Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE NL IT EL CS ET HU LT LV SL

MEMO/11/639

Brussell, is-27 ta’ Settembru 2011

Il-wieħed u għoxrin Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza (EDEN) fit-‘Turiżmu u r-Riġenerazzjoni ta’ Siti Fiżiċi’

Wieħed u għoxrin destinazzjoni turistika mill-Ewropa kollha ngħataw it-titlu ‘Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza fit-Turiżmu u r-Riġenerazzjoni ta’ Siti Fiżiċi 2011’ waqt ċerimonja Gala għall-għoti tal-Premjijiet fi Brussell fis-27 ta’ Settembru 2011. EDEN huwa l-akronimu għal ‘European Destinations of Excellence’ (Destinazzjonijiet Ewropej ta’ Eċċellenza), inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea li tippromwovi mudelli ta’ żvilupp sostenibbli tat-turiżmu madwar l-Unjoni Ewropea. Il-proġett huwa bbażat fuq kompetizzjonijiet nazzjonali li jsiru kull sena, li jwasslu għall-għażla ta’ “destinazzjoni turistika ta’ eċċellenza” għal kull pajjiż parteċipant.

Il-wieħed u għoxrin Destinazzjoni Ewropea ta’ Eċċellenza 2011 huma:

L-AWSTRIJA – Il-Belt ta’ Gmünd/Carinthia

Gmünd tinsab fil-wied fertili tal-park nazzjonali ta’ Nockberge. Hija Belt Ewropea storika mdawwra bis-swar, li n-nies tal-post isejħulha l-“belt tal-artisti”. Grazzi għall-inizjattivi komunitarji proattivi taċ-ċittadini tagħha, 15-il bini medjevali tal-belt ġie rrestawrat sal-inqas dettall. Dawn inbidlu fi spazji miftuħa li jintużaw ukoll bħala ċentri artistiċi u kulturali, li fihom jiġu eżebiti xogħlijiet ta’ artiġjani, artisti u skulturi kemm lokali kif ukoll internazzjonali. Il-pajsaġġ tal-madwar huwa ġenna għal min iħobb jimxi jew isuq ir-rota.

www.stadtgmuend.at

IL-BELĠJU - Marche-en-Famenne

Kemm jekk tixtieq tiskopriha billi ddur it-toroq bir-rota jew permezz ta’ karrozzin, il-muniċipalità ta’ Marche-en-Famenne u l-irħula tagħha joffrulek ħarsa lejn dan ir-raħal li fis-seklu 13 kien fl-aqwa tiegħu bħala raħal kummerċjali. Fost il-bini li ġie rrestawrat insibu t-torri tal-fortizza ta’ Juniesse, li llum qed tintuża bħala skola għall-kostruzzjoni, il-maħżen tal-qamħ, il-kunvent l-antik ta’ Carmes u l-Kastell Jemeppe li għandu torrijiet li jixbħu dawk tal-kastelli tal-istejjer tas-sħarijiet u li huwa mdawwar b’ħandaq. Marche-en-Famenne għandha popolazzjoni dinamika u żagħżugħa, li hija kburija bil-wirt storiku tagħha.

www.maisontourisme.nassogne.marche.be

Il-KROAZJA - Pustara Višnjica

Din il-proprjetà sabiħa u mdaqqsa fis-Slavonja tal-Lvant, fejn fis-seklu 19 kienu jitrabbew iż-żwiemel, hija mdawra b’siġar tal-lajm, tal-qastan u tal-aġġru. Illum Pustara Višnjica hija l-unika Pustara, jew razzett għat-trobbija taż-żwiemel, li għadha topera fil-Kroazja. It-turiżmu rurali qiegħed dejjem jikber f’dan il-post li ma tantx huwa magħruf fejn jitkabbru ħxejjex aromatiċi, ċereali u pjanti lokali, u fejn reġgħet bdiet tiġi prodotta l-ġojjellerija tradizzjonali. Pustara Višnjica toffri wkoll opportunitajiet biex wieħed iqatta’ l-ħin barra fil-beraħ u jipprattika passatempi li jvarjaw minn irkib fuq iż-żwiemel sa ċ-ċikliżmu.

www.visnjica.hr

ĊIPRU - Kalopanagiotis

Ir-raħal ta’ Kalopanagiotis, li jinsab viċin ta’ għejun termali li fl-antik kienu żaruhom ir-Re Solomon u l-Biżantini, huwa raħal Ċiprijott idilliku li jinsab fuq għolja, f’nofs l-għoljiet l-oħra tal-muntanji Troodos. Dan huwa post fejn dak li jkun jista’ jinsa kollox meta jkun fih: l-atmosfera ta’ trankwillità tagħti karattru partikolari lil dan ir-raħal tassew sabiħ. Il-kappelli antiki, il-monasteri u l-bini residenzjali ta’ dan ir-raħal ġew irrestawrati bir-reqqa, u llum jintużaw biex fihom jinżammu kollezzjonijiet impressjonanti ta’ arti Biżantina, jew bħala mużewijiet tal-istorja lokali. Il-viżitaturi jżuru r-raħal ta’ Kalopanagiotis biex jirrilassaw fl-ilmijiet tal-post, biex igawdu l-pajsaġġ naturali u paċifiku u biex jimxu tul il-mogħdijiet tal-inħawi.

www.kalopanayiotis.com

IR-REPUBBLIKA ĊEKA - Slovácko

Irkeb fuq dgħajsa u inżel tul il-65 mil tal-Kanal Bat'a, li huwa miżmum b’mod impekkabbli. Il-kanal jgħaddik minn fost il-foresti u l-pajsaġġi fertili ta’ Slovácko, li fihom wieħed isib ukoll mużewijiet u monumenti, li jenfasizzaw il-wirt għani ta’ dan ir-reġjun tal-minjieri u l-inbid. Din hija l-art taż-żifna tradizzjonali msejħa “verbunk”, li ngħatat l-istatus tal-UNESCO fl-2005, u l-post fejn jinsabu wkoll xi wħud mill-aqwa u l-eqdem egħlieqi tad-dwieli tar-Repubblika Ċeka. Duq it-togħmiet ta’ dan ir-reġjun sabiħ, u skopri l-insedjamenti fortifikati Moravjani u l-istrutturi Gotiċi impressjonanti li jinsabu fih, bħall-Kastell Buchlov.

www.slovacko.cz

L-ESTONJA – Il-vilel tal-Park Nazzjonali ta’ Lahemaa

Fl-‘art tal-bajjiet’ tal-Park Nazzjonali ta’ Lahemaa nsibu tliet vilel tal-kampanja, b’kuluri differenti u minn żminijiet differenti iżda li għandhom stil simili li jirrifletti l-kburija Estonjana u l-arkitettura Barokka klassika. Dawn ġew irrestawrati b’materjali li jagħmlux ħsara lill-ambjent, u kull waħda mill-vilel toffri esperjenzi differenti lit-turisti li jżuruhom - Vihula hija country club u spa, Palmse hiija mużew fil-beraħ u Sagadi hija Skola dwar in-Natura u Mużew tal-Foresti. Fil-viċinanzi ta’ dawn il-binjiet eleganti, il-viżitaturi jistgħu jżuru l-artijiet mistagħdra ta’ Viru, jew imorru dawra fuq dgħajsa tal-Vikingi fir-raħal żgħir ta’ Kasmu, li jinsab ħdejn il-baħar.

www.sagadi.ee

www.palmse.ee

www.vihulamanor.com

FRANZA - Roubaix

Roubaix, li tinsab fit-tramuntana ta’ Franza, kienet parti mit-trijangolu tat-tessuti Lille-Roubaix-Tourcoing, u għaddiet minn skema eċċitanti ta’ żvilupp urban biex saret raħal movimentat u artistikament attiv li nbena fuq sisien sostenibbli. Il-postijiet industrijali u urbani ewlenin tagħha ġew ittrasformati - il-pixxina muniċipali issa saret mużew tal-arti, filwaqt li garaxx antik issa jintuża bħala teatru indipendenti. Skema għall-kiri tar-roti tippermetti li l-viżitaturi joħorġu mir-raħal u jerħulha lejn id-diversi spazji ħodor, kollha kemm huma rinnovati, li jinsabu fil-madwar.

www.roubaixtourisme.com

IL-GREĊJA – Il-Muniċipalità ta’ Delfi

L-art tal-famuża “Oraklu” u, fil-mitoloġija Griega, iċ-“ċentru tal-univers”, Delfi għandha storja twila u misterjuża. Din il-muniċipalità għandha wkoll pajsaġġ pittoresk ħafna, diversi bajjiet nodfa li ngħataw il-Bandiera Blu u ħafna fdalijiet arkeoloġiċi. Fost il-bosta proġetti ta’ riġenerazzjoni li saru f’Delfi nsibu: ir-restawr tal-konzeriji tal-ġilda tad-distrett ta’ Harmaina u l-bini mill-ġdid tal-Belt l-antika ta' Amfissa, permezz ta’ tekniki ta’ bini sostenibbli. Kemm jekk tħobb tipprattika l-isport avventuruż fil-beraħ, kif ukoll jekk tippreferi timxi fuq l-artijiet sagri tat-tempji, tal-amfiteatri jew tal-istadji tal-qedem – f’Delfi tista’ tagħmel dan kollu.

www.delphi.gr

L-UNGERIJA - Mecsek

Mecsek hija art fertili li tinsab fin-Nofsinhar tal-Ungerija, li tgawdi minn klima ħafif tal-Mediterran li fih jikbru dwieli u siġar tat-tin u tal-lewż. Fiha jinsab għadd kbir ta’ bliet Rumani u siti antiki li kienu jintużaw ħafna sekli ilu, u llum il-ġurnata ħafna minn dawn is-siti ngħataw ħajja mill-ġdid. Fil-fatt hemmhekk illum tista’ ssib fabbrika famuża fejn tinħadem il-porċellana, kif ukoll ċentru tal-arti u monasteru tal-Benedittini li qed jintuża bħala lukanda u li jingħad li għandu s-setgħa li jfejjaq. Fil-belt ta Mohács kull sena jsir karnival eċċitanti, u l-għerien kbar ta’ Trió, li għad ma ġewx esplorati fil-fond, huma għeġubijiet naturali. Ta’ min iżur ukoll il-lagi ta’ Orfű, li jinsabu f'nofs il-foresti.

www.mecsekimeglepetesek.hu

L-ISLANDA – Il-Muniċipalità ta’ Stykkishólmur

Mibni fuq il-ponta tal-Punent tal-Iżlanda, dan ir-raħal tas-sajjieda jinsab fuq in-naħa l-oħra tal-oċean faċċata tal-Westfjords muntanjużi. Meta bdiet tonqos is-saħħa tal-industrija tas-sajd, il-raħal żgħir ta’ Stykkishólmur introduċa proġett ta’ riġenerazzjoni biex jistimula t-turiżmu u fl-istess ħin jenfasizza l-bżonn li jiġi protett l-ambjent. Id-djar qodma li kienu jintużaw mis-sajjieda ġew irrestawrati u llum qed jintużaw bħala guesthouses. Dawn qed joffru x-xogħol liż-żgħażagħ, li issa qed jagħżlu li jibqgħu f’Stykkishólmur biex jilqgħu lill-viżitaturi minflok jitilqu mir-raħal. Il-fjords huma attrazzjoni ewlenija li tiġbed lin-nies lejn dan ir-reġjun remot u selvaġġ, bħalma huma wkoll il-mużew tal-Vulkani u l-mużew tal-folklor lokali. Qatta’ ftit żmien hawnhekk biex taħrab mir-rutini ta’ kuljum u ssib ritmu ta’ ħajja li jimxi b’pass inqas mgħaġġel.

www.stykkisholmur.is

www.snaefellsnes.com

www.west.is

L-IRLANDA - The Great Western Greenway, Co Mayo

Il-Great Western Greenway hija magħrufa bħala waħda mill-aqwa rotot taċ-ċiklisti fl-Ewropa. Dan ir-rotta spettakolari toffri 42 kilometru ta’ pajsaġġi u veduti mill-isbaħ fuq il-baħar tul il-kosta Atlantika ħarxa ta’ County Mayo. Postijiet ewlenin famużi li kienu joperaw tul dik li darba kienet linja tal-ferrovija llum ġew irriġenerati u nfetħu mill-ġdid, bħall-famuża lukanda Vittorjana Mulranny. Stagħġeb bl-arċipelagu ta’ Clew Bay, bil-muntanji ta’ Nephin u bil-bajjiet tal-Bandiera Blu li jinsabu tul ir-rotta.

www.mulranny.ie

www.greenway.ie

L-ITALJA - Montevecchio, il-Muniċipalità ta’ Guspini

Fuq il-kosta tal-Lbiċ ta’ Sardinja ssib postijiet idilliċi. Apparti l-bajjiet pittoreski, l-imsaġar taż-żebbuġ u l-muntanji xemxija ta’ dik iż-żona nsibu wkoll ir-raħal ta’ Montevecchio. Dan huwa raħal u ekomużew li jinsab fejn darba kien hemm l-eqdem minjieri tal-Italja. Montevecchio ġie rrestawrat biex iservi ta’ ċentru importanti dwar il-wirt, u joffri ħarsa lejn dan l-aspett minsi tal-istorja industrijali ta’ Sardinja. Fil-mużew u madwar ir-raħal jiġi eżebit xogħol artiġjanali. Il-post huwa kkaretterizzat ukoll mill-istorja tal-industrija tal-minjieri u minn prodotti lokali tal-ikel li jiġu ppreparati skont riċetti tradizzjonali. Matul is-sena, fil-villaġġ isiru wkoll diversi festivals lokali.

www.minieramontevecchio.it

IL-LATVJA – Il-villaġġ ta’ Ligatne

Il-villaġġ ta’ Ligatne żviluppa madwar il-fabbrika fejn tinħadem il-karta. Din hija l-eqdem fabbrika tal-karta fil-Latvja, u l-unika fabbrika tal-karta fil-pajjiż kollu. Meta kienet fl-aqwa tagħha, fost il-klijenti tagħha kienet tgħodd saħansitra lit-Tsars Russi. Illum il-mitħna għadha ċ-ċentru tar-raħal, u tipproduċi karta riċiklata filwaqt li tappoġġja r-riġenerazzjoni ta’ Ligatne. Imdawwar bl-għoljiet u bl-irdum magħmul minn ġebla ramlija, ir-raħal ta’ Ligatne u l-fabbrika tiegħu llum jinsabu miftuħa għat-turisti li jixtiequ jiskopru din is-sengħa antika, jitgħallmu dwar ir-riċiklaġġ tal-karta u, naturalment, igawdu l-Park Nazzjonali ta’ Gauja u l-flora u l-fawna li jinsabu fih.

www.visitligatne.lv

IL-LITWANJA – Il-Villa Rokiškis

Din ir-residenza eleganti, li qabel kien jgħix fiha l-Konti Ignotas Tyzenhauzas, hija mdawra b’ġonna mill-isbaħ. Il-kmamar tagħha, li ġew irrestawrati bir-reqqa, u s-serati kulturali li jsiru fiha jiġbdu kemm viżitaturi lokali kif ukoll oħrajn minn pajjiżi oħra. Il-binjiet prinċipali u l-binjiet iż-żgħar tal-post ġew irrestawrati biex jirriflettu l-ġmiel u l-kburija oriġinali tagħhom, u llum jintużaw kollettivament bħala l-mużew reġjonali ta’ Rokiškis, fejn qed jiġu eżebiti aktar minn 77,000 oġġett, fost oġġetti kulturali u artistiċi u kotba. Fl-istess żona nsibu wkoll il-Mużew tal-Presepji tal-Milied, post ideali għal min jixtieq btala qasira tax-xitwa mhux tas-soltu.

www.rokiskis.lt

MALTA – Għarb

Fil-raħal kwiet tal-Għarb, li jinsab fil-ponta tal-gżira Maltija ta’ Għawdex, iż-żgħażagħ għadhom jitkellmu bid-djalett lokali u fir-ristoranti għadek issib ukoll platti tradizzjonali. Dan jgħin biex dawn iż-żewġ tradizzjonijiet fundamentali Għawdxin jinżammu ħajjin. Il-Wied il Mielaħ, baċin naturali li fih ħafna speċi differenti ta’ flora u fawna u li ma baqax jintuża, ġie rriġenerat mill-ġdid; il-ħitan tas-sejjieħ ta’ madwar il-wied ġew ristrutturati u l-veġetazzjoni naturali ġiet stabbilita mill-ġdid. L-Għarb hemm ukoll mużew tal-folklor, kif ukoll ħafna knejjes u bażiliki ta’ importanza storika.

www.gharbnet.com

www.lc.gov.mt

L-OLANDA - Veenhuizen

Qatta’ lejl f’ċella tal-ħabs waqt iż-żjara tiegħek f’dan il-post rurali mhux tas-soltu. Veenhuizen kien ħabs u ċentru ta’ rijabilitazzjoni, li ġie rriġenerat biex isir villaġġ għani u animat li jaf jilqa' lit-turisti. Il-binjiet antiki tal-ħabs il-qadim illum jintużaw bħala guesthouses, ċentri tas-saħħa, galleriji tal-arti u mużewijiet. Din il-“Kumpanija ta’ Benevolenza”, li twaqqfet minn Ġenerali Olandiż fl-1822 bħala komunità ta’ ħidma għal nies foqra u li ma kellhomx fejn joqgħodu, illum hija simbolu tal-istorja tal-komunità u, grazzi għall-pożizzjoni rurali tagħha miżmuma b’mod perfett, tiġbed ħafna viżitaturi li jkunu qed ifittxu btala kulturali b’differenza.

www.veenhuizenboeit.nl

www.kopvandrenthe.nl

IL-POLONJA - Żyrardów

Żyrardów kien magħruf bħala wieħed mill-ikbar irħula fejn kien jiġi prodotti l-għażel. Dan ir-raħal inbena ftit wara l-1820 skont disinn innovattiv li ffoka fuq ippjanar bir-reqqa tat-toroq, li wassal biex il-post isir xejn inqas minn raħal vera għall-ħaddiema li kienu jgħixu fih. Illum, permezz ta’ restawr li sar bir-reqqa, dan l-eżempju uniku ta’ raħal mudell jew belt ta’ ġonna sar mużew tal-fabbriki: l-impjanti qodma tal-għażil inbidlu fi djar, ristoranti u ħwienet filwaqt li nżammu l-karatteristiċi arkitettoniċi oriġinali tagħhom. Il-possibbiltà li wieħed jikri kenura jew rota biex imur dawra biha, kif ukoll ħafna postijiet tajbin biex wieħed imur jimxi, iżidu mal-attrazzjonijiet tal-post.

www.zyrardow.pl

www.wirtualnyspacer.zyrardow.pl

IL-PORTUGALL - Il-Park Naturali ta’ Faial

Immaġina lilek innifsek qed tixxabbat mal-kratier ta’ vulkan inattiv, li darba kien jisplodi ta’ spiss, fuq gżira ddominata minn quċċati ħodor. Il-Park Naturali ta’ Faial joffrilek dan kollu u ħafna aktar. Wara li sarulu modifikazzjonijiet estensivi, il-Park illum sar aktar aċċessibbli għat-turisti minn qatt qabel. Il-Park joffri mawriet edukattivi, ċentru ta’ riċerka u ta’ skoperta u eskursjonijiet iggwidati li juru l-aqwa attrazzjonijiet ta’ Faial, inkluż il-vulkan tassew impressjonanti ta’ Capelinhos. F’Faial hemm bosta villaġġi żgħar u pittoreski, fejn wieħed jista’ jsib mużewijiet u galleriji impressjonanti, kif ukoll ambjent naturali mill-isbaħ ikkaratterizzat minn quċċati vulkaniċi għoljin.

www.parquesnaturais.azores.gov.pt/en/faial-eng

IS-SLOVENJA - Idrija

Żur mużew li jinsab taħt l-art - il-mużew tal-minjieri ta’ Idrija, li għandu diversi sezzjonijiet li jinsabu ġewwa xaftijiet biex il-viżitaturi jieħdu idea dwar il-ħajja li kienu jgħixu n-nies hemmhekk meta l-minjiera tal-merkurju kienet fl-aqwa tagħha. Parti minn proġett li għandu l-għan li jiġbed lit-turisti lejn Idrija u jiċċelebra l-wirt tal-minjieri tar-raħal, it-trasformazzjoni tal-minjiera f’mużew ħaj żiedet il-faċilitajiet u l-infrastruttura turistika ta’ dan ir-raħal rurali tradizzjonali Sloven. Idrija hija famuża wkoll għat-tradizzjoni sabiħa tal-produzzjoni tal-bizzilla, u toffri firxa differenti ta’ attivitajiet bħas-sajd, il-mixi u l-għawm.

www.idrija-turizem.si

SPANJA - Trasmiera Ecopark

Inizjattiva tal-Kontea ta’ Arnuero fir-reġjun ta’ Cantabria, il-Park Ekoloġiku ta’ Trasmiera huwa mużew fil-beraħ tassew affaxxinanti dwar il-ħajja tal-bassasiet tal-melħ, tal-kosta u tal-istorja ta’ din iż-żona naturali importanti. Mifrux fuq madwar 2500 ettaru, il-park fih bini rurali li ġie rrestawrat, mitħna rrestawrata u osservatorji tal-għasafar li nfetħu bħala spazji kulturali u ċentri edukattivi. Dokument ħaj tal-kulturi tas-sajd u tal-biedja tar-reġjun, kif ukoll post idilliku fejn wieħed jista’ josserva għasafar tal-bassasiet u annimali selvaġġi, il-park qiegħed jinvesti b’mod sostenibbli fin-natura.

www.ecoparquedetrasmiera.com

IT-TURKIJA - Hamamönü-Altındağ Ankara

Fil-qalba tad-destinazzjoni turistika movimentata ta’ Ankara hemm distrett li ma tantx huwa magħruf imsejjaħ Hamamönü. Fis-snin ta’ wara l-1920, dan il-kwartier kien qed jiffjorixxi, u nbena f’taħlita ta’ stili li jirriflettu kemm l-arkitettura Torka moderna kif ukoll dik tal-Imperu Ottoman. Illum it-toroq tagħha nbidlu f’żoni pedonali, u 33 mill-binjiet tagħha ġew irrestawrati u mmarkati bħala binjiet protetti taħt skema ġdida dwar il-wirt. Il-masjuds u l-moskej mill-isbaħ, il-ħwienet, is-swieq u r-residenzi għenu biex illum il-post sar wieħed popolari kemm man-nies tal-post kif ukoll mat-turisti, tant li jidher li l-atmosfera kreattiva movimentata tal-post reġgħet qed tinħass mill-ġdid.

www.altindag.bel.tr

www.hamamonu.com.tr

Għal aktar informazzjoni dwar il-proġett EDEN u dwar il-postijiet li ngħataw il-premju fis-snin ta’ qabel, żur http://ec.europa.eu/eden


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website