Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/469

Brussell, 29 ta’ Ġunju 2011

Flus fejn huwa importanti – kif il-baġit tal-UE jwassallek valur

Il-baġit tal-Unjoni Ewropea jipprovdi valur miżjud importanti lill-ħajjiet tal-500 miljun ċittadin tagħha. Huwa żgħir (madwar 1% tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE) iżda jipproduċi riżultati konkreti fuq ħafna affarijiet fejn il-finanzjament fil-livell tal-UE jagħti redditu aħjar fuq l-investiment. Dan il-MEMO jagħti serje ta’ eżempji li juru kif il-baġit preżenti tal-UE għamel differenza.

Werrej

1. It-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi 2

Ngħaqqdu l-Ewropa: Enerġija 2

Ngħaqqdu l-Ewropa: Trasport 4

Ngħaqqdu l-Ewropa: telekomunikazzjonijiet u ICT 6

Investiment fin-nies tal-Ewropa: Riċerka 7

Investiment fin-nies tal-Ewropa: Impjiegi u finanzjament soċjali 9

Investiment fin-nies tal-Ewropa: Edukazzjoni 11

Investiment fir-reġjuni tal-Ewropa: Politika ta’ Koeżjoni 12

2. Nagħmlu lill-Ewropa aktar sigura għaċ-ċittadini tagħha 14

Fruntieri aktar siguri 14

Ikel aktar sigur: agrikoltura, sajd u saħħa 17

Ambjent aktar sigur: azzjoni klimatika u l-ambjent 19

Ċittadini aktar siguri 21

3. Nagħmlu l-Ewropa tgħodd fid-dinja 22

Kummerċ 22

Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat 23

Azzjoni esterna 24

Politika ta' żvilupp 26

Għajnuna umanitarja u reazzjoni għall-kriżijiet 27

4. Valur għall-flus tal-persunal tal-UE 28

  • It-tisħiħ tat-tkabbir u l-impjiegi

Qatt ħsibt għaliex il-ferrovija ta’ veloċità għolja jkollha tnaqqas il-veloċità f’daqqa minn 200 km/h għal 90 km/h sempliċiment għaliex tkun għadha kif qasmet fruntiera fl-Unjoni Ewropea? Għaliex ċerti flussi ta’ gassijiet ma jistgħux jitreġġgħu lura u ċ-ċittadini u l-kumpaniji jitħallew fil-kesħa matul kriżi tal-gass? Jew għaliex għadu mhuwiex faċli li tistudja barra l-pajjiż jew li jkollok il-kwalifiki professjonali tiegħek rikonoxxuti fi Stat Membru ieħor? Il-baġit tal-UE jista’ jgħin sabiex jinstabu soluzzjonijiet u jingħalqu dawn il-lakuni u r-restrizzjonijiet persistenti. Huwa jista’ jgħin sabiex isaħħaħ it-tkabbir u l-impjiegi billi jgħaqqad lill-Ewropa, billi jinvesti fin-nies tal-Ewropa u billi jinvesti fir-reġjuni tal-Ewropa.

Ngħaqqdu l-Ewropa: Enerġija

L-iżvilupp tal-infrastruttura tal-enerġija tal-Unjoni Ewropea huwa fil-qalba tal-istrateġija tal-Ewropa 2020 u l-mira ta’ Ewropa effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. It-tlestija tan-netwerks u t-tneħħija tal-lakuni, ir-restrizzjonijiet u l-gżejjer tal-enerġija huma essenzjali għall-iżvilupp tas-suq intern għall-enerġija, għas-sigurtà tal-provvista u għat-trasportazzjoni tal-enerġija rinnovabbli. Kemm iċ-ċittadini kif ukoll il-kumpaniji jeħtieġ li jkunu kapaċi jiddependu fuq il-gass u l-enerġija disponibbli għalihom fil-ħinijiet kollha u bi prezz ġust. Ġeneralment, is-sehem tal-finanzjament tal-UE jkun pjuttost żgħir, iżda joħloq ingranaġġ fuq kwalunkwe investiment pubbliku jew privat ieħor. Fil-każ tal-Programm Ewropew ta’ Rkupru Ekonomiku (EERP) tal-2009, kien stmat li l-ingranaġġ ikun ta' madwar għaxar darbiet aktar.

L-irduppjar tal-kapaċitajiet ta’ trażmissjoni bejn Franza u Spanja: L-UE ħallset terz tal-ispejjeż ta’ investiment totali ta’ € 700 Miljun sabiex kważi rduppjat il-kapaċità tal-linja tal-enerġija eżistenti sa 2800 MW. Spanja u Franza ma setgħux jaqblu li jagħmlu l-investiment weħidhom. Il-proġett kien meqjus bħala li huwa sempliċiment wisq għali għall-benefiċċju li jagħtihom. L-UE intervjeniet minħabba li l-benefiċċju kien imur lil hinn sew minn dawn iż-żewġ pajjiżi. Billi l-proġett itejjeb il-konnessjonijiet ta’ Spanja mal-bqija tal-Ewropa, iċ-ċittadini u l-kumpaniji fil-Ġermanja, fil-Belġju, fir-Renju Unit u fl-Italja ser ikunu jistgħu, fil-ġejjieni, jirċievu l-enerġija prodotta minn enerġija rinnovabbli (pannelli solari u l-enerġija mir-riħ) fi Spanja. Dan ifisser li ser tintuża aktar enerġija rinnovabbli fl-Ewropa, li huwa tajjeb għall-klima. Ifisser ukoll li l-konsumaturi u l-kumpaniji jkunu jistgħu jakkwistaw l-enerġija rinnovabbli bi prezz ġust, minħabba li l-enerġija mix-xemx tista’ tiġi prodotta b’inqas spejjeż fi Spanja milli fit-Tramuntana tal-Ewropa, għas-sempliċi raġuni li jkun hemm aktar jiem xemxin. U mingħajr din il-konnessjoni, Spanja ma tkunx tista’ tesporta l-enerġija kollha tagħha prodotta mix-xemx u mir-riħ.

Inreġġgħu lura l-flussi tal-gassijiet: L-UE qiegħda tikkofinanzja t-titjib taċ-ċentru tal-gass ta’ Baumgarten fl-Awstrija u l-installazzjoni ta’ kumpressuri sabiex tkun tista’ ssir it-trasportazzjoni tal-gass mill-Ġermanja vija l-Awstrija lejn is-Slovakkja, l-Ungerija, is-Slovenja u l-Kroazja. Billi tipprovdi 50% tas-somma tal-investiment totali ta’ € 13, 4 Miljun, l-UE se tkun żiedet is-sigurtà tal-provvista fis-Slovakkja, l-Ungerija, is-Slovenja u l-Kroazja sal-2012. F’każ ta’ kriżi tal-gass, il-Ġermanja tista’ tintervjeni billi twassal il-gass lejn dawn il-pajjiżi. Dan ma kienx possibbli matul il-kriżi tal-2009 bejn ir-Russja u l-Ukraina, għaliex il-pipelines eżistenti setgħu jittrasportaw il-gass biss mil-Lvant għall-Punent u mhux fid-direzzjoni l-oħra. Mingħajr l-UE, it-titjib ma kienx ikun jista’ jsir, minħabba li l-Awstrija ma kellhiex inċentiv biex tagħmel investimenti li minnhom jibbenifikaw biss il-klijenti f’pajjiżi oħrajn.

Pipeline tal-gass ġdid mill-Alġerija sal-Italja: L-UE qiegħda tikkofinanzja 3% (€120 miljun) tal-pipelines tal-gass ġodda li mhux biss jgħaqqdu r-riżervi tal-gass fl-Alġerija mal-Italja, iżda wkoll iżidu s-sigurtà tal-provvista għal pajjiżi bħas-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija u s-Slovenja.

L-ewwel interkonnettur tal-elettriku mil-Lvant għall-Punent bejn l-Irlanda u r-Renju Unit: B’finanzjament ta’ €110 miljun mill-UE, inkiseb self ta’ € 300 miljun mill-BEI, li rriżulta f’termini ta’ self attraenti minn banek oħrajn. Il-finanzjament tal-UE ta s-siġill tal-approvazzjoni tal-UE lill-proġett u enfasizza s-sinjifikat politiku tiegħu għall-konnessjoni tal-gżejjer tal-enerġija tal-UE mal-grilja tal-elettriku Ewropea usa’. L-Irlanda għandha l-kapaċità li tiġġenera ammonti konsiderevoli ta’ elettriku mill-enerġija rinnovabbli mir-riħ. L-eċċess jista’ jiġi esportat lejn ir-Renju Unit permezz tal-interkonnettur. Il-proġett ma setax iseħħ mingħajr l-istimulu tal-finanzjament mill-UE. Il-proġett sejjer jitlesta fl-2012.

Interkonnessjoni tal-elettriku Estlink-2 bejn il-Finlandja u l-Estonja: F’Marzu 2010 il-Kummissjoni tat finanzjament ta’ €100 miljun sabiex tappoġġja l-kostruzzjoni tal-kejbil tal-elettriku Estlink-2 b’kapaċità ta’ 650 megawatt bejn l-Estonja u l-Finlandja, li għandu jsir operattiv sal-2014. Il-konnessjoni Estlink-2 hija l-akbar investiment li qatt sar fin-netwerk tal-elettriku Estonjan, bi spiża totali ta’ madwar €320 miljun. Il-proġett qiegħed jinbena b’mod konġunt mill-operatur Estonjan tas-sistema tat-trażmissjoni tal-elettriku u l-kontroparti Finlandiża tiegħu. Il-proġett sejjer jikkontribwixxi b’mod sinjifikanti għall-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tal-enerġija Baltiċi u Nordiċi billi jittrippla l-kapaċità tat-trażmissjoni bejn iż-żewġ pajjiżi. Huwa għandu jżid ukoll is-sigurtà tal-enerġija fil-pajjiżi Baltiċi.

Ngħaqqdu l-Ewropa: Trasport

Il-Politika tat-Trasport tal-UE qiegħda hemmhekk biex tistabbilixxi l-infrastruttura tat-trasport u l-interkonnessjonijiet sabiex jissaħħaħ is-Suq Uniku, jiġi żgurat il-fluss liberu tal-merkanzija u n-nies, kif ukoll jiġu appoġġjati t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività tal-UE. Fil-passat, is-sistemi tat-trasport fl-Ewropa fil-biċċa l-kbira żviluppaw fuq linji nazzjonali. Dan wassal għal interkonnessjonijiet tat-trasport ħżiena jew nieqsa fil-fruntieri, jew tul il-kurituri ewlenin. L-interkonnessjonijiet dgħajfa tat-trasport ifixklu t-tkabbir ekonomiku. Min-naħa l-oħra, kull miljun li nonfqu permezz tal-fond tat-TEN-T fil-livell Ewropew jiġġenera 5 miljuni f’investiment mill-Gvernijiet tal-Istati Membri. U kull miljun jiġġenera 20 miljun mis-settur privat. Huwa stmat li t-tneħħija ta’ 20-25 punt ta' konġestjoni ewlenin sabiex jinħoloq netwerk ta’ trasport Ewropew prinċipali matul il-perjodu 2014-2020 għandu jkollha impatt sinjifikanti ħafna fuq it-tkabbir ekonomiku, tant li potenzjalment tiġġenera sa 2.9 miljun impjieg. Sfida oħra li diġà teżisti hija l-interoperabbiltà. Fi kliem sempliċi, il-ħardwer nazzjonali (il-wisa’ tal-binarji tal-ferrovija, is-sistemi ta’ ċertifikazzjoni tas-sigurtà, is-sistemi ta’ elettrifikazzjoni, is-sinjalar tal-ferrovija, eċċ.) ma jingħaqdux flimkien. L-ajruplani jridu jikkuntattjaw lil kontrolluri tat-traffiku tal-ajru differenti f’kull pajjiż li jaqsmu. Dawn l-ostakoli tekniċi jirriżultaw f’duplikazzjoni u dewmien. Dawn huma wkoll għaljin u ineffiċjenti ħafna. Sa mis-snin 70, il-politika tat-trasport Ewropea kienet qiegħda taħdem biex toħloq konnessjonijiet ewlenin u tneħħi l-ħafna restrizzjonijiet u ostakoli li jimblokkaw il-fluss ħieles tal-oġġetti u n-nies. Ir-riżultati kienu sinjifikanti ħafna.

Il-liberalizzazzjoni tal-ajru tal-UE biddlet tassew in-natura tat-trasport bl-ajru. L-emerġenza tal-linji tal-ajru low cost ma kinitx tkun possibbli li kieku l-UE ma bdietx tiftaħ is-swieq fis-snin 90. L-UE issa għandha 20 trasportatur low-cost, li jirrappreżentaw 40.2% tas-suq intern tal-UE. Fl-1990 ma kien hemm xejn. Bis-saħħa tal-liberalizzazzjoni tal-ajru, miljuni ta’ konsumaturi kisbu aċċess għal għażla ferm akbar ta’ rotot tal-ajru bi prezzijiet ferm aktar kompetittivi. Il-liberalizzazzjoni żiedet in-numru ta’ passiġġieri tal-ajru u r-rotot servuti b’mod drammatiku. It-trasportaturi tal-passiġġieri skedati żdiedu minn 135 għal 152, u n-numru medju ta’ rotot ġewwa l-Unjoni żdied b’140% minn 1,680 għal 4,000 bejn l-1992 u l-2010. Fl-istess ħin, il-kompetizzjoni intensifikat: ir-rotot b’aktar minn żewġ kompetituri żdiedu b’415% minn 93 għal 479 (Sors: il-Gwida Uffiċjali tal-Linji tal-Ajru). In-numru ta’ passiġġieri intra-Komunitarji żdied minn 367 miljun fis-sena 2000 għal 480 miljun fl-2009.

Nibnu l-konnessjonijiet neqsin, intejbu l-infrastruttura: Il-flus tal-UE ntużaw sabiex jiffinanzjaw parzjalment – u jistimolaw investiment sinjifikanti mill-Istati Membri – bil-għan li jinbnew il-konnessjonijiet neqsin u jittejbu s-sezzjonijiet tat-trasport u l-kurituri prinċipali. Dawn il-konnessjonijiet neqsin probabbilment mhumiex sejrin jinbnew minn xi Stat Membru wieħed li jaġixxi waħdu – huma jirrikjedu l-appoġġ u l-koordinazzjoni Ewropej, xi drabi bejn diversi Stati Membri.

Malmo – Kopenħagen: Il-pont ta’ Øresund huwa l-itwal triq u pont ferrovjarju kkombinati fl-Ewropa. Huwa nfetaħ għat-traffiku fl-1 ta’ Lulju 2000. L-ispiża tal-proġett kienet ta’ €2.7 biljun u l-baġit allokat ma nqabiżx. Il-baġit tal-UE kkontribwixxa €127 miljun. L-ivvjaġġar bil-ferrovija żviluppa malajr bi tkabbir ta’ 230% mill-2001, bi 11.2 miljun passiġġier fl-2009. F’dik is-sena wkoll, kien hemm 7 miljun vettura li qasmu l-Pont ta’ Øresund. Grazzi għal din l-interkonnessjoni, numru dejjem akbar ta’ negozji qed ikollhom attivitajiet fuq in-naħa l-oħra ta’ Øresund. L-aktar eżempji ta’ suċċess f’din il-kooperazzjoni huma l-Università ta’ Øresund u r-Reġjun tax-Xjenza ta’ Øresund. Il-konnessjoni fissa ta’ Øresund turi kemm hija essenzjali l-infrastruttura għall-funzjonament tas-Suq Intern.

L-assi tal-ferrovija b’veloċità għolja Pariġi – Brussell – Cologne – Amsterdam – Londra: L-ewwel netwerk transkonfinali Ewropew tal-ferrovija b’veloċità għolja li jgħaqqad Pariġi-Brussell-Cologne-Amsterdam-Londra tlesta fl-2007. Huwa ġab miegħu tnaqqis sostanzjali fil-ħinijiet tal-vjaġġi bejn il-ħames pajjiżi u jipprovdi lill-passiġġieri b’alternattiva reali għat-trasport bl-ajru u bit-triq. Il-ħinijiet tal-vjaġġi tnaqqsu b’aktar min-nofs (pereżempju minn ’il fuq minn 3 sigħat għal siegħa u 22 minuta fuq il-konnessjoni bejn Pariġi u Brussell u minn ’il fuq minn 5 sigħat għal siegħa u 50 minuta fuq il-konnessjoni bejn Londra u Brussell). F’ħafna każijiet, il-linja ġdida tal-ferrovija b’veloċità għolja ħadet post ir-rotot tal-ajru tradizzjonali kompletament. Il-proġett wassal għal bidla modali kbira ħafna mit-trasport bl-ajru u bit-triq għal dak bil-ferrovija. Pereżempju, in-numru ta’ passiġġieri ta’ Eurostar u Thalys żdied minn 6.5 miljun fl-1995 għal 15.3 miljuni fl-2009. Il-linji tal-ajru ma għadhomx jipprovdu servizz bejn Pariġi u Brussell, minħabba li vjaġġ bil-ferrovija huwa aktar veloċi minn wieħed bl-ajru. Il-programm TEN-T tal-UE pprovda €720 miljun f’fondi, filwaqt li l-BEI sellef €1.8 biljun għal proġett bi spiża totali ta’ €17.3 biljun.

L-Ajru Uniku Ewropew

Hemm riskju ta’ saturazzjoni fl-ismewwiet u l-ajruporti Ewropej. Mingħajr investiment sostanzjali li jappoġġja l-użu tas-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku fl-ajru tal-Ewropa (l-Ajru Uniku Ewropew), l-ajruporti tagħna jkunu imblukkati. Konkretament, sal-2030 19-il ajruport ser ikunu qed joperaw b’kapaċità sħiħa tmien sigħat kuljum, f'kull jum tas-sena, biex b'hekk jiġu affettwati 50% tat-titjiriet kollha mat-tluq jew mal-wasla jew mat-tnejn. Fl-2007, 5 ajruporti biss kienu qegħdin joperaw b’kapaċità sħiħa jew qrib, fuq 17% tat-titjiriet. Iżda l-Ewropa mhux biss ikollha tirrifjuta porzjon kbir tad-domanda potenzjali. Tkun vulnerabbli wkoll għal dewmien regolari u kanċellazzjonijiet ta’ titjiriet fuq skala mingħajr preċedent. Jekk inkomplu sejrin kif aħna, l-ispejjeż tal-konġestjoni ser jiżdiedu b’madwar 50% sal-2050. Il-problema prinċipali hija li s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru hija arkajka; it-teknoloġiji bażiċi użati jmorru lura għas-snin 1950. Is-soluzzjoni hija Ewropea u għandha isem: SESAR, inizjattiva konġunta tal-Kummissjoni Ewropea, EUROCONTROL u s-settur tal-avjazzjoni bil-għan li a) tiġi ttripplata l-kapaċità tal-ispazju tal-ajru, b) tittejjeb is-sigurtà b'għaxar darbiet, c) jitnaqqas l-impatt ambjentali b’10%, d) jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru b’50%; u e) il-ħin tat-titjiriet tal-passiġġieri jitqassar b’10% u l-kanċellazzjonijiet jitnaqqsu b’50%

http://www.youtube.com/watch?v=k-2G_vxso9g

Il-karozzi elettriċi qegħdin jiġu żviluppati u qed jinħarġu fis-suq. Iżda jeħtieġ li niżviluppaw standards bażiċi komuni għal punti tal-iċċarġjar tal-elettriku madwar l-UE – inkella jkollok taqsam minn Franza għall-Ġermanja mingħajr ma tkun tista’ tiċċarġja. Dak ix-xogħol beda. 42 imsieħeb mill-industrija, is-settur tal-enerġija, manifatturi ta’ vetturi elettriċi, muniċipalitajiet kif ukoll universitajiet u istituzzjonijiet ta’ riċerka ngħaqdu biex jiżviluppaw u juru qafas aċċettat fuq bażi komuni u faċli għall-utent għall-infrastruttura tal-iċċarġjar. Il-proġett, li jismu 'Green emotion' għandu baġit totali ta’ €41.8 M u ser ikun iffinanzjat mill-Kummissjoni Ewropea b’€24.2 miljun. Green eMotion ser jgħaqqad inizjattivi reġjonali u nazzjonali tal-elettromobilità li jinsabu għaddejjin, jibni fuq ir-riżultati u jqabbel l-approċċi teknoloġiċi differenti biex jippromwovi l-aħjar soluzzjonijiet għas-suq Ewropew.

Ngħaqqdu l-Ewropa: telekomunikazzjonijiet u ICT

Prezzijiet aktar baxxi, għażla akbar ta’ servizzi ta’ kwalità: il-konsumaturi u l-impriżi tal-Ewropa issa jgawdu minn għażla aktar wiesgħa ta’ servizzi tat-telefown ta’ kwalità tajba li huma sostanzjalment orħos. Dan huwa r-riżultat dirett tal-liberalizzazzjoni tas-swieq tat-telekomunikazzjonijiet fl-UE u l-introduzzjoni ta’ aktar kompetizzjoni. In-nies issa jistgħu jagħżlu bejn bosta operaturi tat-telekomunikazzjonijiet u għandhom id-dritt li jbiddlu fi żmien ġurnata waħda tax-xogħol (waqt li jżommu l-istess numru). Bħala riżultat, it-tariffi għat-telefonati nazzjonali fuq linja fissa naqsu b’aktar minn 60% sa mill-1998 ‘il hawn. Il-prezzijiet taċ-ċellulari naqsu b' mill-inqas 30% bejn l-2006 u l-2010.

Roaming: Bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni mfassla mill-Kummissjoni li introduċiet limiti massimi tal-prezzijiet, l-ispejjeż għat-telefonati ċellulari bir-roaming fl-UE naqsu bi 73% sa mill-2005. Dawn il-limiti massimi komplew jitnaqqsu kull sena u l-aħħar tnaqqis ser isir fl-1 ta’ Lulju 2011. Barra minn hekk, il-konsumaturi u n-negozjanti m'għadhomx jieħdu qatgħa meta jirċievu l-kont talli jniżżlu dejta fuq networks ċellulari – il-kontijiet ta’ kull xahar għat-tniżżil ta’ dejta huma limitati għal €50 sakemm il-konsumatur ma jifhtiehemx espliċitament mod ieħor. Il-Kummissjoni timmira li tiżgura li d-differenzi bejn it-tariffi tar-roaming u dawk tat-telekomunikazzjonijiet nazzjonali joqorbu lejn iż-żero sal-2015. F’Lulju 2011 il-Kummissjoni b’hekk ser tipproponi regoli ġodda għar-roaming li għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2012.

Suq Uniku Diġitali: Il-Kummissjoni Ewropea qed taħdem flimkien mal-Istati Membri biex tistabbilixxi Suq Uniku Diġitali. In-negozji Ewropej li huma bbażati fuq l-internet jistgħu jiffjorixxu biss f’ambjent mingħajr konfini, iżda bħalissa l-Ewropa hija taħlita ta’ swieq diġitali nazzjonali. Il-konsumaturi Ewropej b’hekk ma jistgħux igawdu l-benefiċċji ta’ Suq Uniku Diġitali. 60% tat-tentattivi ta’ ordnijiet ta’ xiri transkonfinali bl-Internet ma jirnexxux. Huma biss it-8% ta’ dawk fl-UE li jixtru online li jixtru minn pajjiż ieħor. Il-konsumaturi spiss ma jkunux jistgħu jniżżlu mużika mill-internet legalment minn pajjiż ieħor tal-UE. In-nuqqas li jiġi implimentat is-Suq Uniku Diġitali jista’ jwassal biex l-Ewropa titlef il-vantaġġ kompetittiv tagħha fl-10 snin li ġejjin. Sabiex tiżgura li dan ma jseħħx, il-Kummissjoni qiegħda taħdem biex tnaqqas il-frammentazzjoni u ssaħħaħ is-Suq Uniku.

Internet li jgħaġġel ħafna: Internet li jgħaġġel ħafna u li jkun disponibbli fuq bażi wiesgħa u bi prezz kompetittiv huwa l-‘Ossiġnu Diġitali’ li l-Ewropa teħtieġ sabiex tikber u żżid il-prosperità tagħha. L-UE għalhekk timmira li tipprovdi broadband bażiku lill-Ewropej kollha sal-2013 u li tiżgura li, sal-2020, (i) l-Ewropej kollha jkollhom aċċess għal veloċitajiet tal-internet ferm ogħla minn 30 Mbps u (ii) 50% jew aktar tad-djar Ewropej jabbonaw għal aċċess għall-internet ta’ aktar minn 100 Mbps.

Telefowns ċellulari u broadband: 3G u 4G: Bl-appoġġ ta’ fondi mill-UE, l-industrija Ewropea kisbet tmexxija dinjija fit-teknoloġiji u l-istandards ċellulari u wajerless. L-istandard Ewropew 3G jintuża minn aktar minn 600 miljun telefown ċellulari madwar id-dinja. Investiment ta’ €120 miljun li sar bejn 10 snin u 15-il sena ilu fil-livell tal-UE ppermetta li llum il-ġurnata jiffjorixxi suq ta’ prodotti u servizzi b’valur ta’ €250 biljun għal apparat tat-telekomunikazzjoni 3G. Bil-fondi mill-UE, ir-riċerkaturi żviluppaw l-ewwel kunċett tal-infrastruttura tan-netwerk ċellulari bbażata fuq 4G. 4G hija l-aħħar teknoloġija wajerless li tipprovdi veloċitajiet ta’ internet mobbli 10 darbiet aktar veloċi min-netwerks attwali 3G. 4G ser jipprovdi l-veloċitajiet meħtieġa sabiex tiġi sodisfatta d-domanda għal servizzi li jieħdu ħafna bandwidth fil-100 sena li ġejjin waqt li jiġi stimulat it-tkabbir ekonomiku. Huwa stmat li madwar 500 miljun utent ser jibbenefikaw minn netwerks tal-komunikazzjoni 4G fl-2016. L-analisti tas-suq jistennew li l-operaturi madwar id-dinja ser jinvestu kważi €6 biljun f‘apparat 4G sal-2013.

Investiment fin-nies tal-Ewropa: Riċerka

Hemm riċerka li tiswa ħafna flus u li teħtieġ li ssir fuq skala kbira ħafna biex tipprovdi riżultati siewja. Huwa kruċjali li jiġi mmassimizzat il-valur għall-flus. Billi meta ċerta riċerka ssir fuq bażi ta' kollaborazzjoni fil-livell tal-UE jiġi evitat xogħol doppju u jkunu jistgħu jingħaqdu flimkien il-kapaċitajiet u t-tagħrif eżistenti, hija toħloq valur miżjud akbar milli jista' jinkiseb permezz ta' nfiq purament nazzjonali. Euro wieħed mill-finanzjament tal-Programm Qafas tal-UE jwassal għal żieda fil-valur miżjud tal-industrija ta’ bejn €7 u €14. L-impatt makroekonomiku fit-tul tas-Seba’ Programm Qafas preżenti (madwar €8 biljun/sena) jammonta għal 900,000 impjieg, li minnhom 300,000 fir-riċerka, 0.96 fil-mija oħra tal-PDG, u 1.57 fil-mija oħra ta’ esportazzjonijiet, u tnaqqis tal-importazzjonijiet b’0.88 fil-mija.

Huwa biss billi jingħaqdu flimkien ir-riżorsi, kemm billi jintużaw programmi ta’ finanzjament tal-UE u permezz ta’ koordinazzjoni ulterjuri ta’ finanzjament nazzjonali li l-UE tista’ tikseb il-massa kritika fix-xjenza u r-riċerka biex tieħu l-inizjattiva biex tindirizza l-akbar sfidi li qegħdin jiffaċċjaw l-Ewropa u d-dinja, illum u fil-ġejjieni. Dawn l-isfidi jinkludu: it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-enerġija u tal-ikel, l-effiċjenza tar-riżorsi, is-saħħa u l-popolazzjoni li qiegħda tixjieħ.

Il-progress biex jinstabu soluzzjonijiet għal dawn il-kwistjonijiet mhux biss ser itejjeb direttament il-ħajjiet ta’ miljuni ta’ Ewropej – ser jagħti lill-Ewropa vantaġġ kompetittiv fl-industriji tal-futur u l-prodotti u s-servizzi li jridu jixtru pajjiżi oħrajn li qegħdin jiffaċċjaw l-istess sfidi. Dan min-naħa l-oħra jfisser li jinħolqu impjiegi sostenibbli ta' kwalità għolja fl-Ewropa.

L-Inizjattiva tal-Karozza Ekoloġika Ewropea (EGCI) qed tagħmel l-introduzzjoni mifruxa ta’ vetturi elettriċi fl-Ewropa realtà kummerċjali. L-ECGI, li tgħaqqad flimkien 51 proġett ta’ riċerka, manifatturi kbar ta’ apparat bħal Siemens, kif ukoll manifatturi ewlenin tal-karozzi (Volkswagen u Renault), irnexxielha tikkonvinċi lil partijiet interessati ewlenin biex jimxu fl-istess direzzjoni. L-EGCI qed tindirizza kwistjonijiet bħal standards Ewropej, netwerks tad-distribuzzjoni tal-elettriku, teknoloġiji intelliġenti tal-ICT, batteriji li jiċċarġjaw aktar malajr u li jservu għal aktar żmien, u komponenti tal-karozzi aktar ħfief u b’saħħithom. Hekk kif iż-żejt isir aktar skars u tiżdied il-pressjoni fuq il-manifatturi tal-karrozzi biex “isiru aktar ekoloġiċi", ħafna pajjiżi qegħdin jistabbilixxu miri ambizzjużi għall-introduzzjoni ta’ karozzi elettriċi: iċ-Ċina qed timmira għal 50% tal-karozzi ġodda kollha mibjugħa sal-2020. Is-suq dinji ser ikun enormi, u l-Ewropa trid tkun protagonist ewlenija; it-teknoloġiji tal-karozzi elettriċi għandhom il-potenzjal li joħolqu opportunitajiet ta’ xogħol u tkabbir bħal qatt qabel. L-investiment totali fl-EGCI jammonta għal €5 biljun b’€4 biljun ġejjin mill-Bank Ewropew tal-Investiment u €1 biljun mobilizzati taħt il-programm ta’ riċerka tal-UE. L-Ewropa tista’ ssir mexxejja dinjija f’dan is-settur ġdid biss permezz ta’ kollaborazzjoni, l-istabbiliment ta’ standards komuni u l-ilħuq ta’ ftehim dwar l-iżvilupp ta’ teknoloġiji kumpatibbli u kumplimentari.

Il-finanzjament tal-UE għandu ingranaġġ fuq l-investiment privat. Fil-każ tal-RSFF (Faċilità ta' Finanzjament għall-Kondiviżjoni tar-Riskji) tal-UE, li tipprovdi finanzjament għal proġetti teknoloġiċi fuq skala kbira u ta’ riskju għoli b’benefiċċji ekonomiċi u soċjali potenzjalment kbar, il-volum tas-self huwa 12-il darba aktar mill-kontribuzzjoni tal-UE, u l-investiment addizzjonali ingranat fir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni huwa 30 darba aktar mill-kontribuzzjoni tal-UE.

Bħala riżultat tar-riċerka mmirata miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni li tiswa madwar € 1 miljun, l-ispiża tat-testijiet għall-BSE ġiet imnaqqsa u s-sussidju dirett tal-KE għal kull test seta' jitnaqqas minn €20 għal €7 li jirriżulta fi ffrankar kumulattiv għall-baġit tal-Komunità ta’ madwar €250 miljun matul il-perjodu 2002-2006.

L-ewwel inizjattiva pilota li tikkombina programmi ta’ riċerka nazzjonali u finanzjament biex titressaq ‘il quddiem ir-riċerka fil-mard newrodeġenerattiv, b’mod partikolari l-Alzheimer, ġiet imnedija fl-2009, bil-parteċipazzjoni ta’ 23 pajjiż s’issa. Koordinazzjoni aħjar tal-isforzi ta’ riċerka fl-UE għandha twassal għal aktar effiċjenza għall-Ewropa biex tindirizza sfidi soċjetali relatati ma’ dawn il-kwistjonijiet.

Huwa kruċjali li ngħaqqdu flimkien ir-riżorsi tar-riċerka u t-tagħrif sabiex inkunu nistgħu nikkompetu b’mod effettiv mal-Istati Uniti u mal-Ġappun, li t-tnejn li huma għandhom popolazzjonijiet ferm akbar u b’hekk baġits akbar ta’ riċerka u innovazzjoni pubbliċi u privati minn kwalunkwe pajjiż wieħed tal-UE. L-ekonomiji emerġenti wkoll daħlu għat-tellieqa u qegħdin jilħqu malajr. Għalkemm l-investiment fir-riċerka tal-UE f’termini reali żdied b’50% matul il-perjodu 1995 sa 2008, fl-Istati Uniti kien hemm żieda ta’ 60%, waqt li l-investiment żdied b’75% fl-erba’ pajjiżi fl-Ażja li huma ffukati bl-aktar mod intensiv fuq l-għarfien (il-Ġappun, il-Korea t’Isfel, is-Singapor u t-Tajwan). Ir-ritmu tat-tkabbir fl-investiment huwa saħansitra ogħla, b’rata ta’ 145%, fil-pajjiżi BRIS (il-Brażil, ir-Russja, l-Indja, l-Afrika t’Isfel), u fiċ-Ċina: 855%. B’din ir-rata, iċ-Ċina ser taqbeż lill-UE f’termini ta’ volum ta’ nefqa fuq ir-R&Ż sal-2014.

Investiment fin-nies tal-Ewropa: Impjiegi u finanzjament soċjali

Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jilħaq madwar 10 miljun Ewropew kull sena u jgħin lil 2 miljun ċittadin kull sena biex isibu xogħol. Persuna minn kull erbgħa li sabu xogħol bejn l-2000 u l-2008 għamlu dan wara li rċevew taħriġ mill-FSE. B’appoġġ fil-livell tal-UE, l-Istati Membri jagħmlu investimenti ġodda f’persuni li kieku ma kinux iseħħu. Billi jonfoq aktar flus f’pajjiżi inqas sinjuri, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jgħin lill-Istati Membri biex jinvestu ħafna aktar fil-kapital uman – li huwa essenzjali sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-livell ta’ min hu l-aħjar. Il-Polonja tirċievi €250 ta’ finanzjament mill-FSE għal kull persuna għall-2007-2013, meta mqabbel ma’ €50 għad-Danimarka. Sa mill-2000, L-Istati Membri rċevew €80 biljun f’appoġġ mill-FSE, li jirrappreżenta madwar 10% tal-baġit totali tal-Unjoni Ewropea. Ma’ dan hemm ukoll aktar minn €40 biljun ta’ kofinanzjament nazzjonali u privat. Matul il-perjodu 2000-20081, il-FSE appoġġa madwar 76 miljun persuna u 1.7 miljun organizzazzjoni. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jilħaq madwar 10 miljun Ewropew kull sena u jgħin lil 2 miljun ċittadin kull sena biex isibu xogħol. Iż-żgħażagħ jirrappreżentaw kważi kwart tal-10 miljun parteċipant tal-FSE kull sena, biex b'hekk tingħata spinta għall-impjiegi fost iż-żgħażagħ, l-intraprenditorija u l-mobilità tal-ħaddiema żgħażagħ, ikun hemm rati aktar baxxi ta' tfal li ma jkomplux l-iskola u jitjiebu l-livelli tal-kapaċitajiet. (Fl-2009 huma 3.1 miljun minn 11.0 miljun).

Sa minn meta ġie mniedi fl-2006, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) amministra madwar 77 applikazzjoni minn 10-il pajjiż għal kważi € 353 miljun, li jkopri taħriġ u assistenza fit-tiftix ta’ xogħol għal kważi 75 000 ħaddiem Ewropew li tilfu xogħlhom. Il-FEG jipprovdi finanzjament għal miżuri li jmorru lil hinn mill-obbligi ta’ kumpanija wara l-għoti ta’ sensji fuq skala kbira u fl-2009 aktar minn 40 % ta’ dawk li rċevew taħriġ permezz ta’ appoġġ mill-FEG sabu impjieg.

Bil-faċilità l-ġdida ta’ mikrofinanzjament PROGRESS, il-finanzjament tal-UE jingrana finanzjament minn istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, billi jestendu l-mikrofinanzjament għal gruppi li jinsabu fir-riskju u jiżviluppaw l-intraprenditorija, l-ekonomija soċjali u mikrointrapriżi madwar l-UE. Sat-tmiem tal-2013, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-Faċilità ta' Mikrofinanzjament hija ta' €100 miljun (2010-2013). Il-Kummissjoni tistma li l-kontribuzzjoni tal-Unjoni tista’ tiġi ingranata għal €500 miljun f’mikrokrediti billi jiddaħħlu istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali oħrajn bħall-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI).

B’risposta għall-kriżi ekonomika, pagamenti bil-quddiem addizzjonali ffinanzjati mill-UE pprovdew injezzjoni ta’ flus likwidi immedjata ta’ €6.25 biljun fl-2009 (€1.76 biljun għall-FSE u €4.5 biljun għall-FEŻR) sabiex aktar flus setgħu jintefqu malajr fuq proġetti ta’ prijorità tal-Istati Membri, tingħata għajnuna lill-SMEs u l-appoġġ jiġi ffukat mill-ġdid fuq dawk li huma l-aktar vulnerabbli.

Fil-Ġermanja, programm federali kofinanzjat mill-FSE ppermetta lil ħaddiema għal żmien qasir biex jiksbu kwalifiki ġodda.

Il-każ ta’ MG Rover (Renju Unit)

Il-pakkett ta’ appoġġ offrut mill-Better West Midlands project fl-Ingilterra jagħti servizz speċjalizzat imfassal apposta għall-ħtiġijiet kemm ta' dawk li jħaddmu kif ukoll tal-individwi. Dan jinkludi pariri u appoġġ individwali u aċċess għall-ħiliet u l-għoti ta' taħriġ. Il-finanzjament mill-Fond Soċjali Ewropew għen biex tiġi pprovduta firxa estiża ta’ appoġġ u taħriġ lill-ħaddiema taħt theddida jew avviż ta’ sensja, qabel it-tmiem tal-impjieg preżenti tagħhom. L-għan huwa li tiġi mmassimizzata l-kapaċità tagħhom li jmorru direttament għal xogħol ġdid. Il-proġett ser jgħin lil madwar 14 500 persuna minn kumpaniji mill-West Midlands fis-setturi tal-manifattura u setturi oħrajn.

L-FEG jappoġġja aktar minn 3000 ħaddiem fil-Ġermanja

F’Ġunju 2007 il-Ġermanja applikat għal appoġġ mill-FEG wara t-telf ta’ 3 303 impjieg meta l-manifattur tat-telefowns ċellulari BenQ irtira kull appoġġ finanzjarju miż-żewġ sussidjarji tiegħu bbażati fil-Ġermanja, biex b’hekk tefagħhom fi stat ta’ insolvenza. Dawn is-sussidjarji kienu jinsabu fi Munich, (Bavarja), Kamp-Lintfort u Bocholt (Rheinland-Pfalz). 2 528 mill-ħaddiema mkeċċija ddeċidew li jidħlu f’kumpanija ta’ trasferiment biex jibbenefikaw minn miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol. Il-FEG ippermetta li l-perjodu jiġi estiż minn 12 għal 17-il xahar u li tiżdied il-kwalità tal-miżuri ta’ appoġġ. Finalment, 1 879 (jew 74 %) tal-benefiċjarji tal-FEG ġew integrati mill-ġdid fis-suq tax-xogħol.

Investiment fin-nies tal-Ewropa: edukazzjoni

Globalment, l-UE tinvesti €2.5 biljun fis-sena fuq l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura, iċ-ċinema u l-mobilità tar-riċerkaturi –1.8% tal-baġit totali tal-UE. Dan is-sehem relattivament żgħir tal-baġit jagħti riżultati sinifikanti u valur miżjud konsiderevoli għall-Istati Membri, li m’għandhomx skemi ta’ finanzjament kumparabbli. L-organizzazzjoni tal-mobilità tal-istudenti transnazzjonali u l-kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet edukattivi (eż. universitajiet, skejjel, eċċ) hija aktar effettiva fil-livell tal-UE milli labirint ta’ inizjattivi bilaterali. Il-flus mibgħuta permezz ta’ programm tal-UE normalment ikunu ‘flus żerriegħa’, li jattiraw aktar finanzjament pubbliku u privat, u jgħinu fit-tnedija ta’ ħafna proġetti siewja. Huwa ppruvat li l-finanzjament mill-UE jista' jiġġenera redditi għoljin ħafna.

Permezz tal-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja, l-UE ser tinvesti madwar € 7 biljun bejn l-2007 u l-2013 fi skambji ta’ mobilità transnazzjonali u proġetti transkonfinali. Kull sena madwar 300 000 student u għalliem Ewropej jistgħu jqattgħu perjodu għal taħriġ jew studju f’pajjiż barrani u madwar 20 000 istituzzjoni edukattiva jistgħu jieħdu sehem fi proġetti ta’ kooperazzjoni transnazzjonali. Il-programm jgħin ukoll biex jingħalaq id-distakk bejn id-dinja tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol, b’mod partikolari permezz ta’ apprendistati ma’ intrapriżi. B’mod partikolari permezz ta’ Erasmus, 2.5 miljun student u studenta rċevew appoġġ sa mill-1987 biex jistudjaw jew jagħmlu apprendistat ta’ negozju f’pajjiż barrani. L-istudji juru li l-istudenti ta’ Erasmus huma aktar adattabbli u mmotivati, u l-esperjenza ttejjeb il-prospetti tagħhom fis-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin, l-Erasmus għen biex iwitti t-triq għal programmi universitarji aktar kumparabbli u r-rikonoxximent tal-istudji f'pajjiżi barranin (il-‘Proċess ta’ Bolonja'). Il-baġit tal-programm jintuża b'mod sħiħ kull sena u madwar 50% tar-rikjesti jkollhom jiġu rrifjutati.

Permezz tal-Azzjonijiet Marie Curie, kull sena l-UE tagħti lil 8 000 riċerkatur l-opportunità li jaħdmu f’pajjiżi barranin u tistimula sħubijiet bejn ir-riċerka u n-negozju. L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija huwa l-ewwel tentattiv li qatt sar biex jissaħħaħ it-‘triangolu tal-għarfien’ tal-edukazzjoni, riċerka u innovazzjoni fil-livell tal-UE. L-EIT ser jindirizza dejjem aktar id-‘distakk fl-innovazzjoni’, itejjeb il-kompetittività fl-UE u joħloq l-impjiegi.

Kultura: Is-setturi kulturali u kreattivi jirrappreżentaw 4,5% tal-PDG tal-UE, u 3.8% tal-impjiegi, li huwa ogħla minn bosta setturi ewlenin oħrajn. L-appoġġ mill-programm MEDIA għad-distribuzzjoni tal-films itejjeb il-kompetittività tal-industrija u jgħin lil kumpaniji żgħar, biex b’hekk joħloq opportunitajiet ta’ impjiegi. L-effett multiplikatur tal-appoġġ ta’ MEDIA fis-settur taċ-ċinemas jista’ jiġi stmat għal dħul ta’ € 13 iġġenerat għal kull € investit.

Mobilità għal Impostamenti f’Kumpanniji (apprendistati)

L-impostamenti jew l-apprendistati f’kumpaniji jew organizzazzjoni huma l-azzjoni li qed tikber l-aktar malajr fi ħdan Erasmus fil-Programm ta’ Tagħlim Tul il-Ħajja. Fl-2009-2010, ġew iffinanzjati aktar minn 35 000 impostament ta’ xogħol f’pajjiż barrani, li jirrappreżenta żieda annwali ta’ aktar minn 17%. L-għotjiet jippermettu lill-istudenti biex iqattgħu perjodu ta’ tliet xhur sa tnax-il xahar jagħmlu apprendistat f'pajjiż barrani. Meta l-istudenti jqattgħu żmien ma' kumpanija f'pajjiż barrani, dan jgħinhom jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, jiżviluppaw ħiliet speċifiċi u jseddaq ukoll il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u l-kumpaniji.

Investiment fir-reġjuni tal-Ewropa: Politika ta’ koeżjoni

Il-politika ta’ koeżjoni tgħin lir-reġjuni u l-pajjiżi aktar foqra biex ilaħħqu u jintegraw ruħhom mas-Suq Uniku. Din hija politika ta' investiment orjentata lejn il-futur li tibbenefika wkoll b'mod ċar lill-kumplament tal-Ewropa billi toħloq tkabbir ekonomiku u impjiegi fuq bażi wiesgħa.

Pereżempju, l-esportazzjonijiet intra-UE żdiedu b’mod konsiderevoli f’reġjuni li jibbenefikaw mill-fondi ta’ koeżjoni. Hemm rabta ċara bejn il-politika ta’ koeżjoni u t-tkabbir fl-UE. L-istudji wrew li l-PDG fl-UE-25 fit-totalità tagħha kien 0.7% ogħla fl-2009 bis-saħħa tal-investimenti fil-politika ta’ koeżjoni matul il-perjodu 2000-2006. Dan kien stmat li jitla’ sa 4% sal-2020. Fl-UE-15 weħidha, l-istima hija effett nett kumulattiv fuq il-PDG ta’ 3.3% sal-2020. Fi kliem ieħor: l-investiment reġjonali jfisser żvilupp Ewropew. It-tkabbir f’reġjun wieħed, forsi aktar fqir, iwassal għax-xiri ta’ prodotti u servizzi minn reġjun ieħor, aktar sinjur. Dan isaħħaħ l-iżvilupp tas-Suq Uniku, li jirrappreżenta bejn 60 u 80% tal-esportazzjonijiet tal-Istati Membri, konsiderevolment aktar milli lejn pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, l-Indja jew l-Istati Uniti.

Il-Politika ta’ Koeżjoni matul il-perjodu 2000-2006 irriżultat f’redditu ta’ € 2.1 għal kull euro investit. Sal-2020, ir-redditu huwa stmat li jkun ta’ € 4.2 għal kull euro investit. Il-politika ta’ koeżjoni għenet ukoll biex jiżdied il-livell ta’ impjieg. L-estimi għall-2009 huma li n-numru ta’ persuni impjegati kien 5.6 miljun ogħla bħala riżultat tal-politika fl-2000-2006, jew medja ta’ 560.000 aktar fis-sena milli mingħajr politika ta’ koeżjoni.

Wara r-riċessjoni reċenti u f’pajjiżi li qegħdin ibatu bil-kriżi tad-dejn, il-politika ta’ Koeżjoni għandha rwol ewlieni x’tiżvolġi fl-irkupru ekonomiku u soċjali, billi tingrana l-investiment f’setturi ta’ tkabbir bħall-effiċjenza tal-enerġija, iżda wkoll billi tgħin lill-persuni jitħarrġu u jtejbu l-kapaċitajiet tagħhom biex isibu xogħol.

L-infiq fuq il-koeżjoni huwa ta’ benefiċċju għal bosta Stati Membri

Fl-2009, il-Polonja, il-pajjiż li rċieva l-akbar finanzjament mill-politika ta’ koeżjoni fil-perjodu ta’ programmar preżenti, għamlet studju2 tal-benefiċċji għall-pajjiżi tal-UE15 bħala riżultat tal-politika ta’ koeżjoni fil-Polonja. Fuq il-bażi ta’ stħarriġ tal-kuntratti mirbuħa minn intrapriżi mill-pajjiżi tal-UE15, l-istudju juri li madwar 8% tal-volum totali tal-kuntratti fil-Polonja mar għand kumpaniji tal-UE, b’intrapriżi mill-Ġermanja jkunu bil-bosta l-aktar grupp importanti. Dawn il-kumpaniji tipikament kisbu suċċess fi proġetti Pollakki aktar kbar.

Ir-raggruppament ta’ teknoloġija nadifa f’Lahti (il-Finlandja)

L-intervent tal-UE f’dan il-proġett kellu effett ta’ katalist: ħeġġeġ l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ambjentali billi għaqqad flimkien intrapriżi żgħar u kbar, organizzazzjonijiet edukattivi u awtoritajiet reġjonali. Ir-raggruppament jipprovdi servizzi li jagħmluha eħfef għall-200 negozju parteċipanti biex jagħmlu netwerking u biex jidħlu fis-suq internazzjonali.

Il-Park tax-Xjenza u n-Negozju ta’ Lahti li jikkoordina r-raggruppament sar ċ-ċentru ewlieni tat-teknoloġija ambjentali fil-Finlandja. Bejn l-2005 u l-2007, madwar 20 kumpanija u organizzazzjoni tat-teknoloġija nadifa ġew irrilokati lejn ir-reġjun. Il-baġit tal-UE kkontribwixxa €1.5 miljun għal dan il-proġett. L-iżvilupp tan-negozju u s-servizzi ta’ rilokazzjoni tal-park attiraw investiment li jiswa aktar minn €30 miljun u madwar 170 xogħol ġdid lejn ir-reġjun.

Approċċ ġdid għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli f’Güssing (l-Awstrija)

Güssing (belt żgħira fix-xlokk tal-Awstrija) hija xempju tal-politika progressiva tal-enerġija rinnovabbli fil-livell lokali li qed tmexxi l-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun sħiħ. Bl-użu ta’ injam minn foresti lokali fl-impjant tagħha tat-tisħin permezz tal-bijomassa, il-belt tipproduċi aktar elettriku milli tikkonsma u hija kapaċi tipprovdi enerġija għar-reġjun sħiħ. Inħolqu aktar minn 50 kumpanija fis-settur tal-enerġija rinnovabbli waħdu u sa mill-1995 Güssing naqqset l-emissjonijiet tagħha ta’ diossidu tal-karbonju b’100%.

Id-disponibbiltà ta’ sħana rħisa (30% orħos) wasslet għall-ħolqien ta’ aktar minn 1 000 impjieg ġdid fil-belt u fil-madwar, inklużi 100 f'bini ta' uffiċċju ġdid f'qasam industrijali li jakkomoda liċ-Ċentru Ewropew għall-Enerġija Rinnovabbli. Sabiex tiġi ffaċilitata d-disseminazzjoni tal-esperjenza fil-qasam tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ġiet stabbilita netwerk li tinkludi msieħba reġjonali, nazzjonali u internazzjonali.

Il-baġit tal-UE kkontribwixxa €461.000 għal dan il-proġett.

  • Nagħmlu lill-Ewropa aktar sigura għaċ-ċittadini tagħha

Hemm eluf ta’ sfidi transkonfinali żgħar u kbar li l-Ewropej qegħdin jiffaċċjaw kuljum. Hija missjoni tal-UE li ssawwar żona ta’ liġi, drittijiet u ġustizzja li jagħmlu l-ħajjiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tagħna eħfef. Fil-fruntieri esterni tagħna, l-avvenimenti reċenti fin-Nofsinhar tal-Mediterran urew li l-Ewropa mhijiex biss imsejħa biex tipprovdi appoġġ inekwivoku lit-tranżizzjonijiet demokratiċi fid-dinja Għarbija, iżda li aktar kooperazzjoni u solidarjetà huma meħtieġa biex inlaħħqu mal-għexieren ta’ eluf ta’ immigranti li jaslu fl-Ewropa. Barra minn hekk, l-isfidi ambjentali ma jiqfux mal-fruntieri tagħna u jistgħu jiġu indirizzati bl-aħjar mod permezz ta’ azzjoni u appoġġ fuq livell Ewropew. Ikun eħfef biex nersqu lejn ekonomija ekoloġika meta l-azzjoni u l-appoġġ tal-UE jgħinu biex jiġu stimulati l-investimenti fl-innovazzjoni ekoloġika, l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-azzjoni dwar il-klima. Barra minn hekk, ninsabu kuntenti li għandna għażla kbira ta’ prodotti tal-ikel madwar l-UE. Din teħtieġ sistemi pan-Ewropej u regoli dwar is-sigurtà tal-ikel, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa tal-annimali u sabiex niżguraw li prodotti riskjużi ma jidħlux fl-Unjoni jkun aħjar jekk dan jiġi indirizzat permezz ta’ kooperazzjoni fir-rigward tal-kontrolli doganali.

Fruntieri aktar siguri

Proġett Pilota tal-UE dwar rilokazzjoni Intra-UE minn Malta (EUREMA): Taħt il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER) il-Kummissjoni ffinanzjat żewġ proġetti dwar ir-rilokazzjoni intra-UE ta’ refuġjati minn Malta: proġett pilota wieħed bil-parteċipazzjoni ta’ Franza għal ammont ta’ € 770.000 u proġett ieħor li jinsab għaddej magħruf bħala "EUREMA" (Rilokazzjoni Ewropea Malta) għal ammont ta’ kważi € 2 miljun. EUREMA huwa mmexxi mill-awtoritajiet Maltin bil-parteċipazzjoni ta’ għaxar Stati Membri (Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, il-Portugall, il-Lussemburgu, l-Ungerija, il-Polonja, is-Slovenja, is-Slovakkja u r-Rumanija) li taw kelmthom li jirrilokaw lejn it-territorji tagħhom kważi 260 refuġjat li sabu ruħhom Malta. Il-UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM) ukoll qegħdin jipparteċipaw fil-proġett. Il-finanzjament Ewropew kopra l-ispejjeż u għamilha possibbli għall-Istati Membri li jieħdu r-refuġjati, joffrulhom futur aħjar u jtaffu l-pressjoni partikolari ta’ immigrazzjoni li Malta spiss tiffaċċja minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħha.

Aġenziji bħall-Europol jew il-Frontex jgħinu lill-Istati Membri biex jikkooperaw fuq it-territorju, pereżempju fil-ġlieda kontra l-kriminalità ogranizzata, il-kontroll tal-fruntieri esterni tal-UE, jew biex iżommu l-ispazju miftuħ Ewropew sigur. L-istabbiliment ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta taħt il-koordinazzjoni tal-Europol (baġit ta’ €83 miljun fl-2011), wassal għal operazzjonijiet ta’ suċċess li fixklu l-gruppi kriminali internazzjonali involuti fit-traffikar tad-droga jew l-iffalsifikar tal-flus: B’madwar 77 tunnellata fl-2008, il-qabdiet irrapportati ta’ kokaina weħidhom huma kważi d-doppju ta’ dawk irrapportati fl-2003 fl-Ewropa. Is-“suq” huwa Ewropew u r-risposta għandha tkun Ewropea wkoll.

Il-kostruzzjoni taż-żona Schengen tfisser li Stat Membru wieħed jikkontrolla s-sezzjoni tiegħu tal-fruntieri esterni f’isem l-oħrajn kollha. Jeħtieġ li l-UE tkun tista’ tappoġġja lil dawk l-Istati Membri li jiffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli minħabba s-sitwazzjoni ġeografika tagħhom, u l-mod kif jgħaddu l-flussi tal-ivvjaġġar u r-rotot migratorji. Dan huwa l-irwol ta’ Frontex (baġit ta’ €78 miljun fl-2011), li hija kkonfrontata b’rikjesti dejjem akbar mill-Istati Membri. F’Ġunju 2011, ġie miftiehem it-tisħiħ ta’ Frontex.

It-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri (RABIT) fil-Greċja. Matul l-operazzjoni, li damet mit-2 ta’ Novembru 2010 sat-2 ta’ Marzu 2011, kull ġimgħa kważi 200 uffiċjal ospitanti mħarrġa sew minn 26 Stat Membru assistew lill-kollegi Griegi tagħhom biex jikkontrollaw iż-żoni tal-fruntieri kif ukoll biex jidentifikaw l-immigranti irregolari maqbuda. L-iskjerament tat-Timijiet ta’ Intervent Rapidu fil-Fruntieri, li kien immexxi minn Frontex, għen ukoll lill-awtoritajiet Griegi biex jiġbru informazzjoni dwar ir-rotot tal-migrazzjoni u n-netwerks tal-faċilitaturi li jisfruttaw is-sitwazzjoni ddisprata tal-immigranti irregolari. F’Ottubru, qabel l-operazzjoni, ġew skoperti total ta’ 7 607 persuna fil-fruntiera tal-art bejn il-Greċja u t-Turkija. Matul il-perjodu operattiv ta’ 4 xhur, ġew skoperti aktar minn 11,800 immigrant u n-numru ta’ dħul illegali naqas b’aktar minn 70%.

L-operazzjoni konġunta Hera li hija kkoordinata minn Frontex tirrappreżenta l-akbar operazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ tal-Ewropa. Din evitat numru bla għadd ta’ mwiet billi żammet lil immigranti illegali milli jimbarkaw fuq vjaġġ perikoluż mill-Afrika tal-Punent (is-Senegal, il-Mawritanja u Kap Verde) lejn il-Gżejjer Kanarji fuq l-ibħra internazzjonali f’dgħajjes żgħar mhux tajbin għal fuq il-baħar. Operazzjonijiet suċċessivi ta’ Hera kontribwew biex kważi ngħalqet ir-rotta tal-Afrika tal-Punent għall-immigrazzjoni irregolari (minn massimu ta' kważi 32,000 wasla fl-2006 fil-Gżejjer Kanarji). Iżda n-netwerk tal-kuntrabandu u t-traffikar ma jitwaqqfux faċilment. Il-kriminalità organizzata hija mmotivata mill-qligħ u l-metodi użati saru aktar kumplessi u sofistikati. Sa mit-tnedija ta' Hera, ir-rotta tat-traffikar tal-bnedmin qelbet sistematikament mir-rotta taċ-Ċentru tal-Mediterran lejn dik tal-Lvant tal-Mediterran, bil-fruntiera bejn il-Greċja u t-Turkija.

Dwana: Meta wara l-inċident ta’ Fukushima fil-Ġappun f’Marzu 2011, ħafna Ewropej kienu inkwetati dwar ir-radjazzjoni fl-ikel u prodotti importati mill-Ġappun, l-awtoritajiet doganali fl-Ewropa kienu fuq quddiem nett biex jiżguraw li l-limiti tar-radjazzjoni jiġu rrispettati u li l-ebda prodott ikkontaminat ma jidħol fl-UE.

L-unjoni doganali tal-UE ilha fis-seħħ għal aktar minn 40 sena u ġġenerat valur miżjud li jmur ferm lil hinn mill-mandat tal-politika doganali Ewropea. Minbarra li tiġbor id-dazji doganali u agrikoli għall-Istati Membri tal-UE u l-baġit tal-UE (aktar minn €20 biljun/sena), hija tappoġġja lill-Istati Membri fil-ġbir tal-VAT, dazji tas-sisa u dħul ieħor u tiżgura l-kontroll tal-esportazzjonijiet sabiex jiġu evitati rifużjonijiet tal-VAT jew tas-sisa mhux dovuti. Barra minn hekk, hija tikkontrolla u timplimenta direttament politiki oħrajn tal-UE bħat-trasport, l-agrikoltura, miżuri sanitarji jew ambjentali. L-unjoni doganali hija wkoll il-linja ta’ quddiem li tiżgura s-sigurtà tal-katina tal-provvista, il-ġlieda kontra l-kuntrabandu u l-frodi, u l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (IPR) fil-fruntiera.

L-ispiża li jkollhom jonfqu s-27 Stat Membru biex jiksbu l-istess riżultati f’termini tal-ġlieda kontra l-frodi, l-iffaċilitar tal-kummerċ u l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tkun kważi 4 darbiet ogħla mill-ispiża li tonfoq il-Kummissjoni biex twassal l-istess servizzi. Fil-qosor, kull euro li tonfoq il-Kummissjoni jikkontribwixxi biex jitnaqqsu l-ispejjeż li jintefqu mis-27 Stat Membru b’ta’ mill-inqas 4€.

B’baġit ta’ €324 miljun għall-perjodu 2008-2013, il-programm Doganali huwa strument ewlieni tal-UE li jippermetti li l-unjoni doganali taħdem mingħajr skossi bħala ħaġa waħda, minflok bħala taħlita ta’ 27 amministrazzjoni implimentattiva. Il-Programm jippermetti, fost affarijiet oħrajn, li l-amministrazzjonijiet nazzjonali jipproċessaw 7 applikazzjonijiet doganali kull sekonda, b'total ta' 211 miljun fis-sena, mingħajr xkiel għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

In-netwerk kompjuterizzata mifruxa fuq bażi Ewropea li toħloq interkonnessjoni bejn l-amministrazzjonijiet doganali u fiskali kollha tiswa €11-il miljun fis-sena. Din tiffranka €35 miljun kull sena għall-Istati Membri, li kieku jkollhom jistabbilixxu netwerks bilaterali.

Is-sistema ċentrali tal-IT (imsejħa "TARIC") li tagħmel ir-rati tat-tariffi tal-UE u l-miżuri tal-kummerċ disponibbli online fuq bażi ta’ kuljum hija eżempju ieħor tal-ekonomiji tal-iskala enormi li jistgħu jinkisbu permezz ta’ ġestjoni mill-UE. Sa mill-2007, il-Kummissjoni nefqet € 3.7 miljun biex tiżviluppa din is-sistema. Kieku l-Istati Membri kollha żviluppaw is-sistema tagħhom stess, l-ispejjeż kienu jitilgħu għal madwar €80 miljun, proporzjon ta’ 1 għal 20!

Eżempju ieħor fil-qasam tad-dwana huwa s-sistema ta’ operaturi ekonomiċi (EOS) li taħżen informazzjoni ta’ 2.5 miljun entità legali rreġistrata fis-27 Stat Membru tal-UE li jinsabu f’kuntatt mal-amministrazzjonijiet doganali. B’sistema unika ta’ dan it-tip, in-negozji jiffrankaw il-ħin u r-riżorsi peress li m’għadx għandhom bżonn jirreġistraw f’kull Stat Membru meta jwettqu l-attivitajiet tagħhom. Lill-Kummissjoni switilha €5 miljun biex tiżviluppa EOS waqt li l-Istati Membri kienu jonfqu €25 miljun biex jiżviluppawha separatament!

Ikel aktar sigur: agrikoltura, sajd u saħħa

Is-sigurtà tal-ikel hija kwistjoni strateġika għall-Unjoni Ewropea u kwalunkwe pajjiż, u maġġoranza kbira taċ-ċittadini tal-UE jemmnu li hija kwistjoni vitali. B’hekk, peress li 70% tal-finanzjament pubbliku għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-Ewropa huwa pprovdut mill-baġit tal-UE, din hija parti essenzjali tal-baġit.

Il-politika tilħaq firxa wiesgħa ta’ għanijiet. Fl-UE, iż-żoni rurali jkopru 77% tat-territorju tal-UE (47% art agrikola u 30% foresta) u huma dar għal madwar nofs il-popolazzjoni tagħha (komunitajiet agrikoli u residenti oħrajn). 13.7 miljun bidwi jitimgħu 500 miljun Ewropew, iżommu fi stat tajjeb il-pajżaġġi tagħna, jaqdu rwol ċentrali fil-preżervazzjoni tal-ambjent, jipproteġu l-bijodiversità u jiġġieldu kontra t-tibdil fil-klima biex jgħinu sabiex tinżamm kampanja ħajja. Il-livell għoli tal-istandards tal-ħarsien tal-konsumatur jiżguraw li ċ-ċittadini jkollhom ikel ta’ kwalità fuq il-platti tagħhom.

Il-PAK m’għandhiex baġit kbir, minkejja li l-proporzjon tagħha mill-baġit tal-UE huwa relattivament għoli:

In-nefqa fuq il-politika agrikola permezz tal-PAK hija inqas minn 1% tal-infiq totali kollu tal-gvernijiet tal-Istati Membri kollha. Bħala paragun, l-UE u l-Istati Membri tagħha jonfqu t-triplu ta’ dak l-ammont fuq id-difiża u kważi ħames darbiet aktar fuq ir-riċerka, li mhijiex armonizzata.

L-ispiża totali għall-UE hija ta’ madwar € 55 biljun fis-sena, u għalhekk tiswa madwar € 110 għal kull ċittadin fis-sena, € 2,20 fil-ġimgħa, jew 30 ċenteżmu kuljum – il-prezz ta’ sigarett.

Peress li l-agrikoltura hija l-uniku settur li huwa ffinanzjat primarjament mill-baġit tal-Unjoni Ewropea, in-nefqa fil-livell Ewropew fil-biċċa l-kbira tissostitwixxi l-infiq nazzjonali, li mhuwiex il-każ għal politiki oħrajn. Dan jispjega għalfejn tirrappreżenta proporzjon kbir tal-baġit tal-UE. Din is-sena kienet 40% tal-baġit totali tal-UE, iżda dak il-porzjon ilu jonqos konsistentement minn 71% fl-1984 (b’10 Stati Membri biss). Fl-2013 ser tkun 39% (b’27 Stat Membru). Din it-tendenza ta' tnaqqis ser tkompli wara l-2013.

Fin-nuqqas ta’ politika unika komuni, 27 politika nazzjonali differenti jkunu jiswew aktar u jkunu inqas effettivi, u jwasslu għal livelli differenti ta’ intervent waqt li jagħtu lok għal riskju kbir ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni. Ir-riformi għamlu l-agrikoltura Ewropea ekonomija ferm aktar orjentata lejn is-suq, bil-ħażniet pubbliċi issa prattikament vojta u mingħajr ebda rimi ta’ ikel.

Riforma tal-Politika Komuni tas-Sajd ukoll tinsab għaddejja. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar u kompetenza kondiviża għall-kumplament tal-politika. Fil-qasam tal-politika Marittima u s-Sajd il-proġetti pilota 'MARSUNO' u 'BluemassMed' huma intiżi li jwittu t-triq lejn sorveljanza marittima aktar effettiva u aktar kost-effiċjenti madwar l-UE. L-awtoritajiet ta’ 6 Stati Membri kostali huma involuti fil-proġett BluemassMed fil-baċin tal-baħar Mediterran. Il-proġett MARSUNO jħaddan awtoritajiet minn 9 Stati Membri li għandhom fruntiera mal-baċini tal-ibħra tat-Tramuntana tal-Ewropa u n-Norveġja. BluemassMed u MARSUNO b’hekk qegħdin jipprovdu kontribut sostanzjali sabiex jinstabu modi biex jiġi evitat xogħol doppju ta' ġbir ta' dejta li jiswa għali u li jista' jiġi evitat jekk l-awtoritajiet imsemmija hawn fuq jikkomunikaw b'mod xieraq ma' xulxin. BlueMassMed, li huwa kkoordinat minn Franza, jiswa €10.2 miljun, li minnhom l-UE tikkontribwixxi €3.6 miljun. MARSUNO, li huwa kkoordinat mill-Isvezja, jiswa €3.05 miljun, li minnhom l-UE tikkontribwixxi €1.9 miljun.

Il-mard, li jaffettwa l-annimali jew il-pjanti, u l-kontaminazzjonijiet tal-katina tal-ikel ma jiqfux mal-fruntieri. L-UE talloka madwar €300 miljun fis-sena biex tikkofinanzja programmi annwali jew multiannwali li jikkontrollaw jew jeradikaw numru ta’ mard. Permezz ta’ leġiżlazzjoni u mezzi oħrajn, ilkoll parti minn approċċ komprensiv biex l-ikel jinżamm sigur mis-sit tal-produzzjoni sakemm jispiċċa fuq il-platti tagħna – jiġifieri mir-razzett sal-furketta, l-UE tiżgura s-sigurtà tal-ikel. Minkejja li tfaċċa mard ġdid bħall-ilsien il-blu, l-istat tas-saħħa fl-UE tjieb b’mod kontinwu, ukoll fl-Istati Membri l-ġodda, b'impatt pożittiv fuq il-funzjonament tas-suq intern fl-annimali ħajjin u l-ikel li joriġina mill-annimali, fuq il-possibiltajiet ta’ esportazzjoni mill-UE u fuq il-kunfidenza tal-konsumaturi. L-appoġġ fil-livell tal-UE huwa importanti peress li l-impatt huwa transkonfinali waqt li l-ispejjeż ġeneralment irid jagħmel tajjeb għalihom Stat Membru wieħed waħdu. Bl-istess mod, fil-qasam tas-Saħħa tal-Pjanti, l-Istati Membri jistgħu jirċievu kofinanzjament mill-UE għal infiq relatat mal-eradikazzjoni u l-konteniment ta’ organiżmi rregolati li jagħmlu ħsara lill-pjanti. Azzjonijiet ta’ eradikazzjoni fuq skala kbira mill-Istati Membri meta tfaqqa' xi marda huma diffiċli ħafna mingħajr appoġġ mill-UE peress li Stat Membru individwali jkollu jġarrab spejjeż kbar, jibbenefikaw ħafna lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Unjoni kollha kemm hi.

Id-deni klassiku tal-majjali pereżempju huwa marda prinċipali tal-majjali u l-ħnieżer slavaġ li kkawża tifqigħat devastanti fis-snin 90 f’bosta Stati Membri tal-UE. It-telf dirett u indirett mit-tifqigħa fil-Pajjiżi l-Baxxi fl-1997-1998 kien stmat għal madwar €2 biljun. Sa minn nofs is-snin 90 l-UE allokat madwar €218 miljun għal eradikazzjoni u sorveljanza ta’ emerġenza. Is-sitwazzjoni tal-mard tjiebet b’mod konsiderevoli, mingħajr ebda tifqigħa maġġuri matul l-aħħar għaxar snin, li wasslet għal eradikazzjoni virtwali tal-mard fil-biċċa l-kbira tal-UE, u titjib sostanzjali wkoll fl-Istati Membri l-ġodda. Dan ifisser li, jekk wieħed jgħodd l-ispejjeż fil-Pajjiżi l-Baxxi biss, kull euro li ntefaq fil-livell tal-UE jwassal għall-iffrankar ta' spejjeż potenzjali ta' € 9, jew saħansitra aktar jekk jitqiesu wkoll l-ispejjeż fi Stati Membri oħrajn. Bħala riżultat ta’ riċerka mmirata mwettqa miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka li swiet madwar €1 miljun, l-ispiża tat-testijiet għall-BSE – magħrufa aħjar bħala l-marda tal-mad-cow– ġiet imnaqqsa. Is-sussidju dirett tal-Kummissjoni Ewropea għal kull test naqset minn €20 għal €7 li rriżulta fi ffrankar kumulattiv ta’ madwar €250 miljun mill-2002 sal-2006.

Ambjent aktar sikur: azzjoni klimatika u l-ambjent

Ħafna mill-problemi ambjentali, inkluż it-tibdil fil-klima, ma jiqfux mal-fruntieri u ma jistgħux jissolvew mill-Istati Membri waħedhom mingħajr kooperazzjoni Ewropea u internazzjonali. Jeħtieġ li huma jingħaqdu u joħolqu sħubijiet mal-partijiet interessati biex jindirizzaw dawn il-problemi li, jekk ma jissolvewx, jistgħu jinvolvu spiża kbira għall-UE kollha iktar ’il quddiem.

L-azzjoni klimatika tal-UE ma tinkludix biss l-ewwel sett vinkolanti legalment u dak l-aktar ambizzjuż ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet u miri għall-enerġija rinnovabbli, iżda wkoll l-ewwel u l-akbar skema dinjija ta’ negozjar tal-emissjonijiet, l-ETS. Ħadd ma jemmen li suq nazzjonali tal-karbonju Belġjan jew Daniż jagħmel sens jew jgħin biex inaqqas l-emissjonijiet b’mod effettiv – aħseb u ara li jikkonvinċi lill-imsieħba globali tagħna biex isegwu l-eżempju tiegħu. L-uniku mod kif l-Ewropa jista’ jirnexxilha tieħu azzjoni effettiva dwar it-tibdil fil-klima huwa flimkien, b’effetti pożittivi sussegwenti ta’ tkabbir aktar sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi. Barra minn hekk, azzjoni klimatika tal-UE tnaqqas il-kont tal-enerġija tagħna: fl-2010 l-Ewropa ħallset madwar € 50 biljun aktar fuq l-importazzjonijiet taż-żejt milli fl-2009. Dan huwa kważi terz ta’ dak li l-Istati Membri tal-UE kollha jonfqu flimkien fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Inqas dipendenza fuq fjuwils fossili u użu ikbar ta’ enerġija rinnovabbli jkun ifisser li ma jintefqux flejjes kbar barra mill-pajjiż kull darba li l-prezzijiet taż-żejt jogħlew f’daqqa. Minflok, il-flus iffrankati jistgħu jiġu investiti fir-riċerka, l-edukazzjoni jew miżuri oħra Ewropej li jsaħħu t-tkabbir u l-impjiegi.

Azzjoni Ewropea determinata u f’waqtha fuq il-politika dwar il-klima u l-enerġija toħloq 1.5 miljun impjieg addizzjonali nett sal-2020, pereżempju biex il-bini mibni jiġi mgħammar b’ċertu tagħmir u l-ħolqien ta’ sistemi ta’ distribuzzjoni tal-elettriku intelliġenti fl-Ewropa. Mingħajr azzjoni kollettiva bħal din, l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili huma mistennija li jirdoppjaw sal-2050. B’azzjoni bħal din, l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili sejrin jonqsu b’iktar min-nofs meta mqabbel mal-lum. L-ispejjeż medji tal-fjuwil sejrin jonqsu b’bejn € 175 biljun u € 320 biljun fis-sena.

Permezz tal-Fond Globali għall-Effiċjenza Enerġetika u l-Enerġija Rinnovabbli, il-Kummissjoni waqqfet fond innovattiv globali tal-kapital ta’ riskju sabiex timmobilizza l-investiment privat fl-effiċjenza enerġetika u l-proġetti ta’ rinnovazzjoni f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u ekonomiji emerġenti. Il-baġit tal-UE kkontribwixxa € 80 miljun biss bejn l-2007 u l-2010, iżda huwa mistenni li jiġu mobilizzati madwar 300 miljun f’investiment privat. L-infiq tal-UE għall-iżvilupp teknoloġiku u l-iskjerament kmieni (pereżempju bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju) jipprovdi l-vantaġġ tal-kondiviżjoni tar-riskju ta’ proġetti innovattivi ta’ turija, fejn it-teknoloġija tiġi ppruvata għall-ewwel darba. Il-kondiviżjoni tar-riskji bl-għajnuna tal-baġit tal-UE u l-benefiċċju mir-riżultati fuq livell nazzjonali huma modi milqugħin għat-taffija tat-tibdil fil-klima permezz ta’ teknoloġija ġdida.

Il-programm ambjentali tal-UE LIFE+ jattira sħubiji li kieku kien ikun diffiċli li jiġu stabbiliti għall-iżgurar ta’ intervent aktar effikaċi minn azzjoni individwali tal-Istati Membri permezz ta’ kondiviżjoni akbar ta’ riżorsi u kompetenza. Il-programm għandu pakkett totali ta’ €2.2 biljun (jew madwar €300 miljun fis-sena), inkluż azzjoni klimatika. Filwaqt li l-iskala tal-programm hija relattivament żgħira, il-proġetti individwali tiegħu ta’ spiss kellhom impatt kbir b’mod sproporzjonat.

Benefiċċji multipli għall-ambjent: Proġett Awstrijak LIFE magħruf bħala Donauufer huwa eżempju tajjeb tat-tip ta’ benefiċċji multipli li l-finanzjament ambjentali jista’ jġib fil-livell Ewropew. Huwa proġett fuq skala żgħira, li rrestawra x-xtut naturali tax-xmajjar u l-pjanuri ta’ medda ta’ 3 km tad-Danubju, iżda r-riżultati nħassu ferm lil hinn mill-viċinanza immedjata. Minbarra t-titjib lokali tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħut, pjanti u għasafar fil-periklu bħall-ajkla ta’ denbha abjad, it-tnaqqis fil-veloċità tal-kurrent tax-xmara u l-iżblokk tal-ġnub sekondarji tal-pjanuri tal-għargħar, naqqas ir-riskju ta’ għargħar f’Hainburg u fi Bratislava, is-Slovakkja li jinsabu fil-qrib, aktar ’l isfel tax-xmara. Sussegwentement saru żjarat għalih minn għadd bla qies ta’ esperti, u dan iservi bħala mudell għal inizjattivi simili tul id-Danubju u bnadi oħra. Madankollu ġie jiswa biss €1.7 miljun (b’kofinanzjament ta’ € 0.7 miljun mill-UE).

It-tibdil tat-tajn f’deheb madwar l-UE: It-trattament tad-drenaġġ għandu rwol ewlieni fil-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, minħabba li l-ilma huwa b’mod ċar riżorsa kondiviża. Wieħed mill-prodotti tal-proċessi ta’ trattament tad-drenaġġ huwa l-ħama tad-drenaġġ: kull sena jiġu prodotti 9 miljun tunnellati ta’ ħama tad-drenaġġ fl-Ewropa, li jkun fihom biżżejjed enerġija biex jiġu ssodisfatti l-ħtiġijiet tal-elettriku u tat-tisħin għal 1.7 miljun dar. Iżda l-ħama hija kwistjoni ambjentalment sensittiva, u hemm ħtieġa sinifikanti li tinbena l-fiduċja pubblika. Proġett LIFE imsejjaħ MAD but Better żviluppa proċess ta’ trattament fuq skala sħiħa li huwa adattabbli ferm għal firxa ta’ kumpaniji f’industriji relatati tal-iskart, u sar katalista għal titjib fil-ġestjoni tad-drenaġġ. It-teknoloġija tal-proġett issa hija t-trattament standard tal-ħama tad-drenaġġ għall-industrija kollha tal-ilma tar-Renju Unit. Sa Awwissu 2007, inbnew erba’ Impjanti ta’ Idroliżi Enżimatika, u ġew ordnati ħamsa oħra madwar ir-Renju Unit. Madwar 12-il Stat Membru tal-UE u 26 pajjiż madwar id-dinja issa wrew li huma interessati li jirreplikaw l-impjant tat-trattament. Parti mill-faxxinu ta’ dan huwa l-prezz baxx: l-ispiża tar-rimi tal-ħama titnaqqas iktar għal €210 biss għal kull tunnellata ta’ solidi niexfa, nofs l-ispiża standard għar-rimi fit-terrafermi. It-teknika tgħin ukoll lill-bdiewa jiffrankaw madwar €175 għal kull ettaru f’sostituzzjoni għall-fertilizzant.

Il-programm Ewropew ta’ Monitoraġġ tad-Dinja (GMES) jista’ jġib gwadann ta’ madwar € 6.9 biljun fis-sena għall-industrija jew 0.2% tal-PDG annwali tal-UE. Katastrofi naturali u kkawżati mill-bniedem fl-Ewropa, l-Amerika, l-Asja u l-Afrika, flimkien ma’ żieda fil-ħtiġijiet tas-sigurtà, komplew isaħħu l-każ għal sistemi ta’ monitoraġġ imtejba. L-inizjattiva Ewropea għall-Monitoraġġ Globali tal-Ambjent u s-Sigurtà (GMES) sejra tiġbor id-dejta rilevanti, pereżempju dwar it-tniġġis ambjentali, l-għargħar, il-movimenti tar-refuġjati, in-nirien fil-foresti jew it-terremoti b’appoġġ għall-bżonnijiet ta’ dawk li jfasslu l-politika pubblika. Il-GMES għandha potenzjal kbir għan-negozji fis-suq tas-servizzi, li sejrin ikunu jistgħu jużaw id-dejta li hi tipprovdi mingħajr ħlas. Matul il-perjodu tal-2006-2030, il-benefiċċji potenzjali tal-GMES akkumulati sejrin ikunu paragunabbli għal 0.2% tal-PDG annwali attwali tal-UE. Il-benefiċċji mis-servizzi kollha tal-GMES meta jkunu qegħdin jintużaw b’mod sħiħ sejrin ikunu ekwivalenti għal €130 biljun (prezzijiet tal-2005) jew madwar € 6.9 biljun fis-sena.

Ċittadini aktar sikuri

Il-bini ta’ żona madwar l-UE ta’ liġijiet, drittijiet u ġustizzja: Il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja jfittxu li joffru soluzzjonijiet prattiċi għall-problemi transkonfinali kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji: sabiex iċ-ċittadini jħossuhom komdi dwar il-ħajja, l-ivvjaġġar u x-xogħol fi Stat Membru ieħor u sabiex ikollhom fiduċja li d-drittijiet tagħhom huma protetti kullimkien fl-Unjoni Ewropea; u sabiex in-negozji jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet fis-Suq UnikuB’0.1% biss tal-baġit tal-UE użat fil-qasam tal-ġustizzja, ħafna mill-inizjattivi tal-politika fil-qasam tal-ġustizzja għandhom effetti konkreti fl-iffrankar tal-ispejjeż u jistgħu jistimulaw it-tkabbir.

Il-protezzjoni tad-dejta

L-iżviluppi teknoloġiċi mgħaġġla u l-globalizzazzjoni biddlu d-dinja b’mod profond. L-għan tal-Kummissjoni huwa li tagħmel dawn ir-regoli xierqa biex jindirizzaw l-isfidi ta’ din l-epoka ġdida, imfassla mill-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda. Qafas Ewropew b’saħħtu, konsistenti u uniformi dwar il-protezzjoni tad-dejta se jsaħħaħ id-“dimensjoni tas-suq intern” tal-protezzjoni tad-dejta. Ir-regoli l-ġodda se jnaqqsu l-piż amministrattiv fuq il-kumpaniji (pereżempju fir-rigward tan-notifiki li huma stmati li jiswew €80 miljun/sena) u jiżguraw kundizzjonijiet verament ekwi għan-negozji kollha li jżommu dejta personali u li joperaw fi Stati Membri differenti.

Id-direttiva dwar id-drittijiet tal-konsumatur

Id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur sejra ġġib benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi u lin-negozji. Ir-regoli attwali huma frammentati, u jfixklu liċ-ċittadini u lin-negozji milli jieħdu vantaġġ sħiħ mis-Suq Uniku tagħna. Il-proposta sejra żżid il-ħarsien tal-konsumatur billi sejra telimina l-ispejjeż moħbija u l-ispejjeż fuq l-Internet. In-negozji sejrin jibbenefikaw minn sett wieħed ta’ regoli bażiċi għall-kuntratti mill-bogħod u barra mis-sede fl-Unjoni Ewropea, u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għal negozjanti transkonfinali, b’mod partikolari fil-kummerċ elettroniku. Sett standard ta’ termini kuntrattwali tal-konsumatur jista’ jnaqqas l-ispejjeż tal-konformità b’mod sostanzjali sa 97% għal negozjanti fl-UE.

Integrazzjoni tar-Roma

L-10-12-il miljun Roma fl-Ewropa għadhom qed jaffaċċjaw diskriminazzjoni, esklużjoni u ċ-ċaħda tad-drittijiet tagħhom. L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma hija fl-interess tas-soċjetajiet Ewropej, speċjalment minħabba li l-integrazzjoni tar-Roma tista’ tfisser benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli. Ir-Roma jirrappreżentaw porzjon li dejjem qiegħed jikber tal-popolazzjoni attiva, b’età medja ta’ 25 sena mqabbla mal-medja tal-UE ta’ 40 sena. Dawn jiffurmaw wieħed minn kull ħames persuni li jidħlu fis-suq tax-xogħol fil-Bulgarija u fir-Rumanija. Ir-riċerka mill-Bank Dinji tissuġġerixxi li l-integrazzjoni sħiħa tar-Roma tista’ tkun tiswa madwar €0.5 biljun fis-sena lill-ekonomiji ta’ xi pajjiżi permezz tat-titjib fil-produttività, it-tnaqqis fil-kontijiet tal-welfare u ż-żieda fid-dħul mit-taxxa. Din hija r-raġuni għala l-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma.

In-nisa fis-suq tax-xogħol

Minkejja li jiffurmaw kważi nofs il-ħaddiema u jammontaw għal 60% tal-gradwati universitarji ġodda fl-UE, in-nisa għadhom mhumiex irrappreżentati biżżejjed fil-karigi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ affarijiet ekonomiċi, b’mod partikolari fil-karigi l-iktar importanti. L-għan tagħna huwa li jintuża t-talent mhux sfruttat biex jintlaħqu l-miri ekonomiċi u soċjali tagħna. Iktar nisa fl-aħjar impjiegi huwa ta’ ġid għan-negozju, b’mod partikolari minħabba li dawn jieħdu madwar 80% tad-deċiżjonijiet tax-xiri tal-konsumatur. Skont tbassir minn Goldman Sachs irriżulta li jekk tingħalaq id-diskrepanza bejn is-sessi tingħata spinta lill-prodott domestiku gross taż-żona tal-euro b’sa 13%.

  • Nagħmlu l-Ewropa tgħodd fid-dinja

Taħseb tassew li l-pajjiż tiegħek waħdu huwa kbir jew importanti biżżejjed biex isawwar il-globalizzazzjoni jew jiddefendi l-interessi u l-valuri tagħna fid-dinja? Fi żmien meta l-ordni dinjija qed tinbidel malajr u l-ekonomiji emerġenti bħaċ-Ċina, l-Indja, u l-Brażil qed jaffermaw l-influwenza tagħhom, l-Ewropa għandha tingħaqad flimkien u tkun imsieħeb attiv sabiex issawwar l-azzjoni globali. Sabiex tagħmel il-parti tagħha fuq l-iskala globali u tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha, jeħtieġ li l-Ewropa tgħaqqad ir-riżorsi tagħha u taġixxi bħala ħaġa waħda, pereżempju permezz tal-politika kummerċjali komuni tagħha, billi tħejji lill-kandidati għall-adeżjoni biex isiru membri ġodda, billi tinvesti fil-viċinat tagħna, u billi tgħin lil dawk fil-bżonn.

Kummerċ

L-UE hija l-ikbar blokk kummerċjali fid-dinja kollha. Il-valur globali tal-kummerċ tal-UE (l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tal-prodotti, is-servizzi, l-investimenti diretti barranin) huwa ta’ madwar € 3.5 triljun kull sena (2010). Il-politika kummerċjali tal-UE taħdem biex toħloq tkabbir u impjiegi għall-kumpaniji Ewropej billi tiffaċilita n-negozju għall-kumpaniji madwar id-dinja. Il-politika kummerċjali tgħaqqad lill-Ewropa mas-sorsi ewlenin u mar-reġjuni tat-tkabbir globali. Aktar minn 36 miljun impjieg fl-Ewropa jiddependu direttament fuq il-kummerċ tagħna mal-bqija tad-dinja. Il-politika kummerċjali tal-UE matul il-5 snin li ġejjin għandha l-għan li żżid madwar €150 biljun mal-ekonomija tagħna. Żieda fil-kummerċ toffri varjetà akbar ta’ prodotti, bi prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi. Il-gwadanni għall-konsumatur medju huma stmati li jlaħħqu madwar €600 fis-sena.

Politika kummerċjali unika (inkluż il-kummerċ ta’ oġġetti, servizzi u investiment barrani) fil-livell tal-UE taħdem minħabba li s-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jaqsmu suq uniku u fruntiera esterna waħda li jfisser li l-UE tinnegozja bħala blokk uniku mal-pajjiżi barranin. Kemm fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, fejn ir-regoli tal-kummerċ internazzjonali huma aċċettati u infurzati, u ma’ msieħba kummerċjali individwali, l-Istati Membri tal-UE jitkellmu u jinnegozjaw arranġamenti kummerċjali ewlenin “b’leħen wieħed” tal-Kummissarju Ewropew għall-Kummerċ.

L-ekonomiji emerġenti qed iżidu s-sehem tagħhom tat-tkabbir dinji. Fl-2015, 90% tat-tkabbir dinji se jkun qed jiġi ġġenerat barra mill-Ewropa, b’terz miċ-Ċina biss. Il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw u dawk emerġenti x’aktarx li jammontaw għal kważi 60% tal-PDG dinji sal-2030, meta mqabbel ma’ inqas minn 50% illum. L-UE żammet is-sehem tagħha ta’ 17.5% fil-kummerċ dinji bħala medja matul l-aħħar għaxar snin minkejja ż-żieda fl-ekonomiji emerġenti.

Il-Ftehim għall-Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t’Isfel jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju: Dan ifisser pass sinifikanti fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u l-Korea t’Isfel bid-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (FTA) li se jġib miegħu iffrankar ta’ €850 miljun lill-esportaturi tal-UE fl-ewwel jum. Dan huwa l-iktar arranġament kummerċjali ambizzjuż li qatt ġie nnegozjat mill-UE u l-ewwel wieħed tagħha ma’ pajjiż Ażjatiku. L-FTA huwa mistenni li joħloq kummerċ ġdid tal-oġġetti u s-servizzi għall-UE għall-valur ta’ €19.1 biljun, u jżid b'iktar minn darbtejn il-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Korea t’Isfel fl-20 sena li ġejjin meta mqabbel ma’ xenarju mingħajr il-ftehim.

Politika tat-Tkabbir u tal-Viċinat

L-UE tinsab fl-aqwa pożizzjoni biex tgħin lil pajjiżi kandidati (potenzjali) biex iħejju ruħhom għall-adeżjoni u biex takkompanja lill-ekonomiji tal-pajjiżi tal-viċinat fl-allinjament tagħhom mar-regoli u mal-istandards tal-UE. Appoġġ għal integrazzjoni eqreb mal-ġirien tagħna jgħin lill-UE sabiex tilħaq l-objettivi tagħha stess f’għadd ta’ oqsma li huma fundamentali għall-prosperità u għas-sigurtà tagħha stess, kif ukoll għall-irkupru ekonomiku u t-tkabbir sostennibbli, bħall-enerġija u l-infrastrutturi ta’ netwerks, il-protezzjoni tal-ambjent u l-isforzi sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima.

Il-politika tat-tkabbir tagħti riżultati tanġibbli f’termini ta’ tkabbir u ħolqien ta’ impjiegi kullimkien fl-UE, kemm fi Stati Membri qodma kif ukoll f’dawk ġodda. It-tkabbir joħloq sitwazzjoni għall-Istati Membri attwali u dawk li jistgħu jkunu fil-futur, fejn jirbaħ kulħadd.

Pereżempju, mit-tkabbir tal-UE tal-2004 u tal-2007 (12-il pajjiż), inħolqu madwar 150.000 impjieg ġdid fl-Awstrija. Nofs l-esportazzjoni Awstrijaka issa qiegħda tmur lejn dawn l-Istati Membri l-ġodda. L-investiment dirett Awstrijak fil-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant jikkorrispondi għal kważi 50% tal-investiment dirett totali tal-Awstrija barra mill-pajjiż.

Il-perspettiva tal-adeżjoni tipprovdi inkoraġġiment qawwi għar-riforma politika u ekonomika fil-pajjiżi li huma l-eqreb ġirien tal-UE. Ir-riformi fil-qasam tal-istat tad-dritt, inkluż ir-riforma ġudizzjarja, u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità huma ta’ benefiċċju mhux biss għall-pajjiżi kkonċernati, iżda wkoll għaċ-ċittadini u għall-operaturi ekonomiċi tal-Unjoni Ewropea. Dawn ir-riformi jsaħħu l-paċi, l-istabbiltà u d-demokrazija fl-Ewropa u jiffrankaw il-flus tal-UE li kieku jintefqu fuq il-prevenzjoni ta’ kriżijiet, ir-rinfurzar tal-kontrolli tal-fruntieri u l-ġlieda kontra l-immigrazzjoni illegali.

Il-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV) ġiet żviluppata fl-2004 biex issaħħaħ il-prosperità, l-istabbilità u s-sigurtà kemm tal-UE kif ukoll tal-ġirien tagħha. Sabiex insaħħu s-sħubija tagħna; aħna mmorru lil hinn mill-politika barranija klassika sabiex nappoġġaw ir-riforma u l-modernizzazzjoni, fuq il-bażi tal-projezzjoni tal-esperjenzi tagħna lil hinn mill-fruntieri tagħna. Din tkopri firxa usa’ ta’ kwistjonijiet, bħat-trasport, l-enerġija, ir-riċerka, il-migrazzjoni.

L-użu ta’ strumenti finanzjarji innovattivi kien il-forza mexxejja fir-Reġjun tal-Viċinat permezz tal-ħolqien tal-Faċilità tal-Investiment tal-Viċinat (NIF). In-NIF huwa strument ta’ amalgamazzjoni li permezz tiegħu, il-baġit tal-UE jagħti self ta’ IFI ta’ ingranaġġ biex jipprovdi għajnuna b'appoġġ għall-għanijiet tal-PEV u għall-inizjattivi reġjonali tagħha (l-Unjoni għall-Mediterran (UfM), is-Sħubija tal-Lvant jew is-Sinerġija tal-Baħar l-Iswed). Mill-bidu tiegħu f'Mejju 2008, in-NIF ġie ffinanzjat b’riżorsi f'għotjiet li jammontaw għal kważi €308 miljuni (€245 miljun mill-baġit tal-UE, €62.5 miljun mill-Istati Membri) u approva kontribuzzjonijiet f’għotjiet għal 39 proġett għal ammont totali ta' madwar €277 miljun, li jikkontribwixxu għal ingranaġġ fuq €5 biljuni f’self mill-Istituzzjonijiet Finanzjarji Ewropej għal spiża ta' investiment totali li jaqbeż €10 biljun. L-NIF uriet li hija għodda effettiva għall-immobilizzar ta 'appoġġ addizzjonali għall-pajjiżi tal-PEV (Lvant u Nofsinhar) u hija għenet ukoll fil-promozzjoni tal-koordinazzjoni tad-donaturi fir-reġjun tal-Viċinat.

Azzjoni esterna

L-Unjoni Ewropea hija parteċipant ekonomiku u politiku globali, b’interessi u b’responsabbiltajiet tas-sigurtà reġjonali u globali. Hija involuta b’mod attiv fil-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem, il-promozzjoni ta’ aġenda għal xogħol deċenti, valuri universali oħra u r-rispett tal-konvenzjonijiet internazzjonali ambjentali u soċjali. L-UE hija dejjem aktar attiva fil-prevenzjoni ta’ kunflitti, il-ġestjoni tal-kriżijiet u l-bini tal-paċi, permezz ta’ missjonijiet immexxija mill-UE għall-ġestjoni tal-kriżijiet. Barra minn hekk, l-UE hija impenjata sabiex tappoġġja s-sistema multilaterali u r-riforma tagħha. Il-politiki esterni huma għalhekk qasam ta’ azzjoni prinċipali għall-UE, li ġie infurzat fil-qafas istituzzjonali l-ġdid tat-Trattat ta’ Lisbona. Il-vantaġġ komparattiv tal-UE huwa marbut mal-preżenza tagħha fil-qasam globali, mal-kompetenza wiesgħa tagħha, man-natura sopranazzjonali tagħha, mal-irwol tagħha bħala faċilitatriċi tal-koordinazzjoni, u mal-ekonomiji ta’ skala.

L-UE għandha netwerk ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ msieħba u ma’ organizzazzjonijiet minn madwar id-dinja kollha, li l-ebda Stat Membru individwali ma għandu bħalu, li jagħti lil kull wieħed minnhom influwenza fi kważi l-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali. B’27 Stat Membru li jaġixxu fi ħdan politiki u strateġiji komuni, l-UE waħedha għandha r-responsabbiltà kritika sabiex twieġeb għall-isfidi globali, bħat-tnaqqis fil-faqar, it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-istabbiltà. L-UE bħala parteċipant globali għandha kredibbiltà u newtralità li l-ebda Stat Membru individwali ma għandu bħalhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-osservazzjoni elettorali, il-governanza u r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet, u n-newtralità u l-imparzjalità tal-għoti ta’ għajnuna umanitarja. L-UE hija wkoll unika minħabba l-involviment fit-tul u prevedibbli tagħha fl-għajnuna għall-iżvilupp, flimkien ma’ rekord fl-appoġġ lill-popolazzjonijiet l-aktar fil-bżonn fuq skala globali.

Il-valur miżjud tal-UE fil-qasam tal-azzjoni esterna jista’ jintwera permezz tal-eżempji li ġejjin f’diversi sitwazzjonijiet. Ħafna minnhom jenfasizzaw il-kapaċità tal-UE biex timmobilizza mezzi kritiċi finanzjarji u politiċi sabiex ikollhom impatt sinifikanti fuq sitwazzjoni partikolari, xi ħaġa li ma tantx tista’ ssir mill-Istati Membri waħedhom bl-istess impatt.

Tranżizzjoni

Minn meta faqqgħet il-kriżi fl-Afrika ta’ Fuq, l-UE immobilizzat mezzi politiċi u finanzjarji konsiderevoli sabiex jakkumpanjaw it-tranżizzjoni lejn id-demokrazija tal-ġirien tagħna. Proċess bħal dan ovvjament jeħtieġ li mezzi konsiderevoli jiġu mobilizzati. Jekk nikkunsidraw l-eżempju tat-Tuneżija: mill-bidu tas-sena, €60 miljun saru disponibbli sabiex jgħinu jsolvu l-konsegwenzi umanitarji tal-kriżi Libjana fit-Tuneżija u fl-Eġittu. L-UE qiegħda tipprepara wkoll sabiex tappoġġja l-proċess elettorali fit-Tuneżija u qiegħda taddatta l-kooperazzjoni kontinwa tagħha mat-Tuneżija b’żieda ta’ €140M għall-perjodu 2011-2013. Strumenti oħrajn ġew immobilizzati wkoll sabiex jgħinu lis-soċjetà ċivili tat-Tuneżija u jappoġġjaw it-tranżizzjoni demokratika. L-UE attwalment qiegħda tiddiskuti l-addattament possibbli tal-politika tal-viċinat tagħha. Il-valur miżjud tal-azzjoni esterna tal-UE jinstab fil-mobilizzazzjoni mgħaġġla ta’ mezzi politiċi u finanzjarji sostanzjali flimkien mad-definizzjoni ta’ qafas ta’ intervent komuni

Sigurtà

Fid-dawl ta’ sitwazzjoni li qiegħda tiddeġenera malajr fis-Sahel tal-Punent, reġjun fejn is-sigurtà u l-iżvilupp huma marbutin ma’ xulxin mill-qrib, l-UE mmobilizzat kemm finanzjament sinifikanti kif ukoll żieda fil-mezzi politiċi sabiex tindirizza sitwazzjoni li potenzjalment jista’ jkollha konsegwenzi diżastrużi. L-impenn attwali u pprogrammat tal-UE bħala reazzjoni għall-għanijiet tas-sigurtà u l-iżvilupp tal-Istrateġija jammonta għal madwar € 450 miljun li ħafna minnhom joriġinaw mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp iżda wkoll mill-istrument ta’ Stabbiltà. L-Istrateġija għas-sigurtà u l-iżvilupp fis-Sahel għandha tippermetti impenn Ewropew aktar komprensiv u aktar ikkoordinat kif ukoll il-mobilizzazzjoni ta’ mezzi addizzjonali finanzjarji u politiċi.

Kriżi

Wara t-terremot li laqat il-Ħaiti f’Jannar 2010, l-UE u l-Istati Membri qablu fuq rispons komuni b’appoġġ għall-isforzi ta’ rikostruzzjoni. L-UE u l-Istati Membri ppreżentaw impenn komuni tal-UE ta’ EUR 1,234 biljun fil-Konferenza tad-donaturi ta’ New York ta’ Marzu 2010 għar-rikostruzzjoni ta’ Ħaiti, li EUR 522 miljun minnhom kienu mill-UE. Dan l-impenn konġunt ċertament żied il-viżibbiltà u r-rilevanza tal-UE bħala d-donatur internazzjonali prinċipali għall-proċess ta’ rikostruzzjoni. L-Istati Membri u l-UE wettqu wkoll eżerċizzju konġunt ta’ programmazzjoni li rriżulta fi strateġija konġunta riveduta, li tkopri l-perjodu 2011-2013. Dan l-eżerċizzju ta’ programmazzjoni konġunta jsaħħaħ ukoll l-għan ta’ intervent aktar ikkoordinat u effettiv tal-UE u l-Istati Membri.

Politika ta’ żvilupp

L-UE u l-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar minn nofs l-għajnuna għall-iżvilupp globali (56%). L-UE hija impenjata li tilħaq l-Għanijiet ta’ Żvilupp tal-Millennju fil-ħin sa tmiem l-2015.

Fil-kuntest ekonomiku attwali, jagħmel aktar sens minn qatt qabel li titjieb il-koordinazzjoni tal-għajnuna għall-iżvilupp sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt filwaqt li jiġu evitati sforzi doppji u telf ta’ flus. Azzjoni permezz tal-UE tista’ attwalment twassal għal iffrankar ta’ flus mill-Istati Membri li jista’ jiżdied ma’ ffrankar potenzjali ta’ bejn 3 u 6 biljuni fis-sena, skont studju reċenti (The Benefits of a European Approach, minn HTSPE, 2009).

Ix-xogħol mal-UE huwa irħas ukoll. L-ispejjeż amministrattivi - stmati għal 5.4% fuq il-bażi tad-dejta tal-2009 - huma inqas mill-medja tal-ispejjeż amministrattivi tad-donaturi prinċipali għall-għajnuna bilaterali. Ir-regoli amministrattivi applikabbli huma maħsuba biex jiżguraw li l-flus tal-kontribwenti tat-taxxa tal-UE jintefqu kif suppost, billi jintużaw kriterji stretti li jistgħu jiġu ssorveljati. Dan jinvolvi trasparenza u ġestjoni tajba.

Barra minn hekk, l-għajnuna għall-iżvilupp hija investiment għall-Ewropej kollha. Grazzi għall-kooperazzjoni tal-iżvilupp, xi kwistjonijiet jistgħu jiġu indirizzati bil-quddiem u b’hekk jiġu ffrankati l-flus. Permezz tal-investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, aħna nindirizzaw kwistjonijiet bħall-migrazzjoni, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà tal-ikel, il-piraterija, il-vjolenza sesswali u ħafna affarijiet oħra. Ta’ spiss huwa ħafna irħas li neliminaw il-kawżi prinċipali tal-faqar, milli nindirizzaw is-sintomi aktar ’il quddiem.

Il-Fond għall-Paċi fl-Afrika (FPA) huwa eżempju perfett ta’ kif l-UE tista’ tieħu l-inizjattiva fuq kwistjoni, u tinvolvi l-Istati Membri wkoll. Ħafna mill-Istati Membri ma jaħdmux f’dan il-qasam, iżda permezz tal-UE jkunu jistgħu jgħaddu l-kontribuzzjonijiet tagħhom b’mod sempliċi u veloċi. Mill-2004, l-UE pprovdiet €740 miljun, biex tgħin timpedixxi l-kunflitti u tippromwovi l-istabbiltà wara li jkunu seħħew.

Il-Faċilità tal-Ikel huwa proġett ieħor li seta’ jinħoloq biss minn donatur bl-influwenza kritika tal-UE. Stabbilit f’Diċembru 2008 bħala rispons rapidu għall-prezzijiet tal-ikel li qegħdin jogħlew dejjem iżjed f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw, għamel €1 biljun addizzjonali disponibbli għal proġetti u programmi f’50 pajjiż fil-mira matul il-perjodu 2009-2011. S’issa għen lil madwar 50 miljun ruħ. Dan juri l-abilità tal-Ewropa li tirreaġixxi għall-kriżi globali tas-sigurtà tal-ikel, fuq skala u bi kwalità li Stati Membri ma jistgħux jilħqu.

Il-Vulnerabbiltà FLEX (V-FLEX), imniedi mill-Unjoni Ewropea fl-2009, għen lil bejn 40 miljun u 80 miljun ruħ f’pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jinsabu fir-riskju ta’ faqar assolut minħabba l-kriżi ekonomika globali. Intnefqu €434 miljun mill-€500 miljun allokati skont il-mekkaniżmu fl-2009 u l-2010. Ibbenefikaw 17 mill-iktar pajjiżi foqra tal-Afrika u tal-Karibew.

Għajnuna umanitarja u reazzjoni għall-kriżijiet

L-għajnuna umanitarja u l-assistenza fil-protezzjoni ċivili huma l-ewwel reazzjoni magħmula mill-Unjoni Ewropea għall-kriżijiet u d-diżastri. Ir-rilevanza tal-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam, immexxija mill-Kummissjoni, hija enfasizzata mill-frekwenza, l-intensità u l-kumplessità tal-kriżijiet umanitarji u d-diżastri naturali u dawk magħmula mill-bniedem li qegħdin jiżdiedu madwar id-dinja. Fuq skala globali, in-numru ta’ diżastri naturali żdied ħames darbiet aktar bejn l-1979 u l-2010. Fl-2010 biss, kien hemm 950 diżastru madwar id-dinja (li minnhom ħamsa kienu megadiżastri), li affettwaw mijiet ta’ miljuni ta’ nies. L-Ewropa qiegħda f’riskju wkoll: qiegħda tiżdied il-frekwenza tal-għargħar u tan-nirien fil-foresti, tat-terremoti u ta’ temp estrem. Fl-2010, l-ispiża ekonomika tal-kriżijiet umanitarji kienet stmata li tlaħħaq madwar €100 biljun. Huwa mistenni li l-problema sejra ssir agħar fil-futur: huwa mbassar li sal-2015, in-numru ta’ nies affettwati minn diżastri klimatiċi sejjer jiżdied b’375 miljun kull sena. Meta l-Unjoni Ewropea tirrispondi flimkien għal dawn l-isfidi li dejjem qegħdin jikbru b’appoġġ umanitarju u bi protezzjoni ċivili, l-azzjonijiet u l-investiment tagħna huma aktar effiċjenti, aktar effettivi, u aktar rilevanti milli kieku l-Istati Membri jitħabtu separatament sabiex ilaħħqu mal-effetti tal-kriżijiet fl-Ewropa u lil hinn minnha.

L-UE hija l-akbar fornitur ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja kollha, u tipprovdi madwar 50% tal-għajnuna umanitarja uffiċjali. Il-Kummissjoni hija t-tieni l-akbar donatriċi ta’ għajnuna umanitarja fid-dinja. Permezz tad-daqs kbir tiegħu, il-baġit tal-UE għall-għajnuna umanitarja jimmassimizza b’mod effettiv il-valur ta’ sforzi li kieku jkunu mxerrda, filwaqt li jippromwovi diviżjoni tajba tax-xogħol. Eżempju wieħed ta’ dan il-valur huma ’l hekk imsejħa “kriżijiet minsija” - diżastri jew kunflitti li ma jkunux fil-partijiet ewlenin tal-aħbarijiet, iżda li l-vittmi tagħhom jeħtieġu għajnuna internazzjonali. Pereżempju, il-Kummissjoni Ewropea kienet strumentali biex tiffoka l-attenzjoni internazzjonali fuq il-kriżi fir-reġjun ta’ Sahel (il-Burkina Faso, iċ-Ċad, il-Mali, il-Mawritanja u n-Niġer), li sofra minħabba nuqqas kroniku ta’ xita, instabbiltà politika, prezzijiet għoljin tal-ikel u epidemiji li jaggravaw lill-komunitajiet diġà fraġli iżda jattiraw ftit attenzjoni minn barra l-pajjiż.

Ir-rispons b’mod effettiv għall-kriżijiet li dejjem qegħdin isiru aktar kumplessi bħal fil-Ħaiti, il-Ġappun u l-Libja ta’ spiss ma jaqax fil-kapaċità ta’ kull Stat Membru individwali - jew inkella jinvolvi prezz eżorbitanti. L-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, permezz tar-riżorsi komuni tagħha u l-kapaċitajiet nazzjonali disponibbli, għandha mezzi, esperjenza u kompetenza biżżejjed sabiex twieġeb b’mod effiċjenti u b’mod kost-effettiv. Eżempju wieħed huwa l-għajnuna tal-Unjoni lill-Ġappun wara d-diżastru triplu ta’ Marzu 2011, meta l-Mekkaniżmu tal-Protezzjoni Ċivili kkoordina l-għoti u t-twassil tal-għajnuna (minn kutri sa ilma u miters tar-radjazzjoni), u l-Kummissjoni żiedet ma’ dan l-appoġġ tal-protezzjoni ċivili, ipprovdut mill-Istati Membri, l-għajnuna umanitarja lill-persuni evakwati. Eżempju ieħor huwa l-Libja: fl-ewwel ġimgħa tal-inkwiet ċivili, il-Kummissjoni identifikat, iffaċilitat u kkofinanzjat assi tat-trasport għall-evakwazzjoni immedjata ta’ 5,800 ċittadin tal-UE. L-operazzjoni twettqet permezz ta’ ajruplani u bastimenti pprovduti mill-Istati Membri, u ġiet ikkoordinata u kkofinanzjata parzjalment mill-Kummissjoni Ewropea. Fl-istess ġimgħa, bagħtet timijiet umanitarji fuq il-fruntieri Eġizzjani u tat-Tuneżija, fejn eluf ta’ nies kienu abbandunati filwaqt li ppruvaw jaħarbu mill-vjolenza tul il-fruntieri Libjani. Il-Kummissjoni kienet l-ewwel donatriċi umanitarja internazzjonali bi preżenza kontinwa ġewwa l-Libja. Sal-wasla tan-Nazzjonijiet Uniti fid-9 ta’ April, esperti umanitarji tal-UE f’Bengażi kkoordinaw l-għajnuna internazzjonali fil-lvant tal-Libja.

  • Valur għall-flus tal-persunal tal-UE

Il-valur għall-flus ma jirriżultax biss mill-mod kif il-politiki u l-programmi tal-UE huma mfassla u implimentati iżda wkoll mill-fatt li nies bi kwalifiki għoljin jaħdmu fl-istituzzjonijiet tal-UE, li jħejju u jimmonitorjaw il-liġijiet tal-UE, jikkoordinaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri, jippreparaw deċiżjonijiet ta’ amalgamazzjonijiet, kartelli u antitrust, jiżguraw li l-UE taħdem bi 23 lingwa, u jiġġestixxu l-programmi ta’ finanzjament. Hawn taħt issib xi eżempji tal-valur għall-flus tal-persunal li jaħdem fil-Kummissjoni Ewropea.

In-nies li jaħdmu fid-Direttorati-Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji u s-Suq Intern għandhom rwol kruċjali fil-ġlieda kontra l-agħar kriżi finanzjarja f’deċenni li l-konsegwenzi tagħha jaqgħu b’mod partikolari fuq iż-żona euro. Il-Kummissjoni Ewropea qiegħda fuq quddiemnett fl-iżvilupp ta’ reazzjoni Ewropea kollettiva u komprensiva għall-kriżi. Pereżempju, il-pakkett ta’ sitt proposti ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea f’Settembru 2010 sejjer iwassal għal bidla radikali fil-koordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi fl-Ewropa.

Fid-Direttorat Ġenerali għas-Suq Intern u s-Servizzi (DĠ MARKT), il-persunal elabora l-proposti għall-arkitettura ta’ sorveljanza finanzjarja ġdida tal-Ewropa li l-awtoritajiet il-ġodda tagħha bdew jaħdmu fuqha din is-sena. Dawn l-awtoritajiet ġodda ta’ sorveljanza sejrin jiffaċilitaw u jikkoordinaw l-azzjonijiet mis-superviżuri nazzjonali. Dan l-isforz fuq livell tal-UE jirrappreżenta titjib kbir fl-effiċjenza meta mqabbel mal-frammentazzjoni li kienet teżisti qabel. L-ammont totali tal-persunal tal-Awtoritajiet se jkun ta’ madwar 150 persuna fl-2011 u huwa ppjanat li jiżdied għal madwar 300 wara erba’ snin ta’ tħaddim. Din iċ-ċifra hija ferm inqas mil-livelli ta’ persunal ta’ ħafna mis-superviżuri nazzjonali (pereżempju, l-Awtorità ta’ Sorveljanza Finanzjarja fir-Renju Unit għandha persunal ta' madwar 3,300), iżda tkun biżżejjed biex twettaq il-kompiti meħtieġa.

In-nies li jaħdmu fid-DĠ MARKT huma wkoll fl-oriġini tar-regoli tal-UE li wasslu għal akkwisti pubbliċi miftuħin u kompetittivi li ġġeneraw iffrankar ta’ madwar €20 biljun. Dan jaqbeż ferm l-ispejjeż iġġenerati mill-qafas regolatorju, li huwa stmat li jlaħħqu mal-€5 biljuni.

Roaming: Grazzi għal-leġiżlazzjoni abbozzata mill-persunal tal-Kummissjoni li introduċa limiti fuq il-prezzijiet, l-ispejjeż għal telefonati bir-roaming bil-mowbajl magħmula fl-UE naqsu b’73% meta mqabbla mal-2005.

L-inċidenti terribbli tat-tankers taż-żejt “Erika” u “Prestige” wasslu lill-UE biex tirriforma b’mod drastiku r-reġim eżistenti tagħha u tadotta regoli u standards ġodda biex jiġu evitati inċidenti fuq il-baħar. Hawnhekk ukoll kienu n-nies li jaħdmu mal-Kummissjoni li abbozzaw proposti leġiżlattivi sabiex jimpedixxu aktar tixrid aċċidentali taż-żejt.

Iċ-China IPR SME Helpdesk, ikkofinanzjat mill-Kummissjoni, jipprovdi servizzi ta’ appoġġ b’xejn għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju tal-UE sabiex iħares u jsaħħaħ id-drittijiet tagħhom ta’ proprjetà intellettwali fiċ-Ċina jew b’rabta maċ-Ċina.

Il-persunal tal-Kummissjoni li jaħdem fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni jimplimenta l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea li tipprovdi benefiċċji diretti u indiretti għall-konsumaturi u n-negozji Ewropej b’ħafna biljuni ta’ euro. Dawn huma kollha każijiet b’impatt transkonfinali sinifikanti, li jiġu indirizzati aħjar fil-livell Ewropew milli fil-livell nazzjonali. Fl-2010, il-Kummissjoni ħadet 14-il deċiżjoni relatati ma’ antitrust u kartelli u imponiet € 2,873,676,433 f’multi. Il-flus li ġew mill-multi jnaqqsu l-ammont ta’ flus li l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-baġit tal-UE. Fl-2010, il-benefiċċji stmati tal-klijenti li jirriżultaw biss mid-deċiżjonijiet dwar kartelli tal-Kummissjoni kienu jlaħħqu mill-inqas €7.2 biljun (u setgħu laħqu l-€10.8 biljun). Għall-amalgamazzjonijiet, fl-2010, il-Kummissjoni ħadet 274 deċiżjoni, li 16 minnhom kienu jeħtieġu li l-partijiet jibdlu b’xi mod il-pjanijiet proposti tal-amalgamazzjonijiet tagħhom. Fl-2010, il-benefiċċji stmati li jirriżultaw mid-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-amalgamazzjonijiet kienu ta’ mill-inqas €4.2 biljun (u segħu laħqu s-€6.3 biljun). Il-Kummissjoni Ewropea ttrattat madwar 4,500 każ minn wara l-introduzzjoni tar-Regolament tal-Amalgamazzjonijiet fl-1989. Permezz tas-suppożizzjoni konservattiva li amalgamazzjoni medja tinvolvi erba’ Stati Membri, evitajna 18,000 proċedura nazzjonali f’20 sena. Fl-2010, il-Kummissjoni ħarġet ukoll 435 deċiżjoni għal għajnuna mill-Istat, li ħafna minnhom kienu parti essenzjali tar-rispons tal-UE għall-kriżi finanzjarja u ekonomika.

Elaborata min-nies tad-DĠ Ġustizzja, il-Kummissjoni Ewropea ppromoviet ir-rikonoxximent tas-sentenzi fl-UE kollha: F’Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li tabolixxi l-“exequatur” - proċedura kkumplikata u għalja għar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi dwar affarijiet ċivili u kummerċjali bejn l-Istati Membri. Ir-riforma proposta mill-Kummissjoni sejra tinkoraġġixxi ċ-ċirkolazzjoni ħielsa tas-sentenzi. Permezz tat-tneħħija tal-proċedura tal-“exequatur” kwalunkwe sentenza fi kwalunkwe Stat Membru sejra tiġi rikonoxxuta f’kull Stat Membru ieħor. Bħala medja, “exequatur” jiswa lill-kumpanija jew lill-individwu madwar €2,000 f’kawża sempliċi fl-UE, li tvarja bejn €1,100 fil-Bulgarija u €3,800 fl-Italja. Għal każijiet aktar kumplessi, l-ispejjeż jistgħu jilħqu €12,700. Din il-proċedura tfisser ukoll battikata żejda ta’ proċeduri intermedjarji li xi kultant jistgħu jdumu sa 12-il xahar. It-Trattat ta’ Lisbona issa jippermetti li nagħtu fiduċja u kreditu totali lis-sentenzi dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali mis-27 Stati Membri kollha tal-UE.

Fis-suq intern, id-differenza fir-regoli tat-taxxa tista’ tkun ostaklu għal kummerċ effiċjenti. Pereżempju, il-Kunsill, fuq il-bażi ta’ proposti elaborati mill-persunal tal-Kummissjoni, fit-13 ta’ Lulju 2010, adotta direttiva li tiżgura li l-awtoritajiet tat-taxxa issa jaċċettaw fatturi elettroniċi maħruġin fi Stati Membri oħra. S’issa, id-differenzi fir-regoli nazzjonali tal-fatturi elettroniċi xekklu evoluzzjoni bħal din. Il-Kummissjoni tqis li t-tneħħija tal-ostakli għall-ħruġ ta’ fatturi b’mod elettroniku fir-regoli tal-VAT tista’ tiġġenera ffrankar fl-ispejjeż annwali tal-intrapriżi li jlaħħaq sa €18-il biljun.

L-azzjoni prinċipali tal-persunal li jaħdem fid-DĠ Kummerċ hija li jinnegozja ftehimiet kummerċjali multilaterali u bilaterali sabiex jiftaħ l-aċċess għal swieq ġodda għall-kumpaniji Ewropej. In-negozjaturi kummerċjali tal-UE mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ jagħmlu madwar 2000 vjaġġ tan-negozju kull sena sabiex jiftħu s-swieq u jtejbu l-ktieb tar-regoli tan-negozju għall-kummerċ. Id-DĠ Kummerċ jaħdem b'persunal ta' inqas minn 750 fi Brussell u d-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja. Dan hu daqs modest meta mqabbel ma’ dipartimenti simili tal-politika tal-kummerċ fl-Istati Uniti, il-Kanada jew il-Ġappun. Bil-politika kummerċjali unika tal-UE – pajjiż ma għandux għalfejn jibqa’ jidħol f’27 maratona separata ta’ negozjati kummerċjali; pajjiż m’għandux għalfejn jibqa’ jkollu 27 tim separat ta’ negozjaturi li jkollhom jivvjaġġaw lejn 27 kapitali differenti għal taħdidiet. Politika kummerċjali unika tal-UE għalhekk hija effettiva u effiċjenti u toffri “valur reali għall-flus”. Kompitu ieħor tal-persunal tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kummerċ huwa li jiżgura li l-imsieħba kummerċjali tagħna “jkunu ġusti” billi jirrispettaw ir-regoli tal-kummerċ tal-UE u tal-WTO u jieħu azzjoni legali f’isem in-negozji tal-UE kontra tagħhom meta ma jagħmlux hekk. Aħna nimponu wkoll dazji addizzjonali fuq importaturi li ma jimxux mar-regoli fis-suq tal-UE. Barra minn hekk, id-DĠ joffri ħafna servizzi lin-negozji tal-UE biex jiżgura li jieħdu kull ma jistgħu minn politika kummerċjali unika tal-UE, pereżempju database onlajn ta’ aċċess għas-suq għall-esportaturi tal-UE, helpdesk dwar l-esportazzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u timijiet iddedikati għall-aċċess għas-suq fl-UE u fil-pajjiżi madwar id-dinja li jaħdmu biex ineħħu ostakoli inġusti għall-kummerċ li jesperjenzaw il-kumpaniji tal-UE.

Aktar minn 100 espert tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna umanitarja huma l-għajnejn u l-widnejn tal-Ewropa f’dan il-qasam. F’sitwazzjonijiet ta’ kriżijiet u ta’ diżastri dawn jevalwaw il-bżonnijiet umanitarji u jissodisfaw il-prijoritajiet immedjati – vantaġġ li ma jkunx disponibbli għal kull Stat Membru fuq livell individwali. Dawn l-esperti jipprovdu informazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri diretta, regolari u affidabbli dwar il-bżonnijiet umanitarji (eż. permezz ta’ rapporti tas-sitwazzjoni). Huma jikkoordinaw ukoll ma’ msieħba umanitarji fuq il-post sabiex jimpedixxu għajnuna doppja u biex jiġu evitati lakuni. Barra minn hekk, l-esperti umanitarji tal-UE jissorveljaw l-implimentazzjoni tal-proġetti ffinanzjati mill-UE, li jpoġġihom fuq quddiem tas-sistema rigoruża ta’ kontrolli u verifiki tal-Kummissjoni Ewropea.

1 :

Id-dejta ppreżentata f’din it-taqsima tiġi mill-evalwazzjoni ex-post tal-FSE kif ukoll mid-dejta tal-2009 tal-Istati Membri pprovduta f’rapporti ta’ implimentazzjoni annwali.

2 :

Instytut Badan Strukturnalnych, Valutazzjoni tal-benefiċċji miksuba mill-pajjiżi tal-UE15 bħala riżultat tal-Implimentazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni fil-Polonja (2009)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site