Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/482

Brussell, is-6 ta’ Lulju 2011

Stqarrija tal-Kummissarju John Dalli: L-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel hija aħbar tajba għall-konsumaturi

Il-Parlament Ewropew għadu kif adotta Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel għall-konsumaturi.

Il-Kummissarju għas-Saħħa u l-Politika tal-Konsumatur John Dalli għamel din l-istqarrija:

"Jiena nilqa' d-deċiżjoni importanti tal-lum. Din ittemm sforz li beda iżjed minn tliet snin ilu biex jgħin lill-konsumaturi li jkollhom l-informazzjoni kollha meħtieġa qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet fix-xiri tal-ikel. Il-vot tal-Parlament huwa pass sinifikattiv fl-isforzi tagħna biex inkomplu nagħtu spinta lill-għoti ta' setgħa lill-konsumaturi u jikkontribwixxi fil-ġlieda kontra l-livelli dejjem jogħlew tal-obesità u tal-mard kroniku fl-UE."

Dan il-qbil huwa ta' aħbar tajba għall-konsumaturi.

Se jtihom is-setgħa billi, fost oħrajn, jintroduċi:

  • daqs minimu tal-istampa għall-informazzjoni obbligatorja biex tittejjeb il-leġibbiltà għall-konsumaturi

  • informazzjoni obbligatorja dwar in-nutrizzjoni biex tgħin lill-konsumaturi jidentifikaw it-tipi ta' ikel li jippreferu huma personalment jew dawk li jissodisfaw il-ħtiġijiet tad-dieta tagħhom.

  • Informazzjoni obbligatorja dwar l-allerġeni fuq l-ikel prepakkjat, fuq l-ikel mhux prepakkjat u fuq l-ikel li jinbiegħ fir-ristoranti, biex tippermetti lill-konsumaturi jħarsu saħħithom b'mod aħjar.

  • it-tikkettjar obbligatorju dwar il-pajjiż ta' oriġini ta' laħam tal-majjal, tal-muntun, tal-mogħoż u tat-tjur. L-inkwadrar ta' indikazzjonijiet volontarji dwar l-oriġini jgħinu biex inaqqsu r-riskju li l-konsumaturi jkunu mqarrqa u se jassigura kundizzjonijiet indaqs għan-negozji tal-ikel.

Nixtieq ukoll li nesprimi pubblikament il-gratitudni u l-apprezzament tiegħi għall-atturi kollha li għamlu possibbli r-riżultat tal-lum – il-Parlament Ewropew, il-Presidenza Ungeriża u l-Presidenzi ta' qabel tal-UE, il-Kunsill u s-servizzi tal-Kummissjoni. Inħoss grat b'mod partikulari għal Dr Renate Sommer, ir-relatur tal-Parlament Ewropew dwar il-kwistjoni, għax-xogħol kbir u l-impenn tagħha biex jinstab kompromess bilanċjat mal-Kunsill.

Sintendi, ir-riżultat tad-deċiżjoni tal-lum kien bis-saħħa tal-kompromess. Għalhekk b'dispjaċir ninnota li f'ċerti oqsma ewlenin, ir-regolament ma jasalx safejn xtaqna li jasal. Pereżempju, il-proposta tal-bidu tal-Kummissjoni għal ittikkettjar dwar in-nutrizzjoni fuq quddiem tal-pakketti ma ġietx milqugħa. Il-qafas għall-inklużjoni volontarja ta' informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq quddiem tal-pakkett huwa madankollu pass fid-direzzjoni t-tajba.

Jiddispjaċini wkoll nara li x-xorb alkoħoliku f'dan l-istadju kien eżentat mir-rekwiżiti tal-ittikkettjar dwar l-ingredjenti u n-nutrizzjoni. Madankollu se naħdem biex nassigura li jkollna bilanċ meta niġu biex neżaminaw mill-ġdid il-kwistjoni fil-futur qrib."

MEMO/11/481


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website