Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/680

Brussell, 11 ta’ Ottubru 2011

Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ fakultattiva: Mistoqsijiet frekwenti

X’inhi l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ?

‑{}‑Il-konsumaturi u n-negozji – speċjalment il-kumpaniji ż-żgħar – mhux qed jużaw il-potenzjal kollu ta’ Suq Uniku ta’ 500 miljun ruħ. Bħalissa, 44% tal-Ewropej jgħidu li ma jixtrux minn barra l-pajjiż għaliex huma inċerti mid-drittijiet tagħhom1. Minn stħarriġ ġdid tal-Ewrobarometru li ġie ppubblikat illum jidher li 55% tan-negozji li jesportaw jgħidu li d-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali huma wieħed mill-ikbar ostakli biex jagħmlu kummerċ transkonfinali mal-konsumaturi2.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha l-għan li telimina dawn l-ostakli. Se tiftaħ is-swieq għan-negozji u tagħti lill-konsumaturi iktar għażla u livell għoli ta’ protezzjoni. Se tiffaċilita l-kummerċ billi toffri sensiela waħda ta’ regoli għall-kuntratti transkonfinali fis-27 pajjiż tal-UE. Jekk il-kummerċjanti joffru l-prodotti tagħhom fuq il-bażi tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, min jixtri onlajn se jkollu l-għażla li juża kuntratt Ewropew, li huwa faċli biex jintuża mill-utent u li joffri livell għoli ta’ protezzjoni, sempliċement b’għafsa ta’ buttuna tal-mouse.

Liema huma l-problemi li jiffaċċjaw il-kumpaniji meta jbiegħu fi Stati Membri oħra tal-UE?

Huwa biss 9.3% tan-negozji li jbiegħu l-merkanzija lil hinn mill-fruntieri ta' pajjiżhom3. Ir-realtà hija li jista' jkun li n-negozji li jkunu jixtiequ jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali jkunu jridu jadattaw għal 26 liġi kuntrattwali nazzjonali differenti, jittraduċuhom u jqabbdu avukati, bi spiża medja ta' EUR 10,000 għal kull suq ġdid ta' esportazzjoni. L-adattament tal-websajts tagħhom jista’ jiswa sa medja ta’ EUR 3,000 iktar.

Din hija problema kemm għall-kumpaniji li jbiegħu lil konsumaturi f’pajjiżi oħra kif ukoll għal dawk li jinnegozjaw ma’ kumpaniji oħra.

L-impriżi żgħar u medji (SMEs) – li jirrappreżentaw 99% tal-kumpaniji kollha fl-UE - jiġu affettwati b’mod sproporzjonat minħabba li m’għandhomx avukati impjegati magħhom u għarfien ieħor meħtieġ biex ikunu jistgħu jaħdmu f’sistemi nazzjonali differenti ta’ liġi kuntrattwali. L-ispejjeż tal-kummerċ f'għadd ta' swieq barranin huma partikolarment għolja meta mqabbla mal-fatturat tal-SMEs. L-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet marbuta mal-esportazzjoni lejn Stat Membru ieħor jistgħu jlaħħqu sa 7% tal-fatturat annwali ta’ mikro bejjiegħ. L-esportazzjoni lejn erba' Stati Membri tfisser li dawn l-ispejjeż jistgħu jiżdiedu sa 26% tal-fatturat annwali tiegħu. Il-kummerċjanti li jiġu dissważi milli jagħmlu tranżazzjonijiet transkonfinali minħabba l-ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali, ikunu qed jirrinunċjaw għal mill-inqas EUR 26 biljun ta' kummerċ fl-UE kollha kull sena. Din hija spiża diretta għall-ekonomija tal-UE f'termini ta' kummerċ - u impjiegi.

Fi tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumatur, 55% tal-kumpaniji attivi fil-bejgħ lil konsumaturi barra s-suq nazzjonali tagħhom, jew interessati li jbiegħu b’dan il-mod, qalu li dejjem żammew lura minħabba medda ta' ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali4:

L-ostakli prinċipali relatati mal-liġi kuntrattwali (klassifikazzjoni magħmula mill-kumpaniji) għat-tranżazzjonijiet bejn negozju u konsumaturi huma:

  • Li jsiru jafu dwar il-liġi kuntrattwali barranija 40%

  • Li jikkonformaw ma’ regoli barranin differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur 38%

  • Li jiksbu parir legali dwar il-liġi kuntrattwali barranija 35%

  • Li jsolvu tilwim kuntrattwali transkonfinali 34%

Fi tranżazzjonijiet bejn in-negozji, 49% tal-kumpaniji attivi fil-bejgħ lil konsumaturi barra s-suq nazzjonali tagħhom, jew interessati li jbiegħu b’dan il-mod, qalu li dejjem żammew lura minħabba medda ta' ostakli relatati mal-liġi kuntrattwali5:

L-ostakli prinċipali relatati mal-liġi kuntrattwali (klassifikazzjoni magħmula mill-kumpaniji) għat-tranżazzjonijiet bejn in-negozji:

  • Li jsiru jafu dwar il-liġi kuntrattwali barranija 35%

  • Li jsolvu tilwim kuntrattwali transkonfinali 32%

  • Li jiksbu parir legali dwar il-liġi kuntrattwali barranija 31%

  • Li jiftehmu dwar liema liġi kuntrattwali għandha tapplika 30%

Liema huma l-problemi li jiffaċċjaw il-konsumaturi meta jixtru minn pajjiż ieħor?

7% biss tal-konsumaturi jixtru onlajn minn Stat Membru ieħor, meta mqabbla ma' 33% li jixtru permezz tal-internet f'pajjiżhom stess6.

Bħalissa, in-nies li jixtru minn fuq l-internet minn pajjiż Ewropew ieħor jista’ jinċaħdilhom il-bejgħ jew il-konsenja fil-pajjiż tagħhom: dan jiġri lil 3 miljun konsumatur fl-Ewropa kull sena. Dan minħabba li l-ostakli għall-kummerċ fi Stati Membri oħra tal-UE jservu ta' nuqqas ta' inċentiv għall-kumpaniji biex jaqdu l-klijenti madwar l-UE kollha.

44% tal-konsumaturi jgħidu li jaqtgħu qalbhom milli jixtru minn pajjiżi oħra tal-UE minħabba l-inċertezzi dwar id-drittijiet tagħhom7.

Il-konsumaturi kif se jibbenefikaw mil-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ?

Il-konsumaturi se jkollhom l-istess livell għoli ta’ protezzjoni tad-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jistrieħu fuq il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ bħala simbolu ta' kwalità. Pereżempju, il-konsumaturi se jingħataw għażla libera ta’ rimedji fil-każ li l-prodott ikkonsenjat ikun difettuż. Dan ifisser li l-konsumaturi jkunu jistgħu, pereżempju, itemmu l-kuntratt jew jitolbu li l-prodott jiġi sostitwit, li jissewwa jew li jitnaqqas il-prezz tiegħu. Bħalissa, il-biċċa l-kbira tal-konsumaturi fl-UE m’għandhomx din l-għażla libera. Dawn ir-rimedji se jkunu disponibbli wkoll għal konsumaturi li jkunu xtraw prodotti ta’ kontenut diġitali bħall-mużika, il-films, is-softwer jew l-applikazzjonijiet li jitniżżlu mill-internet. Dawn il-prodotti xorta jkunu koperti anke jekk ma jkunux maħżuna fuq mezz tanġibbli bħal CD jew DVD.

Dan il-livell għoli ta’ protezzjoni għall-konsumatur se jagħti fiduċja lill-konsumaturi biex jixtru prodotti minn pajjiżi oħra tal-UE.

Peress li l-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tnaqqas l-ispejjeż tal-kummerċjanti biex dawn ibiegħu lil hinn mill-fruntieri ta’ pajjiżhom, hija se tħeġġeġ lill-kumpaniji biex jesportaw lejn iktar swieq barranin. Dan se jippermetti lill-konsumaturi li jkollhom aċċess għal iktar offerti u għal offerti aħjar bi prezzijiet irħas. Dawk li jixtru minn fuq l-internet mhux se jibqgħu jirċievu messaġġi bħal "dan il-prodott mhux disponibbli fil-pajjiżi ta’ residenza tiegħek” minħabba d-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali nazzjonali. Skont l-istimi, kważi nofs (44%) il-konsumaturi li jixtru minn fuq l-internet mhumiex ċerti dwar id-drittijiet tagħhom. Kollha flimkien, dawn il-konsumaturi jistgħu jiffrankaw EUR 380 miljun jekk jixtru minn fuq l-internet imqar darba minn pajjiż ieħor.

Il-medja tad-differenzi fil-prezzijiet tal-prodotti tal-konsumatur madwar l-UE hija ta' madwar 24%.8 Il-konsumaturi f'pajjiżi iżgħar tal-UE, bħal Malta, Ċipru, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja u s-Slovenja9 għandhom l-iżvantaġġ ta' prezzijiet ogħla. Minn studju li sar reċentement bl-użu tal-mystery shopper, li kellu l-għan li jivverifika d-disponibilità ta’ offerti onlajn ta’ prodotti popolari mal-konsumatur, jidher li f’50% jew iktar tal-każijiet il-konsumaturi setgħu jixtru l-prodotti bi prezz ta’ mill-inqas 10% irħas f’pajjiżi oħrajn tal-UE.10 Il-konsumaturi fil-Portugall, fl-Italja, fis-Slovenja, fi Spanja, fid-Danimarka, fir-Rumanija, fil-Latvja, fil-Greċja, fl-Estonja, fil-Finlandja, fl-Ungerija, f’Ċipru u f’Malta huma dawk li b’mod partikolari jibbenefikaw minn prezzijiet aħjar meta jixtru minn pajjiżi oħrajn tal-UE.11

Mill-istess studju bl-użu tal-mystery shopper, jidher li l-għażla tal-prodotti f’madwar nofs il-pajjiżi tal-UE hija iktar ristretta. Fil-parti l-kbira tat-tfittix għal prodotti (Ċipru (98% tal-każijiet), Malta (98%), il-Lussemburgu (80%), il-Litwanja (76%), il-Latvja (72%), l-Irlanda (71%), il-Belġju (65%), l-Estonja (61%), il-Portugall (59%), il-Finlandja (58%), is-Slovenja (54%), ir-Rumanija (51%) u l-Greċja (51%)12, fir-rigward ta’ prodotti li jagħmlu parti minn basket ta’ 100 prodott popolari mal-konsumatur, il-prodotti ma kinux disponibbli onlajn fil-pajjiż.

X’se jiggwadanjaw il-kumpaniji?

Filwaqt li se jkun irħas għan-negozji kollha biex jeżerċitaw l-attivitajiet kummerċjali tagħhom lil hinn mill-fruntieri ta’ pajjiżhom, l-impriżi żgħar u medji huma dawk li se jibbenefikaw l-aktar – se jsir possibbli għalihom li jespandu fi swieq ġodda. L-ispejjeż tal-kummerċ elettroniku transkonfinali jispiċċaw ladarba l-kumpaniji ma jkollhomx għalfejn jadattaw il-websajt tagħhom għal-liġi ta’ kull pajjiż tal-UE li jbiegħu fih. Dan se jagħti spinta lis-settur tal-kummerċ elettroniku u, b’mod ġenerali, lill-impriżi żgħar u medji li jirrappreżentaw 99% tan-negozji fl-UE.

B’mod ġenerali, 71% tal-kumpaniji qalu li x’aktarx jew li x’aktarx ħafna jużaw liġi kuntrattwali waħda fl-UE biex ibiegħu b'mod transkonfinali lil konsumaturi13 u 70% qalu li li kieku jużawha għall-kummerċ transkonfinali ma' negozji oħra14.

Skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ppubblikati mill-Kummissjoni llum, il-kumpaniji qalu li li kieku jesportaw iktar jekk ikun hemm liġi kuntrattwali Ewropea waħda: madwar nofs qalu li jespandu n-negozju tagħhom lejn mill-inqas tliet pajjiżi oħra (50% fir-rigward ta’ bejgħ lill-konsumaturi u 48% fir-rigward ta’ bejgħ lil negozji).

Barra minn hekk, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ għandha tipprovdi ċ-ċertezza legali lill-kumpaniji – huma jkunu jistgħu jistrieħu fuq sensiela waħda ta’ regoli li jkunu validi fis-27 Stat Membru, fir-rigward ta' kuntratti ta' bejgħ mal-konsumaturi kif ukoll ma' negozji oħra.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tissostitwixxi l-liġijiet kuntrattwali nazzjonali?

Le. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se teżisti b'mod fakultattiv flimkien mal-liġi kuntrattwali nazzjonali. Il-bejjiegħa jistgħu, b’mod volontarju, jużaw sensiela ta’ regoli li jkunu identiċi fis-27 Stat Membru. Dawk li ma jkunux jixtiequ jużaw il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ jistgħu sempliċement jibqgħu jużaw ir-regoli nazzjonali tagħhom. Il-konsumaturi jkunu dejjem informati b’mod ċar, u jkun jeħtieġ li jagħtu l-kunsens espliċitu tagħhom qabel ma jintuża kuntratt imsejjes fuq il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ.

U l-libertà kuntrattwali? Kif se tiġi rrispettata?

Il-prinċipju tal-libertà kuntrattwali huwa rrispettat peress li ż-żewġ partijiet iridu jaqblu dwar l-applikazzjoni tal-kuntratt. Ħadd m’għandu l-obbligu li jużah. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ se tikkostitwixxi sensiela waħda ta’ regoli kuntrattwali, it-tieni sistema, li tista’ tintuża mill-partijiet b’mod volontarju fi tranżazzjonijiet transkonfinali. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ mhux se tirriżulta fi spejjeż għal dawk il-kumpaniji li ma jkunux iridu jużawha. Il-kumpaniji li jgħażlu li jużawha, jieħdu din id-deċiżjoni minħabba li din iġġib magħha aktar vantaġġi ekonomiċi milli spejjeż.

Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ kif se taħdem fil-prattika?

Eżempju nru 1

Bísaro-Salsicharia Tradicional, kumpanija żgħira bbażata fin-naħa ta' Fuq tal-Portugall, tbiegħ prodotti lokali tal-majjal. Bħalissa tbiegħ lil kummerċjanti u lil konsumaturi minn sitt Stati Membri oħrajn. Din l-esportazzjoni tagħti kontribut ta' 8% fil-fatturat annwali tal-kumpanija. Il-kumpaniji barranin li tinnegozja magħhom dejjem jinsistu li l-kuntratt ikun soġġett għal-liġi nazzjonali tagħhom. Il-kumpanija tixtieq tidħol fis-suq Olandiż imma qed taqta' qalbha minħabba d-differenzi li hemm fil-liġi kuntrattwali u fil-liġi dwar il-konsumatur meta tqabbilhom mal-liġi Portugiża. S’issa, investiet madwar 5% tal-fatturat tagħha biex tespandi fi swieq barranin. Il-kumpanija tħoss li liġi kuntrattwali madwar l-UE kollha tkun tissimplifika t-tranżazzjonijiet u tagħmilhom iktar mexxejja. Bl-użu tal-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, tistenna li tesporta lejn iktar pajjiżi u żżid il-fatturat annwali tagħha b’massimu ta’ 15%.

Eżempju nru 2

Laboratorium Kosmetyczne Dr Irena Eris, kumpanija Pollakka ta’ daqs medju fil-qasam tal-kummerċ tal-kożmetiċi, tħoss li d-differenzi fil-liġijiet kuntrattwali qed joħolqu spejjeż konsiderevoli u huma ta' ostaklu kbir biex tkun tista' tbiegħ fir-Rumanija. Il-kumpanija tiġi affettwata b’mod partikolari minħabba d-differenzi fir-regoli f’dak li jirrigwarda l-ħlasijiet tard min-naħa tal-bejjiegħa bl-imnut. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE, tipprovdi sensiela kompluta ta' regoli li jittrattaw il-ħlasijiet tard (rati ta' interessi, data li fiha jkun dovut il-ħlas, danni eċċ.). Il-kumpanija Pollakka tkun tista’ tużaha fil-kuntratti kollha tagħha man-negozji fir-Rumanija jew fi kwalunkwe pajjiż ieħor tal-UE, mingħajr ma jkollha toqgħod tqis il-liġijiet nazzjonali.

Eżempju nru 3

Kalin, residenti fil-Bulgarija, jiddeċiedi li jixtri apparat għall-qari tal-kotba elettroniċi (e-book reader) lill-mara tiegħu fl-okkażjoni ta' għeluq sninha. Imur f’ħanut fil-lokalità tiegħu li jbiegħ affarijiet tal-elettronika, imma jsib tliet mudelli biss ta’ dan l-apparat għall-qari tal-kotba elettroniċi. L-irħas wieħed jiswa madwar EUR 100 u t-tnejn l-oħra jiswew madwar EUR 250 il-wieħed. Kalin irid ikun jaf jekk hemmx għażliet oħra disponibbli. Ħabib tiegħu jgħidlu li hemm żewġ websajts magħrufin sew għax-xiri onlajn. Kalin stagħġeb bl-għażla li sab u jiddeċiedi li jixtri mudell partikolari li jiswa EUR 160. Madankollu, meta jasal fl-istadju li fih jiddikjara l-pajjiż ta’ residenza tiegħu, il-websajt tindika b’mod ċar li l-Bulgarija mhix imniżżla fil-lista ta' pajjiżi li fihom tbiegħ il-kumpanija.

Kalin jipprova b’kumpanija oħra onlajn u jsib mudell ieħor ta’ apparat għall-qari tal-kotba elettroniċi li saħansitra kellu prezz aħjar. Madankollu, għal darba oħra huwa jiffaċċja l-istess problema: il-kumpanija ma tippermettix li l-prodott jinxtara mill-websajt tagħha tar-Renju Unit u Kalin jiġi ridirezzjonat lejn websajt li tippermettilu li jixtri l-prodott mill-Istati Uniti.

Fl-aħħar mill-aħħar Kalin jirnexxilu jixtri l-apparat għall-qari tal-kotba elettroniċi imma jibqa’ jistaqsi lilu nnifsu għaliex kien iktar faċli li jixtri l-prodott li xtaq mill-Istati Uniti milli mill-Ewropa.

Eżempju nru 4

Persuna Ġermaniża li trabbi n-naħal u li tipproduċi u tbiegħ l-għasel xtrat magna mingħand kumpanija Franċiża. Irriżulta li l-magna kienet difettuża. Il-fornitur Franċiż jaqbel li jsewwi d-difett, imma jirrifjuta li jħallas għat-trasport tal-magna mill-Ġermanja għal Franza. Il-kumpanija Ġermaniża trid tiċċara l-kwistjoni dwar min għandu jħallas u dwar jekk il-kuntratt jistax jiġi tterminat jew le, imma biex tagħmel dan ikollha tħallas għal parir legali li jiswa ħafna flus. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tipprovdi sensiela ċara u kompluta ta’ drittijiet u obbligi taż-żewġ partijiet fil-każ li l-prodott ikun difettuż. B’mod partikolari, il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ tistipula b’mod ċar li l-ispejjeż tat-trasport għandhom jiġġarrbu mill-bejjiegħ.

Eżempju nru 5

Kumpanija li għandha l-kwartieri ġenerali tagħha fil-Polonja trid tespandi imma kellha problemi minħabba d-differenzi bejn il-liġijiet kuntrattwali fil-Polonja, fir-Repubblika Ċeka, fis-Slovakkja u fl-Ungerija. B’mod partikolari, minħabba r-regoli differenti dwar il-kunsinna, huwa diffiċli li jiġu abbozzati kuntratti li jkollhom validità simultanja fl-erba' swieq. Il-Liġi Komuni Ewropea dwar il-Bejgħ, disponibbli fil-lingwi kollha tal-UE, tipprovdi sensiela ċara ta’ regoli li l-kumpanija tista’ tuża fil-kuntratti transkonfinali tagħha kollha, li tirregola l-post, il-ħin u l-mezz tal-kunsinna, l-obbligi tal-bejjiegħ li jkun responsabbli mill-ġarr tal-merkanzija u l-obbligi u d-drittijiet tal-partijiet f’każ ta’ kunsinna li ssir kmieni jew f'każ li l-kwantità tal-merkanzija kkunsinnata tkun ħażina.

X'inhuma l-passi li jmiss?

Issa l-proposta se tmur quddiem il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-UE biex tiġi adottata permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja u b’maġġoranza kwalifikata. Meta jiġi adottat, ir-Regolament jidħol fis-seħħ 20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE. Il-bażi legali ta' din il-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar is-suq intern.

1 :

Flash Eurobarometer 299a, Attitudes towards cross-border trade and consumer protection (L-attitudnijiet lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur), p.10

2 :

Flash Eurobarometer 321, European contract law, consumer transactions (Il-liġi kuntrattwali Ewropea, it-tranżazzjonijiet mal-konsumatur), p.20

3 :

Eurostat database DS-056329-1: il-kummerċ skont l-attività u l-klassifikazzjoni tad-daqs tal-impriża, 2007

4 :

Flash Eurobarometer 321, European contract law, consumer transactions (Il-liġi kuntrattwali Ewropea, it-tranżazzjonijiet mal-konsumatur), p.20

5 :

Flash Eurobarometer 320, European contract law, B2B (Il-liġi kuntrattwali Ewropea, it-tranżazzjonijiet bejn in-negozji), p.16

6 :

Flash Eurobarometer 299, Consumer attitudes towards cross-border trade and consumer protection (L-attitudnijiet tal-konsumaturi lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur), p.15

7 :

Flash Eurobarometer 299a, Attitudes towards cross-border trade and consumer protection (L-attitudnijiet lejn il-kummerċ transkonfinali u l-protezzjoni tal-konsumatur),

p.10

8 :

Eurostat, Statistics in focus, 50/2009.

9 :

Eurostat report (Borchert 2009), comparison of price levels of 2,500 consumer goods (tqabbil tal-livelli ta’ prezzijiet ta’ 2 500 prodott għall-konsumatur).

10 :

YouGov Psychonomics, Mystery Shopping Evaluation of Cross-border E-commerce in the EU (Evalwazzjoni bl-użu ta’ Mystery Shopping tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE) Ottubru 2009,

p. 40.

11 :

YouGov Psychonomics, Mystery Shopping Evaluation of Cross-border E-commerce in the EU (Evalwazzjoni bl-użu ta’ Mystery Shopping tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE) Ottubru 2009, p. 40.

12 :

YouGov Psychonomics, Mystery Shopping Evaluation of Cross-border E-commerce in the EU (Evalwazzjoni bl-użu ta’ Mystery Shopping tal-kummerċ elettroniku transkonfinali fl-UE) Ottubru 2009, p. 38.

13 :

Flash Eurobarometer 321, European contract law, consumer transactions, B2B (Il-liġi kuntrattwali Ewropea, it-tranżazzjonijiet bejn in-negozji) p.32

14 :

Flash Eurobarometer 320, European contract law, B2B (Il-liġi kuntrattwali Ewropea, it-tranżazzjonijiet bejn in-negozji), p.29


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site