Navigation path

Left navigation

Additional tools

X'għamlet s'issa l-UE biex tappoġġja lill-poplu Libjan?

European Commission - MEMO/11/565   22/08/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/565

Brussell, it-22 ta’ Awwissu 2011

X'għamlet s'issa l-UE biex tappoġġja lill-poplu Libjan?

Wara sitt xhur ta' kunflitt, l-avvenimenti fil-Libja laħqu punt deċiżiv fi tmiem il-ġimgħa bejn l-20 u l-21 ta' Awwissu bid-dħul tar-ribelli fi Tripli. Il-Kummissjoni Ewropea kienet qed tipprepara b'mod intensiv għal dan il-mument – u għall-isfidi li għandna quddiemna – mill-bidu tar-rivoluzzjoni Libjana. Hawn taħt issibu ħarsa ġenerali ta' wħud mill-kisbiet ewlenin fl-isforzi tal-Kummissjoni biex tappoġġja l-poplu Libjan, kif ukoll twessa' ż-żona tan-Nofsinhar tal-Mediterran, f'dan iż-żmien ta' bidla sostanzjali.

Rispons umanitarju deċisiv

L-UE b'mod ġenerali kkontribwiet iktar minn EUR 150 miljun f'assistenza umanitarja għall-kriżi tal-Libja, b'EUR 80 miljun li ħarġu mill-Kummissjoni innifisha. Assistenza umanitarja ffinanzjata mill-Kummissjoni appoġġjat: in-nies li kienu qed jaħarbu mil-Libja; Ir-ripatriazzjoni, minn pajjiżi ġirien, ta' iktar minn 31 700 persuna bin-nazzjonalità ta' pajjiż terz, li kienu qed jaħdmu fil-Libya; assitenza lir-refuġjati li ma jistgħux jidħlu lura lejn art twelidhom u l-Libjani li qed jaħarbu mil-Libja; l-evakwazzjoni bil-baħar u bl-ajru ta' madwar 5 800 Ewropew, li għalihom kontribuzzjoni ta' EUR 10 574 084 kienet mitluba mill-Istati parteċipanti; u l-finanzjament u l-pożizzjonament mill-ġdid tal-ħażniet ta' emerġenza biex ikun pprovdut għajnuna ta' soljev fil-Libja. F'dan il-kuntest, diversi Kummissarji żaru l-Libja u r-reġjuni fil-konfini tagħha f'Marzu, inkluż Štefan Füle (Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat) Cecilia Malmström (Affarijiet Interni) u Kristalina Georgieva (Għajnuna Umanitarja).

Ara: Ħarsa lejn l-għajnuna umanitarja fil-Libja

Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża

Qabel il-Kunsill Ewropew straordinarju tal-11 ta' Marzu, il-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u tas-Sigurtà (HRVP) fit-8 ta' Marzu ressqu Komunikazzjoni dwar is-'Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża man-Nofsinhar tal-Mediterran', li spjegat dak li tista' tagħmel l-Ewropa biex tappoġġja l-bidliet fil-Viċinat tan-Nofsinhar tagħha.

Il-Kummissjoni pproponiet sħubija bbażata fuq tliet pilastri: i) appoġġ immirat għat-trasformazzjoni demokratika u għall-bini tal-istituzzjonijiet, b'enfasi partikolari fuq id-drittijiet tal-bniedem, fuq ir-riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji u fuq il-ġlieda kontra l-korruzzjoni. ii) sħubija mill-qrib man-nies, b'enfasi speċifiku fuq l-appoġġ għas-soċjetà ċivili u fuq aktar opportunitajiet għal kuntatti bejn in-nies, speċjalment għal dawk li huma żgħar fl-età; u iii) spinta lit-tkabbir ekonomiku, lill-iżvilupp u lill-ħolqien tal-postijiet tax-xogħol, notevolment permezz tal-appoġġ għall-Impriżi Żgħar u Medji. F'dan il-kuntest, il-Kummissjoni qalet li se tiffoka mill-ġdid il-programmi ta' assistenza sostanzjali, li bħalissa jirrappreżentaw EUR 4 biljuni f'għotjiet disponibbli għall-ġirien tagħna fin-Nofsinhar għall-perjodu bejn l-2011 u l-2013.

Ara: Il-Kummissjoni tal-UE tvara Sħubija ambizzjuża għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni man-Nofsinhar tal-Mediterran

Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida u ambizzjuża

Ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u tas-Sigurtà, Catherine Ashton, flimkien ma' Štefan Füle, il-Kummissarju Għall-Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat, fil-25 ta' Mejju varaw Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ġdida u ambizzjuża, li tikkonferma l-impenn diterminat u infurzat tal-UE mal-ġirien tagħha. Il-proposta tfittex li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet individwali u reġjonali bejn l-UE u l-pajjiżi fil-viċinat tagħha permezz ta' approċ ta' 'iktar fondi u iktar riforma' – billi tpoġġi iktar fondi disponibbli, iżda b'iktar responsabbiltà reċiproka.

Minbarra EUR 5,7 biljun diġà allokati għall-perjodu 2011-2013, ġie trasferit finanzjament addizzjonali ta’ EUR 1,24 biljun minn riżorsi oħra eżistenti, u issa se jkun disponibbli bħala appoġġ għall-PEV. B’żieda ma' dan, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tar-Rappreżentant Għoli u l-Viċi President li jiżdied is-self mill-BEI (Bank Ewropew għall-Investiment) lill-Mediterran tan-Nofsinhar B'EUR 1 biljun fuq l-istess perjodu. Il-BERŻ (Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp), ta l-appoġġ tiegħu għat-talba tagħha biex l-operazzjonijiet tagħhom fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiġu estiżi, billi jibdew bl-Eġittu. L-aspettativa tagħhom hi li l-volumi annwali ta’ self jistgħu jilħqu madwar EUR 2,5 biljun fis-sena sal-2013.

Ara: Politika Ewropea tal-Viċinat ġdida u ambizzjuża

Uffiċċju tal-UE f'Beghażi

Fit-22 ta' Mejju, Catherine Ashton fetħet uffiċċju ġdid tal-UE fil-belt ta' Benghażi fil-Lvant tal-Libja, sabiex trawwem b'mod iktar effikaċji l-assistenza tal-UE, f'kordinazzjoni mal-Istati Membri u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra. Matul din iż-żjara, ir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Estera u tas-Sigurtà ltaqgħet ukoll ma' Mahmoud Jibril, president tal-Kunsill Nazzjonali ta' Trażizzjoni (KNT), li l-UE rrikonoxxiet bħala interlokutur politiku ewlieni fil-Libja.

Ara: Catherine Ashton tiftaħ uffiċċju tal-Unjoni Ewropea f'Benghazi

Djalogu u impenn mal-Kunsill Nazzjonali ta' Tranżizzjoni

Il-President Baroso ltaqa' wkoll mal-President tal-KNT Mahmoud Jibril fit-13 ta' Lulju. Kif qal il-President dakinhar, il-Kunsill kien jeħtieġ li jidher bħala moviment nazzjonali ġenwin b'impenn ċar għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali u għal tranżizzjoni politika inklużiva – tranżizzjoni li diġà bdejna nimmobilizzaw riżorsi biex napoġġjawha, f'koperazzjoni mill-qrib mal-imsieħba internazzjonali tagħna (in-NU, l-Unjoni Afrikana u l-Lega Għarbija). U bħala l-President huwa enfasizza wkoll, li waqt li l-proċess ta' tranżizzjoni għandu jkun tal-poplu Libjan innifsu, l-UE se tkun lesta biex tipprovdi l-kompetenzi u l-appoġġ tagħha meta jasal il-waqt għal:

  • L-organizzazzjoni u s-superviżjoni ta' elezzjonijiet ħielsa u ġusti

  • Il-ħolqien ta' amministrazzjoni u ġudikatura effikaċji

  • L-iżvilupp ta' soċjetà ċivili u media ħielsa

  • Riforma tas-settur tas-sigurtà

  • It-tfassil ta' politika ekonomika tajba għat-tkabbir, żvilupp u impjiegi

Sanzjonijiet fuq ir-reġim ta' Gaddafi

Għal informazzjoni dwar deċiżjonijiet rigward is-sanzjonijiet fuq il-Libja, Ara:

Aħbarijiet tas-SEAE rigward il-Libja


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website