Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/428

Brussell, 20 ta’ Ġunju 2011

Għajnuna mill-Istat: Il-Kummissjoni tikkonsulta dwar temi li jirrigwardaw sostenn għall-films – mistoqsijiet komuni

X'inhu l-iskop tal-konsultazzjoni tal-lum?

Il-kriterji biex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-iskemi ta' sostenn nazzjonali, reġjonali u lokali għall-films u fis-settur awdjo-viżiv mar-regoli tal-UE dwar Għajnuna mill-istat waslu biex jiskadu fil-31 ta' Diċembru 2012. Dawn il-kriterji kienu stipulati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar iċ-Ċinema fl-2001 (ara IP/01/1326). Il-validità tagħhom iġġeddet tliet darbiet, l-aktar reċenti fl-2009 (ara IP/09/138 ).

Fl-estensjoni tal-2009 il-Kummissjoni identifikat għadd ta' xejriet li kienu jeħtieġu riflessjoni ulterjuri fil-każ ta' reviżjoni tar-regoli dwar għajnuna mill-istat. Dawn it-temi jinkludu obbligi ta' nfiq fit-territorju imposti bl-iskemi ta' sostenn għall-films, sostenn għal aspetti oħra minbarra l-produzzjoni tal-films jew għat-TV (bħal ma huma d-distribuzzjoni tal-films u l-projezzjoni diġitali), kif ukol kompetizzjoni bejn xi Stati Membri biex jużaw l-għajnuna mill-Istat biex jiġbdu lejhom investimenti minn kumpaniji ta' produzzjoni tal-films fuq skala kbira, prinċipalment mill-Istati Uniti.

Id-dokument tematiku li qed jiġi ppubblikat illum huwa l-ewwel pass biex sal-aħħar tal-2012 titlesta reviżjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.

X'għamlet il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema?

Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-istat iħarsu Suq Uniku fejn kumpaniji mill-pajjiżi kollha tal-UE jistgħu jikkompetu u jagħmlu kummerċ bejniethom fuq livell indaqs billi ma jippermettux li Stati Membri jippromwovu kumpaniji b'mod selettiv għad-detriment tal-kompetituri fi ħdan l-UE. B'mod ġenerali, is-sostenn finanzjarju li jipprovdu l-istati jew il-korpi statali lil kumpaniji jew industriji partikolari mhuwiex permess mil-liġi tal-UE.

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jippermetti ftit eċċezzjonijiet għal dan il-prinċipju, inkluż għal għajnuna mill-istat mogħtija għall-promozzjoni tal-kultura. Tali għajnuna tista' titqies kompatibbli f'ċerti ċirkostanzi, stipulati fl-Artikolu 107(3d) tat-TFUE u fil-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema.

Taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jirċievu għajnuna mill-Istat il-films u l-produzzjonijiet awdjo-viżivi?

L-iskemi nazzjonali ma jistgħux jiddiskriminaw fuq bażi ta' nazzjonalità, u jridu josservaw il-prinċipju tal-moviment ħieles fis-suq intern. Fil-preżent, skont il-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema, iridu josservaw ukolli kriterji speċifiċi:

  • is-sostenn irid jingħata għal prodotti kulturali u ma jistax jiffoka fuq attivitajiet speċifiċi marbutin mal-ħdim ta' films (ngħidu aħna l-post-produzzjoni)

  • ċerti limiti rigward l-obbligi ta' nfiq fit-territorju u l-intensità tal-għajnuna jridu jiġu rrispettati.

Għalfejn qed tikkonsultaw issa dwar dawn il-kriterji?

Minn meta l-Kummissjoni adottat dawn il-kriterji għaddew għaxar snin. Kemm it-teknoloġija kif ukoll l-imġiba tal-konsumaturi evolvew b'mod konsiderevoli f'dan il-perjodu. Għaldaqstant id-dokument tematiku li qed jiġi ppubblikat illum jeżmina mhux biss jekk dawn humiex l-iktar kriterji xierqa iżda jekk is-sostenn lill-films għandux ikopri attivitajiet oħra apparti dik li hija purament produzzjoni.

Il-Kummissjoni qed tixħet dubju fuq il-ħtieġa ta' għajuna mill-Istat għall-films u għal xogħlijiet awdjo-viżivi?

Le. Mill-pjan ta' azzjoni dwar l-għajnuna mill-Istat tal-2005 'l hawn, il-leġiżlazzjoni ġdida dwar l-għajnuna mill-istat hija strutturata b'tali mod li tistipula l-objettiv ta' tali għajnuna u wara tispjega r-rekwiżiti biex l-għajnuna tkun meħtieġa, proporzjonata u mfassla tajjeb. Għahekk waħda mill-ewwel mistoqsijiet li tqajmet fid-dokument hija 'Għalfejn jingħataw fondi lill-films?' Din il-mistoqsija ma tqajjimx dubju dwar il-prinċipju tal-finanzjament pubbliku lill-fims, iżda hija maħsuba biex tiġbor flimkien l-opinjonijiet dwar x'għandu jkun l-objettiv komuni Ewropew ta' tali sostenn, qabel ma wieħed jipprova jiddefinixxi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal dan is-settur hekk importanti.

Fl-2009 il-Kummissjoni identifikat tendenza għal tellieqa ta' sussidji bejn ċerti Stati Membri biex jiġbdu lejhom produzzjonijiet kbar tal-films, tendenza li minn dakinhar kompliet. Madanakollu, il-prevenzjoni ta' tlielaq ta' sussidji hija preċiżament wieħed mill-għanijiet tad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat fit-Trattat.

L-uniċi rebbieħa ta' tali tellieqa huma l-kumpaniji kbar tal-Istati Uniti, u l-akbar telliefa huma l-industriji tal-films nazzjonali madwar l-Ewropa. Madanakollu, il-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema kienet imfassla favur skemi ta' sostenn għal films Ewropej b'lenti primarja fuq appoġġ għall-kulturi nazzjonali u dik Ewropea. Il-Kummissjoni għaldaqstant qed tesplora din il-kontradizzjoni evidenti.

L-idea li l-iskemi ta' sostenn għall-films għandhom ikunu bbażati fuq kriterji komuni tal-UE mihjiex inkonsostenti mal-idea ta' diversità kulturali li tippromwovi l-UE?

Id-dokument tematiku ma jissuġġerix li l-iskemi kollha ta' sostenn għall-films għandhom ikunu bbażati fuq kriteji komuni tal-UE. Fil-fatt, id-dokument jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rrispettat il-prinċipju tas-'sussidjarjetà' li skontu kull deċiżjoni għandha tittieħed fl-iktar livell xieraq.

Madanakollu, skont it-Trattat, l-iskemi kollha bħal dawn huma suġġetti għall-istess regoli ta' għajnuna mill-istat. Huwa bilanċ diffiċli biex jintlaħaq iżda l-Kummissjoni tittama li t-tweġibiet għal din il-konsultazzjoni se jgħinu biex tidentifika l-kriterji l-iktar xierqa, wiesgħa u komuni.

L-iffinanzjar tal-films għalfejn għandu jikkwalifika bħala għajnuna mill-istat, jekk il-maġġoranza tal-films Ewropej li huma ffinanzjati minn fondi pubbliċi ma jintwerewx barra mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, għandhom sehem baxx mis-suq u għalhekk għandhom ftit jekk mhux ebda effett fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri?

Kif huwa evidenti mill-ferneżija ta' attività promozzjonali matul is-swieq internazzjonali tal-films bħas-Suq tal-Films ta' Cannes, il-films Ewropej huma kkummerċjati internazzjonalment u jikkompetu għall-attenzjoni. Għalhekk huma ssodisfati l-kundizzjonijiet biex il-finanzjament pubbliku jkun ikkunsidrat għajnuna mill-istat minħabba li tali films spiss jirċievu iktar minn €200,000 f'sostenn u għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt fuq il-kummerċ u joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni. Dan huwa partikolarment minnu rigward il-finanzjament pubbliku ta' produzzjonijiet internazzjonali ta' films ewlenin.

Ta' min jinnota wkoll li d-dejta disponibbli dwar l-udjenzi lil hinn mill-fruntiera u s-sehem tas-suq jikkunsidraw biss l-attendenzi taċ-ċinema. Kif josserva dan id-dokument, in-nies m'għadhomx jaraw il-films fiċ-ċinema biss. Il-vidjos domestiċi, it-TV bil-ħlas, it-TV mingħajr ħlas, l-Internet u pjattaformi oħra, flimkien mas-Suq Intern, issa jippermettu aċċess iktar faċli għal films li jkunu nħadmu fi Stati Membri oħra tal-UE.

Id-dokument tematiku ma joħloqx konfużjoni bejn żewġ kwistjonijiet differenti ħafna li jsejħu għal approċċi u soluzzjonijiet differenti: films b'kontenut verament Ewropew (anke nazzjonali) "kulturalment intensiv" u l-attrazzjoni/direzzjoni mill-ġdid ta' produzzjonijiet ewlenin tal-films?

Id-dokument tematiku sempliċement jiġbed l-attenzjoni għal kontradizzjoni potenzjali bejn dawn iż-żewġ approċċi distinti li jieħdu l-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tanalizza r-rispons għall-konsultazzjoni qabel ma tipproponi triq xierqa biex jiġu evalwati ż-żewġ tipi ta' finanzjament, li kull wieħed minnhom għandu l-merti tiegħu.

L-estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar iċ-Ċinema se jagħmilha iktar diffiċli biex jingħata finanzjament pubbliku lill-films u lill-produzzjonijiet awdjo-viżivi?

Le. Il-Kummissjoni trid tevalwa l-kompatibbiltà tal-finanzjament pubbliku kollu li jikkostitwixxi għajnuna mill-istat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat. L-eżistenza ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni jew ta' Linji Gwida żżid iċ-ċertezza legali għas-settur u tiffaċilita t-tfassil ta' skemi ta' sostenn għall-films.

Minkejja li r-regoli attwali tal-Komunikazzjoni tal-2001 dwar iċ-Ċinema jkopru biss sostenn għall-produzzjoni, il-Kummissjoni tirċievi proporzjon dejjem jiżdied ta' notifiki minn Stati Membri li jipproponu sostenn għal attivitajiet oħra, bħad-distribuzzjoni tal-films.

Dan iwassal għal inċertezza legali għall-Istati Membri u jqiegħed piż amministrattiv addizzjonali kemm fuq l-Istati Membri kif ukoll fuq il-Kummissjoni. L-iżgurar li Komunikazzjoni futura dwar iċ-Ċinema tkopri l-maġġoranza tas-sostenn għall-films għandu għaldaqstant inaqqas kemm il-piż amministrattiv li jiġi nnotifikat tali sostenn kif ukoll iż-żmien li tieħu l-Kummissjoni biex tevalwah.

Għalfejn il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tirrevedi l-kriterju territorjali?

Prinċipju bażiku tas-suq intern tal-Ewropa huwa l-moviment ħieles tal-prodotti, il-kapital, in-nies u s-servizzi. Kundizzjoinjiet territorjali, li jeħtieġu mill-produtturi tal-films infiq ta' ċertu proporzjon tal-baġit totali tal-film (jew għajnuna mogħtija) fl-Istat Membru li jagħti l-għajnuna, jistgħu jikkostitwixxu restrizzjoni għal dan il-moviment ħieles. Tali restrizzjoni trid tkun ġustifikata u proporzjonata rigward iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-attivitajiet tal-produzzjoni tal-films Ewropej, skont il-prinċipji tal-liġi tal-UE. Bħala riżultat ta' dan, il-Kummissjoni bi ħsiebha tirrevedi l-kriterji li fuqhom hija bbażata l-analiżi tagħha, fid-dawl tal-evoluzzjoni reċenti tas-swieq u tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet rigward il-promozzjoni tal-kultura.

X'inhi l-iskeda għall-analiżi tal-Kummissjoni?

Skeda indikattiva hija disponibbli fuq il-paġna web għall-konsultazzjoni pubblika. Din se tinżamm aġġornata hekk kif l-analiżi timxi 'l quddiem:

  • Ottubru 2011: Pubblikazzjoni tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni

  • Diċembru 2011 - Frar 2012: Konsultazzjoni pubblika dwar l-abbozz tal-Komunikazzjoni

  • April 2012: Pubblikazzjoni tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni

  • It-tieni nofs tal-2012: Adozzjoni tal-Komunikazzjoni l-ġdida dwar iċ-Ċinema

(Ara wkoll IP/11/757)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website