Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF): Mistoqsijiet u tweġibiet

Commission Européenne - MEMO/11/468   29/06/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/468

Brussell, 29 ta’ Ġunju 2011

Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF): Mistoqsijiet u tweġibiet

Dan il-Memo għandu l-għan li jipprovdi risposti għall-aspetti ewlenin tal-proposti mressqa mill-Kummissjoni għall-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Dan ikopri (1) l-elementi prinċipali tal-isfond dwar id-definizzjoni u l-funzjonament tal-MFF, (2) il-punti l-ġodda ewlenin prinċipali proposti mill-Kummissjoni dwar politiki u (3) ideat ġodda dwar l-iffinanzjar tal-baġit futur.

1. Id-Definizzjoni, l-sfond storiku u l-proċeduri

X’inhu l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF)?

Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) jaqleb f’termini finanzjarji l-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni tal-anqas għal 5 snin. L-Artikolu 312 tat-Trattat ta’ Lisbona jistipula li l-MFF huwa stabilit f’Regolament adottat b'mod unanimu mill-Kunsill wara li kiseb il-kunsens (jadotta jew jirrifjuta l-pakkett kollu, mingħajr emendi) mill-Parlament Ewropew. Dan jistabbilixxi ammonti massimi annwali (limiti) għan-nefqa tal-UE kollha kemm hi, u għall-kategoriji prinċipali tan-nefqa (intestaturi). Mhuwiex dettaljat daqs baġit annwali.

Għaliex ninħtieġu Qafas Finanzjarju Multiannwali?

Billi jispeċifika l-limiti tal-infiq għal kull kategorija ta’ nfiq, l-MFF jimponi dixxiplina fuq il-baġit u jiżgura li n-nefqa tal-Unjoni tiżviluppa b’mod organizzat fil-limiti tar-riżorsi tagħha stess u skont l-oġġettivi tal-politika tal-Unjoni. Barra minn dan, din is-sistema tiżgura fluss prevedibbli ta’ riżorsi għall-projoritajiet tal-Unjoni fit-tul u tagħti ċertezza akbar lil benefiċjarji ta’ fondi tal-UE, bħal SME's, reġjuni li qed jagħmlu xogħol biex jimxu ’l quddiem, studenti, riċerkaturi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili...

L-MFF jistabbilixxi l-pilastri ewlenin għall-proċedura annwali tal-baġit. Dan jiffaċilita b’mod konsiderevoli l-ftehim dwar il-baġit annwali bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill li huma ż-żewġ fergħat tal-awtorità tal-baġit tal-Unjoni. Fl-istess ħin, dan jiżgura l-kontinwità biex jintlaħqu l-prijoritajiet stabbiliti għall-benefiċċju tal-Ewropa. Il-qafas finanzjarju jistabbilixxi wkoll kwalunkwe dispożizzjoni oħra meħtieġa sabiex il-proċedura annwali tal-baġit tipproċedi mingħajr problemi.

Dejjem ħadna ħsieb il-baġit permezz ta’ oqfsa multiannwali?

L-MFF huwa parti mill-funzjonament tal-Unjoni Ewropea sa mill-1988 u kopra perjodi li jvarjaw bejn 5 u 7 snin.

  • L-ewwel Qafas Finanzjarju, 'l hekk imsejjaħ Pakkett Delors I, kopra s-snin bejn 1988 - 1992 u kien jiffoka fuq it-twaqqif tas-Suq Intern u l-konsolidazzjoni tal-programm ta’ qafas ta’ riċerka u żvilupp multiannwali.

  • It-tieni qafas 1993-1999, il-Pakkett Delors II, ta prijorità lill-politika soċjali u ta’ koeżjoni u l-introduzzjoni tal-euro.

  • L-"Aġenda 2000" kopriet il-perjodu 2000-2006 u ffukat fuq it-tkabbir tal-Unjoni.

  • Finalment, l-MFF 2007-2013 ta prijorità lit-tkabbir sostenibbli u l-kompetitività, sabiex jinħolqu aktar impjiegi.

L-MFF li jmiss se jippreżenta l-prijoritajiet tal-baġit tal-Unjoni għas-snin 2014 sal-2020.

Id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009 kif se jaffettwa l-MFF 2014-2020?

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, l-MFF kien ir-riżultat ta’ ftehim interistituzzjonali. Madankollu, l-Artikolu 312 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti wkoll valur li jorbot legalment mal-Qafas Finanzjarju Multiannwali biex jiġu determinati "l-ammonti tal-limiti annwali tal-krediti għall-impenji skont il-kategorija tal-ispejjeż u l-limiti annwali tal-krediti għall-ħlas". Barra minn dan, taħt it-trattat il-ġdid, id-deċiżjoni dwar l-MFF għandha tittieħed mill-Kunsill li jiddeċiedi unanimament wara li jirċievi l-kunsens tal-Parlament.

Għaliex il-Qafas Finanzjarju għandu jkun miftiehem mhux aktar tard mill-2012?

Jinħtieġu bejn 12-18-il xahar biex jintlaħaq ftehim dwar il-bażijiet legali għall-programmi u l-proġetti multiannwali kollha li ser ikunu ffinanzjati taħt l-MFF, f’oqsma bħalma huma r-riċerka, l-edukazzjoni, il-koeżjoni, l-għajnuna għall-iżvilupp, il-politika tal-viċinat, eċċ. Sabiex dawn il-programmi jkunu jistgħu jibdew f’Jannar 2014, għandu jintlaħaq ftehim politiku dwar il-limitu tal-MFF mhux aktar tard minn sena u nofs qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas. Barra minn dan, il-ftehim politiku għandu jiġi tradott f’Regolament tal-Kunsill li jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament Ewropew.

X’jiġri jekk ma jintlaħaqx ftehim?

Jekk ma jntlaħaq l-ebda ftehim qabel it-tmiem tal-2013, il-limiti tal-2013 għandhom jiġu estiżi għall-2014, flimkien ma’ aġġustament għall-inflazzjoni ta’ 2%. It-Trattat jipprevedi wkoll l-estensjoni tad-“dispożizzjonijiet l-oħra” li jikkorrispondu għall-aħħar sena tal-qafas finanzjarju. Dan ifisser li d-dispożizzjonijiet kollha dwar l-aġġustamenti u r-reviżjonijiet tal-qafas finanzjarju u l-istrumenti barra mill-qafas finanzjarju jkunu estiżi.

Kemm jekk ikun hemm ftehim dwar l-MFF li jmiss jew le, ser ikun hemm limiti tal-qafas finanzjarju stabbiliti għall-2014 u l-baġit għalhekk ikun jista’ jiġi adottat skont it-Trattat.

In-nuqqas ta’ qafas finanzjarju miftiehem 2014-20 jikkomplika b’mod konsiderevoli l-adozzjoni ta’ programmi ġodda. U fin-nuqqas ta’ bażijiet legali ġodda, inkluż il-pakketti finanzjarji indikattivi tagħhom, ma jistgħux jittieħdu impenji għal dawk il-programmi ta’ nfiq multiannwali li l-bażi legali tagħhom tiskadi fl-2013.

Għaldaqstant, bħal fil-każ ta’ ftehim tard, il-baġit tal-2014 probabbilment ikopri biss il-pagamenti tal-agrikoltura u l-pagamenti fuq impenji li jridu jitħallsu. F’termini oħra, ċittadini li jibbenefikaw minn fondi tal-UE, bħal riċerkaturi, studenti, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, jaffaċċjaw żvantaġġi kbar.

2. Affarijiet ġodda fuq in-naħa tal-infiq tal-MFF

X’hemm ġdid għall-Politika Agrikola Komuni?

Il-Kummissjoni tipproponi li talloka 36,2% tal-MFF lil PAK meta mqabbel ma' 39,4% fl-eżerċizzju preċedenti (41,5% fl-2013).

L-istruttura bażika b’żewġ pilastri tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) għandha tinżamm. Il-bidliet ewlenin proposti mill-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:

  • L-ekoloġizzazzjoni ta' pagamenti diretti: biex ikun żgurat li l-KAP tgħin lill-UE biex tilħaq l-objettivi ta’ azzjoni tagħha għall-ambjent u l-klima, 30% tal-appoġġ dirett ser isir fuq kundizzjoni tal-“komponent ekoloġiku”. Dan ifisser li l-bdiewa kollha għandhom jimpenjaw ruħhom fi prattiki ambjentali ta’ appoġġ li ser ikunu definiti fi-leġiżlazzjoni u li għandhom ikunu jistgħu jiġu verifikati. L-impatt ser ikun iċ-ċaqliq sinjifikanti tas-settur agrikolu f’direzzjoni aktar sostenibbli, fejn il-bdiewa ser jirċievu pagamenti biex jipprovdu oġġetti pubbliċi liċ-ċittadini tagħhom.

  • Il-konverġenza tal-pagamenti: il-livelli ta’ appoġġ dirett għal kll ettaru ser jiġu aġġustati progressivament (b’kunsiderazzjoni tad-differenzi li għadhom jeżistu fil-livelli tal-pagi u l-ispejjeż tal-input) sabiex ikun żgurat tqassim aktar ekwu tal-pagamenti diretti.

  • L-allokazzjoni ta’ fondi għall-iżvilupp rurali ser tiġi riveduta fuq il-bażi ta’ kriterji aktar oġġettivi u li huma mmirati aħjar għall-objettivi tal-politika. Dan jiżgura trattament aktar ġust għall-bdiewa li jagħmlu l-istess attivitajiet. Sabiex ikun evitat tnaqqis fid-dħul tal-bdiewa, il-Kummissjoni ser tipproponi li l-Istati Membri jkunu jistgħu, jekk ikunu jixtiequ, iżommu l-livell nominali kurrenti tal-iffinanzjar permezz ta’ trasferimenti mit-Tieni Pilastru għall-Ewwel Pilastru.

  • Applikazzjoni ta’ limitu massimu għal pagamenti diretti billi jiġi llimitat il-livell bażiku ta’ appoġġ għad-dħul dirett li jistgħu jirċievu impriżi agrikoli kbar, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-ekonomiji ta’ skala ta’ strutturi akbar u l-impjieg dirett li jiġġeneraw dawn l-istrutturi. Il-Kummissjoni tipproponi li s-somom iffrankati jistgħu jiġu rriċiklati fl-allokazzjoni tal-baġit għall-iżvilupp rurali u jinżammu fil-pakketti nazzjonali tal-Istati Membri fejn dawn joriġinaw.

Il-Kummissjoni qed tipproponi l-allokazzjoni ta’ €281.8 biljun għall-Pilastru I tal-Politika Agrikola Komuni u €89.9 biljun għall-iżvilupp rurali għall-perjodu 2014-2020. Dan il-finanzjament ser ikun miżjud b’€15.2 biljun oħra.

X’hemm ġdid fil-politika tal-Koeżjoni?

Il-Kummissjoni tipproponi li talloka 36,7% tal-MFF lil politika ta' Koeżjoni meta mqabbel ma' 35% fl-eżerċizzju preċedenti.

Il-bidliet ewlenin proposti mill-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:

  • Il-proposta tipprevedi l-ħolqien ta’ kategorija ta’ reġjuni intermedji li l-PGD tagħhom huwa bejn 75% u 90% tal-PGD medju tal-UE. Din il-kategorija l-ġdida għandha tikkumplimenta t-tnejn eżistenti (reġjuni ta’ konverġenza u reġjuni ta’ kompetittività).Dawk "ir-reġjuni ta’ transizzjoni" għandhom iżommu żewġ terzi mill-allokazzjonijiet preċedenti tagħhom għall-perjodu MFF li jmiss. L-aktar reġjuni fqar u l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea mbagħad ikunu megħjuna fil-prijorità sabiex dawn ikunu jistgħu jlaħħqu mal-Istati Membri aktar għonja..

  • L-introduzzjoni tal-kundizzjonalità fil-politika tal-koeżjoni: din ser tkun ibbażata fuq riżultati u inċentivi biex jiġu implimentati r-riformi meħtieġa biex jiżguraw l-użu effettiv tar-riżorsi finanzjarji. Barra minn dan, 5% tal-baġit tal-koeżjoni għal kull Stat Membru ser ikun imwarrab bħala riserva skont il-prestazzjoni u allokat, wara reviżjoni ta’ nofs it-terminu, għal dawk l-Istati Membri li l-programmi tagħhom ikunu kkontribwixxew l-aktar għall-progress biex jilħqu l-miri stabbiliti fil-kuntratti ta’ sħubija għall-iżvilupp u l-investiment.

  • - Il-Kummissjoni tipproponi l-ħolqien ta’ qafas strateġiku komuni għall-fondi strutturali kollha biex l-oġġettivi ta’ Ewropa 2020 jinbidlu fi prijoritajiet tal-investiment. F’termini operazzjonali, il-Kummissjoni tipproponi li jkun konkluż kuntratt ta’ sħubija ma’ kull Stat Membru. Dawn il-kuntratti ser jistabbilixxu l-impenn tal-imsieħba fil-livell nazzjonali u reġjonali biex il-fondi allokati jintużaw fl-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020.

  • Il-Fond Soċjali Ewropew (ESF) ser ikompli jkollu rwol prinċipali fil-ġlieda kontra l-qgħad u r-rati għolja ta’ faqar, u biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020. L-ESF se jirrappreżenta 25% tal-baġit allokat għall-politika ta' koeżjoni, jiġifieri €84 biljun.

Il-Kummissjoni tipproponi li talloka €376 biljun lill-istrumenti tal-politika ta' Koeżjoni b'mod ġenerali (inkluż il-faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - ara hawn taħt).

X’hemm ġdid fl-Infrastruttura u l-Interkonnessjoni tas-Suq Intern?

Il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta’ Faċilità għall-Kollegament tal-Ewropa biex tħaffef l-iżvilupp tal-infrastruttura fit-trasport, l-enerġija u l-ICT madwar l-UE għall-benefiċċju ta’ kulħadd. L-esperjenza turi li l-baġits nazzjonali qatt m’huma ser jagħtu prijorità għolja biżżejjed għal investimenti transkonfinali li jinvolvu ħafna pajjiżi biex jarmaw is-Suq Uniku bl-infrastruttura li jinħtieġ. Il-baġit tal-UE jista’ jiżgura fondi għall-proġetti pan-Ewropej li jgħaqqdu ċ-ċentru mal-periferija.

Din il-Faċilità ser tkun amministrata ċentralment u ser tkun iffinanzjata minn taqsima ġdida tal-baġit. Ir-rati ta’ kofinanzjament mill-baġit tal-UE ser ikunu ogħla meta l-investimenti jseħħu f’reġjuni ta’ ‘konverġenza’ milli f’reġjuni ta’ ‘kompetittività’. L-infrastrutturi lokali u reġjonali ser ikunu marbuta mal-infrastrutturi ta’ prijorità tal-UE, li jgħaqqdu liċ-ċittadini kollha madwar l-UE, u li jistgħu jkunu (ko-) finanzjati mill-fondi strutturali (fond tal-koeżjoni u/jew l-ERDF, skont is-sitwazzjoni ta’ kull Stat Membru/reġjun).

Il-Faċilità għall-Konnessjoni tal-Ewropa toffri opportunitajiet għall-użu ta’ għodda ta’ finanzjar innovattivi biex iħaffu u jiżguraw investiment akbar li jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ ffinanzjar pubbliku. Il-Kummissjoni ser taħdem mill-qrib mal-BEI u banek oħra ta’ investiment pubbliku biex jgħaqqdu finanzjament għal dawn il-proġetti. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ser tippromovi l-użu ta’ bonds tal-proġetti tal-UE1 bħala mezz biex jintlaħaq it-twettiq ta’ dawn il-proġetti importanti.

Il-Kummissjoni tipproponi l-allokazzjoni ta’ €40 biljun għal din il-prijorità, li għandu jkun miżjud b’€10 biljun addizzjonali mwarrba għal investimenti fit-trasport relatati fil-Fond tal-Koeżjoni. Dan l-ammont jinkludi €9.1 biljun għas-settur tal-enerġija, €31.6 biljun għat-trasport (inkluż € 10 biljun fil-Fond tal-Koeżjoni) u €9.1 biljun għall-ICT.

X’hemm ġdid għall-politika tar-Riċerka?

Il-ħolqien ta’ qafas strateġiku komuni fir-riċerka u l-iżvilupp (li se jissejjaħ Horizon 2020), li jfisser li t-tliet strumenti eżistenti ta’ riċerka u innovazzjoni (is-7 programm ta’ qafas, il-Programm ta’ Qafas għall-Kompetitività u l-Innovazzjoni u l-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija) ser jiġu magħquda flimkien. Dan ser ikun marbut ma' prijoritajet ewlenin ta' politika settorjali bħalma huma s-saħħa, is-sikurezza tal-ikel u l-bijoekonomija, l-enerġija u l-bidla fil-klima. L-Istitut Ewropew għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija ser ikun parti mill-programm Horizon 2020 u ser ikollu rwol importanti biex iqarreb it-tliet naħat tat-trijangolu tal-għarfien – l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka – permezz tal-Komunitajiet tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni tiegħu.

Fuq in-naħa tal-iffinanzjar, strumenti finanzjarji innovattivi għandhom jgħinu biex isaħħu l-investimenti privati. Sħubiji Pubbliċi Privati, kif ukoll Sħubiji Pubbliċi għal Pubbliċi, ser ikunu promossi. Skemi ta’ ffinanzjar ser ikunu standardizzati u simplifikati. Bl-istess mod, ser ikun hemm sett wieħed ta’ regoli għall-parteċipazzjoni, il-verifika, l-istrutturi ta’ appoġġ, it-tixrid ta’ riżultati u l-iskemi ta’ rimbors, għall-iskemi kollha tal-iffinanzjar.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġu allokati €80 biljun għall-perjodu 2014-2020 għall-Qafas Strateġiku Komuni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Dan l-iffinanzjar ser ikun ikkumplimentat b’appoġġ importanti mill-Fondi Strutturali (€60 biljun għall-2007-2013).

X’hemm ġdid għall-politiki ta’ azzjoni tal-Ambjent u l-Klima?

Il-prijoritajiet ta’ Azzjoni fil-politika Ambjentali u l-bidla fil-Klima ser ikunu 'integrati' fl-istrumenti ewlenin kollha tal-iffinanzjar tal-UE, inklużi l-koeżjoni, l-agrikoltura, il-kwistjonijiet marittimi u s-sajd, ir-riċerka u l-innovazzjoni, kif ukoll fi programmi ta’ għajnuna esterna. Il-Kummissjoni fi ħsiebha żżid il-proporzjoni tan-nefqa marbuta mal-klima tal-anqas sa 20% b'kontributi minn oqsma differenti ta' politika suġġett għal evidenza minn studji tal-impatt. Din l-istrateġija għandha timmassimizza s-sinerġiji bejn il-politiki ambjentali u oqsma oħrajn, fl-għarfien li l-istess azzjonijiet jistgħu u għandhom isegwu varjetà ta’ għanijiet kumplimentari. Din l-istrateġija ser tgħin ukoll biex tiġi evitata proliferazzjoni ta’ programmi u biex timminimizza l-piż amministrattiv.

Barra mill-integrazzjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi t-tkomplija ta’ programm ambjentali dedikat bħala suċċessur għall-programm attwali LIFE+. Il-Kummissjoni tqis li l-programm futur għandu jibqa amministrat b’mod ċentrali, imma li x-xogħolijiet tal-amministrazzjoni jistgħu fil-parti l-kbira jiġu delegati lil aġenzija eżekuttiva eżistenti, bħall-Aġenzija Eżukuttiva għall-Kompetitività u l-Innovazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi li talloka €3.2 biljun għall-2014-2020 għall-programm Life+ (0.8 bn fuq il-klima u 2.4bn fuq l-ambjent).

Hemm xi ħaġa ġdida għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ?

Hija prevista simplifikazzjoni tal-istruttura attwali għal programm ewlieni wieħed sabiex jiġu evitati l-frammentazzjoni, ir-ripetizzjoni u/jew il-proliferazzjoni ta’ proġetti li m’għandhomx il-massa kritika meħtieġa biex ikollhom impatt fit-tul. Il-Programm Ġdid Education Europe ser jinkludi tliet prijoritajiet ewlenin. L-ewwelnett, dan ser jappoġġja l-mobilità fit-tagħlim transnazzjonali. Kundizzjonijiet stretti fil-kwalità għall-mobilità, konċnetrazzjoni fuq objettivi ta’ politika ewlenin fejn il-massa kritika tista’ tintlaħaq u tiġi kkumplimentata ma’ programmi oħra tal-UE ser ikunu strumentali biex jiżguraw li jingħata valur miżjud Ewropew għoli ħafna. It-tieninett, dan ser inissel kooperazzjoni bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol sabiex jippromwovi l-modernizzazzjoni tal-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-intraprenditorija. It-tieletnett, dan ser jipprovdi appoġġi ta' politika sabiex tinġabar evidenza dwar l-effettività tal-investimenti fl-edukazzjoni u biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jimplimentaw politiki effettivi.

Il-Kummissjoni qed tipproponi li talloka €15.2 biljun fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan l-iffinanzjar ser ikun ikkumplimentat b’appoġġ importanti mill-Fondi Strutturali (€72,5 biljun għall-2007-2013).

Hemm xi ħaġa dwar l-isfidi tal-immigrazzjoni u tal-kwistjonijiet interni?

Il-Kummissjoni qed tipproponi li jitnaqqas in-numru ta' programmi għal tnejn: Il-Fond għall-Immigrazzjoni u l-Ażil u l-Fond tas-Sigurtà Interna. Iż-żewġ fondi ser ikollhom dimensjoni esterna biex jiżguraw il-kontinwità tal-iffinanzjar, li jibda fl-UE u jkompli f’pajjiżi terzi (pereżempju f’dak li jikkonċerna r-risistemazzjoni ta’ refuġjati, l-ammissjoni mil-ġdid u programmi ta’ protezzjoni reġjonali). Dawn se jissimplifikaw l-istrumenti tal-infiq u jiżguraw il-ħolqien mingħajr problemi ta’ żona mingħajr fruntieri interni, fejn ċittadini tal-UE u cittadini minn pajjiżi terzi bi dritt legali ta’ dħul u residenza jistgħu jidħlu, jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu.

Il-Kummissjoni tipprevedi wkoll li jkun hemm ċaqliq mill-ipprogrammar annwali għal ipprogrammar miltiannwali bbażat fuq riżultati, li jnaqqas ix-xogħol għall-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-benefiċjarji finali.

Il-Kummissjoni tipproponi l-allokazzjoni ta’ €8.2 biljun għall-perjodu 2014-2020 fil-qasam ta’ kwistjonijiet interni.

Xi ngħidu dwar it-Tkabbir, il-Viċinat u r-relazzjonijiet Esterni?

Hemm diversi bidliet importanti li għandhom jiġu osservati:

  • Strument integrat uniku ta’ qabel l-adeżjoni huwa propost bħala l-pilastru finanzjarju tal-Istrateġija għat-Tkabbir, li jinkludi d-dimensjonijiet kollha tal-politiki interni u kwistjonijiet tematiċi. Dan ser ikun implimentat permezz ta’ programmi nazzjonali/multi-benefiċjarji miftiehma mal-benefiċjarji u ser ikun simili wkoll għall-Fondi Strutturali, il-Fond tal-Koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR).

  • L-Istrument Ewropew tal-Viċinat (SEV) ser ikun l-istrument finanzjarju li bih tingħata l-parti l-kbira tal-assistenza tal-UE lejn pajjiżi ġirien. Dan ser jappoġġja l-Politika Ewropea tal-Viċinat u l-isħubiji bilaterali (inkluż Ftehimiet ta’ Assoċjazzjoni bilaterali). Barra mill-SEV, pajjiżi msieħba jistgħu jibbenefikaw ukoll minn strumenti oħra, bħalma huma l-Inizjattiva Ewropea għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem jew l-Istrument għal Kooperazzjoni fis-Sigurtà Nukleari u r-rispons għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi (Assistenza Umanitarja, Assistenza Makro Finanzjarja, Strument għall-Istabbilità). Il-Faċilità għall-Investiment fil-Viċinat, li ser tkompli tkun appoġġjata mill-SEV, għandha tipprovdi wkoll għodda finanzjarja flessibbli u effettiva għal investiment f’pajjiżi msieħba fl-oqsma tat-trasport u l-interkonnessjonijiet tal-enerġija, l-ambjent u l-bidla fil-klima u l-iżvilupp ekonomiku.

  • Il-Kummissjoni tipproponi li jitwaqqaf l-iffinanzjar ta’ programmi f’pajjiżi industrijalizzati u b’ekonomija emerġenti u biex minflok jinħoloq Strument ta’ Sħubija ġdid li jappoġġja d-diplomazija pubblika, l-istrateġiji komuni u l-promozzjoni tal-kummerċ u l-konverġenza regolatorja f’dawk il-każijiet fejn l-iffinanzjar jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-isħubiji tal-UE madwar id-dinja. Dan jirrifletti l-bidliet internazzjonali li qed iseħħu bħalissa.

  • Barra minn dan, il-proposta tipprevedi l-ħolqien ta' strument pan-Afrikan li jsostni l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta għall-Afrika u l-Ewropa, li jiffoka fuq il-valur miżjud ċar ta’ attivitajiet bejn ir-reġjuni u kontinentali. Dan ser ikun flessibbli biżżejjed bex jakkomoda kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri tal-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji u s-settur privat.

Il-Kummissjoni tipproponi li talloka €70 biljun għall-perjodu 2014-2020 għal strumenti esterni tradizzjonali. Dan ser ikun ikkumplimentat bl-iffinanzjar tal-baġit u tal-MFF għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (€29.9 biljun).

3. Finanzjament u riżorsi proprji

Minn fejn jiġu l-flus?

L-Unjoni Ewropea għandha tliet tipi ta’ riżorsi proprji biex tiffinanzja n-nefqa tagħha:

  • riżorsi proprji tradizzjonali (imposti fuq iz-zokkor u dazji tad-dwana),

  • riżorsa proprja abbażi tal-VAT (proporzjon mill-VAT nazzjonali miġbura mill-Istati Membri fil-livell nazzjonali),

  • riżorsa proprja abbażi tal-ING (il-“kontribuzzjonijiet nazzjonali” abbażi tal-ING ta' kull Stat Membru).

Fl-2011, 76% tad-dħul tal-baġit tal-UE ser jiġi minn riżorsa abbażi tal-ING, 12% minn dazji tad-dwana u imposti fuq iz-zokkor u 11% mir-riżorsa abbażi tal-VAT. Il-1% li jifdal jiġi minn taxxi mħallsa mill-persunal tal-UE u minn sorsi mixxellanji oħra bħalma huma l-multi imposti fuq kumpaniji li jiksru l-liġijiet tal-kompetizzjoni jew xi liġi oħra, ammonti li ma jkunux intefqu minn snin preċedenti.

Għaliex għandhom jiġu proposti riżorsi proprji ġodda?

Minħabba li s-sistema attwali għandha numru ta’ limitazzjonijiet. Din hija vaga u kumplessa. Ħafna Stati Membri għandhom l-impressjoni li din mhix ġusta – partikolarment fir-rigward ta’ korrezzjonijiet, li minnhom l-aktar magħruf huwa rifużjoni tal-Gran Brittanja, imma huwa anqas magħruf il-fatt li l-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja għandhom eċċezzjonijiet mill-iffinanzjar tar-rifużjoni tar-Renju Unit (“rifużjoni fuq ir-rifużjoni!”). L-istess pajjiżi għandhom rata aktar baxxa għall-kontribuzzjonijiet tal-VAT tagħhom u l-pajjiżi l-baxxi u l-isvezja barra minn dan għandhom kontribuzzjonijiet nazzjonali mnaqqsa abbażi tal-ING ta’ pajjiż L-iffinanzjar preżenti jiddependi wkoll eċċessivament fuq il-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Għal bosta, dan huwa nfiq li għandu jkun minimizzat u li għalih għandu jkun ġustifikat dħul nazzjonali. Fl-aħħarnett, bl-eċċezzjoni tad-dazji tad-dwana li ġejjin mill-unjoni tad-dwana, ir-riżorsi eżistenti ma jurux rabta ċara mal-politiki tal-UE.

L-għan tagħna b'din il-proposta hu għalhekk li nnaqqsu l-kontributi nazzjonali u għalhekk nikkontribwixxu għall-isforzi ta' konsolidament baġitarju tal-Istati Membri; biex noħolqu rabta bejn l-objettivi ta' politika tal-UE u l-finanzjament tal-UE; u biex is-sistema nagħmluha aktar trasparenti u ġusta. Dan mhux qed isir biex jiżdied il-baġit tal-UE.

L-iffinanzjar tal-baġit tal-UE kien tbiddel qabel?

Mill-1970 ġew adottati sitt deċiżjonijiet dwar riżorsi proprji. Fil-fatt, l-istruttura tan-naħa tal-finanzjament evolviet b'mod konsiderevoli tul iż-żmien. Ir-riformi fuq in-naħa tan-nefqa b’mod ġenerali ġabu magħhom riformi fil-mod kif inhi ffinanzjata l-Unjoni. Il-kontribuzzjoni bbażata fuq l-Introjtu Nazzjonali Gross (ING), jiġifieri proporzjonali għall-ġid ta’ kull Stat Membru, ħadet importanza dejjem akbar u issa tirrapreżenta tliet kwarti tal-baġit. U numru kbir ta’ korrezzjonijiet kumplessi u arranġamenti speċjali ġew introdotti matul iż-żmien, kemm fuq in-naħa tad-dħul u n-naħa tal-nefqa tal-baġit.

Ir-riżultat ta’ dawn il-bidliet huwa li reċentement bdew negozjati dwar il-baġit li ġew influwenzati bil-kbir mill-enfasi tal-Istati Membri fuq l-idea ta' pożizzjonijiet netti (id-dibattitu "juste retour") bil-konsegwenza li ġew favoriti strumenti b’pakketti finanzjarji ġeografiċi allokati minn qabel, aktar milli dawk bl-akbar valur miżjud għall-UE.

Min jiddeċiedi dwar ir-riżorsi proprji?

Il-Kunsill jadotta deċiżjoni b’unanimità, wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Sabiex din tidħol fis-seħħ, id-Deċiżjoni trid tiġi ratifikata mill-Istati Membri kollha, skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom (Art 311).

Mela x’ser ikunu r-riżorsi ġodda?

Il-bidliet proposti mill-Kummissjoni huma dawn li ġejjin:

  • Simplifikazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Istati Membri billi tintemm ir-riżorsa proprja kumplessa bbażata fuq il-VAT mill-2014. Dan jiżgura li s-sistema tal-kontribuzzjonijiet tkun aktar sempliċi u trasparenti.

  • Introduzzjoni ta’ żewġ riżorsi proprji ġodda: Taxxa fuq it-transazzjonijiet finanzjarji (FTT) u VAT immodernizzata. Dan ser jiffaċilita l-konsolidazzjoni tal-baġit fl-Istati Membri bit-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE, jagħti impetu ġdid lill-iżvilupp tas-Suq Intern fl-oqsma tal-VAT u t-tassazzjoni tas-settur finanzjarju.

  • Riforma fil-mekkaniżmi tal-korrezzjoni billi jiġu sostitwiti l-korrezzjonijiet kollha eżistenti b’sistema sempliċi u trasparenti ta’ somom grossi relatati mal-prosperità tal-Istati Membri.

Il-proposti preżenti tal-Kummissjoni jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet offruti mit-Trattat ta’ Lisbona biex jiġu stabbiliti kategoriji ġodda ta’ riżorsi proprji jew biex jitneħħew dawk eżistenti. Ir-rapport dwar l-operazzjoni tas-sistema tar-riżorsi proprji tenfasizza kif kull waħda minn dawn il-proposti hija marbuta ma’ u tikkumplimenta lill-oħrajn.

Għaliex għandha titwaqqa’ r-riżorsa bbażata fuq il-VAT?

Il-Kummissjoni tipproponi l-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja kumplessa bbażata fuq il-VAT. Meta mqabbla mar-riżorsa proprja bbażata fuq l-ING, ir-riżorsa proprja preżenti bbażata fuq il-VAT ftit li xejn għandha valur miżjud. Biex tinħoloq bażi tat-taxxa komparabbli, kontribuzzjonijiet bbażati fuq il-VAT jirriżultaw minn kalkulazzjoni matematika aktar milli tgħaddi direttament miċ-ċittadin lill-UE. Barra minn dan, il-limiti tal-kontribuzzjonjiet ibbażati fuq il-VAT jiġu stabbiliti fi proporzjon mal-ING u għalhekk, parzjalment jistgħu jitqabblu mal-kontribuzzjonijiet ING. Fil-fatt, ir-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT tikkontribwixxi għall-kumplessità u n-nuqqas ta’ ċarezza tas-sistema tal-iffinanzjar tal-baġit tal-UE.

Għaliex għandha tintgħażel it-tassazzjoni tal-UE għas-settur finanzjarju u VAT tal-UE?

L-analiżi ta’ diversi kandidati potenzjali bħala riżorsi proprji toħloq ammont sostanzjali ta’ xogħol tekniku. Ġew identifikati dawn l-elementi ewlenin li ġejjin:

  • It-tassazzjoni tal-UE tas-settur finanzjarju (FTT): Din tagħti aktar spazju għal ċaqliq lil gvernijiet nazzjonali u tikkontribwixxi għall-isforzi ġenerali tal-konsolidazzjoni tal-baġit. Din it-tassazzjoni teżisti fil-livell nazzjonali f’ċerti Stati Membri, imma azzjoni fil-livell tal-UE tista’ tirriżulta aktar effettiva u effiċjenti, u din jista’ jkollha rwol fit-tnaqqis tal-frammentazzjoni eżistenti tas-Suq Intern. Il-Kummissjoni se tagħmel din il-proposta wara s-sajf.

  • VAT Immodernizzata: Din toħloq rabta ġenwina bejn il-VAT nazzjonali u dik tal-UE u trawwem aktar armonizzazzjoni fis-sistemi nazzjonali tal-VAT. Din tipprovdi rċevuti sinifikanti u stabbli għall-UE bi spejjeż amministrattivi u ta’ konformità limitati għall-amministrazzjonijiet nazzjonali u l-kummerċ. Din tifforma parti minn inizjattiva tal-Kummissjoni reċenti aktar wiesgħa mniedija f’Diċembru 2010 bil-ħruġ ta’ Green Paper dwar il-futur tal-VAT immirata biex jitnaqqas l-estent ta’ tgħawwiġ maħluq mill-VAT fis-suq intern. It-twessigħ tal-bażi tat-taxxa, it-tnaqqis fl-ambitu għal frodi, it-titjib fl-amministrazzjoni tat-taxxa u t-tnaqqis fl-ispejjeż tal-konformità għal kooperazzjoni amministrattiva fil-kuntest ta’ riforma wiesgħa tal-VAT jistgħu jwasslu biex jintlaħqu riżultati importanti u biex jiġġeneraw flussi tad-dħul ġodda għall-Istati Membri u għall-UE.

X’inhu d-dħul mistenni minn dawn ir-riżorsi proprji ġodda?

Huwa stmat li sal-2020, ir-riżorsi proprji ġodda jistgħu jammontaw għal kważi nofs id-dħul tal-Baġit tal-UE, filwaqt li s-sehem tal-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING jonqsu għal kważi terz (minn kważi tliet kwarti kif inhuma llum). Il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri se jonqsu bl-istess mod, skont il-proporzjon tal-ING rispettiv tagħhom (jiġifieri fi proporzjon mal-ġid relattiv tagħhom).

X’inhuma l-mekkaniżmi tal-korrezzjoni?

Il-Kunsill Ewropew ta’ Fontainebleau tal-1984 stabbilixxa prinċipji ta’ gwida importanti biex jiżgura trattament ġust fil-baġit tal-UE. Dan indika partikolarment li "il-politika tal-infiq hija fl-aħħar mill-aħħar il-mezz essenzjali biex tinstab soluzzjoni għall-problema ta' żbilanċi baġitarji". Madankollu, dan jagħraf li "kull Stat Membru li jsofri minn piż baġitarju li huwa eċċessiv fir-rigward tal-prosperità relattiva tiegħu jista' jibbenefika minn korrezzjoni fiż-żmien xieraq". Dawn il-prinċipji ġew ikkonfermati u applikati b’mod konsistenti f’deċiżjonjiet suċċessivi ta’ riżorsi proprji.

mekkaniżmi kumplessi differenti ta’ korrezzjoni ġew miżjuda minn dak iż-żmien, inkluż:

  • korrezzjoni favur ir-Renju Unit (ir-rifużjoni tal-Gran Brittanja);

  • iffinanzjar imnaqqas għall-korrezzjoni tar-Renju Unit għall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja (“rifużjoni fuq ir-rifużjoni”);

  • sehem ta’ 25% miżmum mill-Istati Membri bħala “kostijiet ta’ kollezzjoni” għal riżorsi proprji tradizzjonali (partikolarment dazju fuq id-dwana), li jikkostitwixxu korrezzjoni moħbija għall-benefiċċju ta’ numru limitat ta’ Stati Membri;

  • tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq il-VAT għall-Ġermanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u l-Isvezja; u

  • tnaqqis temporanju fil-kontribuzzjonijiet ibbażati fuq l-ING għall-Pajjiżi l-Baxxi u l-Isvezja.

X’ser jiġri fil-każ tar-rifużjoni tar-Renju Unit?

Il-Kummissjoni tipproponi li l-mekkaniżmu preżenti jiġi mibdul fi tnaqqis ta’ somma sħiħa grossa fuq il-pagamenti tar-riżorsi proprji bbażati fuq l-ING. Sistema ta’ somom sħaħ tkun waħda trasparenti u faċli biex tinftiehem, u għalhekk tkun aktar miftuħa għall-iskrutinju pubbliku u parlamentari; din tkun ġusta, billi kontributuri kbar fil-baġit tal-UE jiġu trattati skont il-prosperità ekonomika tagħhom, u tiżgura finanzjament bilanċjat tal-korrezzjonijiet; in-natura ex ante tagħha tista’ tantiċipa xi inċentivi perversi.

L-analiżi wara din il-proposta hija din li ġejja. Fiż-żmien tal-introduzzjoni tagħha, fl-1984, il-korrezzjoni tar-Renju Unit offriet risposta għal dik li ċarament kienet sitwazzjoni inġusta: ir-Renju Unt kien qed jiffaċċja piż baġitarju eċċessiv meta mqabbel mal-prosperità relattiva tiegħu. Madankollu, din is-sitwazzjoni evolviet. Ir-Renju Unit issa huwa wieħed mill-aktar Stati Membri għani tal-UE, li kapaċi jikkontribwixxi bis-sħiħ għal solidarjetà mal-Membri aktar foqra tal-Unjoni. Il-piż baġitarju tar-Renju Unit issa huwa wkoll aktar simili għal dak ta’ xi kontributuri netti oħrajn, minħabba t-tnaqqis progressiv tas-sehem tal-PAK fin-nefqa tal-baġit tal-UE, li huwa mistenni li jkompli jonqos fil-qafas finanzjarju li jmiss, u s-sehem tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT eżistenti fir-riżorsi proprji tal-UE, li l-Kummissjoni qed tipproponi li telimina kompletament wara l-2013. Barra minn dan, bl-eliminazzjoni tar-riżorsa proprja bbażata fuq il-VAT kurrenti, id-dejta essenzjali għall-kalkolu tal-korrezzjoni tar-Renju Unit mhux se tkun iżjed disponibbli.

1 :

Għal aktar dettalji ara d-dokument ta’ ħidma tal-persunal mehmuż SEC (2011) 868


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site