-simplifikazzjoni, twarrbu għadd ta’ skemi żgħar (l-għajnuna għall-inkorporazzjoni tat-trab tal-ħalib fl-għalf tal-annimali, l-għajnuna akkoppjata għad-dud tal-ħarir!)

  • L-Iżvilupp Rurali

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) se jifforma parti mill-Qafas Strateġiku Komuni l-ġdid li japplika wkoll għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u tas-Sajd (European Maritime and Fisheries Fund - EMFF) - ippubblikata fis-6 ta' Ottubru [ara IP/11/1159] - biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 (Tkabbir sostenibbli, Tkabbir ekonomiku intelliġenti, Tkabbir inklużiv). Bħall-fondi l-oħra, sabiex ikun hemm rabta aktar ċara mal-prestazzjoni, se jiġu stabbiliti miri għall-programmi kollha tal-Iżvilupp Rurali għas-6 prijoritajiet deskritti hawn taħt. Madwar 5 % mill-fondi se jinżammu f’l-hekk imsejħa "Riżerva għat-twettiq tajjeb" u jkunu disponibbli biss meta jintwera li qed isir progress sabiex jintlaħqu dawn il-miri.

L-idea bażika tal-kunċett kurrenti u ta' suċċess tal-Iżvilupp Rurali ta' skemi multiannwali mfassla u kkofinanzjati mill-Istati Membri (jew mir-reġjuni) tibqa’ l-istess. Madankollu, minflok 3 assi marbuta ma' kwistjonijiet ekonomiċi, ambjentali u soċjali b'rekwiżiti minimi ta' nfiq għal kull ass, il-perijodu l-ġdid ta’programmazzjoni se jkollhu s-6 prijoritajiet elenkati hawn taħt. L-Istati Membri għadhom meħtieġa jżommu 25 % mill-pakkett tal-Iżvilupp Rurali tagħhom għal kwistjonijiet relatati mal-ġestjoni tal-art u mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

  • It-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni;

  • It-titjib tal-kompetittività;

  • Il-promozzjoni tal-organizzazzjoni tal-katina alimentari u tal-ġestjoni tar-riskju;

  • Ir-restawr, l-ippreservar u t-titjib tal-ekosistemi;

  • Il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi u t-tranżizzjoni għal ekonomija b’użu baxx tal-karbonju;

  • Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis tal-faqar u l-iżvilupp ekonomiku fiż-żoni rurali;

Sabiex jintlaħqu l-miri kwantifikati stabbiliti għal dawn il-prijoritajiet (u billi jitqisu l-ħtiġijiet speċifiċi individwali tagħhom), l-Istati Membri/ir-reġjuni, fil-programmi tagħhom ta' żvilupp rurali se jfasslu u jikkombinaw flimkien miżuri meħuda minn elenku simplifikat ta' għażliet.

F’termini baġitarji, se jkun hemm bidla żgħira fid-distribuzzjoni tal-pakketti nazzjonali għall-Iżvilupp Rurali sabiex jitqiesu kriterji aktar oġġettivi – li għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni skont il-kompetenza tagħha stess f'data aktar tard. Ir-rati ta' kofinanzjament tal-UE għandhom ikunu 85 % fir-reġjuni anqas żviluppati, fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fil-Gżejjer Eġej iż-Żgħar u 50 % f 'reġjuni oħra għall-biċċa l-kbira tal-pagamenti, iżda jistgħu jkunu ogħla għall-innovazzjoni u għat-trasferiment tal-għarfien, għall-kooperazzjoni, għall-istabbiliment tal-gruppi tal-produtturi, għall-għotjiet lil bdiewa żgħażagħ għall-installazzjoni u għall-proġetti LEADER.

Fil-perjodu l-ġdid, l-Istati Membri se jkollhom ukoll il-possibbiltà li jfasslu subprogrammi b'rati ogħla ta’ appoġġ biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-bdiewa żgħażagħ, il-bdiewa żgħar, iż-żoni muntanjużi u l-katini qosra tal-provvista.

Xi punti ewlenin mill-elenku ssimplifikat għall-proġetti ta' Żvilupp Rurali

  • L-innovazzjoni: Din it-tema ewlenija (u aktar speċifikament is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar il-Produttività u s-Sostenibbiltà fl-Agrikoltura kif ippjanata) se tkun moqdija minn diversi miżuri tal-Iżvilupp Rurali bħat-"trasferiment tal-għarfien" u l-"kooperazzjoni"; Hija mmirata lejn il-promozzjoni tal-effiċjenza fir-riżorsi, il-produttività u l-iżviluppp b'emissjonijiet baxxi, li jkun favur il-klima u reżiljenti tal-agrikoltura, l-forestrija u ż-żoni rurali. Dan għandu jintlaħaq permezz ta' kooperazzjoni akbar bejn l-agrikoltura u r-riċerka sabiex jitħaffef it-trasferiment teknoloġiku lejn il-prattika agrikola;

  • L-għarfien –“agrikoltura bbażata fuq l-għarfien”: Miżuri msaħħa għal Servizzi Konsultattivi tal-Biedja (marbuta wkoll mal-mitigazzjoni u l-adattament tat-Tibdil fil-klima, mal-isfidi ambjentali u mal-iżvilupp ekonomiku u t-taħriġ);

  • Ristrutturar/Investiment/Modernizzazzjoni: Għotjiet li għadhom disponibbli;

  • Bdiewa żgħażagħ - Taħlita ta 'miżuri tista' tinkludu għotjiet għall-istartup tan-negozju (sa EUR 70 000), servizzi ta' taħriġ u konsulenza;

  • Bdiewa żgħar: Għajnuna gћall-bidu ta’ negozji [start-up] sa EUR 15 000 għal kull azjenda agrikola żgħira;

  • L-Għodda għall-Ġestjoni tar-riskju: L-assigurazzjoni u fondi mutwi – assigurazzjoni għall-għelejjel u għat-temp, għall-mard tal-annimali [bħalissa disponibbli skont l-Artikolu 68 tal-ewwel Pilastru] - estiżi biex jinkludu l-għażla tal-istabilizzazzjoni tal-introjtu (li tippermetti ħlas (sa 70 % tat-telf) minn fond mutwu jekk l-introjtu jonqos bi 30 %); Għal kull EUR 1.00 li bidwi jpoggi, il-Fondi għall-Iżvilupp Rurali jipprovdu somma addizzjonali ta' EUR 0.65;

  • Organizzazzjonijiet tal-Produtturi/Assoċjazzjoni tal-Organizzazzjonijiet tal-Produtturi: Appoġġ għat-twaqqif ta' organizzazzjonijiet fuq il-bażi ta’ pjan ta’ negozju u limitat għal gruppi definiti bħala SMEs;

  • Il-pagamenti agroambjentali - tal-klima: flessibbiltà akbar fil-kuntratti, kuntratti konġunti, marbuta ma’ taħriġ adegwat/ma' informazzjoni;

  • Biedja organika: - miżura ġdida separata għal iktar viżibbiltà;

  • Żoni li jiffaċċjaw limitazzjonijiet naturali u oħrajn speċifiċi: - Delimitazzjoni ġdida għal żoni b'ristrezzjoni naturali bbażata fuq 8 kriterji bijofiżiċi; L-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà biex jiddefinixxu sa 10 % tal-erja agrikola tagħhom għal restrizzjonijiet speċifiċi biex jippreservaw jew itejbu l-ambjent;

  • Żoni muntanjużi: Għal żoni muntanjużi u art agrikola li jinsabu 'l fuq minn 62º N, l-ammonti ta' għajnuna jistgħu jkunu sa 300 EUR/ettaru (żieda minn 250 EUR/ettaru);

  • Kooperazzjoni: Possibbiltajiet estiżi b'appoġġ għal kooperazzjoni teknoloġika, ambjentali u kummerċjali, (eż. proġetti pilota, skemi konġunti ambjentali, katini qosra tal-provvista, żvilupp ta' swieq lokali);

  • Is-servizzi bażiċi u t-tiġdid tal-irħula – Investimenti f’infrastruttura broadband u fl-enerġija rinnovabbli jistgħu jmorru lil hinn minn livell ta' skala żgħira;

  • LEADER: Kitt tal-bidu tal-Leader sabiex ikun mgħejjun it-twaqqif ta' gruppi u strateġiji tal-Leader ; li jippromwovi l-flessibilità għall-kombinazzjoni ma’ fondi oħrajn f'żoni lokali, jiġifieri l-kooperazzjoni rurali-urbana ; N.B. Leader issa qed jintuża mill-fondi CSF kollha (EFRE, FSE, Koeżjoni, EMFF, FAEŻR) bħala l-approċċ komuni għall-żvilupp lokali mmexxi mill-komunità ;

  • Aktar elementi ġodda

Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK: Il-Kummissjoni se tippreżenta rapport qabel tmiem l-2017 – u kull 4 snin sussegwenti – dwar l-impatt tal-PAK fuq it-3 prijoritajiet ewlenin – il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, u l-iżvilupp bilanċjat tat-territorju.

Is-simplifikazzjoni tal-kontrolli: Ir-rekwiżiti tal-kontroll jitnaqqsu fir-reġjuni fejn il-kontrolli preċedenti juru riżultati tajbin, jiġifieri r-regoli jkunu qed jiġu rrispettati kif xieraq. Madankollu, se jkun hemm bżonn li jiżdiedu l-kontrolli f'reġjuni fejn hemm problemi.

Se jkun hemm proposti separati qabel l-aħħar tas-sena dwar l-iskema tal-Għajnuna għal Dawk fil-bżonn (għall-perjodu wara l-2013), u biex jipprovdu għal trasparenza sħiħa tal-pagamenti diretti u tas-sussidji l-oħra tas-PAK, filwaqt li tkun ikkunsidrata d-Deċiżjoni tal-Qorti ta' Ottubru 2010 li tistqarr li r-regoli eżistenti ma kinux jirrispettaw ir-regoli dwar il-privatezza tad-dejta għal persuni naturali.

Dokumenti u informazzjoni dwar il-proposta tar-riforma tal-PAK huma disponibbli fuq:

http://ec.europa.eu/agriculture/cap-post-2013/legal-proposals/index_en.htm


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site