Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/640

Brussell, it-28 ta’ Settembru 2011

Regoli Komuni għal Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji – Mistoqsijiet Frekwenti

(ara wkoll IP/11/1085)

1. Sfond ġenerali

Għaliex il-Kummissjoni pproponiet taxxa ġdida fuq is-settur finanzjarju?

Għal 2 raġunijiet ewlenin:

  • is-settur finanzjarju jkun jista' jagħti kontribuzzjoni ġusta lill-ispiża tal-kriżi wara li gawda minn appoġġ finanzjarju sinifikanti ħafna mill-gvernijiet sa mill-bidu tal-kriżi kurrenti.

  • qafas ikkordinat fuq il-livell tal-UE jgħin il-ħolqien ta' suq intern għas-servizzi finanzjarji li jkun aktar b'saħħtu, billi jevita d-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u jiskoraġġixxi attivitajiet ta' negozju riskjużi. Ikun ukoll sinjal qawwi biex tiġi promossa l-introduzzjoni ta' taxxa bħal din fuq livell globali.

Għaliex taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija meħtieġafuq il-livell tal-UE?

Xieraq li jkun hemm taxxa armonizzata fuq il-livell tal-UE sabiex inħoloq suq intern solidu għas-servizzi finanzjarji. It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tipprvjeni l-evażjoni, tevita t-tassazzjoni doppja u timminimizza d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fi ħdan is-Suq Uniku tal-UE. L-għan tal-proposta ma jistax jinkiseb suffiċentement jekk l-Istati Membri jaġixxu waħedhom.

Hemm appoġġ għall-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji?

Iva. Skont l-aħħar Eurobarometer, 65% taċ-ċittadini Ewropej huma favur taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji.

Is-servizzi finanzjarji bħalissa jgawdu minn trattament preferenzjali meta mqabbla ma’setturi oħra?

Iva. Is-servizzi finanzjarji huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, eżenti mill-VAT (minħabba diffikultajiet fil-kejl tal-bażi taxxabbli). Dan iwassal għal tassazzjoni inqas tas-servizzi finanzjarji.

Barra minn hekk, is-settur finanzjarju jgawdi minn marġni ta' profitt għoli ħafna u l-protezzjoni impliċita mill-gvernijiet fil-kriżi ekonomika attwali.

Għaliex il-Kummissjoni qed tippromwovi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fuq livell globali?

Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji hija meħtieġa mhux biss fil-livell tal-UE imma fil-livell globali għaliex is-swieq finanzjarji huma dejjem aktar interkonnessi u għandhom dimensjoni globali. Bil-proposta li l-ewwel ikun hemm taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni biħsiebha tkun f’qagħda li tippromwovi taxxa bħal din fuq livell globali fil-qafas tal-G20.

Sa mill-2009, kien hemm diversi okkażjonijiet fil-G20, bħal f'Pittsburgh u Toronto, fejn il-Kummissjoni ddiskutiet l-introduzzjoni ta' taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Bl-appoġġ tal-Presidenza Franċiża attwali tal-G20, l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fuq il-livell globali tista' tkun fuq il-mejda fis-Summit tal-G20 li jmiss f'Cannes fit-3 u l-4 ta' Novembru.

2. Definizzjonijiet

X'inhi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji?

Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji (TTF) hija taxxa applikata lit-tranżazzjonijiet finanzjarji, normalment b'rata baxxa ħafna. Tranżazzjoni finanzjarja tapplika għall-iskambju ta' strumenti finanzjarji bejn banek jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra. L-istrumenti finanzjarji inkwistjoni jinkludu titoli, bonds, ishma u derivati.

Ma jinkludux tranżazzjonijiet li jsiru tipikament minn banek kummerċjali fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ individwi jew negozji privati, ħlief meta dawn jirrelataw mal-bejgħ jew ix-xiri ta’ bonds jew ishma.

X'inhi istituzzjoni finanzjarja?

Id-definizzjoni ta' istituzzjoni finanzjarja fil-proposta tal-Kummissjoni tkopri firxa wiesgħa ta' istituzzjonijiet sabiex tiġi evitata l-evażjoni tat-taxxa u tinkludi essenzjalment ditti tal-investiment, swieq organizzati, istituzzjonijiet tal-kreditu, kumpaniji tal-assigurazzjoni, impriżi ta’ investiment kollettiv u l-maniġers tagħhom, fondi ta’ investiment alternattivi (bħal fondi hedge), kumpaniji ta' leasing finanzjarju u entitajiet bi skop speċjali.

X'inhi d-differenza bejn tranżazzjonijiet imwettqa fi swieq organizzati jew barra l-Borża?

Il-maġġoranza tad-derivati jiġu nnegozjati fi swieq organizzati. Prodotti nnegozjati f'dawn is-swieq għandhom ikunu standardizzati għall-finijiet ta' kummerċ trasparenti.

Prodotti mhux standard jiġu nnegozjati fl-hekk imsejħa swieq tad-derivati barra l-Borża (over-the-counter (OTC) ). Derivati OTC ikollhom struttura inqas standard u jiġu nnegozjati bilateralment (bejn żewġ partijiet).

X'inhu l-prinċipju tar-residenza?

It-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tkun ibbażata fuq il-prinċipju tar-residenza fiskali tal-istituzzjoni finanzjarja jew l-operatur tas-suq. It-tassazzjoni għalhekk isseħħ fl-Istat Membru fejn jitqies li tkun stabbilita l-istituzzjoni finanzjarja involuta fit-tranżazzjoni. Dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni, minħabba li tranżazzjoni finanzjarja tiġi ntaxxata f'kull każ fejn resident tal-UE kien involut, anki jekk it-tranżazzjoni tkun saret barra l-UE.

3. Kif se taħdem it-taxxa?

Min se jiġi ntaxxat?

Il-kontribwenti ewlenin jkunu istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw tranżazzjonijiet finanzjarji, jiġifieri banek, ditti tal-investiment, istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni, stockbrokers, fondi tal-pensjonijiet, impriżi għall-investiment kollettiv f'titoli trasferibbli, fondi ta’ investiment alternattivi bħal fondi hedge, etc.

Liema tranżazzjonijiet ser ikunu koperti?

Il-Kummissjoni pproponiet li t-taxxa tkun imposta fuq it-tranżazzjonijiet kollha marbuta ma' strumenti finanzjarji bejn istituzzjonijiet finanzjarji, jekk mill-inqas waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji titqies bħala stabbilita fl-Unjoni Ewropea. L-istrumenti finanzjarji kkonċernati jkunu prodotti bħal ishma, bonds, derivati u prodotti finanzjarji strutturati. Ma tagħmel l-ebda differenza li t-tranżazzjonijiet ikunu saru fi swieq organizzati jew inkella barra l-Borża - jiġu ntaxxati fiż-żewġ każijiet.

Liema tranżazzjonijiet ser ikunu esklużi mit-taxxa proposta?

Huma biss it-tranżazzjonijiet marbuta mal-istrumenti finanzjarji li jkunu koperti mill-proposta tal-Kummissjoni. Dan ifisser li ma jidħlux fl-ambitu tat-taxxa t-tranżazzjonijiet kollha fejn ikunu involuti l-privati jew l-SMEs. Pereżempju, ipoteki fuq id-djar, self bankarju mill-SMEs, jew kontribuzzjonijiet għal kuntratti tal-assigurazzjoni ma jkunux inklużi. Lanqas ma jiġu intaxxati tranżazzjonijiet tal-kambju bir-rata kurrenti u l-ġbir tal-kapital mill-impriżi jew il-korpi pubbliċi, inkluż pereżempju banek għall-iżvilupp pubbliku permezz tal-ħruġ ta' bonds u ishma fis-suq primarju.

Għaliex il-Kummissjoni ser tipproponi bażi fiskali wiesgħa ħafna?

Il-Kummissjoni pproponiet li t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jkollha l-usa' bażi possibbli sabiex jitnaqqsu r-riskji tar-rilokazzjoni tas-suq u l-evitar tat-taxxa. Il-bażi tat-taxxa tiġi ddefinita skont l-attivitajiet kummerċjali mwettqa mill-istituzzjonijiet finanzjarji. L-istrumenti finanzjarji koperti jkunu jinkludu ishma, bonds, is-sostituti tagħhom u derivati relatati.

Liema rati tat-taxxa ser jiġu proposti?

Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta' perturbazzjonijiet fis-suq, il-Kummissjoni pproponiet li timponi rata tat-taxxa baxxa ħafna fuq it-tranżazzjonijiet. Ipproponiet rata tat-taxxa minima għall-kummerċ tal-bonds u l-ishma ta' 0.1% u 0.01% għal prodotti derivati. L-Istati Membri jkunu ħielsa japplikaw rati ogħla. It-taxxa jkollha titħallas minn kull parti fit-tranżazzjoni.

Għaliex il-Kummissjoni se tipproponi dawn ir-rati speċifiċi?

Il-Kummisjoni ddeċidiet li tipproponi rati minimi biex, minn naħa, tnaqqas ir-riskju tar-rilokazzjoni, u mill-oħra tiggarantixxi dħul għall-UE u l-Istati Membri.

Fejn se tiġi applikata t-taxxa?

It-taxxa tiġi applikata fit-territorju tas-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea. Tkun tapplika għat-tranżazzjonijiet finanzjarji kollha bil-kundizzjoni li mill-inqas parti waħda għat-tranżazzjoni tkun stabbilita fi Stat Membru tal-UE u li istituzzjoni finanzjarja stabbilita fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat tkun parti għat-tranżazzjoni.

F'każijiet fejn il-pajjiżi tal-UE jkunu applikaw taxxa nazzjonali fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, it-taxxa jkollha tikkonforma mar-regoli tal-UE. Il-pajjiżi kollha tal-UE se jkollhom jirrispettaw ir-rati minimi tat-tassazzjoni għad-diversi tipi ta’ tranżazzjonijiet.

Fil-prattika, kif se tiġi applikata t-taxxa lil tranżazzjoni?

Iż-żewġ partijiet fit-tranżazzjoni jħallsu sehemhom mit-taxxa fil-pajjiż fejn huma residenti jew meqjusa li huma residenti.

Kif tista’ taxxa bħal din tinteraġixxi mas-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri?

Il-Belġju, Ċipru, Franza, il-Finlandja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, ir-Rumanija, il-Polonja u r-Renju Unit diġà għandhom fis-seħħ forma ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Għandhom mnejn ikollhom jimmodifikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom biex jallinjawhom mar-regoli proposti mill-Kummissjoni. Dan ifisser li l-Istati Membri jkollhom japplikaw ir-rata minima u jarmonizzaw il-bażi tat-taxxa kif ipprovdut mir-regoli tal-UE dwar it-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji. Stati Membri oħra jkollhom idaħħlu t-taxxa kif proposta mill-Kummissjoni.

4. Dħul miġbur mit-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji

Għalxiex se jintuża d-dħul minn taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji?

Bħal kull taxxa oħra, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tista’ tikkontribwixxi għall-finanzi pubbliċi, li jintefqu fl-interess pubbliku. Fil-każ ta’ taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell tal-UE, parti minnha tista' tmur għall-baġit tal-UE u parti oħra tista’ tgħin biex tiffinanzja il-baġits tal-Istati Membri. Għalkemm hija prassi ġenerali fil-baġit tal-UE u fil-baġits nazzjonali li d-dħul minn taxxa ma jiġix allokat għal politika partikolari, ta' min wieħed jgħid li sehem importanti mill-baġit tal-UE huwa ddedikat għat-tkabbir u l-impjiegi, kif ukoll biex jiġu indirizzati sfidi globali bħall-iżvilupp u t-tibdil fil-klima.

Kif se jinġabar id-dħul?

It-taxxa titħallas minnufih mill-istituzzjonijiet finanzjarji lill-Istati Membri skont it-tranżazzjonijiet imwettqa, qabel in-netting u s-saldu. Dawn huma normalment tranżazzjonijiet elettroniċi, f' liema każ it-taxxa titħallas dakinhar li tkun dovuta. Jekk it-tranżazzjoni ma tkunx ipproċessata elettronikament, it-taxxa fuq it-tranżazzjoni finanzjarja tkun dovuta fi żmien tlett ijiem ta' xogħol sabiex tippermetti l-ipproċessar manwali tat-tranżazzjonijiet filwaqt li tevita vantaġġi inġustifikati fil-likwidità.

L-istituzzjonijet finanzjarji li għandhom iħallsu t-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji jkollhom jagħtu dikjarazzjoni fiskali lill-awtoritajiet tat-taxxa. L-Istati Membri jkollhom jieħdu miżuri xierqa biex jipprevjenu l-evażjoni tat-taxxa. Il-miżuri jkunu jinkludu r-resġistrazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji, il-kontabilità u r-rappurtar biex jiġi żgurat il-ħlas, iż-żamma għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet tat-taxxa ta' dejta relevanti dwar it-tranżazzjonijiet finanzjarji, u l-verifika tal-ħlas korrett tat-taxxa.

Ġie stmat kemm jistgħu jinġabru flus?

Bir-rata ta' 0.1% għall-bonds u l-ishma u 0.01% għal tipi oħra ta' tranżazzjonijiet bħad-derivati, it-taxxa tista' tiġbor madwar € 57 biljun fis-sena.

Għaliex il-Kummissjoni tipproponi li tuża parti mid-dħul iġġenerat minn taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji bħala riżorsa proprja futura għall-baġit tal-UE?

Fil-proposta tagħha għall-qafas finanzjarju li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li tintroduċi żewġ riżorsi proprji ġodda: taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u riżorsa tal-VAT immodernizzata. Is-sistema tar-riżorsi proprji użata mill-Kummissjoni ssir aktar ġusta għaliex tkun tista' tinħoloq rabta aktar trasparenti bejn l-għanijiet politiċi tal-UE u l-finanzjament tal-UE. Taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tista' tnaqqas b'mod konsiderevoli l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u b'hekk tikkontribwixxi għall-isforzi tal-konsolidazzjoni baġitarja fl-Istati Membri. Huwa stmat li sal-2020, ir-riżorsi proprji l-ġodda jistgħu jammontaw għal kważi nofs id-dħul tal-baġit tal-UE, filwaqt li s-sehem tal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri bbażati fuq id-dħul gross nazzjonali jinżel għal madwar terz mir-rata ta' llum ta' aktar minn tliet kwarti (IP/11/799, MEMO/11/468).

Min se jgawdi u kif?

Iċ-ċittadini u l-impriżi kollha jgawdu minn din it-taxxa permezz ta' dħul pubbliku ulterjuri li jista' jintuża biex jiġi ġġenerat aktar tkabbir ekonomiku u ġid fl-UE. L-Istati Membri jkunu jistgħu wkoll jgawdu minn din il-fergħa ġdida ta' dħul pubbliku kemm bħala finanzjament dirett għall-baġits tagħhom stess kif ukoll għax il-kontribuzzjonijiet għall-baġit tal-UE jonqsu.

Fl-aħħarnett, taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji tista’ ssir "riżorsa proprja" ġdida għall-Unjoni Ewropea biex tiffinanzja l-politiki tagħha għall-benefiċċju ta' kulħadd.

5. It-taffija tar-riskji

Kif tista' l-proposta tnaqqas ir-riskju li t-taxxa tgħaddi għand il-konsumaturi?

Il-Kummissjoni pproponiet li t-taxxa tkopri biss tranżazzjonijiet fejn ikunu involuti l-istituzzjonijiet finanzjarji. L-għan huwa li jiġi ntaxxat is-settur finanzjarju, u mhux il-klijenti tiegħu. It-taxxa jkollha l-mira li tkopri 85% tat-tranżazzjonijiet li jseħħu bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji.

Madankollu, meta jkunu individwi privati u intrapriżi li jixtru jew ibigħu prodotti finanzjarji, l-istituzzjonijiet finanzjarji jkunu jistgħu jgħaddu din it-taxxa. Pereżempju, għal xiri ta' ishma għall-valur ta' €10 000, il-bank jista' jżomm €10, li mhuwiex eċċessiv.

Liema huma r-riskji li tista' ġġib magħha l-introduzzjoni ta' din it-taxxa? Liema soluzzjonijiet huma proposti biex jittaffew dawn ir-riskji?

Ir-riskji prinċipali jkunu l-inċidenza tat-taxxa (jiġifieri min se jġorr il-piż finali tat-taxxa), ir-rilokazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji lejn pajjiżi oħra, distorsjonijiet ekonomiċi u telf potenzjali ta’ kompetittività . Sabiex jittaffew dawn ir-riskji, il-proposta tipprovdi għal rati baxxi tat-taxxa (differenzjati għal kull grupp ta' prodott), bażi fiskali wiesgħa ħafna, kriterji xierqa biex tiġi ddeterminata l-applikazzjoni territorjali tat-taxxa (biex it-taxxa tiġi impost fejn tkun stabbilita l-istituzzjoni finanzjarja) u ambitu armonizzat.

6. Il-passi li jmiss

X'inhuma l-passi li jmiss?

Wara l-opinjoni tal-Parlament Ewropew, il-proposta tkun teħtieġ tiġi diskussa u maqbula unanimament mill-Istati Membri fil-Kunsill tal-Ministri tal-UE. B'mod parallel, il-Kummissjoni se tesplora modi biex tintroduċi taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji fil-livell globali, partikolarment mas-sħab internazzjonali tagħha fil-G20.

Meta tidħol fis-seħħ it-taxxa proposta?

Il-Kummissjoni pproponiet li t-taxxa għandha tidħol fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014, iżda dan jiddependi minn meta l-Kunsill jadotta il-proposta.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website