Navigation path

Left navigation

Additional tools

Id-Drittijiet tal-Konsumatur: 10 modi kif id-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur se tagħti lin-nies drittijiet aktar qawwijin meta jixtru fuq l-internet

European Commission - MEMO/11/450   23/06/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/450

Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2011

Id-Drittijiet tal-Konsumatur: 10 modi kif id-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur se tagħti lin-nies drittijiet aktar qawwijin meta jixtru fuq l-internet

Aħbar tajba għall-konsumaturi: leġiżlazzjoni ġdida tal-UE se ssaħħaħ drittijiethom fis-27 Stat Membru kollha kemm huma. Il-Parlament Ewropew illum adotta – b’maġġoranza kbira ħafna (615 favur, 16 kontra u 21 astensjoni – id-Direttiva tad-Drittijiet tal-Konsumatur, li kienet ġiet proposta mill-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2008 (IP/08/1474) Il-votazzjoni ssegwi ftehim milħuq bejn it-tliet istituzzjonijiet tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri), u telimina l-aħħar ostakolu qabel ma r-regoli l-ġodda jkunu jistgħu jsiru realtà għall-konsumaturi. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, Viviane Reding, li fl-2007 u fl-2009 mexxiet 'il quddiem regoli tal-UE favur il-konsumaturi li permezz tagħhom tnaqqsu bis-sħiħ it-tariffi tat-telefonati ċellulari li jsiru minn barra l-pajjiż tal-orġini, qalet:

“Din hija ġurnata sabiħa għall-500 miljun konsumatur tal-Ewropa. L-adozzjoni llum tad-Direttiva l-ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur se ssaħħaħ id-drittijiet tal-konsumatur billi tagħmilha illegali li persuni qarrieqa fuq l-Internet iħajru b’qerq lin-nies iħallsu għal oroskopji jew riċetti li jidhru li jkunu qed jiġu offruti b’xejn. Ix-xerrejja mhux se jiġu iżjed imqarrqa biex jixtru assigurazzjoni tal-ivvjaġġar li ma jkunux iridu, jew inkella biex jikru karozza meta jixtru biljett fuq l-internet. U kulħadd se jkollu 14-il jum żmien jekk ikun jixtieq jirritorna prodotti mixtrija b'mod remot bl-internet, bil-posta jew bil-telefown. Nixtieq nirringrazzja lir-rapporteur tal-Parlament Ewropew, Andreas Schwab, kif ukoll lill-Presidenza Ungeriza tal-UE, għall-appoġġ impenjat tagħhom u għax-xogħol li permezz tiegħu sar possibbli li jinkiseb dan il-pass politiku 'l quddiem. Il-Kummissjoni Ewropea se tgħin biex jiġi żgurat li r-regoli l-ġodda jkunu implimentati malajr fl-Istati Membri kollha sabiex il-konsumaturi madwar l-Ewropa jkun jista' jkollhom aktar fiduċja meta jixtru, kemm fuq l-internet kif ukoll lil hinn minnu."

Fil-votazzjoni tal-lum, il-Parlament Ewropew ta l-apoġġ tiegħu għal ftehim politiku bejn negozjaturi tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni. F’Marzu 2010, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE Reding għamlitha ċara li kull ftehim dwar id-Direttiva jkun jeħtieġ bilanċ sod bejn l-interess li għandhom il-konsumaturi fi drittijiet aktar qawwija, u l-interess li għandhom in-negozji li jieħdu vantaġġ sħiħ mis-Suq Uniku tal-UE (ara SPEECH/10/91)

L-aħħar passi fil-proċedura leġislattiva:

  • L-approvazzjoni formali mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE (f’Settembru) tat-test maqbul tad-Direttiva tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi;

  • Il-pubblikazzjoni tad-Direttiva l-ġdida fil-Ġurnal Uffiċjali tal-UE (din il-ħarifa);

  • It-traspożizzjoni tar-regoli l-ġodda fil-liġijiet nazzjonali qabel tmiem l-2013.

Dawn li ġejjin huma l-10 bidliet l-aktar importanti għall-konsumaturi li jinsabu fid-Direttiva l-ġdida:

1) Il-proposta se telimina tariffi u spejjeż moħbija fuq l-Internet

Il-konsumaturi se jitħarsu kontra “qerq rigward l-ispejjez” fuq l-internet. Dan jiġri meta persuni qarrieqa jippruvaw iħajru b’qerq lin-nies biex iħallsu għal servizzi ‘b’xejn’, bħalma huma oroskopji jew riċetti. Minn issa 'l quddiem, il-konsumaturi jridu jikkonfermaw b'mod espliċitu li huma jifhmu li jridu jħallsu prezz.

2) Akbar trasparenza fejn jidħlu l-prezzijiet

In-negozjanti jkollhom jiżvelaw il-prezz totali tal-prodott jew tas-servizz, kif ukoll kull tariffa miżjuda. Ix-xerrejja fuq l-internet mhux se jkollhom iħallsu tariffi jew xi spejjeż oħra jekk ma jkunux ġew informati qabel ma jkunu għamlu l-ordni.

3) Fuq il-websajts ma jistax aktar ikun hemm kaxex immarkati minn qabel

Meta tkun qed tixtri fuq l-internet – pereżempju biljett tal-ajru – jista’ jkun li jsirulek offerti għal għażliet addizzjonali matul il-proċess tax-xiri, bħalma hu x-xiri ta’ assigurazzjoni għall-ivvjaġġar jew il-kiri ta’ karozza. Dawn is-servizzi addizzjonali jistgħu jiġu offruti permezz tal-hekk imsejħa kaxex “immarkati minn qabel”. Il-konsumaturi bħalissa ħafna drabi huma mġiegħla jneħħu l-marka mill-kaxex jekk ma jkunux iridu jixtru dawn is-servizzi żejda. Bid-Direttiva l-ġdida, il-kaxex immarkati minn qabel se jiġu pprojbiti madwar l-Unjoni Ewropea.

4) 14-il ġurnata biex jerġa’ jibdielek wara li tkun xtrajt

Il-perjodu li matulu l-konsumaturi se jkunu jistgħu jirtiraw minn kuntratt ta’ bejgħ qed jittawwal għal 14-il ġurnata tal-kalendarju (bħalissa hu ta' sebat ijiem, kif stipulat legalment mil-liġi tal-UE). Dan ifisser li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibagħtu lura l-prodotti, tkun xi tkun ir-raġuni, jekk jerġa' jibdielhom.

  • Aktar protezzjoni kontra n-nuqqas ta’ informazzjoni: Meta bejjiegħ ma jkunx informa b’mod ċar lill-klijent dwar id-dritt li jerġa’ jibdielu, il-perjodu tar-ritorn jittawwal għal sena.

  • Il-konsumaturi se jkunu wkoll imħarsa u jkollhom dritt li jirrifjutaw żjarat li jkunu talbu lill-bejjiegħ jagħmlilhom, bħal fil-każ meta bejjiegħ ikun mar għand il-konsumatur qabel u għamillu pressjoni biex jaċċetta żjara mingħandu. Barra minn dan, m’għadx hemm bżonn li ssir distinzjoni bejn żjara mitluba u oħra mhux mitluba; b’hekk ħadd ma jkun jista’ jdur mar-regoli.

  • Id-dritt li wieħed jerġa’ lura qed jiġi estiż għall-irkanti fuq l-internet, bħalma jsiru fuq eBay - għalkemm il-prodotti li jinxtraw minn irkant jistgħu jintbagħtu lura biss meta jkunu nxtraw minn bejjiegħ professjonali.

  • Il-perjodu ta’ irtirar jibda fil-mument li fih il-konsumatur jirċievi l-prodotti, aktar milli fil-mument li fih jiġi konkluż il-kuntratt, kif jiġri bħalissa. Ir-regoli se japplikaw għal bejgħ bl-internet, bit-telefown u bil-posta, kif ukoll għal bejgħ barra l-ħwienet, pereżempju dak li jsir fuq l-għatba tal-konsumaturi, fit-triq, waqt festin tat-Tupperware jew waqt ġita organizzata mill-kummerċjant.

5) Drittijiet ta' rifużjoni aħjar

Il-kummerċjanti jridu jirrimborżaw lill-konsumaturi għall-prodott fi żmien 14-il ġurnata mir-irtirar. Dan jinkludi l-ispejjez tat-twassil. B’mod ġenerali, il-kummerċjant iġorr ir-riskju għal xi ħsara li tista' ssir lill-prodotti waqt it-trasport, sal-mument li fih il-konsumatur jieħu f'idejh il-prodotti.

6) L-introduzzjoni ta’ formola mudell għar-irtirar, valida madwar l-UE kollha

Il-konsumaturi se jingħataw formola ta’ irtirar mudell li huma jistgħu (mingħajr ma jkunu obbligati) jużaw jekk jerġa' jibdielhom u jkunu jixtiequ jirtiraw mill-kuntratt konkluż b'mod remot jew fuq l-għatba. B’hekk ikun aktar faċli li tirtira, u li tagħmel dan aktar malajr, tkun fejn tkun ikkonkludejt kuntratt fl-UE.

7) L-eliminazzjoni ta’ spejjeż supplimentari għall-użu ta’ karti ta’ kreditu u ta’ linji speċjali tat-telefown

Il-kummerċjanti mhux se jkunu jistgħu jġiegħlu lill-konsumaturi jħallsu aktar għall-ħlas bil-karta tal-kreditu (jew b’xi mezz ieħor ta' pagament) milli kemm realment ikun jiġi jiswa lill-kummerċjant biex joffri dan il-mezz ta' pagament. Kummerċjanti li joperaw linji speċjali tat-telefown li bihom il-konsumatur ikun jista’ jikkuntattjahom għal dak li għandu x’jaqsam mal-kuntratt ma jkunux jistgħu jitolbu tariffa ogħla għat-telefonata mir-rata bażika għal sejħiet bit-telefown.

8) Informazzjoni aktar ċara dwar min iħallas għar-ritorn tal-prodotti

Jekk il-kummerċjanti jkunu jridu li l-konsumatur iġorr l-ispiża tar-ritorn tal-prodotti wara li dan ikun reġa' bdielu, dawn għandhom jinfurmaw b'mod ċar lill-konsumaturi dwar dan minn qabel, inkella jkollhom iħallsu huma stess għar-ritorn. Il-kummerċjanti jridu jagħtu b’mod ċar stima tal-ogħla spiża għar-ritorn ta' prodotti goffi mixtrija fuq l-interent jew permezz tal-posta, bħal fil-każ ta' xi sufan, qabel ix-xiri, b’mod li l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażla infurmata qabel ma jiddeċiedu mingħand min se jixtru.

9) Protezzjoni aħjar għall-konsumatur fejn jidħlu prodotti diġitali

L-informazzjoni dwar il-kontenut diġitali trid ukoll issir aktar ċara, inkluż fejn tidħol il-kumpatibbiltà ma’ hardwer u softwer u l-applikazzjoni ta’ xi miżuri ta’ protezzjoni teknika, pereżempju li jkun jillimta d-dritt tal-konsumaturi li jagħmlu kopji tal-kontenut.

Il-konsumaturi se jkollhom id-dritt li jirtiraw minn xiri ta’ kontenut diġitali, bħal mużika jew vidjows imniżżla mill-internet, iżda biss sa dak il-mument li fih ikun fil-fatt beda l-proċess tat-tniżżil.

10) B’regoli komuni għan-negozji se jkun aktar faċli għalihom li jbiegħu madwar l-Ewropa kollha

Dawn jinkludu:

  • Sett wieħed ċentrali ta’ regoli għall-kuntratti remoti (bejgħ bit-telefown, bil-posta jew bl-internet) u għal kuntratti mhux fi stabbiliment (bejgħ lil jsir lil hinn mill-uffiċċji ta' kumpanija, bħal fit-triq jew fuq l-għatba) fl-Unjoni Ewropea, b'mod lil tinħoloq sitwazzjoni ugwali għal kulħadd u jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tranżazzjonijiet għal kummerċjanti li jbiegħu lil hinn mill-fruntieri, speċjalment fejn jidħol bejgħ bl-internet.

  • Bis-saħħa ta’ formoli standard il-ħajja se teħfief għan-negozji: formola għall-konformità mar-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar id-dritt tal-irtirar;

  • Regoli speċifiċi se japplikaw fil-każ ta’ negozji żgħar u ta’ nies tas-sengħa, bħal fil-każ ta' plumber. Mhux se jkun hemm dritt ta’ rtirar fil-każ ta’ tiswijiet urġenti u xogħol ta' manutenzjoni. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jeħilsu mill-obbligi ta' informazzjoni lil kummerċjanti li jintalbu mill-konsumaturi jagħmlu xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni f’darhom għal valur ta’ anqas minn €200.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website