Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/645

Brussell, it-28 ta' Settembru 2011

Ittra mill-President Barroso lill-President tal-Parlament Ewropew, Jerzy Buzek

"Għażiż President Buzek,

Bħalma se ngħid fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni, li se nagħmel illum lill-Parlament Ewropew, l-Unjoni Ewropea tinsab f'mument kruċjali ta' bidla deċiżiva. Il-kriżi ekonomika għadha magħna u ċ-ċittadini tagħna qed isibu li t-triq biex nerġgħu nqumu fuq saqajna hija twila u wieqfa. Il-ħolqien tax-xogħol għadu qed iseħħ qajqajl, hekk kif bosta reġjuni qed jitħabtu biex l-ekonomija tagħhom tikber. Id-dejn pubbliku għadu piż tqil u, kemm-il darba ma ssirx xi ħaġa deċiżiva dwaru b'urġenza, jista' jxekkel it-tkabbir, kemm fuq medda qasira kif ukoll fuq medda twila ta' żmien. Bosta mill-kisbiet li l-aktar li aħna kburin bihom – bħall-Ewro u ż-żona tax-Schengen fejn in-nies jistgħu jiċċaqilqu b'mod ħieles – qegħdin taħt pressjoni. Quddiem tali sitwazzjoni, dan huwa l-mument meta l-qawwiet pro-Ewropej kollha, bħall-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, għandhom jaħdmu biex jiksbu l-appoġġ tan-nies għall-proġett Ewropew tagħna u juru li l-muftieħ biex jingħelbu dawn l-isfidi huwa integrazzjoni Ewropea aktar fil-fond.

Ilkoll kemm aħna nafu li l-akbar sfida li għandha quddiemha din il-ġenerazzjoni hija li jkun hemm irkupru ekonomiku sostenibbli. Jekk jerġa' jkollna t-tkabbir u l-fiduċja, ikollna l-mezzi biex insostnu l-mudell soċjali uniku tal-UE u biex insostnu l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini tagħna. Huwa b'dan fl-isfond li l-Kummissjoni qed tħejji l-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2012. Dan se jkun programm ta' xogħol iebes u ta' twettiq sabiex jiġu inkuraġġuti t-tkabbir u r-riformi, li se jkun misjuq minn sens ta' prijorità u ta' urġenza li jinħass minna lkoll. Il-programm se juża s-sisien li poġġejna f'dawn l-aħħar snin bħala impetu biex jixpruna t-tkabbir u l-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol. Se jkun mibni fuq il-proposti mħabbrin fid-diskors tiegħi u wkoll fuq għadd ta' temi ewlenin

  • Il-bini ta' Unjoni li toffri l-istabbiltà u r-responsabbiltà

  • Il-bini ta' Unjoni ta' tkabbir u ta' solidarjetà

  • L-għoti ta' leħen effettiv lill-UE fid-dinja kollha

Ix-xogħol li wettaqna flimkien fil-ftit snin li għaddew jirrappreżenta tiġdid li qatt ma kien hemm bħalu tan-nisġa ekonomika tal-UE. Is-semestru Ewropew u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tejbu b'mod fundamentali l-abbiltà tagħna li noħolqu koordinazzjoni reali. Qed nagħmlu ġenerazzjoni ġdida ta' regolamentazzjoni u ta' superviżjoni sabiex ikollna settur finanzjarju b'saħħtu u sod. Qed nimmassimizzaw il-qawwa li jagħtina s-suq uniku sabiex nistabbilixxu l-għejun li għada, pitgħada se joħolqu t-tkabbir u l-postijiet tax-xogħol. F'dawn l-oqsma kollha, din is-sena diġà saru proposti ġodda importanti mill-Kummissjoni. Fil-ġimgħat li ġejjin se jkun hemm aktar, dwar setturi ewlenin tas-servizzi finanzjarji bħad-derivattivi, il-prevenzjoni u s-soluzzjoni tal-kriżijiet bankarji, u l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, dwar kif lill-impriżi ż-żgħar u l-medji nistgħu nagħmlulhom l-affarijiet aktar faċli, dwar l-enerġija u dwar in-negozju responsabbli. Barra minn hekk, se nipproponu programm ewlieni ta' programmi u strumenti settur b'settur sabiex nimplimentaw baġit modern għall-Ewropa. Kull proposta se tissawwar b'mod li jintlaħaq l-għan tagħna ta' valur miżjud tal-UE. Sabiex nilħqu l-għanijiet tagħna matul is-sena li ġejja, li jintlaħaq ftehim dwar dan il-pakkett irid ikun għalina prijorità assoluta.

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 huwa l-ewwel opportunità tagħna biex inwettqu l-Ftehim ta' Qafas il-ġdid tagħna fiċ-ċiklu tat-tħejjija kollu kemm hu. Id-djalogu strutturat tagħna huwa espressjoni konkreta ħafna tas-sħubija speċjali li teżisti bejn iż-żewġ istituzzjonijiet tagħna. Irrid niżżik ħajr għar-rapport komprensiv tal-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati (il-KPK), li l-Kummissjoni analizzat bir-reqqa bħala parti mill-proċess tat-tħejjija. Flimkien mar-riżoluzzjoni tal-PE tas-6 ta' Lulju, li għaddiet b'maġġoranza kbira ħafna tal-MPE, dan id-dokument jikkonferma l-ambizzjoni li għandu l-Parlament għall-UE. Id-djalogu strutturat tagħna se jibda bid-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni, li se jsir illum, se jintensifika fil-ġimgħat li ġejjin u se jwassal biex fil-15 ta' Novembru jiġi adottat il-Programm ta' Ħidma. B'konformità mal-Ftehim ta' Qafas, din l-ittra tippreżenta l-elementi ewlenin li fuqhom qed timxi t-tħejjija tal-Programm ta' Ħidma, sabiex jintużaw fid-djalogu ta' bejnietna. Uħud minn dawn l-elementi ewlenin huma enfasizzati, permezz ta' lista bit-tikek, bħala eżempji ta' proposti futuri, iżda dawn m'humiex lista definittiva jew li ma tħalli xejn barra. Qed nistenna b'ħerqa partikulari l-laqgħa bejn il-KPK u l-Kulleġġ, li se ssir fit-12 ta' Ottubru. Is-sena l-oħra din il-laqgħa wriet kif dan il-forum jista' jipprovdi pjattaforma soda biex noħolqu bejnietna sens komuni ta' skop.

Unjoni li toffri l-istabbiltà u r-responsabbiltà: Qafas makroekonomiku u ta' governanza li jwassal għat-tkabbir

Fil-ġestjoni ekonomika Ewropea rridu noħolqu ċirku rikorrenti ta' kawża u konsegwenza li jġibu l-ġid, billi niżguraw li l-linji politiċi nazzjonali u tal-UE jimxu id f'id. Irridu nlestu l-biċċa xogħol li nistabbilixxu strutturi b'saħħithom għall-governanza ekonomika u għas-superviżjoni finanzjarja, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja kemm taċ-ċittadini kif ukoll tas-swieq. Is-suq uniku tal-UE għandu potenzjal kbir ħafna għat-tkabbir, u jeħtieġ li jingħata spinta.

Irridu nkunu fuq quddiem nett, irridu nċaqilqu l-enfasi minn fuq l-immaniġġjar skont ma jinqala' għal fuq il-mudell tat-tkabbir tal-ġejjieni, b'konformità mal-Istrateġija tagħna Ewropa 2020. Jeħtieġ li nuru li l-passi li diġà ħadna qed jitwettqu u jagħmlu tabilħaqq differenza għaċ-ċittadini tagħna. B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • It-tieni Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir

  • Ir-rakkomandazzjonijiet tas-semestru Ewropew lil kull wieħed mill-Istati Membri, li jinkorporaw il-proċedura l-ġdida dwar l-iżbilanċi eċċessivi, u l-proposti l-oħrajn dwar il-governanza ekonomika li ħabbart fid-diskors tiegħi

F'mument meta l-konsolidament fiskali huwa kruċjali, il-Kummissjoni se tkompli għaddejja bl-isforzi tagħha biex tindirizza l-isfida tal-evażjoni tat-taxxi, inkluż billi tagħti bidu għal negozjati ma' pajjiżi terzi ewlenin dwar ir-rifuġji fiskali, fuq il-bażi tal-abbozz ta' mandat li bħalissa qed jistenna biex jiġi approvat mill-Kunsill.

Waħda mill-għodod l-aktar effettivi li għandha l-Unjoni biex tagħti spinta lit-tkabbir huwa l-baġit tal-UE. Wara l-proposta ġenerali li għamlet f'Ġunju dwar il-qafas finanzjarju multiannwali, din il-ħarifa l-Kummissjoni se tressaq il-bażi legali għall-qafas finanzjarju li jmiss, b'enfasi fuq fejn l-UE tista' tagħmel differenza reali b'enfasi qawwija fuq is-simplifikazzjoni.

Unjoni li toffri t-Tkabbir u s-Solidarjetà:

Suq uniku għat-tkabbir

Jekk irridu niżguraw li fl-Ewropa jkollna tkabbir u xogħol li jibqgħu għal ħafna żmien, huwa essenzjali li lis-Suq Uniku nżommuh f'qagħda li jkun jista' jilħaq l-iskop li għalih inħoloq. Jeħtieġ li nagħmlu l-aħjar użu minn ideat ġodda u minn teknoloġija ġdida sabiex niżguraw li nisfruttaw kemm jista' jkun is-Suq Uniku li għandna llum. Wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa, l-Att dwar is-Suq Uniku ħabbar 12-il miżura konkreta li l-Kummissjoni se tressaq fix-xhur li ġejjin. Inħeġġeġ lill-Parlament u lill-Kunsill biex iħaffu l-pass tal-mogħdija ta' dawn l-inizjattivi mill-proċess leġiżlattiv, sabiex niżguraw li l-benefiċċji tanġibbli jaslu għand in-negozji u għand iċ-ċittadini malajr kemm jista' jkun.

Iżda l-isforzi tagħna m'humiex se jieqfu hawn. Hekk kif l-ekonomija tiżviluppa, il-qafas li fih jaħdmu l-impriżi tagħna jrid jevolvi. Fl-2012, il-Kummissjoni se tipproponi aktar inizjattivi sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li joffri suq domestiku ta' 500 miljun ruħ. Wara l-evalwazzjoni ta’ kif inkunu morna, li se ssir dalwaqt, se jittieħdu azzjonijiet leġiżlattivi bil-għan li jkompli jittejjeb is-suq uniku għas-servizzi, b'mod li jagħmel użu minn għejun ġodda għall-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol u għat-tkabbir. Il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT se tgħin lin-negozji, u mhux l-inqas lil dawk żgħar u medji, jiffukaw fuq it-tkabbir.

Meta l-konsumaturi jkollhom il-fiduċja, is-swieq jistagħnew. Il-programm ta' ħidma li jmiss, li se jibni fuq ix-xogħol ta' din il-ħarifa, se jħabbar miżuri maħsubin biex isaħħu jeddijiet il-konsumatur, inkluż fit-tranżazzjonijiet elettroniċi u transkonfinali, u biex jiġu indirizzati b'mod effettiv materji li għandhom x'jaqsmu mas-saħħa u s-sikurezza, biex b'hekk tikber is-sigurtà taċ-ċittadini, filwaqt li tintrifed id-domanda fis-Suq Uniku

Se jkun hemm pakkett komprensiv ta' proposti li se jipprovdi għal servizzi tal-ferrovija kompetittivi u bla perikli, li se jagħti kontribut importanti għas-sostenibbiltà tas-sistema Ewropea tat-trasport. L-infrastruttura għadha ċentrali daqs kemm dejjem kienet għall-kompetittività dinjija, u l-programm 'Connecting Europe' huwa l-qalba tal-istrateġija tagħna għal żvilupp effettiv u sostenibbli tal-infrastruttura fl-UE kollha kemm hi.

Fl-aħħar nett, filwaqt li l-proposti ewlenin biex nissodisfaw l-impenji li l-UE daħlet għalihom waqt il-G20 dwar ir-riforma tas-servizzi finanzjarji diġà se jkunu fuq il-mejda sa tmiem l-2011, il-Kummissjoni se tibqa' taħdem favur aktar responsabbiltà, trasparenza u solidità f'qasam li huwa indispensabbli għat-tkabbir u għall-investiment. Miżuri addizzjonali li se jittieħdu fl-2012 se jkunu jinkludu proposti mmirati lejn il-fondi tal-investiment, lejn il-qasam tal-assigurazzjoni u lejn il-ħarsien tal-investituri.

B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • Il-ħarsien tal-investituri fir-rigward tal-investiment mhux professjonali u tal-fondi tal-investiment

  • It-tħejjija tas-sistema tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-ġejjieni

  • Aġenda Ewropea dwar il-Konsumatur

  • Regoli rriveduti dwar is-sikurezza ġenerali tal-prodotti

  • Pakkett dwar il-liberalizzazzjoni tal-ferrovija

  • L-identifikazzjoni u l-awtentikazzjoni elettroniċi

  • L-immaniġġjar effettiv tad-drittijiet kollettivi

  • Qafas għall-għajnuniet mill-Istat għas-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali

Il-postijiet tax-xogħol u l-ħiliet

Fl-Ewropa, is-suċċess ekonomiku u l-koeżjoni soċjali huma żewġt uċuħ tal-istess munita. Il-livelli għoljin ta' qgħad li għandna llum iġibu magħhom tbatija konsiderevoli u jheddu bil-kbir il-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku futuri tagħna. L-Ewropa tirnexxi biss meta kulħadd ikun f'qagħda li jagħti sehmu biex is-soċjetà timxi 'l quddiem.

Dan huwa mument ta' bidla deċiżiva għas-soċjetajiet tagħna. L-impatt tal-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ qiegħed kulma jmur jiħrax, u ma nifilħux nitilfu l-potenzjal, il-ħiliet u t-talenti tal-forza tax-xogħol tagħna. Jeħtieġ li ninvestu fil-kapital uman u soċjali tagħna. Diversi Stati Membri u kumpaniji dan diġà fehmuh: waqt il-kriżi lill-impjegati tagħhom żammewhom, xi drabi b'sigħat tax-xogħol imnaqqsin jew b'pożizzjonijiet ġodda, u issa jistgħu jagħmlu użu sħiħ mit-talenti tagħhom u mit-taħriġ li tawhom.

L-impatt soċjali tal-kriżi jmur lil hinn mid-dinja tax-xogħol: il-familji li jkunu neqsin mill-flus isibuha iebsa biex ilaħħqu mal-ħajja, jiżdied l-għadd ta' tfal li jkunu esposti għar-riskju tal-faqar, filwaqt li l-mard marbut mal-istress u impatti negattivi oħrajn fuq is-saħħa jagħmlu l-ħsara lis-soċjetà tagħna. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tibqa' tiġġieled kontra l-faqar u se tagħmel kampanji sabiex jinkisbu r-riżultati b'rabta ma' din il-mira ewlenija tal-Ewropa 2020.

Li niggarantixxu li s-soċjetajiet tagħna jkunu fiż-żgur fil-ġejjieni jfisser ukoll li nieħdu azzjoni f'waqtha biex nindirzzaw l-isfidi fit-tul, inkluża s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet. Għalkemm il-biċċa l-kbira tal-mezzi li bihom issir pressjoni huma nazzjonali, l-UE tista' tagħti kontribut importanti, u se jkun hemm diversi inizjattivi li se jkomplu fejn se tħalli l-ħidma tagħna dwar il-pensjonijiet. Biex niffinanzjaw il-ġid, filwaqt li jerġa' jkollna finanzi pubbliċi fis-sod, irridu nerġgħu naħsbuha mhux biss dwar il-prijoritajiet tal-infiq iżda wkoll dwar l-għejun tad-dħul.

Sabiex insaħħu l-ekonomija soċjali tas-suq li titħaddem fl-Ewropa, l-inizjattivi li se jkun fih il-programm ta' ħidma tas-sena d-dieħla se jkunu jinkludu:

  • Pakkett dwar l-Impjiegi (li jkopri aġenda mġedda dwar il-flessigurtà, inizjattiva favur postijiet tax-xogħol ekoloġiċi u Inizjattiva favur l-Opportunitajiet għaż-Żgħażagħ)

  • L-għoti ta' sostenn għall-provveddiment tal-irtirar mix-xogħol

  • Il-ħarsien tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta' dawk li jibdlu x-xogħol

Mogħdija sostenibbli lejn il-ġejjieni

Il-ħolqien ta' qafas koerenti biex fuqu timxi t-tranżizzjoni bil-mod il-mod lejn soċjetà li tipproduċi livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u li tuża r-riżorsi b'effiċjenza kien prijorità mill-ikbar għal din il-Kummissjoni. L-2012 se tkun l-aħħar sena ta' tħejjija qabel jidħol fis-seħħ għal kollox il-pakkett tal-2009 dwar il-klima u l-enerġija, u se tkun ukoll is-sena li matulha se jittieħdu miżuri ġodda li għandhom jgħinuna nilħqu l-miri li qbilna dwarhom filwaqt li jgħinu liċ-ċittadini, lill-komunitajiet u lin-negozji jsawru pjanijiet fit-tul għal futur b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju. Fil-qasam tat-trasport, se nibnu fuq il-miżuri li rnexxielhom inaqqsu l-emissjonijiet li joħorġu mill-vetturi. Se ngħinu biex issir l-infrastruttura meħtieġa sabiex il-fjuwils u vetturi alternattivi jkunu jistgħu jiġu akkwistati faċilment. Pjan iddettaljat ġdid tax-xogħol li għandu jsir rigward l-ilma jkun żvilupp kbir b'rabta mal-inizjattiva ewlenija dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi.

Tali miżuri se jaħdmu b'mod parallel mal-integrazzjoni tal-objettivi dwar il-klima fin-nefqa kollha mill-baġit tal-UE fil-futur, u dan huwa kontribut ewlieni biex naslu għall-objettivi tagħna dwar il-klima. Fil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha l-Kummissjoni se tibqa' tagħti kas tal-miri dwar il-klima, u fix-xogħol tagħna fl-Ewropa se tibqa' tagħti kas tal-iżviluppi fin-negozjati internazzjonali.

Jekk inħarsu lejn l-istorja tal-bniedem, l-użu tal-enerġija kien dejjem wieħed mill-fatturi determinanti fundamentali ta' soċjetà prospera. Wieħed mill-objettivi komuni tal-UE li ġew stabbiliti huwa sistema fiż-żgur, sostenibbli u kompetittiva tal-enerġija. Se tiġi żviluppata strateġija għat-tusigħ tal-enerġija rinnovabbli wara l-2020, sabiex ikollna l-istabbiltà fit-tul. Barra minn hekk, wara d-diżgrazzja ta' Fukushima, u wara li saru s-simulazzjonijiet ta' kriżi, se ssir reviżjoni kompluta tal-qafas eżistenti tas-sikurezza nukleari.

B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • Aktar passi rigward l-emissjonijiet li joħorġu mill-karozzi u l-vannijiet tal-passiġġieri

  • L-iffaċilitar tal-użu tal-enerġija nadifa għat-trasport

  • Il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma tal-Ewropa

  • L-aġġornament tal-qafas leġiżlattiv tal-EURATOM dwar is-sikurezza nukleari

Ewropa miftuħa għaċ-ċittadini

Il-ħolqien ta' spazju miftuħ u sigur, fejn iċ-ċittadini tal-UE u l-persuni bin-nazzjonalità ta' pajjiżi terzi li jkollhom id-drittijiet legali tad-dħul u tar-residenza jkunu jistgħu jidħlu, jiċċirkolaw, jgħixu u jaħdmu huwa waħda mill-aktar wirjiet qawwijin ta' x'tista' tagħmel l-UE.

F'din l-aħħar sena fl-Unjoni u barra minnha seħħew ġrajjiet li tellgħu l-kwistjoni tal-kontrolli fil-fruntieri sa fuq nett tal-aġenda tagħna. Sabiex inħarsu l-kisbiet storiċi tagħna fejn jidħlu l-libertà u l-mobbiltà, irridu kontinwament insaħħu u niżviluppaw is-sistema tal-fruntieri tagħna sabiex nirreaġixxu għal sfidi ġodda. Irridu wkoll nibqgħu ninfurzaw linja politika komuni dar il-migrazzjoni sabiex tkun tista' ssir ġestjoni responsabbli tal-migrazzjoni fl-UE. Wara konsultazzjoni fil-fond ma' dawk li għandhom interessi fil-qasam, il-Kummissjoni se tressaq pakkett dwar il-ġenerazzjoni li jmiss ta' kontrolli fil-fruntieri. Se naħdmu wkoll biex niżguraw li jkun hemm twettiq prattiku tal-moviment ħieles tal-ħaddiema fl-Unjoni bħala wieħed mill-jeddijiet bażiċi taċ-ċittadini fis-Suq Uniku.

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jmexxi 'l quddiem diversi inizjattivi tal-qalba tal-Pjan ta' Azzjoni ambizzjuż tal-Programm ta' Stokkolma. Proposta leġiżlattiva dwar l-estensjoni tal-Ġustizzja elettronika se tuża t-teknoloġija tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex tiffaċilita l-koperazzjoni fil-qasam tal-ġustizzja. Fil-mira tagħna se jkun hemm ukoll il-ħtieġa li niżguraw li d-dokumenti użati fil-proċeduri legali jkunu jistgħu jiġu rrikonoxxuti fl-Unjoni kollha kemm hi.

B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • Il-ġenerazzjoni li jmiss ta' kontrolli fil-fruntieri

  • Strateġija dar il-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u l-ġlieda kontrieh

  • Ix-xogħol u l-migrazzjoni

L-għoti ta' leħen effettiv lill-UE fid-dinja kollha

Il-prosperità u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE qegħdin kulma jmur jiġu dejjem aktar influwenzati direttament mill-iżviluppi li jseħħu lil hinn mill-fruntieri tagħna. Huwa fl-interess tagħna li nfittxu li nsawru dawn l-iżviluppi, u dan nistgħu nagħmluh l-aħjar billi naħdmu flimkien.

L-iżviluppi storiċi li qed iseħħu fil-viċinat tagħna fin-naħa t'isfel tal-Mediterran lill-UE jipprovdulha opportunità li sservi ta' influwenza pożittiva biex dawn il-pajjiżi jimxu għal għonq it-triq lejn id-demokrazija u l-prosperità. Irridu naħdmu ma' gvernijiet ġodda biex naraw x'appoġġ u x'inkuraġġiment nistgħu noffru – fejn jidħlu l-appoġġ politiku, l-assistenza teknika, u l-għajnuna konkreta għall-bini mill-ġdid u għall-iżvilupp ekonomiku.

Is-solidarjetà hija valur fundamentali Ewropew – u tinfirex lil hinn mill-fruntieri tagħna. Bħala l-akbar donatur fid-dinja ta' assistenza internazzjonali għall-iżvilupp, l-UE se jkollha rwol ewlieni biex jiġu megħjunin l-ifqar soċjetajiet tad-dinja, b'enfasi partikulari fuq li jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju. Fl-2012, se naraw espressjoni konkreta tas-solidarjetà globali tal-UE fil-forma ta' proposti biex jinħoloq Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli ssostni fix-xena internazzjonali l-objettivi tal-UE għat-tkabbir. Filwaqt li l-objettiv ġenerali jibqa' li n-negozjati multilaterali li għaddejjin bħalissa dwar il-kummerċ jirnexxu u li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ tkompli tissaħħaħ billi tidħol fiha r-Russja, nittamaw li fil-perjodu li ġej inkunu kkonkludejna ftehimiet ta' kummerċ ħieles mal-Ukraina, mal-Kanada, ma' Singapor u mal-Indja, u li nagħmlu pass deċiżiv 'il quddiem mal-Ġappun. Qed naħdmu wkoll biex nagħtu bidu għan-negozjati maċ-Ċina dwar ftehim rigward l-investiment mill-UE.

Matul l-2012 se jissuktaw il-valutazzjonijiet dwar tkabbir li jista' jsir fil-ġejjieni u dwar taħdidiet li għaddejjin bħalissa. Nistennew bil-ħerqa li ma ndumux ma nilqgħu lill-Kroazja bħala t-28 membru tal-familja tagħna. Fl-2012 se nagħmlu sforzi biex nippermettu lill-Kroazja tgawdi bis-sħiħ mit-tħejjijiet li qed tagħmel biex tissodisfa l-obbligi tas-sħubija, u biex tħaffef il-pass tagħhom.

B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • Il-ħolqien ta' Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja

  • Pakkett dwar it-tkabbir 2012

Regolamentazzjoni intelliġenti u twettiq effettiv

Meta tkun qed twettaq il-Programm ta' Ħidma tagħha, il-Kummissjoni se żżomm mal-impenn tagħha li toħroġ bi proposti tal-ogħla kwalità. It-tħejjija hija importanti jekk irridu li jkollna l-kwalità, u t-tħejjija tfisser li niżguraw li l-inizjattivi jiġu żviluppati b'konsultazzjoni sħiħa ma' dawk li għandhom interessi fil-qasam. Sabiex niżguraw li jkollna input qawwi minn dawk li għandhom interessi fil-qasam, mill-2012 'il quddiem il-perjodu tal-konsultazzjoni se jitwal minn 8 ġimgħat għal 12.

Mhux hekk biss: anki meta l-proposti jkunu mħejjijin tajjeb, u jkunu għaddew mill-għarbiel tal-Parlament u tal-Kunsill u kisbu l-appoġġ tagħhom, l-impatt reali tagħhom ikun jiddependi fuq it-twettiq. Illum il-ġurnata, hemm wisq azzjonijiet politiċi li ma jissarrfux f'benefiċċji tanġibbli għaċ-ċittadini, għall-kumpaniji u għall-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni se tkompli taqdi bis-sħiħ id-dmir tagħha ta' għassiesa tat-Trattat. Dan jinvolvi wkoll it-twettiq u l-iżvilupp b'mod proattiv tal-linja politika dwar il-kompetizzjoni bħala strument ewlieni biex jiġi żgurat li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs għal kulħadd u suq uniku li jaħdem sew.

B'dawn l-għanijiet quddiem għajnejna, il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2012 se jkun fih proposti dwar:

  • Il-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea

It-triq 'il quddiem

L-2020 hija biss tmien snin 'il bogħod. Bir-ritmu li qed iseħħu bih l-iżviluppi globali, l-UE trid taħtaf l-opportunità li tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha fid-dinja. Jekk nilħqux jew le l-miri ambizzjużi tagħna jiddependi fuq li kemm l-Istati Membri kif ukoll l-istituzzjonijiet Ewropej jimpenjaw ruħhom flimkien biex jirriformaw u jiksbu r-riżultati fuq il-bażi ta' dak l-impenn. Biex ikollna impatt reali minn issa sal-2020, jeħtieġ li l-ikbar sforzi fil-livell Ewropew isiru fil-bidu. Dan ifisser li naġixxu issa sabiex niżguraw li jseħħ il-progress li għandna bżonn. Nistenna b'ħerqa li fil-ġimgħat li ġejjin naħdem mal-Parlament Ewropew sabiex niżviluppaw programm ta' inizjattivi li se jgħinu biex l-Unjoni tagħna jerġa' jkollha t-tkabbir u l-fiduċja."


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website