Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/459

Brussell, 29 ta’ Ġunju 2011

Ħrejjef dwar il-baġit tal-UE u l-Qafas Finanzjarju Multiannwali

Jinkiteb ħafna dwar il-baġit tal-UE iżda dak li jinkiteb mhux dejjem hu korrett. Dan il-Memo jiddeskrivi numru ta' kunċetti żbaljati u jagħti l-fatti u ċ-ċifri veri dwarhom.

1. Il-baġit tal-UE huwa enormi.

Le, mhuwiex.

Il-baġit tal-UE kien ta' madwar EUR140 biljun fl-2011; dan hu baġit żgħir ħafna meta wieħed iqabblu mas-somma tal-baġits nazzjonali tas-27 Stat Membru, li jammontaw għal aktar minn EUR 6,300 biljun. Fi kliem ieħor, in-nefqa totali tal-gvern mis-27 Stat Membru hija kważi 50 darba ikbar mill-baġit tal-UE!

Dan ifisser li ċ-ċittadin medju tal-UE ħallas biss medja ta' 67 ċenteżmu kuljum biex jiffinanzja l-baġit annwali għall-2010. Dan hu anqas minn nofs il-prezz ta' kikkra kafé – ċertament mhux spiża kbira meta wieħed jara l-benefiċċji enormi li l-UE twassal liċ-ċittadin.

Fil-fatt, il-baġit tal-UE huwa iżgħar mill-baġit ta' Stati Membri ta' daqs medju bħall-Awstrija u l-Belġju.

Tista' tħares lejn il-kwistjoni mod ieħor: il-baġit tal-UE jammonta għal madwar 1% tal-Prodott Domestiku Gross tal-UE-27 - il-valur globali tal-merkanzija u s-servizzi kollha prodotti fl-UE – filwaqt li, bħala medja, il-baġits tal-Istati Membri jammontaw għal 44% tal-PGD.

Il-baġit tal-UE huwa dejjem ibbilanċjat, li jfisser li ma jintefaq lanqas euro wieħed biex jitħallas id-dejn. U 94% minn dak li jmur fil-baġit tal-UE jintefaq fl-Istati Membri fuq politiki u programmi li huma ta' benefiċċju dirett għaċ-ċittadini.

2. Il-baġit tal-UE qiegħed dejjem jiżdied – filwaqt li l-gvernijiet nazzjonali qegħdin inaqqsu n-nefqa tagħhom.

Dan mhux minnu.

Il-baġits nazzjonali mhumiex qed jonqsu, qed jiżdiedu:

  • Bejn is-sena 2000 u s-sena 2010, il-baġits nazzjonali fl-UE żdiedu b'62% filwaqt li matul l-istess perjodu l-baġit tal-UE żdied b'37%.

  • Fl-2011, se jiżdiedu 23 minn 27 baġit nazzjonali.

  • Fl-2012, skont l-aħħar estimi, se jiżdiedu 24 minn 27 baġit nazzjonali.

3. Il-biċċa l-kbira tan-nefqa tal-UE tmur għall-amministrazzjoni.

Dan huwa assolutament mhux minnu. L-ispejjeż amministrattivi tal-UE jammontaw għal anqas minn 6% tal-baġit totali tal-UE u s-salarji jammontaw għal madwar nofs minn dak is-6%.

Aktar minn 94% tal-baġit tal-UE jintefaq għaċ-ċittadini, ir-reġjuni, l-ibliet, il-bdiewa u n-negozji. Il-baġit tal-UE jiffoka fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li jindirizza t-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, il-kriminalità transkonfinali u sfidi oħra li għandhom effett fuqna lkoll. Jgħin biex jagħti spinta lill-prosperità, pereżempju billi joħloq konnessjonijiet aħjar fost l-Ewropej permezz tal-infrastruttura tal-enerġija, it-trasport u l-ICT, billi jagħti appoġġ lill-anqas reġjuni sinjuri fil-ħolqien tat-tkabbir u tal-impjiegi, kemm fihom kif ukoll fil-bqija tal-UE, u billi jamalgama l-isforzi f'oqsma bħar-riċerka. Jgħin ukoll biex jiggarantixxi s-sigurtà alimentari tagħna. U, fl-aħħar nett, il-baġit jikkontribwixxi biex, bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina, l-UE jkollha rwol fuq ix-xena mondjali xieraq għad-daqs tagħha u biex ikun hemm sforz komuni biex tingħata għajnuna lill-aktar popli foqra tad-dinja.

Is-salarji jitħallsu lil persunal li jwettaq u li jamministra politiki siewja tal-UE li għandhom impatt dirett u pożittiv fuq iċ-ċittadini.

Ta' min ifakkar il-liberalizzazzjoni tat-traffiku tal-ajru, id-drittijiet tal-passiġġieri u tariffi aktar baxxi għar-roaming. Jistgħu jitfakkru wkoll id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni f'każijiet ta' antitrust u ta' kartelli, każijiet li fihom il-konsumaturi jkunu tteħdulhom b'qerq miljuni ta' euro bi prezzijiet li jkunu illegalment għoljin. Fl-2010, il-benefiċċji għall-konsumatur minn deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar kartelli kienu stmati li kienu ta' mill-anqas EUR 7.2 biljun.

Il-persunal tal-Kummissjoni huwa inkarigat bin-negozjar ta' ftehimiet dwar il-kummerċ li jgħinu biex il-prezzijiet ta' prodotti għall-konsumatur jinżlu u biex ikun hemm għażla usa' ta' prodotti bi prezzijiet abbordabbli. Huma qed jgħinu wkoll lill-UE biex tieħu l-aħjar tagħlimiet mill-kriżi ekonomika u finanzjarja biex ikun hemm regolamentazzjoni u superviżjoni aħjar tas-swieq finanzjarji. L-ispejjeż amministrattivi ilhom għal żmien twil stabbli u, matul l-aħħar ħames snin, saru sforzi serji biex jinżammu baxxi. Il-Kummissjoni mexxiet 'politika ta' ebda żieda fin-numru tal-persunal. Indirizzat il-ħtieġa għal kompetenzi u prijoritajiet ġodda permezz ta' riallokazzjoni tal-persunal eżistenti u ma talbitx għal aktar persunal ġdid, ħlief għal dak li kien neċessarju minħabba t-tkabbir. Il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tiffriża n-nefqa amministrattiva tagħha fl-2012 – mhu se jkun hemm l-ebda bidla.

Seba' snin ilu, il-Kummissjoni Ewropea wettqet riforma maġġuri tal-amministrazzjoni tagħha. Din kienet tinkludi salarji aktar baxxi għal min jiġi rreklutat, il-ħolqien tal-kategorija tal-aġent kuntrattwali b'salarji aktar baxxi, età tal-irtirar ogħla, drittijiet aktar baxxi tal-pensjoni u kontribuzzjonijiet ogħla għall-pensjoni. Din ir-riforma diġà ffrankat lill-kontribwenti tat-taxxa tal-UE EUR 3 biljun u hija mistennija li twassal biex jiġu ffrankati EUR 5 biljun oħra sas-sena 2020.

4. Il-baġit tal-UE hu miżgħud bil-frodi.

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri approvat il-kontijiet tagħna u qalet li dawn jirriflettu korrettement il-mod kif intefaq il-baġit tal-UE.

Huwa minnu li, għal xi oqsma ta' politika, il-Qorti tal-Awdituri għad għandha problema biex tapprova l-pagamenti tagħna. Fil-politika ta' koeżjoni, pereżempju, ir-rata ta' żball hi xi ftit ogħla minn 5% għalkemm din iċ-ċifra tirrappreżenta tnaqqis konsiderevoli. Il-Qorti tistma li r-rata ta' żball tal-Kummissjoni fil-pagamenti tagħha hija bejn 2% u 5%, skont il-qasam ta' politika, filwaqt li l-limitu li ġie stabbilit mill-Qorti huwa rata ta' żball ta' 2%.

Iżda:

  • Rata ta' żball ta' bejn 2% u 5% mhijiex waħda għolja. Hija tfisser li minn tal-anqas 95% tal-pagamenti tagħna huma korretti. Għalhekk il-prestazzjoni tagħna fil-livell tal-UE mhijiex ħażina.

  • Żbalji ma jfissrux li hemm frodi. Hemm suspetti ta' frodi rigward parti żgħira ħafna biss tal-baġit, li tammonta għal anqas minn 0.2% mill-baġit tal-UE.

F'Mejju li għadda, il-Kummissjoni pproponiet passi biex tiżdied ir-responsabbiltà permezz tar-reviżjoni tar-regolament finanzjarju; b'hekk l-Aġenziji tal-Pagamenti nazzjonali tal-Istati Membri għall-għajnuna reġjonali jinħtieġu li joħorġu dikjarazzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-ġestjoni dwar il-fondi tal-UE (kif diġà hu l-każ fl-agrikoltura), li jkunu suġġetti għal verifika indipendenti. S'issa, ir-reazzjoni tal-Istati Membri ma kinitx waħda ta' entużjażmu.

5. Il-baġit tal-UE jiġi deċiż minn burokrati Ewropej mingħajr proċeduri demokratiċi.

Dan mhux minnu.

Il-baġit annwali tal-UE jiġi deċiż minn politiċi li jkunu ġew eletti, fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill li fi ħdanu jiltaqgħu l-Istati Membri. Il-Kummissjoni tipproponi biss il-baġit, u trid tosserva l-limiti stabbiliti għal perjodu ta' żmien (li bħalissa hu l-2007-2013) minn dawn il-politiċi eletti.

Il-Kummissjoni tipproponi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali. Dan imbagħad jiġi negozjat u adottat skont proċeduri trasparenti u demokratiċi, li jirrispettaw kompletament is-sovranità nazzjonali u d-drittijiet demokratiċi.

Għan-nefqa, id-deċiżjoni dwar ir-regolament li jiddefinixxi l-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) l-ġdid, li se jibda japplika mill-2014, tittieħed mill-Kunsill Ewropew unanimament, wara li dan ikun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew li jingħata b'maġġoranza tal-membri tiegħu.

Għar-riżorsi proprji li jiffinanzjaw il-baġit, il-Kunsill irid jieħu deċiżjoni unanima wara li jkun ikkonsulta l-Parlament Ewropew. Din id-deċiżjoni tidħol biss fis-seħħ ladarba l-Istati Membri kollha jkunu approvawha skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom.

It-teħid tad-deċiżjonijiet fil-każ tal-baġit annwali tal-UE jsegwi wkoll proċeduri demokratiċi stretti, li huma simili għal dawk tal-biċċa l-kbira tal-gvernijiet nazzjonali. Il-proposta inizjali għal baġit annwali tiġi mill-Kummissjoni. Il-baġit huwa eżaminat u approvat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Normalment jintlaħaq ftehim finali f'Diċembru ta' kull sena.

Kull ċittadin jista' jsegwi l-proċess tan-negozjar tal-baġit. Id-dokumenti jinsabu fuq il-websajts tagħna u d-diskussjonijiet dettaljati tal-kumitati tal-Parlament Ewropew jistgħu jiġu segwiti onlajn.

6. L-UE hi għalja wisq.

Dan sempliċement mhux minnu.

Paragun fuq il-bażi ta' Jum Ħieles mit-Taxxa (Tax Freedom Day) huwa informattiv ħafna.. Dan hu l-ammont ta' żmien matul is-sena li n-nies iridu jaħdmu biex iħallsu l-piż tat-taxxa kollu tagħhom. Fil-biċċa l-kbira tal-Istati membri, iċ-ċittadini jridu jaħdmu l-biċċa l-kbira tar-rebbiegħa u tas-sajf sakemm ma jkunu ħallsu l-kontribuzzjoni tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-Ewropew medju jrid jaħdem biss erbat ijiem (sal-4 ta' Jannar) biex ikopri l-kontribut tiegħu għall-baġit tal-UE.

7. L-UE tiffinanzja proġetti bla sens bħal ċentri għat-taħriġ tal-klieb jew kunċerti ta' Elton John.

Din hi ħrafa oħra li hemm min qed ixerred.

Fiż-żewġ każijiet, l-awtoritajiet relevanti kellhom iħallsu lura kull ċenteżmu li kienu ppretendew u li ma kellhomx dritt għalih. L-ebda wieħed minnhom ma sewa euro lill-kontribwent.

Ġeneralment, l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri jagħżlu proġetti li jaħsbu li huma l-aktar adattati għal ħtiġijiethom skont l-istrateġiji u l-prijoritajiet li jkun hemm ftehim dwarhom mal-Kummissjoni. Isiru verifiki f'livelli differenti (tal-proġett, nazzjonali u tal-UE) li jiżguraw li flus il-kontribwenti jitħarsu safejn hu possibbli. Jekk issir pretensjoni li ma tkunx leġittima, il-baġit tal-UE ma jiffinanzjahiex.

8. Il-Kummissjoni trid tintroduċi taxxa diretta tal-UE u żżid il-piż tat-taxxa fuq iċ-ċittadini.

Dan mhux minnu.

Il-Kummissjoni qatt ma pproponiet l-idea ta' taxxa diretta tal-UE. L-Istati Membri se jibqgħu fil-kontroll tal-ġbir tat-taxxi. Il-Kummissjoni mhijiex se ssir l-amministrazzjoni tat-taxxa tiegħek. L-ideat dwar riżorsi proprji ġodda li ġew ippreżentati fir-reviżjoni tal-baġit ma jinvolvux aktar flus għal Brussell. Ma jikkonċernawx żieda fil-piż tat-taxxa għaċ-ċittadini. Huma jinvolvu bidla fit-tipi ta' riżorsi li jiffinazjaw il-baġit tal-UE. Kull euro li jinġabar taħt sistema riformata jnaqqas il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri u jagħmel il-baġit il-ġdid aktar ġust u trasparenti.

Kont taf li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-finanzjament tal-UE teħtieġ l-approvazzjoni unanima tal-Istati Membri u ratifika sussegwenti skont il-ħtiġijiet kostituzzjonali tagħhom? Barra minn dan, ir-regoli implimentattivi jeħtieġu l-kunsens tal-Parlament Ewropew. Dan ifisser li r-riżorsi proprji tal-UE huma suġġetti għal kontroll strett mill-Parlament u li hemm garanzija totali tas-sovranità tal-Istati Membri u tad-drittijiet demokratiċi.

9. Il-biċċa l-kbira tal-baġit tal-UE jmur għall-bdiewa.

Dan mhux minnu.

Fl-1985, madwar 70% mill-baġit tal-UE kien jintefaq fuq l-agrikoltura. Fl-2011, l-għajnuna diretta lill-bdiewa u n-nefqa relatata mas-suq jammontaw għal 30% biss mill-baġit u n-nefqa għall-iżvilupp rurali tammonta għal 11%. Dan it-tnaqqis għadu għaddej.

Barra minn dan, dan is-sehem relattivament kbir hu totalment iġġustifikat. L-agrikoltura hija l-unika politika li hija kważi totalment iffinanzjata mill-baġit tal-UE. Dan ifisser li n-nefqa Ewropea, fil-biċċa l-kbira tagħha, tissostitwixxi n-nefqa nazzjonali – u din hija r-raġuni għaliex tirrappreżenta proporzjon sostanzjali mill-baġit tal-UE. Il-baġit tal-UE jħallas dak li l-baġits nazzjonali ma għadhomx iħallsu minn mindu hemm Politika Agrikola Komuni (PAK).

Ir-riformi suċċessivi tal-Politika Agrikola Komuni ttrasferew l-appoġġ mill-produzzjoni għal appoġġ dirett lid-dħul tal-bdiewa, sakemm dawn jirrispettaw ċerti standards ta' saħħa u ambjentali u għal proġetti li jistimulaw l-attività ekonomika f'żoni rurali. Għaldaqstant il-PAK qiegħda kostantement tiżviluppa.

L-UE għaddiet ukoll mill-adeżjoni ta' 12-il Stat Membru ġdid, li l-biċċa l-kbira tagħhom għandhom setturi agrikoli kbar. Madankollu, ma kien hemm l-ebda żieda fil-baġit tal-PAK biex dawn l-ispejjeż addizzjonali jiġu koperti.

10. Nistgħu neliminaw is-sussidji tagħna għall-biedja għaliex il-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi huma għoljin.

Għall-kuntrarju.

Iż-żidiet u l-bidliet fil-prezzijiet tal-ikel u tal-prodotti bażiċi jenfasizzaw l-importanza ta' investiment fl-agrikoltura biex il-provvista u d-domanda jkunu aktar ekwilibrati. Il-prezzijiet għoljin ifissru li d-domanda hija aktar b'saħħitha mill-provvista. Huwa previst li d-domanda globali għall-ikel se tiżdied b'50% sal-2030 minħabba li ż-żieda fil-popolazzjoni se tkun akkumpanjata minn bidliet fil-mudelli alimentari f'bosta ekonomiji emerġenti. Il-kwistjoni hija għalhekk waħda globali u dan joħroġ biċ-ċar l-isfida fundamentali tas-sigurtà alimentari – u l-importanza għall-Ewropa li żżomm il-potenzjal ta' produzzjoni agrikola tagħha fl-oqsma kollha sabiex ma ssirx dipendenti żżejjed fuq l-importazzjoni tal-ikel.

Barra minn dan, minħabba li fl-Ewropa ftit hemm lok għal estensjoni taż-żona ta' produzzjoni, il-produzzjoni tista' biss tikber permezz ta' innovazzjoni u riċerka. Il-politika tal-iżvilupp rurali tal-UE tista' tgħin lill-bdiewa tagħna biex jadottaw possibiltajiet ġodda ta' produzzjoni u biex jitħaffef it-trasferiment tat-teknoloġija.

11. Il-Politika Agrikola Komuni toħloq eċċessi fil-produzzjoni tal-ikel u tagħmel dannu lill-bdiewa fl-aktar pajjiżi foqra tad-dinja.

Iż-żmien tal-"lagi tal-inbid" u l-"muntanji tal-butir" ilu li għadda.

Kien hemm 10 snin ta' riformi biex il-politika agrikola tagħna ssir aktar kompatibbli mal-iżvilupp. Illum il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom aċċess għas-suq eċċellenti b'tariffi baxxi jew mingħajr tariffi u d-distorsjonijiet tas-suq tnaqqsu ħafna. Illum madwar 70% mill-importazzjonijiet agrikoli tal-UE joriġinaw minn pajjiżi li qed jiżviluppaw. Barra minn dan, is-sussidji fuq l-esportazzjoni tnaqqsu b'mod drastiku: 15-il sena ilu konna nonfqu EUR 10 biljuni fis-sena f'sussidji fuq l-esportazzjoni. Fl-2009 ma nfaqniex iktar minn EUR 350 miljun. Fil-kuntest tan-negozjati tad-WTO, l-UE offriet li telimina s-sussidji kollha fuq l-esportazzjoni sal-2013. Sal-2011 90% mill-appoġġ dirett ma kienx iwassal għal distorsjonijiet fil-kompetizzjoni (ma kiex marbut mal-produzzjoni).

Kont taf li l-bidwi medju fl-UE jirċievi anqas minn nofs l-appoġġ pubbliku li jirċievi bidwi medju fl-Istati Uniti? U kont taf li l-UE mhux biss hija l-akbar donatriċi ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja iżda hija wkoll l-akbar sieħba kummerċjali tal-Afrika? Kważi 40% tal-esportazzjonijiet mill-Afrika huma għall-UE. U l-valur tal-importazzjonijiet tal-UE ta' prodotti agrikoli minn pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa 20% ogħla minn dak tal-Istati Uniti tal-Amerika, il-Kanada, il-Ġappun, l-Awstralja u n-New Zealand meħuda flimkien.

12. Il-politika tal-koeżjoni hija karità li tiswa ħafna.

Il-politika ta' koeżjoni tgħin lir-reġjuni u lill-pajiiżi li huma aktar foqra biex ilaħħqu mal-bqija u jsiru parti mis-Suq Uniku. Hija politika tal-investiment orjentata lejn il-futur li hi ċarament ta' benefiċċju għall-bqija tal-Ewropa billi twassal għal tkabbir u toħloq impjiegi b'mod ġenerali.

Pereżempju, l-esportazzjonijiet interni fl-UE lejn ir-reġjuni li jgawdu mill-fondi ta' koeżjoni żdiedu b'mod konsiderevoli. Hemm rabta ċara bejn il-politika ta' koeżjoni u t-tkabbir fl-UE. L-istudji li saru wrew li l-PDG fl-UE-25 kollha kemm hi fl-2009 kien 0.7% ogħla, grazzi għal investimenti tal-politika ta' koeżjoni li saru matul il-perjodu 2000 sa 2006. Dan hu stmat li se jiżdied għal 4% sal-2020. Fl-UE-15 waħidha, l-istima hija ta' effett nett kumulattiv fil-PDG ta' 3.3% sal-2020. Fi kliem ieħor, l-investiment reġjonali jfisser żvilupp Ewropew. It-tkabbir f'reġjun fqir partikolari jwassal għax-xiri ta' prodotti u servizzi minn reġjun ieħor li hu aktar għani. Dan jagħti spinta lill-iżvilupp tas-Suq Uniku, li jirrappreżenta bejn 60% u 80% tal-esportazzjonijiet tal-Istati Membri, li huma ħafna aktar mill-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi bħaċ-Ċina, l-Indja jew l-Istati Uniti.

Il-Politika ta' Koeżjoni matul il-perjodu 2000-2006 ġġenerat dħul ta' EUR 2.1 għal kull euro li ġie investit. Sal-2020, dan id-dħul hu stmat li se jkun EUR 4.2 għal kull euro investit. Il-Politika ta' Koeżjoni għenet ukoll biex jogħla l-livell tal-impjieg. Skont l-istimi għall-2009, in-numru ta' persuni impjegati kien 5.6 miljun ogħla b'riżultat tal-politika bejn l-2000 u l-2006, jew medja ta' 560,000 aktar kull sena milli kien ikun mingħajr il-Politika ta' Koeżjoni.

Wara t-tnaqqis ekonomiku reċenti u l-kriżi tad-dejn, il-politika ta' koeżjoni għandha rwol ewlieni fl-irkupru ekonomiku u soċjali billi tagħti spinta lill-investiment f'setturi li jwasslu għat-tkabbir bħall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Hija tgħin ukoll biex in-nies jingħataw taħriġ u jtejbu l-ħiliet tagħhom biex isibu impjieg.

13. Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali huwa eżempju ieħor tad-direzzjoni tal-UE lejn ekonomija ppjanata ċentralment.

Żgur li le.

Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali (QFM) jiddefinixxi l-prijoritajiet fit-tul għan-nefqa tal-UE skont il-prijoritajiet politiċi li hemm qbil dwarhom u jistabbilixxi l-ammonti annwali massimi li għandhom jintefqu fuq kull prijorità. Il-qafas finanzjarju jkopri bosta snin (pereżempju mill-2000 sal-2006 u mill-2007 sal-2013) biex jiżgura li jkun hemm ippjanar finanzjarju u ġestjoni finanzjarja sodi u responsabbli.

B'qafas finanzjarju multiannwali ta' dan it-tip, il-baġits annwali tal-UE ma jistgħux jiżdiedu mingħajr kontroll u jridu jiffokaw fuq il-prijoritajiet veri.

Il-baġit tal-UE qatt ma jkun fi żbilanċ, qatt ma jirriżulta f'dejn u jonfoq biss dak li jdaħħal. Huwa dejjem f'bilanċ.

Għal aktar tagħrif:

Kjarifiki dwar il-baġit tal-UE:

http://ec.europa.eu/budget/explained/index_en.cfm

Kjarifiki dwar il-Qafas Finanzjarju Multiannwali:

http://ec.europa.eu/budget/reform/index_en.htm


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website