Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/481

Brussell, is-6 ta’ Lulju 2011

Mistoqsijiet u Risposti dwar ir-Regolament dwar l-Informazzjoni fuq l-Ikel

Kif għandu jkun jaf, adolexxenti li jkun allerġiku għall-karawett, x'jista' jiekol meta joħroġ ma' ħbiebu? Kif tista', mara li tixtieq tnaqqas il-melħ fl-ikel, tagħraf liema snekk hija l-aħjar għażla? Kif jistgħu, il-konsumaturi, ikunu jafu minn fejn jiġi l-laħam li għadhom kif xtraw? Filwaqt li togħġobni l-konvenjenza li nagħmel ix-xirja tal-ikel bl-internet jew minn katalgu, kif nista' nkun ċert li għandi aċċess għall-istess informazzjoni dwar l-ikel daqs li kieku kont fil-ħanut? U wieħed ikun jista' jsib u jaqra faċilment l-informazzjoni relevanti fuq it-tikketti tal-ikel?

Dawn huma kwistjonijiet li niltaqgħu magħhom kuljum, jew personalment jew permezz tal-familjari, il-ħbieb jew in-nies li nafu. Liġi li għadha kif ġiet adottata mill-UE tipprova tagħti r-risposti u s-soluzzjonijiet permezz ta' grupp ġdid ta' regoli dwar it-tikkettar tal-ikel. Pereżempju, meta din il-liġi l-ġdida tidħol fis-seħħ, ikollha tingħata l-informazzjoni, kemm fuq l-ikel ippakkjat kif ukoll fuq dak li mhuwiex, u anki fuq dawk il-prodotti tal-ikel li jinbiegħu fir-ristoranti u fil-kafejiet, dwar ċerti sustanzi li jikkawżaw l-allerġiji u l-intolleranzi, bħall-karawett jew il-ħalib. Fuq l-ikel ippakkjat, l-allerġeni ewlenin għandhom ikunu miktubin fil-lista tal-ingredjenti b'mod li jispikkaw. Il-liġi titlob ukoll li tkun ipprovduta ċerta informazzjoni dwar in-nutrizzjoni fuq il-biċċa l-kbira tal-oġġetti tal-ikel ipproċessat. Ikollha tingħata l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-laħam tal-majjal, tal-muntun, tal-mogħża u tat-tjur li jinbiegħ lest ippakkjat. Il-konsumaturi li jkunu jridu jixtru l-ikel minn fuq l-internet, jew b'xi mezz ieħor ta' xiri mill-bod, jingħataw informazzjoni importanti dwar l-ikel qabel ma jixtru. Barra minn hekk, il-konsumaturi jkunu jistgħu jaqraw it-tikketti ta' fuq l-ikel faċilment, u mingħajr ma jridu jużaw lenti ladarba tidħol fis-seħħ din il-liġi.

Għaliex inbidlet il-liġi dwar it-tikkettar tal-ikel?

Il-liġi preżenti dwar it-tikkettar ġenerali tal-ikel kienet saret fl-1978 u r-regoli dwar l-informazzjoni ta' fuq it-tikketti dwar in-nutrizzjoni ġew adottati fl-1990. Minn dak iż-żmien tbiddlu b'mod sinifikattiv dak li jitolbu l-konsumaturi u l-prattiki tas-suq. Il-konsumaturi tal-UE jridu jtejbu l-għarfien tagħhom fix-xiri tal-ikel, u jridu li jkollhom tikketti sempliċi, li jinqraw u jinftehmu faċilment mingħajr ma jqarrqu b'dak li jkun. Wara li ilha titfassal tliet snin, il-liġi l-ġdida se tgħinhom jitgħarrfu qabel ma jieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-ikel li jkunu se jixtru, u tista' tikkontribwixxi għal għażliet aħjar tal-ħajja.

X'se jfissru għalija r-regoli l-ġodda?

Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali għat-tikkettar tal-ikel. Tipprovdi r-regoli ġodda dwar il-leġġibbiltà tal-informazzjoni. Issaħħaħ ukoll dawk ir-regoli li huma mfasslin biex jimpedixxu l-prattiċi qarrieqa. Għaldaqstant, għandha tgħinek biex tagħmel l-aħjar għażliet għall-bżonnijiet tiegħek. Dan l-għan jinkiseb b'għadd ta' modi prattiċi differenti. Xi wħud mir-rekwiżiti dwar informazzjoni addizzjonali, pereżempju, jikkonċernaw is-sustanzi li jikkawżaw l-allerġiji jew l-intolleranzi. Hemm ukoll rekwiżiti ġodda li jeħtieġu li għandha tingħata informazzjoni dwar il-kontenut nutrittiv tal-oġġetti tal-ikel. Ir-regoli l-ġodda dwar it-tikkettar tal-laħam se jippermettu lill-konsumatur ikun jaf minn fejn ikun ġej il-laħam frisk tal-majjal, tal-muntun, tal-mogħża u tat-tjur. In-nanomaterjali maħdumin mill-bniedem se jkollhom jiġu indikati wkoll fil-lista tal-ingredjenti.

X'inhu l-iskop li tingħata informazzjoni stampata tant żgħira li wieħed ma jkunx jista' jaqraha?

Din, ċertament, dejjem kienet problema komuni. U din hija eżattament waħda mill-kwistjonijiet ewlenin li tindirizza l-liġi l-ġdida. Hija tirrekjedi li jkun hemm daqs minimu għall-istampar tal-informazzjoni obbligatorja, u li l-informazzjoni volontarja (pereżempju slowgans jew dikjarazzjonijiet) m'għandhiex tiġi ppreżentata b'mod li taffettwa ħażin lill-preżentazzjoni tal-informazzjoni obbligatorja. Fil-ġejjieni se jiġu stabbiliti aktar regoli dwar il-leġġibbiltà.

Jien nixtieq niekol ikel bnin u tajjeb għal saħħti. Dawn ir-regoli l-ġodda se jgħinuni?

Iva. Ikollha tingħata l-informazzjoni dwar ċerti karatteristiċi nutrizzjonali importanti tal-ikel ipproċessat, dawn huma: l-enerġija, ix-xaħam, ix-xaħam saturat, il-karboidrati, iz-zokkor, il-proteina u l-melħ. Dan kollu se jippermettilek li tqabbel l-oġġetti tal-ikel qabel ma tixtri, u b'hekk jgħinuk tagħżel id-dieta tiegħek skont il-ħtiġijiet personali tiegħek. Se jkun possibbli wkoll li l-informazzjoni dwar għadd ta' nutrijenti tkun inkluża fuq in-naħa ta' quddiem tal-pakkett, u b'hekk tkun tista' tqabbel il-prodotti meta tkun qed tagħmel ix-xirja. Dawn ir-regoli l-ġodda huma pass 'il quddiem importanti, u l-Kummissjoni se tirrevedi l-iżviluppi wara ċertu żmien.

Kif inhuma meqjusin il-ħtiġijiet għall-informazzjoni ta' nies li jbatu minn xi allerġiji?

Il-liġi l-ġdida tkompli ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-għotja tal-informazzjoni dwar ċerti sustanzi li jikkawżaw ir-reazzjonijiet allerġiċi jew l-intolleranzi biex tgħarraf lill-konsumaturi li huma allerġiċi għal xi ħaġa u tħarsilhom saħħithom meta jieklu oġġetti tal-ikel, kemm dawk ippakkjati kif ukoll dawk li mhumiex, meta jieklu xi ħaġa minn barra. In-negozji tal-ikel se jkollhom jagħtu din l-informazzjoni dwar l-oġġetti kollha tal-ikel, u l-awtoritajiet nazzjonali se jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni huma dwar kif se tingħata din l-informazzjoni.

Kif se nikseb l-informazzjoni relevanti meta nixtri l-ikel minn fuq l-internet jew permezz tal-katalgi?

Il-liġi l-ġdida titlob b'mod espliċitu li meta l-ikel jinbiegħ permezz tal-komunikazzjoni mill-bod, il-maġġor parti tal-informazzjoni obbligatorja li tkun tidher fuq it-tikketta għandha tkun disponibbli għax-xerrej qabel ma jikkonkludi x-xirja u għandha tidher fil-materjal li jħeġġeġ ix-xiri mill-bod (il-webpage jew il-katalgu) jew titwassal b'xi mezz xieraq ieħor. Din il-kundizzjoni tqis b'mod sħiħ il-mezzi kollha tal-provvediment tal-ikel lill-konsumaturi.

Jien se jkolli iżjed informazzjoni dwar l-oriġini tal-ikel li niekol b'dawn ir-regoli l-ġodda?

Se tkun obbligatorja li jkun hemm miktub l-oriġini fuq it-tikketti tal-laħam frisk tal-muntun, tal-mogħża, tat-tjur u tal-majjal. B'mod ġenerali, ir-regoli l-ġodda jżommu l-prattika preżenti li l-informazzjoni fuq it-tikketti tal-ikel dwar il-pajjiż tal-oriġini jew dwar il-post minn fejn ikun ġej l-ikel huwa volontarju sakemm ma jkunx il-każ li l-konsumaturi jitqarrqu mingħajr din l-informazzjoni. Dan it-tikkettar se jibda japplika wara li jiġu adottati r-regoli ta' implimentazzjoni li għandhom jiddeterminaw kif se tiġi mfissra l-informazzjoni, dan jinkludi kif għandha tiġi mfissra l-oriġini: jekk għandux jingħata l-isem tal-Istat Membru, jew jinkiteb UE; u dwar liema punt(i) fil-ħajja tal-annimal (fejn twieled, fejn trabba, fejn inqatel). Ir-regoli ta' implimentazzjoni għandhom jiġu introdotti fi żmien sentejn.

Fl-istess ħin, hemm stabbiliti ċerti kriterji għal dawk il-produtturi li jkunu jridu jinkludu din l-informazzjoni dwar l-oriġini tal-prodotti tagħhom b'mod volontarju. F'dawn il-każi, u konformement mal-istandards internazzjonali (pereżempju tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ u tal-Codex Alimentarius), il-pajjiż tal-oriġini għandu jiġi ddeterminat skont il-Kodiċi Doganali tal-Unjoni. Il-pajjiż tal-oriġini jew il-provenjenza tal-ingredjenti ewlenin iridu jkunu elenkati wkoll jekk l-ingredjenti jkunu ġejjin minn post differenti mill-prodott komplut. Pereżempju, il-butir prodott fil-Belġju minn ħalib Daniż jista' jkollu fuq it-tikketta "prodott fil-Belġu bil-ħalib Daniż". Dawn ir-regoli se jħarsu lill-konsumaturi minn informazzjoni qarrieqa dwar l-oriġini tal-prodotti u jiżguraw kundizzjonijiet ugwali għall-operaturi tan-negozji tal-ikel kollha.

Kif nista' nkun naf inix niekol ikel "awtentiku" jew "falz"?

L-iffalsifikar tal-ikel u tax-xorbiet hija kwistjoni ewlenija ta' tħassib. L-iffalsifikar jista' jsir b'ħafna modi, pereżempju billi wieħed jgħammed prodott jew jissostitwixxi xi ingredjenti b'ingredjenti inferjuri jew billi wieħed jagħti x'jifhem li prodott ikun ġej minn ċertu post meta dan ma jkunx minnu.

Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li meta prodott tal-ikel ma jkunx fil-verità dak li jidher, tingħata l-informazzjoni relevanti biex il-konsumaturi ma jitqarrqux minħabba ċerta preżentazzjoni jew dehra. Fil-każ li xi ingredjenti li jkun mistennija li jkunu f'ikel partikolari jkunu ġew sostitwiti b'ingredjenti oħra, is-sostituti jridu jkunu msemmija b'mod prominenti fit-tikketta ta' fuq il-pakkett, u mhux biss fil-lista tal-ingredjenti. Fil-każ ta' prodotti tal-laħam u l-ħut, għandha tingħata informazzjoni li tispikka jekk ikun hemm xi ilma jew xi proteini ta' annimal ta' oriġini differenti miżjudin. Barra minn hekk, meta dawn il-prodotti tal-ikel ikunu jidhru li huma magħmulin minn biċċa ħuta jew laħam waħda sħiħa, iżda fil-fatt ikunu magħmulin minn biċċiet differenti mpoġġija flimkien, dawn irid ikollhom fuq it-tikketta "laħam iffurmat" jew "ħut iffurmat".

U dwar il-prodotti tal-ikel li jagħtu idea ħażina tal-oriġini tagħhom, ir-regoli l-ġodda jistabbilixxu ċerti kriterji li jiżguraw li l-indikazzjonijiet volontarji dwar l-oriġini ma jqarrqux bil-konsumaturi. Dawk l-operaturi li jagħmlu dikjarazzjonijiet dwar l-oriġini tal-prodotti se jkollhom jipprovdu aktar informazzjoni, biex in-nies ikunu jafu minn fejn ikun ġej realment l-ingredjent li jikkaratterizza l-ikel, u mhux biss l-aħħar pajjiż fejn l-ikel ikun ġie pproċessat.

Għaliex tħallew barra l-inbid u x-xarbiet kollha alkoħoliċi? Dan ma jgħinx biex jipproteġi lit-tfal u liż-żgħażagħ mill-alkopops (xarbiet alkoħoliċi b'togħma ta' xarba li ma fihiex alkoħol) u xarbiet alkoħoliċi oħra.

Ix-xarbiet alkoħoliċi ma tħallewx barra mill-ambitu tal-liġi. Dawn huma eżentati mir-rekwiżiti li jipprovdu lista tal-ingredjenti u informazzjoni dwar in-nutrizzjoni biss temporanjament. Iżda fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda, il-Kummissjoni se tistudja din il-kwistjoni speċifika u, jekk ikun hemm bżonn, tipproponi l-emendi għar-regoli.

X’għad hemm bżonn li jsir?

Il-Kummissjoni se tiżviluppa regoli speċifiċi dwar it-tikkettar obbligatorju dwar l-oriġini tal-laħam u se tiċċara l-mod kif se japplikaw ir-regoli l-ġodda dwar l-informazzjoni dwar l-oriġini mogħtija volontarjament fuq it-tikketti. Dan hu mistenni li jsir f'dawn is-sentejn li ġejjin.

Meta se tidħol fis-seħħ din il-liġi?

Ir-rekwiżiti l-ġodda għat-tikketti se jibdew japplikaw tliet snin wara l-adozzjoni formali tal-liġi. Iżda fil-każ tal-informazzjoni dwar in-nutrizzjoni, l-obbligu li dan għandu jiġi inkluż fuq it-tikketta mhux se jkun applikabbli qabel ħames snin wara l-adozzjoni formali tal-liġi minkejja li wara tliet snin, l-informazzjoni tat-tikketti dwar in-nutrizzjoni trid tiġi ppreżentata skont ir-regoli l-ġodda.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website