Navigation path

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

European Commission - MEMO/11/503   13/07/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/503

Brussell, 13 ta' Lulju 2011

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar ir-riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd

L-għan ġenerali tal-proposti tal-Kummissjoni għal Politika Komuni tas-Sajd (PKS) moderna u aktar faċli huwa li s-sajd isir sostenibbli – ambjentalment, ekonomikament u soċjalment. Il-politika l-ġdida ser treġġa’ lura l-istokkijiet tal-ħut għal-livelli sostenibbli, billi jintemm is-sajd esaġerat u tistabbilixxi opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq parir xjentifiku. Din il-politika ser tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE bi provvista stabbli, sikura u tajba għas-saħħa ta’ ikel għall-perjodu fit-tul; qed timmira li tikseb prosperità ġdida għas-settur tas-sajd, ittemm id-dipendenza fuq is-sussidji u toħloq opportunitajiet ġodda għall-impjiegi u t-tkabbir f’żoni kostali.

Għaliex hija meħtieġa politika ġdida ?

Il-Politika tas-Sajd tal-Ewropa għandha bżonn urġenti ta’ riforma. Il-bastimenti qed jaqbdu aktar ħut milli jista' jiġi rriprodott b’mod sikur, għaldaqstant qed jeqirdu l-istokkijiet individwali tal-ħut u qed jheddu l-ekosistema tal-baħar. Illum, qed isir sajd esaġerat fuq erba’ stokkijiet minn tlieta: 82 % tal-istokkijiet Mediterranji u 63 % tal-istokkijiet tal-Atlantiku. L-industrija tas-sajd qed tesperjenza anqas qbid u qed tiffaċċja futur inċert.

F’dan l-isfond, il-Kummissjoni qed tipproponi riforma ambizzjuża tal-politika. Din ir-riforma hija dwar il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu stabbiliti għal futur aħjar kemm għall-ħut u kemm għas-sajd, kif ukoll għall-ambjent tal-baħar li jsostnihom. Ir-riforma ser tikkontribwixxi għall-Istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-politika ser tiġi żviluppata bħala parti mill-ekonomija marittima aktar wiesgħa biex jiġu żgurati politiki aktar koerenti għall-ibħra u ż-żoni kostali tal-UE permezz ta’ ħidma immirata għal prestazzjoni ekonomika robusta tal-industrija, tkabbir inklussiv u koeżjoni mtejba fir-reġjuni kostali.

Is-sostenibbiltà hija l-qofol tar-riforma proposta. Is-sajd sostenibbli jfisser sajd f’livelli li ma jipperikolawx ir-reproduzzjoni tal-istokkijiet u li jwassal għal riżultati fuq perjodu twil ta’ żmien. Dan jirrikjedi l-ġestjoni tal-volum ta’ ħut li jittellgħu mill-baħar permezz tas-sajd. Il-Kummissjoni qed tipproponi li sal-2015, l-istokkijiet għandhom jiġi esplojtati f’livelli sostenibbli. definita bħala l-akbar qabda li tista’ ssir b’mod sikur meħuda sena wara sena u li żżomm id-daqs tal-popolazzjoni tal-ħut fi produttività massima. Dan il-livell huwa magħruf bħala r-‘riżultat sostenibbli massimu’ (‘maximum sustainable yield’ (MSY)). Dan l-għan huwa stabbilit fil-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Ibħra, u kien adottat waqt is-Samit Dinji tal-2002 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli bħala mira li d-dinja trid tilħaq sal-2015.

L-estimi1 juru li jekk l-istokkijiet kienu esplojtati b’dan il-mod, id-daqs tal-istokk kien jiżdied b'madwar 70 %. Il-qbid ġenerali tal-ħut għandu jiżdied b’madwar 17 %, il-marġni ta’ profitt jista’ jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ tlieta, il-qligħ mill-investiment għandu jiżdied b’sitt darbiet, u il-valur miżjud gross għall-indusrija tas-sajd għandu jiżdied bi kważi 90 %, ekwivalenti għal EUR 2.7 biljun matul id-diċennju li jmiss.

Is-sajd sostenibbli għandu wkoll jeħles lis-settur tas-sajd mid-dipendenza fuq is-sostenn pubbliku. Għandu jagħmilha aktar faċli biex jinkisbu prezzijiet stabbli taħt kundizzjonijiet trasparenti, li joffru benifiċċji viżibbli lill-konsumaturi. Industrija b’saħħitha, effiċċjenti u ekonomikament vijabbli li tkun topera skont il-kundizzjonijiet tas-suq għandu jkollha rwol aktar importanti u attiv fil-ġestjoni tal-istokkijiet.

X’inhuma l-elementi ewlenin tal-proposti l-ġodda?

Il-ġestjoni multiannwali bbażata fuq l-ekosistema

Biex terġa’ tinbena ekonomija enerġetika fl-Ewropa, l-ambjent tal-baħar għandu jiġi protett b’mod aktar effettiv. Minn issa 'l quddiem, is-sajd fl-UE ser jiġi ġestit permezz ta’ pjanijiet multiannwali u mmexxija mill-approċċ tal-ekosistema u l-prinċipju ta’ prekawzjoni biex jiġi żgurat li l-impatti tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar ikunu limitati. L-industrija tas-sajd ser ikollha bażi aħjar u aktar stabbli għall-ippjanar u l-investiment fit-tul. Dan għandu jissalvagwardja r-riżorsi u jimmassimizza r-riżultati pożittivi f’perjodu twil ta’ żmien.

Il-pjanijiet multiannwali tal-ġestjoni għandhom jinbidlu mill-pjanijiet attwali ta’ stokk uniku għall-pjanijiet ibbażati fuq is-sajd – li jkopru aktar stokkijiet ta’ ħut f’anqas pjanijiet, bil-għan li sal-2015, jintlaħqu livelli sostenibbli. L-istokkijiet li mhumiex skont pjanijiet ser jiġu ġestiti permezz tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd mill-Kunsill u permezz ta’ miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni oħrajn li huma parti mill-kaxxa ta’ l-għodod tal-istrumenti proposti.

Il-projbizzjoni tar-rimi fil-baħar

Ir-rimi, jiġifieri l-prassi li jintrema fil-baħar il-ħut mhux mixtieq, huwa stmat li jlaħħaq 23 % tal-qbid totali (sostanzjalment aktar f’ċertu sajd!). Din il-prassi inaċċettabbli ser tiġi eliminata bi skeda preċiża għall-implimentazzjoni u flimkiem ma’ ċerti miżuri sostantivi. Is-sajjieda ser ikunu obbligati li jniżżlu fuq l-art l-ispeċijiet kollha kummerċjali li jaqbdu. Ma jkunx jista’ jinbiegħ għall-konsum uman ħut ta’ daqs żgħir ħafna.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma mgħammra biex tkun żgurata dokumentazzjoni sħiħa tal-attivitajiet tas-sajd u tal-ipproċessar sabiex ikun hemm sorveljanza tal-obbligu li jniżżlu fuq l-art il-qabdiet kollha.

Din l-istateġija ser twassal għal dejta aktar affidabbli tal-istokkijiet tal-ħut, issostni ġestjoni aħjar u ttejjeb l-effiċċjenza tar-riżorsi. Hija wkoll inċentiv għas-sajjieda biex jevitaw qbid ta’ ħut li ma jkunux jixtiequ permezz ta’ soluzzjonijiet tekniċi bħal irkaptu tas-sajd aktar selettiv.

Is-sajd ser iħalli profitt

Mill-2014, ser tiġi introdotta sistema ta’ ishma trasferibbli tal-qbid magħrufa bħala 'konċessjonijiet' minn 12-il metru u għall-bastimenti li jużaw irkaptu rmunkat. Abbażi ta’ prinċipji maqbula f’livell tal-UE il-konċessjonijiet ser jitqassmu lill-Istati Membri b’mod trasparenti u ser jagħtu lid-detentur tagħhom intitolament għas-sehem tal-opportunità tas-sajd nazzjonali għal kull sena. L-operaturi ser ikunu jistgħu jikru jew ibigħu il-konċessjonijiet tagħhom fl-Istat Membru tagħhom, mhux bejn l-Istati Membri. Il-konċessjonijiet ser ikollhom validità minima ta’ 15-il sena iżda jistgħu jiġu irtirati qabel l-iskadenza f’każ ta’ ksur serju mid-detentur. L-Istati Membri jistgħu joħolqu riżerva u jintroduċu miżata għall-konċessjonijiet.

Din is-sistema l-ġdida ser tagħti lill-industrija tas-sajd perspettiva għat-tul taż-żmien, aktar flessibbiltà u kontabbilità akbar, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-kapaċità żejda. L-operaturi ser ikollhom inċentiv biex iżidu l-konċessjonijiet tagħhom, filwaqt li oħrajn jistgħu jiddeċiedu li jitilqu mill-industrija. Huwa previst, li taħt din is-sistema, sal-2022, id-dħul jista’ jiżdied b'iktar minn 20 % u l-pagi tal-ekwipaġġ jiżdiedu b'bejn 50 % u iktar minn 100 %2.

Appoġġ għas-sajd fuq skala żgħira

Fl-UE, il-flotta tas-sajd fuq skala żgħira tammonta għal 77% tat-total tal-flotta tal-UE fleet fl-għadd ta’ bastimenti iżda għal 8 % biss f’tunnellati (id-daqs tal-bastiment) u 32% f’termini tal-qawwa tal-magna. Is-sajd kostali fuq skala żgħira ta’ spiss ikollu rwol importanti fit-tessut soċjali u fl-identità kulturali ta’ diversi reġjuni kostali tal-Ewropa. Għadaqstant dawn jeħtieġu assistenza speċifika. Il-PKS riformata testendi d-dritt tal-Istati Membri biex jirrestrinġu s-sajd f’żona ta 12-il mil nawtiku tal-kosta sal-2022. Is-sajd fuq skala żgħira jista’ jiġi eżentat mill-iskema ta’ konċessjonijiet trasferibbli tas-sajd . L-istrument finanzjarju futur għas-sajd ser jinkludi miżuri ta’ benefiċċju għas-sajd fuq skala żgħira u ser jgħin lill-ekonomiji lokali biex jadattaw għall-bidliet.

L-iżvilupp ta’ akkwakultura sostenibbli

Qafas aħjar għall-akkwakultura ser iżid il-produzzjoni u l-provvista tal-ikel tal-baħar fl-UE, inaqqas id-dipendenza fuq il-ħut importat u jagħti spinta liż-żoni kostali u rurali. Sal-2014, l-Istati Membri ser jagħmlu abbozz ta’ pjani strateġiċi nazzjonali biex jeliminaw l-ostakli amministrattivi u jżommu l-istandards ambjentali, soċjali u ekonomiċi għall-industrija tal-fish farms. Ser jitwaqqaf Kunsill Konsultattiv ġdid għall-Akkwakultura biex jagħti l-pariri dwar kwistjonijiet marbuta mal-industrija. Teżisti dimensjoni ċara tal-UE fl-iżvilupp tal-akkwakultura: għażliet strateġiċi magħmula f’livell nazzjonali jista’ jkollhom impatt fuq żviluppi bħal dawn fi Stati Membri ġirien.

Titjib tal-għarfien xjentifiku

Informazzjoni affidabbli u aġġornata dwar l-istat tar-riżorsi tal-baħar hija essenzjali biex issostni deċiżjonijiet ta’ ġestjoni soda kif ukoll l-implimentazzjoni effettiva tal-PKS riformata. Il-proposta tistabbilixxi r-regoli bażiċi u l-obbligi għall-Istati Membri dwar il-ġbir tad-dejta, il-ġestjoni, id-disponibbiltà tad-dejta u d-dispożizzjonijiet tal-aċċess għall-Kummissjoni. L-Istati Membri ser jiġu inkarigati bil-ġbir, iż-żamma u l-qsim tad-dejta xjentifika dwar l-istokkijiet tal-ħut u l-impatt tas-sajd fuq il-livell tal-baċir tal-baħar. Il-programmi nazzjonali ta’ riċerka ser jiġu stabbiliti biex jikkoordinaw din l-attività.

Tmexxija diċentralizzata

Il-proposta tal-Kummissjoni hija li tiċċara r-rwoli u l-obbligi ta’ kull attur u ser tqarreb aktar id-deċiżjonijiet għaż-żoni tas-sajd. Ser ittemm il-mikroġestjoni minn Brussell sabiex il-leġiżlaturi tal-UE jiddefinixxu biss il-qafas ġenerali, il-prinċipji bażiċi, il-miri globali, l-indikaturi tal-prestazzjon u l-iskedi ta' żmien. L-Istati Membri mbagħad ser jiddeċiedu l-miżuri proprji ta' implimentazzjoni, u ser jikkooperaw f’livell reġjonali. Il-proposta tinkludi d-dispożizzjonijiet biex jiġi żgurat li l-Istati Membri kkonċernati jadottaw il-miżuri li huma kompatibbli u effettivi. Jiġi stabbilit mekkaniżmu alternattiv biex il-Kummissjoni tieħu azzjoni f’każi fejn l-Istati Membri ma jistgħux jaqblu, jew meta l-miri ma jkunux qed jintlaħqu.

Politika ġdida tas-suq – awtorizzazzjoni tas-settur u informazzjoni aħjar lill-konsumaturi

Proposta għal Politika ġdida tas-Suq hija parti minn pakkett propost biex jiġi żgurat li l-organizzazzjoni tas-swieq komuni għall-prodotti tas-sajd tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS ġdida. Il-proposta għandha l-mira li ssaħħaħ il-kompetittività tal-lndustrija tal-UE, ittejjeb it-trasparenza tas-swieq, u tiżgura l-istess opportunitajiet għall-prodotti kollha kkummerċjalizzatii fl-Unjoni.

Tinkludi wkoll modernizzazzjoni tal-iskema ta’ intervent peress li s-sistema attwali tal-infiq tal-flejjes pubbliċi biex jinqered il-ħut mhijiex aktar ġustifikabbli. Il-proposta ser tinbidel b’mekkaniżmu ta’ ħżin simplifikat, li ser jippermetti l-organizzazzjonijiet tal-produtturi biex jixtru l-prodotti tas-sajd meta l-prezzijiet jinżlu taħt ċertu livell, u l-ħażna tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq fi stadju ulterjuri. Din is-sistema ser tistabbilizza s-suq.

L-organizzazzjonijiet tal-produtturi ser ikollhom ukoll rwol akbar b’ġestjoni, monitoraġġ u kontroll kollettivi. Kummerċjalizzazzjoni aħjar tal-prodotti tas-sajd u l-akkwakultura tal-UE ser tgħin biex jitnaqqas l-iskart u ser tipprovdi lil produtturi bir-reazzjoni tas-suq.

Standards ġodda ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar it-tikkettar, il-kwalità u t-traċċabbiltà ser jagħtu informazzjoni aktar ċara lill-konsumaturi u tgħinhom isostnu s-sajd sostenibbli. Ċerta informazzjoni fit-tikkettar ser tkun obbligatorja, pereżempju biex issir differenza bejn il-prodotti tas-sajd u dawk tal-akkwakultura; Dettalji oħra jistgħu jiġu fornuta fuq bażi volontarja.

Strument finanzjarju modern u adattat

Ser tingħata assistenza finanzjarja tal-UE biex issostni l-għanijiet sostenibbli tal-PKS ġdida. L-assistenza finanzjarja ser tkun kondizzjonali wara l-konformità mar-regoli, u dan il-prinċipju ser japplika kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-operaturi.

Għall-Istati Membri, in-nuqqas ta’ konformità jista’ jirriżulta f’interruzzjoni, sospensjoni jew korrezzjoni finanzjarja lill-assistenza finanzjarja tal-Unjoni. Għall-operaturi, ksur serju jista’ jwassal biex ikun projbit l-aċċess għall-assistenza finanzjarja jew tnaqqisiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-proposta tintroduċi l-obbligu lill-Istati Membri biex iqisu l-komportament (b’mod partikolari n-nuqqas ta' ksur serju) tal-operaturi fil-passat riċenti meta jagħtu assistenza finanzjarja.

Aktar tard fl-2011 ser issir proposta għal strument finanzjarju ġdid, Il-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (EMFF)) għall-perjodu 2014-2020. Fil-kuntest tal-Qafas finanzjajru Multiannwali, il-Kummisssjoni pproponiet baġit ta’ EUR 6.7 biljun għall-EMFF.

It-teħid ta’ responsabbiltà internazzjonali

Skont il-FAO, kważi 85 % tal-istokkijiet tal-ħut fid-dinja li dwarhom teżisti informazzjoni disponibbli huma rrapportati li jew huma esplojtati bis-sħiħ jew esplojtati b’mod esaġerat. Minħabba li hija l-akbar importatur fid-dinja tal-prodotti tas-sajd f’termini ta’ valur, l-UE trid taġixxi kemm fit-territorju tagħha kif ukoll barra minnu. Il-politika tas-sajd estern għandha tkun parti integrali mill-PKS. F’organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, għaldaqstant, l-UE ser tħaddan il-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut u l-bijodiversità tal-baħar. Ser tistabbilixxi alleanzi ma’ imsieħba ewlenin u tieħu azzjonijiet magħhom biex tiġġieled is-sajd illegali u tnaqqas il-kapaċità żejda.

L-UE ser tippromwovi s-sostenibbiltà, it-tmexxija t-tajba u l- prinċipji tad-demokrazija, id-drittijiet umani u l-istat tad-dritt fi ftehimiet bilaterali dwar is-sajd ma’ pajjiżi li mhumiex fl-UE, . Ftehimiet ta’ Sajd Sostenibbli (SFAs) ser jieħdu post il-Ftehimiet ta’ Sħubija tas-Sajd eżistenti (FPAs) u ser jiżguraw li l-esplojtazzjoni tar-riżorsi tas-sajd issir abbażi ta’ pariri xjentifiċi sodi biss li jimmiraw għar-riżorsi żejda li l-istess l-pajjiż imsieħeb ma jistax jew ma jkunx irid jistad. Skont l-SFAs, il-pajjiżi sħab għandhom jiġu kkumpensati talli jagħtu l-aċċess għar-riżorsi tas-sajd tagħom u għandha tkun ipprovduta assistenza finanzjarja lill-pajjiżi sħab għall-implimentazzjoni ta' politika tas-sajd sostenibbli..

Ser ikun hemm regoli ġodda dwar il-Kontroll u l-Infurzar?

Il-proposta hija konsistenti mal-iskema l-ġdida ta’ kontroll tal-UE mill-2010 u tintegra l-elementi bażiċi tal-iskema tal-kontroll u l-infurzar mal-konformità mar-regoli tal-PKS. Fid-dawl tal-introduzzjoni tal-obbligu li jniżżlu l-ħut fuq l-art u biex jiġi evitat ir-rimi fil-baħar, il-Kummissjoni qed tipproponi l-monitoraġġ u l-obbligi tal-kontroll b’mod partikolari b’rabta mas-sajd kompletament dokumentat, kif ukoll proġetti pilota dwar teknoloġiji ġodda ta’ kontroll tas-sajd li jikkontribwixxu għal sajd sostenibbli.

Meta se tidħol fis-seħħ ir-riforma?

Ir-regoli l-ġodda ser jidħlu fis-seħħ ladarba l-Kunsill tal-Ministri u l-Parlament Ewropew ikunu vvotaw dwar il-proposti. L-implimentatazzjoni ser tkun waħda progressiva għaliex hemm il-ħtieġa għas-settur biex jadatta ħalli jkun jista’ jagħti r-riżultati. Iżda r-riforma tistabbilixxi skadenzi ċari. L-għan huwa li l-adozzjoni u d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni l-ġdida jseħħu fl-1 ta' Jannar 2013.

Ara wkoll: IP/11/873

1 :

Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd

2 :

Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-Politika Komuni tas-Sajd


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website