Navigation path

Left navigation

Additional tools

Governanza ekonomika tal-UE: pass kbir 'il quddiem

European Commission - MEMO/11/364   31/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/364

Brussell, il-31 ta’ Mejju 2011

Governanza ekonomika tal-UE: pass kbir 'il quddiem

L-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu sensiela ta' deċiżjonijiet importanti li jfissru koordinazzjoni ekonomika u baġitarja akbar għall-UE kollha u partikolarment għaż-żona tal-euro. B'dan il-mod, qed titranġa diskrepanza li kien hemm bejn iż-żewġ partijiet tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM) tal-Ewropa. Id-deċiżjonijiet ser jiżguraw li l-Istati Membri jikkoordinaw eqreb il-politiki ekonomiċi – xi ħaġa li l-kriżi wriet li hija essenzjali. Konsegwentement, l-ekonomiji interdipendenti tal-UE ser ikunu f'pożizzjoni aħjar biex jippjanaw perkors għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. Dan huwa pass kbir 'il quddiem.

Il-governanza ekonomika l-ġdida tissejjes fuq tliet risponsi ewlenin għall-kriżi:

1. It-tisħiħ tal-aġenda ekonomika komuni tagħna b'sorveljanza eqreb tal-UE

  • Qbilna dwar il-prijoritajiet ekonomiċi għall-UE: L-istrateġija Europa 2020 hija l-aġenda ekonomika komuni tal-UE. Hi tfassal il-prioritajiet u l-miri fil-livell tal-UE u nazzjonali biex tagħti spinta lit-tkabbir fl-Ewropa għall-għaxar snin li ġejjin. L-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir (SAT) jistipula l-azzjonijiet prijoritarji għat-18-il xahar li ġejjin, li jissarrfu f'miri u miżuri nazzjonali magħmula skont il-ħtiġijiet ta’ kull Stat Membru. Il-Patt Euro+ jistipula impenji addizzjonali għall-pajjiżi parteċipi.

  • Ser ikun hemm sorveljanza tal-UE aktar stretta tal-politiki ekonomiċi u fiskali:
    Il-Kummissjoni pproponiet li tagħti għodod ġodda tal-UE għall-prevenzjoni ta’ finanzi pubbliċi insostenibbli u żbilanċi kbar fil-kompetittività bejn l-Istati Membri. Is-sistema tinkludi sanzjonijiet: il-pajjiżi taż-żona tal-euro li ma jirrispettawx ir-regoli jistgħu jaffaċċaw multi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistennija jiffinalizzaw il-pakkett f'Ġunju 2011.

  • Ser niddiskutu il-prijoritajiet ekonomiċi tagħna u l-politiki baġitarji tagħna fl-istess waqt, kull sena: L-għodda ġdida ta’ koordinazzjoni tagħna għall-monitoraġġ tal-impenji fil-livell tal-UE jissejjaħ is-Semestru Ewropew. Matul l-ewwel nofs ta’ din is-sena, ser isiru diskussjonijiet kemm dwar l-aġenda ekonomika tal-UE, abbażi tal-SAT ippreżentat mill-Kummissjoni f'Jannar, kif ukoll dwar il-prijoritajiet tal-Istati Membri, ippreżentati fil-programmi nazzjonali tagħhom fir-rebbiegħa. Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ser jinħarġu f'Ġunju, li jippermettu biżżejjed żmien biex dawn jiġu inkorporati fil-prijoritajiet nazzjonali fiskali u ta’ politika għas-sena ta’ wara.

2. Ħarsien tal-istabilità taż-żona tal-euro

Fl-2010, l-UE wieġbet għall-kriżi fid-dejn sovran billi waqqfet mekkaniżmi temporanju ta’ sostenn, li ser jiġu sostitwiti mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES) fl-2013. Dawn il-miżuri ta’ sostenn qed jgħinu biex titħares l-istabilità finanzjarja taż-żona tal-euro. Huma bil-kundizzjoni ta’ konsolidazzjoni fiskali u programmi ta’ riforma rigorużi, u żviluppati b'koperazzjoni mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI).

3. Insewwu s-settur finanzjarju

L-UE stabilixxiet regoli u aġenziji ġodda biex jindirizzaw aktar kmieni kwalunkwe problemi u jiżguraw li l-parteċipanti finanzjarji kollha jkunu rregolati u supervizzati sew. Ser jsir aktar xogħol, inkluż it-testijiet tal-istress bankarju aktar sistematiċi u rigorużi li qed isiru bħalissa. Settur finanzjarju b'saħħtu huwa essenzjali biex jippermetti n-negozji u l-unitajiet domestiċi jkollhom aċċess għall-kreditu.

1. It-tisħiħ tal-aġenda ekonomika komuni tagħna b'sorveljanza eqreb tal-UE

Qafas komuni huwa essenzjali għall-UE biex tindirizza l-isfidi ekonomiċi tagħha u tirritorna għal perkors ta’ tkabbir aqwa. Fl-imgħoddi, in-nuqqas ta’ sistema ċara ta’ governanza ekonomika bejn l-Istati Membri wassal għal żbilanċi u opportunitajiet mitlufa, u wassal lill-UE biex tkun aktar vulnerabbli meta faqqgħet il-kriżi. Biex jiġi żgurat li dak l-avveniment għadda, il-Kummissjoni pproponiet l-istrateġija Ewropa 2020, li ġiet endorsjata mill-Kunsill Ewropew f'Ġunji 2010. L-istrateġija ġġib flimkien (1) aġenda ekonomika komuni u (2) qafas aktar b'saħħtu ta' sorveljanza tal-UE, li għandu jiġi deċiż u mmonitorjat b'mod sinkronizzat (3).

1.1 Ewropa 2020, l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir u l-Patt Euro+

L-istrateġija Ewropa 2020 *1 hija l-aġenda ekonomika komuni tal-UE – pjan li jmur lil hinn mill-kriżi u jagħti spinta lit-tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv għall-10 snin li ġejjin. Din tittratta kemm l-isfidi ta’ terminu qasir marbuta mal-kriżi kif ukoll mal-ħtieġa ta’ riformi strutturali u miżuri li jtejbu t-tkabbir meħtieġa biex jgħinu l-Ewropa tirkupra mill-kriżi u l-ekonomija tal-Ewropa ssir aktar reżiljenti għax-xokkijiet fil-ġejjini.

Ewropa 2020 tissejjes fuq mekkaniżmu eżekuttiv sempliċi u effikaċi, magħmul b'miri, azzjonijiet prijoritarji konkreti u monitoraġġ. Tikkonsisti f'dan li ġej:

  • Ħames miri għall-2020. Ġew stipulati ħames miri għall-2020 biex jikkatalizzaw l-isforzi f'oqsma kruċjali għall-ġejjieni tal-UE: l-impjiegi, l-innovazzjoni, il-klima/l-enerġija, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali. Intlaħaq ftehim dwar dawn il-miri għall-UE kollha u llum ssarfu wkoll f'miri nazzjonali għal kull Stat Membru.

  • 75% tal-popolazzjoni ta' bejn l-20 u l-64 għandu jkollhom impjieg.

  • 3 % tal-PDG tal-UE għandu jiġi investit fir-Riċerka u Żvilupp.

  • L-UE għandha tnaqqas l-emissjonijiet CO2 tagħha b'20 %, iżżid l-effiċjenza enerġetika tagħha b'20 % u tgħolli s-sehem tal-enerġiji rinovabbli fil-konsum kumplessiv tal-enerġija b'20 %.

  • Is-sehem ta' dawk li jitilqu kmieni mill-iskola għandu jkun taħt l-10 % jew mill-inqas 40 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa għandu jkollha lawrja jew diploma.

  • Il-persuni fir-riskju tal-faqar għandhom jonqsu b'20 miljun.

  • Seba' "inizjattivi emblemiċi". Sabiex ikun hemm progress lejn il-miri tal-Ewropa 2020, il-Kummissjoni ressqet sett ta’ seba' "inizjattivi emblemiċi" li jkopru: "Aġenda Diġitali għall-Ewropa"2, "Unjoni għall-Innovazzjoni"3, "Żgħażagħ Attivi"4, "Riżorsi Effiċjenti għall-Ewropa"5, "Politika Industrijali għal era ta’ Globalizzazzjoni"6, "Aġenda għall-Ħiliet Ġodda u Impjiegi7" u "Il-Pjattaforma Ewropea Kontra l-Faqar"8. L-adozzjoni reċenti tal-Att dwar is-Suq Uniku9 huwa eżempju ieħor tal-azzjoni tal-Kummissjoni b'sostenn għall-Ewropa 2020.

  • Għaxar prijoritajiet konkreti għall-2011. F'Jannar 2011, il-Kummissjoni ħarġet aktar dettalji dwar il-perkors li għandu jittieħed fl-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir*10 billi stipulat aktar azzjonijiet immedjati għat-tmintax-il xahar li ġejjin.

  • Tliet prijoritajiet biex tiġi ggarantita l-istabilità makroekonomika: 1. il-finanzi pubbliċi tagħna jinġiebu f'posthom; 2. tittieħed azzjoni fejn ninnutaw defiċit jew surplus kbar fil-kont kurrenti, u 3. niżguraw l-istabilità tas-settur finanzjarju. Eżempju: fl-2011, l-Istati Membri kollha qed jimplimentaw pjanijiet ta’ konsolidazzjoni fiskali li jistipulaw miri stretti tad-defiċit biex jintlaħqu din is-sena u li jġibu d-defiċits baġitarji tagħhom taħt it-3 % tal-PDG skont skadenza miftiehma.

  • Erba' prijoritajiet biex jittejbu r-riformi strutturali: 1. in-nies jingħataw għajnuna biex jerġgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol jew li jsibu impjieg ġdid billi x-xogħol isir aktar finanzjarment interessanti, 2. urġentement issir r-riforma tas-sistemi tal-pensjonijiet, 3. jiġi żgurat li l-benefiċċji tal-qagħad jipprovdu inċentiv biex dak li jkun ifittex xogħol u 4. jinstab bilanċ aħjar bejn il-flessibilità u s-sigurtà fis-suq tax-xogħol. Dan ma jfissirx l-abbandun tal-mudel soċjali komuni Ewropew tagħna. Ifisser li niġbru lura dawk li bħalissa huma esklużi mis-suq tax-xogħol.

  • Tliet prijoritajiet għal miżuri proattivi li jagħtu spinta lit-tkabbir: 1. it-tneħħija tal-ostakli li għadhom ixekklu s-Suq Uniku, 2. iż-żieda fl-investiment fl-enerġija, it-trasport u l-infrastrutturi tal-IT, parzjalment permezz ta’ finanzjament innovattiv (inkluż bonds tal-UE għall-proġetti ), u 3. il-ħolqien ta’ aċċess kosteffiċjenti għall-enerġija. It-tħaffif tat-tkabbir ser jgħin ukoll li tiġi aċċellerata l-konsolidazzjoni fiskali u sostnuti r-riformi strutturali.

  • Aġenda komplementari b'riformi addizzjonali – msejħa l-Patt Euro+ ‑ ġiet miftiehma bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, bħala riflessjoni tal-interdipendenza profonda tagħhom, kif ukoll ma’ xi pajjiżi mhux fiż-żona tal-euro: il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija. Il-Patt jiffoka fuq erba' oqsma: il-kompetittività, l-impjiegi, is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja.

  • Il-Patt ġie endorsjat fil-Kunsill Ewropew tar-rebbiegħha 2011 fl-24 u 25 ta' Marzu. It-23 firmatarji impenjaw ruħhom jimplimentaw ir-riformi li jistipula. L-erba' Stati Membri huma ħielsa jidħlu jekk ikunu jridu.

  • Il-Patt huwa totalment inkorporat fil-qafas ta’ governanza ekonomika ġdid u l-impenji magħmula fih huma inklużi fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma* tal-Istati Membri konċernati.

  • Mekkaniżmu eżekuttiv integrat wieħed biex jiżgura li l-impenji tal-UE jkunu implimentati effikaċement permezz ta’ riformi nazzjonali. L-Istati Membri huma impenjati li:

  • jistabilixxu miri nazzjonali biex jintlaħqu sal-2020, u jimpenjaw lilhom infushom biex jikkontribwixxu għall-isforz kumplessiv tal-UE. Dan sar fl-2010. Il-Kummissjoni qed timmonitorja l-progress.

  • konkretement jinkludu fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma* (PNR) u l-Programmi ta' Stabilità jew ta’ Konverġenza* (PSK) tagħhom, il-miżuri li jkollhom fi ħsiebhom li jieħdu internament, biex isarrfu dak li ġie deċiż fil-livell tal-UE. Dan għandu jkopri kemm is-SAT kif ukoll l-oqsma ewlenin inklużi fil-Patt Euro+. Dawn il-PNR u PSK għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni.

  • isarrfu dawn il-miżuri f'azzjonijiet nazzjonali ta’ politika permezz tal-baġits u liġijiet nazzjonali tagħhom li jiġu diskussi fil-parlamenti tagħhom.

1.2. Sorveljanza tal-UE aktar stretta tal-politiki ekonomiċi u fiskali

Tul l-aħħar ftit snin, l-UE ma kinitx f'pożizzjoni żżomm mal-miri li hi stess stipulat għall-politiki ekonomiċi u fiskali, parzjalment minħabba mekkaniżmu ta’ sorveljanza li ma kienx strett biżżejjed. Biex tindirizza dan, fid-29 ta’ Settembru 2010 il-Kummissjoni ppreżentat sitt proposti leġiżlattivi (l-hekk imsejħa Six-Pack11). Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistennija jagħtu l-kunsens finali tagħhom għall-pakkett f'Ġunju 2011. Il-pakkett għandu tliet objettivi ewlenin:

- Objettiv 1: Azzjoni preventiva aqwa permess ta’ Patt ta’ Stabitià u Tkabbir imsaħħaħ

L-Istati Membri jridu jevitaw id-defiċits pubbliċi eċċessivi (aktar minn 3 % tal-PDG) u d-dejn eċċessiv (ogħla minn 60 % tal-PDG), sabiex is-sostenibilità fiskali ma titpoġġiex fis-sogru. Dawn ir-regoli huma stabiliti fit-Trattati u speċifikati fil-Patt ta Stabilità u Tkabbir* (PST).

Dan jintlaħaq permezz ta’ sorveljanza tal-baġits nazzjonali u sorveljanza u koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi (ibbażati fuq l-Artikolu 121 tat-Trattat). Għal dan il-għan, kull sena l-Istati Membri jistabilixxu r-riformi strutturali u sforzi meħtieġa biex tintlaħaq is-sostenibilità fiskali fil-Programmi ta Stabilità jew ta Konverġenza* (PSK) tagħhom.

Is-sistema ġdida ta’ governanza tintroduċu tliet bidliet ewlenin:

  • Aktar trasparenza: L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-oqfsa fiskali tagħhom, fil-livelli amministrattivi kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali) jirriflettu l-qafas baġitarju tal-UE. Dan ifisser li l-elementi kollha ‑ bħas-sistemi kontabilistiċi pubbliċi, l-istatistika u l-prattiki ta’ previżjonijiet nazzjonali ‑ jiġu allinjati mal-istandards tal-UE, u b'hekk ikun hemm aktar ċarezza u tkun possibbli pressjoni mill-pari.

  • Regoli iktar stretti: L-Istati Membri b'finanzi pubbliċi insostenibbli ser jeħtieġu jagħmlu progress sinifikanti lejn l-objettivi baġitarji ta terminu medju (OTM) fir-rigward tal-kriterju tat-3 % defiċit. It-tkabbir tan-nefqa għandu jkun marbut mar-rata ta’ tkabbir tal-PDG għat-terminu medju, sabiex kwalunkwe dħul estra jwassal għal żieda fit-tfaddil aktar milli nefqa ogħla. Perkors aktar mgħaġġel ta’ aġġustament lejn l-OTM ser ikun mistenni mill-pajjiżi li għandhom proporzjoni tad-dejn ogħla minn 60 %, mill-pajjiżi b'livell ta' dejn li qed jiżdied ġmielu jew mill-pajjiżi li qed jiffaċċaw riskji fuq is-sostenibilità fit-tul.

  • Infurżar aħjar: In-nuqqas ta’ osservanza tal-prinċipji miftiehma jista' jwasslu lill-Istat Membru konċernat biex jaqla' twissija mill-Kummissjoni, anki fil-fażi preventiva Fil-każ ta’ nuqqas persistenti u/jew partikolarment gravi fl-osservanza tar-regoli, il-Kummissjoni tabbozza rakkomandazzjoni indirizzata lill-Istat Membru biex jieħu azzjoni korrettiva. Ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata mill-Kunsiil sakemm maġġoranza kwalifikata tal-Istati Membri ma jivvutawx kontriha (l-hekk imsejħa proċedura ta’ votazzjoni b'maġġoranza invertita). Għall-Istati Membri taż-żona tal-euro, ir-rakkomandazzjoni ser tkun ikkumplimentata b'mekkaniżmu ta’ infurzar (ibbażat fuq l-Artikolu 136 tat-Trattat) fil-forma ta’ depożitu b'imgħax li jammonta għal 0.2 % tal-PDG. Dan il-mekkaniżmu preventiv tal-PSK ġie msaħħaħ aktar permezz tal-Patt Euro+, bl-Istati Membri taż-żona tal-euro (u bosta oħrajn) impenjati li jsarrfu r-regoli fiskali tal-UE kif stipulat fil-PSK f'leġiżlazzjoni nazzjonali permezz ta veikolu legali nazzjonali speċifiku tal-għażla tagħhom. Dan għandu jkollu karattru vinkolanti u durabbli b'saħħtu biżżejjed (eż. liġi konstituzzjonali jew ta’ qafas).

- Objettiv 2: Azzjoni korrettiva aqwa permess ta’ Patt ta’ Stabilità u Tkabbir imsaħħaħ

Meta l-Istati Membri ma jirrispettawx il-limiti stabiliti fit-Trattati, tiġi attivata l-Proċedura ta Defiċit Eċċessiv* (PDE) (fit-Trattat imsejħa Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv – Excessive Deficit Procedure). Madankollu, is-sitwazzjonijiet fiskali kurrenti fi kważi l-Istati Membri kollha u l-problemi tad-dejn sovran f’uħud mill-Istati Membri juru li l-PDE eżistenti ma kinitx effikaċi biżżejjed. Il-Kummissjoni pproponiet li l-PST jingħata iżjed saħħa permezz ta’ infurzar aħjar u l-possibilità li l-Istati Membri jiġu mmultati (kif spjegat hawn fuq). Żewġ bidliet ewlenin huma:

  • Regoli iktar stretti: it-tnaqqis tad-dejn issa ser isir kriterju fil-valutazzjoni tal-finanzi pubbliċi. L-Istati Membri b’dejn li jaqbeż is-60% tal-PDG għandhom inaqqsu l-ammont li bih id-dejn tagħhom jaqbeż il-livell limitu b’mill-inqas 1/20 kull sena fuq tliet snin. Jekk ma jagħmlux hekk, jitpoġġew taħt il-PDE. Għandhom jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, kif deskritt fil-proposta tal-Kummissjoni, meta tiġi vvalutata r-rata ta’ progress sodisfaċenti tat-tnaqqis ta’ dejn.

  • Infurżar aħjar: depożitu bla mgħax ta’ 0.2 % tal-PDG ser jintalab minn pajjiż taż-żona tal-euro li jitqiegħed fil-PDE. Il-Kummissjoni tabbozza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru biex jieħu azzjoni korrettiva. Ir-rakkomandazzjoni tiġi adottata mill-Kunsill sakemm ma jkunx hemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri li jivvotaw kontriha (l-hekk imsejħa proċedura ta’ votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata inversa). Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni inizjali għall-azzjoni ta’ korrezzjoni, dan id-depożitu bla mgħax (ara iktar ’l isfel) jiġi kkonvertit fmulta. Din il-multa tiżdied fil-każ tan-nuqqas ta’ osservanza ripetut tar-rakkomandazzjonijiet.

- Objettiv 3: tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi u tal-kompetittività.

Matul l-aħħar għaxar snin, l-Istati Membri għamlu għażliet ekonomiċi diverġenti li wasslu għal diskrepanzi fil-kompetittività u żbilanċi makroekonomiċi kbar fl-UE. Ser jiġi stabilit mekkaniżmu ta’ sorveljanza ġdid biex jiġu identifikati u korretti minn qabel dawn il-kwistjonijiet. Dan ser jibni fuq l-elementi ewlenin li ġejjin:

  • Sistema ta’ allarm ċara: tabella ta valutazzjoni ta’ indikaturi esterni u interni (madwar 10) biex jinqabdu żbilanċi li joħorġu f’partijiet differenti tal-ekonomija. Il-kompożizzjoni ta’ indikaturi tista’ tevolvi maż-żmien. Il-livelli limitu ser jiġu identifikati u mħabbrin. Il-valutazzjoni ta’ dawn l-indikaturi mhux ser tkun mekkanika imma ser issir mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ stħarriġ fil-fond, il-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

  • Regoli iktar stretti: ser tinħoloq Proċedura ta Żbilanċ Eċċessiv* (PŻE) (Excessive Imbalance Procedure - EIP), ibbażata fuq l-Artikolu 121 tat-Trattat. Din tirrifletti l-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv għall-finanzi pubbliċi. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li żbilanċi makroekonomiċi (jew ir-riskju tagħhom) jeżistu, tipproponi li l-Kunsill jiftaħ Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv u tirrakkomanda li l-Istat(i) Membru(i) konċernat(i) jadotta(w) pjan ta’ azzjoni korrettiva bi pjan ċar tal-miżuri ta’ implimentazzjoni u skadenza. Fuq bażi regolari jiġi mistħarreġ il-progress li jkun sar.

  • Infurżar aħjar: Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-mekkaniżmi ta’ infurzar ser jinkludu kemm multi (0.1 % tal-PDG) u miżuri mhux finanzjarji fil-każ li l-iżbilanċji ma jiġux korretti.

1.3. Is-Semestru Ewropew

Fl-imgħoddi, l-istituzzjonijiet tal-UE ħarsu lejn il-politika ekonomika fir-rebbiegħa u lejn l-oqfsa fiskali fil-ħarifa, bl-implimentazzjoni mill-Istati Membri ta’ impenji magħmulin fil-livell tal-UE mistħarrġa retrospettivament biss. Bażikament, iddeċidejna fuq objettivi ekonomiċi mingħajr ma konna nafu neċessarjament kemm flus stajna nimmobbilizzaw.

Minn issa ’il quddiem, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser jiddiskutu fl-istess waqt ir-riformi strutturali, il-miżuri li jtejbu t-tkabbir u s-sorveljanza fiskali. Dawn id-diskuzzjonijiet ser isiru fil-livell tal-UE kull sena minn Jannar sa Ġunju (is-Semestru Ewropew*12 realment jirriferi għall-ewwel semestru ta’ kull sena). B’dan il-mod, l-Ewropa ser tiżgura konsistenza bejn deċiżjonijiet ekonomiċi u restrizzjonijiet baġitarji, sabiex tissaħħaħ l-effikaċa tagħhom u tittejjeb l-eżekuzzjoni fil-livell nazzjonali. L-impenji addizzjonali meħudin taħt il-Patt Euro+ ser ikunu integrati għal kollox f’dan il-proċess ġdid.

Kif ser jaħdem?

  • Jannar: treġija mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ser tiftaħ kull ċiklu billi tippreżenta l-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir*13 f’Jannar, b’valutazzjoni ċara tas-sitwazzjoni ekonomika tal-UE u gwida għal iktar azzjonijiet prijoritarji li għandhom jitwettqu fil-livelli kemm tal-UE kif ukoll nazzjonali. L-Istħarriġ ser ikopri tliet elementi ta’ politika ekonomika: il-politika makroekonomika u fiskali, ir-riformi strutturali u l-miżuri tat-titjib tat-tkabbir.

  • Marzu: endorsjar politiku mill-Kunsill Ewropew. Il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa ser jiddiskuti u jendorsja dan il-menù għal riforma ekonomika u ta’ politika fiskali f’sett wieħed ta’ konklużjonijiet. Il-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern b’hekk jadottaw din l-aġenda ekonomika komuni u l-qafas tas-sorveljanza baġitarja, u ser ikunu impenjati li jkun hemm implimentazzjoni kif jixraq fil-pajjiżi rispettivi tagħhom.

  • April/Mejju: il-preżentazzjoni tal-programmi nazzjonali. L-Istati Membri mbagħad jissottomettu lill-Kummissjoni u l-pari tagħhom il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali* (PRN) tagħhom u l-Programmi ta’ Stabilità (għall-pajjiżi taż-żona tal-euro) jew ta’ Konverġenza* (għal pajjiżi li mhumiex fiż-żona tal-euro) (PSK). Il-PNR jispjegaw l-aġendi tal-Istati Membri għar-riforma strutturali u l-miżuri biex jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi u biex joqorbu lejn l-ilħiq tal-miri tal-Ewropa 2020. Dawn jinkludu wkoll l-impenji fit-terminu qasir meħuda skont il-Patt Euro+ mill-pajjiżi li daħlu fih. Il-PSK mill-banda l-oħra jippreżentaw il-pjanijiet nazzjonali għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli. Is-sinkronizzazzjoni tat-tħejjija ta' dawn iż-żewġ programmi ser tiżgura r-razzjonalizzazzjoni tal-proċessi u tirrifletti ċ-ċirku virtuż ta' finanzi pubbliċi sodi u r-riforma strutturali.

  • Ġunju: rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni. Wara l-valutazzjoni dovuta ta’ dawn ir-rapporti nazzjonali, il-Kummissjoni tippreżenta f’Ġunju abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Kunsill fejn jiġi indikat l-progress u n-nuqqasijiet ta’ kull Stat Membru fit-twettiq tal-azzjonijiet miftiehma. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju jiddiskuti dawn ir-rakkomandazzjonijiet, u l-Kunsill sussegwentement jadottahom. L-Istati Membri ser jikkunsidraw il-gwida li jirċievu mill-Kunsill meta jkunu qed iħejju l-baġits tagħhom għas-sena ta’ wara. Ser ikomplu jintbagħtu abbozzi ta’ baġits minn gvernijiet lill-parlamenti nazzjonali għal dibattitu fit-tieni nofs tas-sena, billi huma jkomplu jeżerċitaw bi sħiħ id-dritt tagħhom li jiddeċiedu fuq il-baġit. Fi kliem ieħor, il-qafas il-ġdid bl-ebda mod ma jirrappreżenta limitu fuq is-sovranità tal-parlamenti nazzjonali.

2. Ħarsien tal-istabilità taż-żona tal-euro

Il-kriżi ekonomika għamlet pressjoni kbira fuq il-finanzi pubbliċi, billi żiedet livelli ta’ defiċits u d-dejn pubbliku fl-Istati Membri kollha. Tlieta mill-Istati Membri mhux taż-żona tal-euro ngħataw assistenza finanzjarja mill-UE (permezz tal-mekkaniżmu tal-bilanċ tal-pagamenti), il-FMI u l-Bank Dinji, li bi skambju qablu li jimplimentaw programmi ta’ konsolidazzjoni fiskali u riformi strutturali. L-ewwel ma qablet kienet l-Ungerija, li rċeviet żborżi ta’ EUR 5.5 biljuni bejn Ottubru 2008 u Novembru 2010. It-tieni programm ġie approvat mil-Latvja f'Jannar 2009, bi skambju għall-assitenza ta’ EUR 7.5 biljuni. U t-tielet programm inqabel mar-Rumanija għal EUR 5 biljuni f'Mejju 2009. Il-programm tar-Rumanija u dak tal-Latvja għaddejin bħalissa.

L-evoluzzjoni tad-dejn sovran saret kwistjoni ta’ tħassib serju mill-2010 u għalqet l-aċċess lil ċerti Stati Membri taż-żona tal-euro għar-rifinanzjament sostenibbli tad-dejn sovran mis-suq.

Biex tiġi ggarantita l-istabilità taż-żona tal-euro inġenerali u jiġu assistiti l-Istati Membri individwali li jkunu f’diffikultà finanzjarja u/jew taħt pressjoni serja tas-suq, twaqqfu mekkaniżmi temporanji bħala miżuri ta’ appoġġ aħħarin. Intlaħaq ftehim ukoll fuq mekkaniżmu permanenti li għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2013.

Tista’ tiġi pprovduta assistenza finanzjarja lil Stat Membru taż-żona tal-euro li jitlobha, li tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stretti riflessi f’programm ta’ aġġustament ekonomiku li għandu jiġi nnegozjat mill-Kummissjoni u l-FMI, flimkien mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE). B’dawn il-mekkaniżmi, l-UE għandha l-kapaċità li taġixxi biex tiddefendi l-euro, anki fix-xenarji tal-ikbar pressjoni. Dawn huma rifless ċar tal-interess komuni u s-solidarjetà ġewwa ż-żona tal-euro, kif ukoll ir-responsabilità individwali ta’ kull Stat Membru quddiem il-pari tiegħu.

- Mekkaniżmu ta’ selfiet bilaterali (għall-Greċja). Fit-2 ta’ Mejju 2010 twaqqaf mekkaniżmu ad hoc biex tiġi ffaċċata t-theddida imminenti tal-insolvenza Griega. L-Istati Membri taż-żona tal-euro qablu li jipprovdu, flimkien mal-FMI, €110 biljun f’assistenza finanzjarja lill-Greċja fil-forma ta’ selfiet bilaterali, b’rati ta’ imgħax speċifiċi, għal perjodu ta’ tliet snin. Dawn is-selfiet saru bil-kundizzjoni ta’ programm ta’ konsolidazzjoni fiskali strett, u ġie diskuss mal-Kummissjoni, il-BĊE u l-FMI. Il-Kummissjoni timmonitorja l-progress permezz ta’ missjonijiet trimestrali u rapporti lill-Ministri tal-Finanzi.

Il-ftehim tal-11 ta’ Marzu 2011 allinja l-maturitajiet kemm tas-segmenti tal-futur kif ukoll dawk diġà żburżati tas-selfiet lill-Greċja ma’ dawk tas-self lill-Irlanda (medja ta’ seba’ snin u nofs). Barra minn hekk, ġie deċiż li jitnaqqas il-prezz tas-segmenti kemm tal-futur kif ukoll dawk diġà żburżati tas-selfiet tal-faċilità Griega b’skala ta' 100 punt bażi.

- Mekkaniżmi temporanji li jiswew sa €500 biljun (2010–2013). Quddiem pressjoni persistenti fis-swieq tad-dejn sovran, l-Istati Membri taż-żona tal-euro u l-Kummissjoni ddeċidew fl-10 ta’ Mejju 2010 li jwaqqfu żewġ mekkaniżmi ta’ appoġġ finanzjarju temporanji li jiswew sa €500 biljun biex isostnu kull pajjiż ieħor taż-żona tal-euro li jkollu bżonn ta’ appoġġ finanzjarju. Dawn huma l-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilizzazzjoni Finanzjarja* (MESF), ibbażat fuq garanziji mill-baġit tal-Komunità sa €60 biljun; u l-Faċilità Ewropea ta' Stabilità Finanzjarja* (FESF), korp intergovernattiv li jipprovdi sa €440 biljun f’garanziji mill-Istati Membri taż-żona tal-euro. Il-FMI ddeċieda li jżid ma’ dawn il-mekkaniżmi appoġġ finanzjarju potenzjali lill-pajjiżi taż-żona tal-euro sa €250 biljun.

F’Novembru 2010, l-Irlanda talbet €85 biljun f’assistenza minn dawn il-mekkaniżmi mwaqqfin ġodda, wara deterjorazzjoni kbira fil-pożizzjoni fiskali tagħha minħabba problemi bankarji straordinarji li ġew flimkien mal-impatt tar-riċessjoni. Ġie nnegozjat programm mill-Kummissjoni, il-FMI u l-BĊE. Ir-Renju Unit, id-Danimarka u l-Isvezja ddeċidew li jikkumplementaw dan il-mekkaniżmu ta’ assistenza b’selfiet bilaterali14.

Fid-dawl tal-esperjenza Irlandiża u sabiex tiġi ffaċċjata kull talba oħra qabel l-2013, il-Kunsill Ewropew tal-24-25 ta’ Marzu ttejjeb iktar l-elementi ewlenin ta’ dawn il-mekkaniżmi temporanji. L-ipprezzar tas-selfiet tal-FESF (u sussegwentement dawk tal-MESF) traħħas biex tiġi kkunsidrata aħjar is-sostenibilità tad-dejn tal-pajjiżi assistiti, filwaqt li jibqgħu ’l fuq mill-kostijiet tal-finanzjament tal-faċilità, skont il-prinċipji tal-ipprezzar tal-FMI. L-ambitu tal-attivitajiet tal-FESF sar ukoll iktar flessibbli: tista’ tintervjeni, bħala eċċezzjoni, fis-suq primarju tad-dejn (jiġifieri bix-xiri ta’ bonds sovrani maħruġin ġodda) fil-kuntest ta’ programm b’kundizzjonalità stretta. Fl-aħħar nett, il-kapaċità ta’ għoti ta’ self miftiehma tal-FESF ta’ €440 biljun ser issir effettiva għal kollox, kif irrakkomandat il-Kummissjoni. L-emendi għall-ftehim legali tal-FESF ser jiġu ppreparati biex il-proċeduri parlamentari nazzjonali jkunu jistgħu jitlestew sal-aħħar ta’ Ġunju 2011, b’rispett sħiħ għar-rekwiżiti kostituzzjonali nazzjonali.

F'Mejju 2011, assistenza finanzjarja ta’ EUR 78 biljun ingħatat ukoll lill-Portugal biex tippermettilu jindirizza d-diffikultajiet finanzjarji tiegħu. Żewġ terzi tal-assitenza tiġi minn sorsi tal-UE: EUR 26 biljun mill-FESF u EUR 26 biljun mill-MESF, bil-bqija tal-EUR 26 biljun ipprovduti mill-FMI. L-assistenza ser tiġi żburżata fuq tliet snin, soġġett għall-eżitu tal-valutazzjonijiet trimestrali tal-implimentazzjoni mill-Portugal tal-programm miftiehem, li jinkludi aġġustament fiskali ambizzjuż, firxa wiesgħa ta’ riformi biex itejbu t-tkabbir u l-kompetittività u miżuri biex isaħħu l-istabilità tas-settur finanzjarju.

- Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità* (mill-1 ta’ Lulju, 2013). Il-ħarifa li għaddiet, l-Istati Membri taż-żona tal-euro ddeċidew li jwaqqfu mekkaniżmu permanenti, stabilit fit-Trattat, bħala risposta strutturali għal kull talba oħra fil-futur għall-assistenza finanzjarja wara l-2013.

Il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilità (MES)15 ser jipprovdi qafas permanenti għas-soluzzjoni ta’ kriżi u ser jassumi r-rwol kemm tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (FESF) kif ukoll tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabilizzazzjoni Finanzjarja  (MESF) fl-għoti ta’ assistenza finanzjarja esterna lill-Istati Membri taż-żona tal-euro mill-1 ta’ Lulju 2013. L-aċċess għall-assistenza finanzjarja tal-MES ser tiġi pprovduta fuq il-bażi ta’ politika ta’ kundizzjonalità stretta skont programm ta’ aġġustament makroekonomiku u analiżi rigoruża ta’ sostenibilità ta’ dejn pubbliku, li ser issir mill-Kummissjoni flimkien mal-FMI u f’kooperazzjoni mal-BĊE. L-Istat Membru benefiċjarju ser ikun meħtieġ li jistabilixxi l-involviment tas-settur privat f’forma xierqa, skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi u b’mod konsistenti għal kollox mal-prattiki tal-FMI. Stati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro jistgħu jiddeċiedu li jipparteċipaw f’operazzjonijiet imwettqin mill-MES fuq bażi ad hoc (kif inhu issa l-każ mal-Irlanda).

It-termini tal-MES, inklużi l-governanza, l-istruttura kapitali u r-ripartizzjoni, il-post, l-istrumenti tiegħu u l-involviment tal-FMI, ġew miftiehma fis-samit taż-żona tal-euro tal-11 ta’ Marzu u kkonfermati mill-Kunsill Ewropew fl-24-25 ta’ Marzu. Il-MES ser ikollu kapaċità ta għoti ta self effettiva ta EUR 500 biljun (kapital sottoskritt totali ta’ EUR 700 biljun, li minnhom €80 biljun ser ikun fil-forma ta’ kapital żburżat u EUR 620 biljun f’taħlita ta’ kapital eżerċitabbli impenjat u ta’ garanziji mill-Istati Membri taż-żona tal-euro).

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (l-Artikolu 136) ser jiġi emendat biex jitwaqqaf il-MES. Wara li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew taw l-opinjonijiet pożittivi tagħhom, il-Kunsill Ewropew ftiehem fuq din il-bidla fi Frar u Marzu 2011, u twittiet it-triq għar-ratifikazzjonijiet nazzjonali.

3. Tiswija tas-settur finanzjarju

Minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja fl-2008, l-azzjoni tal-UE ffukat fuq il-mili ta’ lakuni fir-regolamentazzjoni tas-settur finanzjarju u t-tisħiħ tas-superviżjoni ta’ dan is-settur, sabiex tittejjeb l-istabilità, it-trasparenza u l-kunfidenza.

  • Twaqqfet arkitettura ta superviżjoni finanzjarja ġdida verament inċiżiva f’Jannar 2011 b’Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) biex jiġi żgurat li r-riskji makroekonomiċi jinqabdu kmieni biżżejjed. Dan huwa kkontemplat minn tliet awtoritajiet Ewropej superviżorji settorjali: l-Awtorità Bankarja Ewropea (ABE – Londra), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (AEAPX – Frankfurt), u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS - Pariġi)16.

  • It-tisħiħ tar-regoli ġodda fuq rekwiżiti kapitali għal banek, ditti ta’ investiment u kumpaniji tal-assigurazzjoni qed jiġu ddefiniti: ir-raba' reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (DRK) għal banek u ditti ta’ investiment, u Direttiva “Solvenza II” għal kumpaniji tal-assigurazzjoni (din tidħol fis-seħħ fl-2013). Immaniġjar tar-riskju aħjar fl-istituzzjonijiet finanzjarji ser jiġi ffaċilitat b’regoli eżistenti u ġodda fuq ir-regolamentazzjoni tar-remunerazzjoni u l-bonusis fl-istituzzjonijiet finanzjarji u t-tnaqqis ta’ inċentivi għat-teħid tar-riskju fuq żmien qasir. Qed jiġi implimentat approċċ globali biex jiġi żgurat li l-ebda attur finanzjarju, suq jew prodott ma jaħrab minn regolamentazzjoni xierqa u superviżjoni effikaċi17. Diġà ttieħdet azzjoni biex jinħoloq qafas għall-fondi ħeġġ u ekwità privata u ċerti regoli fuq l-aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kreditu, għalkemm għad fadal iktar xogħol xi jsir. Qed jiġu nnegozjati iktar inizjattivi jew ser ikun hemm iktar minnhom fil-futur qrib18, inkluż fuq derivati, bejgħ bin-nieqes, swieq finanzjarji u abbuż tas-suq. Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħmel il-proposti leġiżlattivi kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-G20 magħmulin f’Londra, f’Pittsburgh u f’Washington qabel tmiem is-sajf tal-2011.

  • Huwa essenzjali wkoll li wieħed imur lil hinn mill-istat preżenti ta perikolu morali fejn banek jistrieħu de facto fuq il-gvernijiet biex jgħinuhom jekk jiltaqgħu ma’ diffikultajiet serji. Għalhekk il-Kummissjoni ser tipproponi fil-ftit xhur li ġejjin qafas komprensiv għar-riżoluzzjoni ta’ banek inadempjenti – biex jiġi żgurat li banek jistgħu jfallu, b’mod ordnat, u l-kontribwenti tat-taxxa ma jkollhomx għalfejn iħallsu meta jkun hemm diffikultajiet.

B’mod parallel, qed isir xogħol biex tiġi żgurata l-vijabilità tas-settur bankarju u tingħeleb il-kriżi.

  • Testijiet tal-istress bankarju huma waħda mill-għodod ta’ superviżjoni użati fil-livell tal-UE biex jinqabdu dgħufiji potenzjali u jiġi pprevenut il-falliment jew il-falliment tas-sistema. F’termini konkreti, it-testijiet jivvalutaw is-saħħa u l-flessibilità kumplessiva tas-settur bankarju tal-UE u s-solvenza tal-banek individwali fil-konfront ta’ avvenimenti ipotetiċi avversi. Dan ix-xogħol tmexxih l-ABE. Il-parteċipanti l-oħrajn huma il-BĊE, il-Kummissjoni u s-superviżuri nazzjonali, li huma responsabbli biex jagħmlu t-testijiet fil-livelli nazzjonali.

  • Saru żewġ sensiliet ta’ testijiet tal-istress mill-2008. L-ABE bdiet sensiela ġdida ta’ testijiet tal-istress fuq kampjun wiesa’ ta’ banek tal-UE f’Marzu. Ser isir stħarriġ ta’ pari u kontroll ta’ kwalità rigoruż u r-riżultati ser jiġu ppubblikati f’nofs Ġunju 2011. Għandha tiġi żgurata trasparenza sħiħa fir-rigward tal-iskoperturi tal-banek. Kwalunkwe bank li jiġi identifikat bħala vulnerabbli u possibilment sottokapitalizzat taħt it-test tal-istress ser ikun mistenni li jieħu l-azzjoni neċessarja. L-Istati Membri ser joħorġu, qabel il-pubblikazzjoni tar-riżultati tat-testijiet tal-istress ġodda, pjanijiet ta’ rimedju speċifiċi għar-ristrutturar ta’ istituzzjonijiet vulnerabbli, inklużi soluzzjonijiet potenzjali ibbażati fuq is-suq bħall-finanzjament dirett mis-swieq jew bejgħ ta’ assi, imma wkoll oqfsa solidi għar-rikapitalizzazzjoni ta’ istituzzjonijiet individwali u l-aċċelerazzjoni tar-ristrutturar tal-banek meta jkun meħtieġ, fil-qafas tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Ix-xenarji tal-istress, żviluppati mill-ABE f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-BĊE, il-BERS u l-Kummissjoni, huma rigorużi u jindirizzaw il-preokkupazzjonijiet tas-suq fir-rigward tal-grad ta’ severità u l-ambitu tat-test. Fir-rigward tar-riskju sovran, ser jiġu applikati xokkijiet lill-iskoperturi fil-kotba tal-kummerċ tal-banek.

  • B’mod separat, l-ABE qiegħda tagħmel stħarriġ tal-istrutturi tal-finanzjament tal-banek u l-likwidità tal-portafolli tal-assi tagħhom.

GLOSSARY: Gwida għal termini ewlenin ta' governanza ekonomika

Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir (SAT) ‑ Ippreżentat mill-Kummissjoni fil-bidu ta' kull sena, is-SAT jippreżenta l-prijoritajiet ekonomiċi għall-UE biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi għat-tnax-il xahar sussegwenti. Is-SAT iservi ta' bażi għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa biex joħroġ il-gwida tiegħu, li mbagħad tissarraf fi pjanijiet nazzjonali sa April/Mejju. Il-preżentazzjoni tas-SAT hija l-bidu tas-Semestru Ewropew.

Patt Euro+ - Il-Patt Euro+ huwa aġenda kumplimentari għas-SAT, li jippreżenta riformi addizzjonali li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jkunu impenjaw ruħhom li jwettqu, u li l-Istati Membri l-oħra jistgħu jidħlu fih jekk ikunu jridu (il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija daħlu fih). Il-Patt miftiehem f'Marzu 2011 jiffoka fuq il-kompetittività, l-impjiegi, is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u t-tisħiħ tal-istabilità finanzjarja.

Ewropa 2020 ‑ Din hija l-aġenda ekonomika komuni tal-UE: strateġija ta’ għaxar snin riforma biex tagħti spinta lit-tkabbir u lill-ħolqien tal-impjiegi filwaqt li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u jiġi miġġieled t-tibdil klimatiku. Approvata f'Marzu 2010, din l-istrateġija tistipula ħames xpruni għat-tkabbir u ħames miri biex jinkisbu sal-2020 b'rabta mal-impjiegi, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-enerġija, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar.

Faċilità Ewropea ta’ Stabilità Finanzjarja (FESF) ‑ Stabilita f'Mejju 2010, il-FESF hija korp intergovernattiv kapaċi jsellef sa EUR 440 biljun lill-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-bżonn ta’ sostenn finanzjarju. L-Istati Membri taż-żona tal-euro nfushom jipprovdu l-garanziji fuq is-self. Il-FESF ser tiġi sostitwita fl-1 ta' Lulju 2013 mill-MES.

Mekkaniżmu Ewropew ta Stabilizzazzjoni Finanzjarja (MESF) ‑ Imwaqqaf ukoll f'Mejju 2010, il-MEFS huwa disponibbli biex jipprovdi selfiet sa EUR 60 biljun lill-Istati Membri taż-żona tal-euro fil-bżonn ta’ sostenn finanzjarju. Il-MESF huwa ggarantit mill-baġit tal-Unjoni, mingħajr ma jitħallas effettivament mill-baġit innifsu. Il-MESF ser jiġi sostitwit ukoll fl-1 ta' Lulju 2013 mill-MES.

Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabilità (MES) Il-mekkaniżmu permanenti tal-UE għar-riżoluzzjoni tal-kriżijiet ser ikun operattiv mill-1 ta' Lulju 2013. Ser jissostitwixxi il-MEFS u l-FESF bħala l-veikolu li permess tiegħu tingħata assistenza finanzarja lill-Istati Membri taż-żona tal-euro fil-bżonn. L-assistenza ser tingħata abbażi ta’ kundizzjonalità stretta ta’ politika u marbuta ma programm ta’ aġġustament makroekonomiku. It-termini tal-MES ġew miftiehma fil-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011. Ser ikollu kapaċità effettiva ta’ għoti ta’ self ta’ EUR 500 biljun. Biex l-istabiliment tal-MES ikun possibbli, intlaħaq qbil dwar bidla fl-Artikolu 136 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Semestru Ewropew ‑ B'bidu fl-2011, fl-ewwel nofs ta’ kull sena ser ikun għaddej ċiklu ta’ koordinazzjoni intensiva ta’ politika bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u s-27 Stat Membru kemm dwar l-aġenda ekonomika kif ukoll dwar is-sorveljanza baġitarja. Dan huwa element ewlieni tal-governanza ekonomika msaħħa. Is-Semestru jibda f'Jannar bil-preżentazzjoni mill-Kummissjoni tal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li jippreżenta l-prijoritajiet tal-UE f'termini ta’ riforma ekonomika u konsolidazzjoni fiskali. Dawn il-prijoritajiet jiġu mbagħad diskussi u endorsjati mill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu. F'April, l-Istati Membri jissottomettu l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom u l-Programm ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom lill-Kummissjoni u lill-pari tagħhom. Il-Kummissjoni mbagħad toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar dawn il-programmi, li jiġu endorsjati mill-Kunsill

Ewropew ta’ Ġunju u formalment adottati mill-Kunsill f'Lulju. L-Istati Membri jikkunsidraw din il-gwida meta jfasslu l-baġits tagħhom, li jkunu diskussi fil-parlamenti nazzjonali fil-perkors normali fit-tieni nofs tas-sena ‑ li jiżgura li għall-ewwel darba assoluta dan il-proċess jinkludi d-dimensjoni Ewropea.

Proċedura ta Defiċit Eċċessiv (PDE) (fit-Trattat imsejħa Proċedura ta' Żbilanċ Eċċessiv - Excessive Deficit Procedure) ‑ L-Istati Membri jridu jevitaw defiċits pubbliċi eċċessivi (ogħla minn 3 % tal-PDG) u dejn eċċessiv (ogħla minn 60 % tal-PDG). Il-Kummissjoni pproponiet li ssaħħaħ il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv eżistenti, li hija mmirata biex tipprevjenti lill-gvernijiet milli jiksru l-livelli limitu. Meta Stat Membru ma josservax il-livelli limitu, il-Kunsill jiddeċiedi abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni biex titvara Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv. Il-pajjiżi taż-żona tal-euro li jidħlu taħt PDE ser jintalbu jagħmlu depożiti bla mgħax ta’ valur ta’ 0.2 % tal-PDG tagħhom u jieħdu perkors ta’ azzjoni korrettiva kif rakkomandat mill-Kunsill. Jekk pajjiż jonqos milli jikkonforma mar-rakkomandazzjoni, id-depożiti jista' jiġi kkonvertit f'multa.

Proċedura ta Żbilanċ Eċċessiv (PŻE) (differenti minn dik stabilita fit-Trattat bħala Excessive Deficit Procedure) ‑ Element ewlieni fil-governanza ekonomika ġdida tal-UE huwa l-enfasi fuq l-individwazzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u ta’ kompetittività, partikolarment fiż-żona tal-euro. Bl-użu ta’ tabella ta’ valutazzjoni ta’ madwar għaxar indikaturi, il-Kummissjoni tindividwa żbilanċi li joħorġu f’partijiet differenti tal-ekonomija. Fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, il-Kunsill jista' jiftaħ Proċedura ta’ Żbilanċ Eċċessiv kontra Stat Membru li jkollu żbilanċi jew ikun hemm ir-riskji li jkollu. Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, nuqqas li jiġu korretti l-iżbilanċi skont pjar direzzjonali maqbul u skont skadenza speċifikata jista' jwassal għall-impożizzjoni ta' multi ta' 0.1 % tal-PDG.

Programm Nazzjonali ta’ Riforma (PNR) ‑ L-Istati Membri kollha jissottomettu f'April/Mejju PNR lill-Kummissjoni b'segwitu għall-Kunsill Ewropew ta’ Marzu. Dan jippreżenta r-riformi ekonomiċi u l-miżuri li jtejbu t-tkabbir li għandhom jiddaħħlu fis-seħħ fis-sena kurrenti u wara biex l-Istat Membru inkwistjoni joqrob lejn il-miri li qabel magħhom fil-kuntest tal-Europa 2020. L-Istati Membri jippreżentaw il-PNR tagħhom flimkien mal-Programm ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza (li jiffoka fuq il-konsolidazzjoni fiskali). Il-Kummissjoni tibbaża r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar il-pajjiż rilevanti fuq iż-żewġ programmi.

Programmi ta Stabilità jew ta Konverġenza (PSK) ‑ Fil-ġimgħat ta’ wara l-Kunsill Ewropew ta’ Marzu, l-Istati Membri jissottomettu lill-Kummissjoni il-pjanijiet tagħhom għal finanzi pubbliċi sodi u sostenibilità fiskali. Għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, dawn jissejħu l-Programmi ta’ Stabilità; għall-Istati Membri l-oħra, il-Programmi ta’ Konverġenza. Il-Kummissjoni tivvaluta dawn il-programmi flimkien mal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma tal-Istati Membri tul il-perkors ta' April/Mejju. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha jiġu endorsjati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju u formalment approvati mill-Kunsill ftit wara.

Patt ta Stabilità u Tkabbir (PST) ‑ Il-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir huwa l-qafas li permezz tiegħu l-UE tiżgura s-sostenibilità fiskali tas-27 Stat Membru u partikolarment taż-żona tal-euro. Ir-riformi għall-governanza ekonomika tal-UE li jitlaħaq qbil dwarhom formalment f'Ġunju 2011 ser jagħmlu l-PST aktar ċar, b'saħħtu u aktar effikaċi, kemm fil-fażijiet tal-prevenzjoni kif ukoll tal-infurzar. Il-kriterji tad-dejn pubbliku u d-defiċit pubbliku għall-ewwel darba ser jingħataw l-istess importanza. L-Istati Membri ser jeħtieġu jagħmlu progress sinifikanti lejn objettivi baġitarji għat-terminu medju u t-tkabbir tan-nefqa ser jinżamm marbut mat-tkabbir fil-PDG. Il-Kummissjoni ser tirrakkomanda multi ta’ 0.2 % tal-PDG għall-pajjiżi taż-żona tal-euro li jonqsu milli jieħdu azzjoni korrettiva biex jilħqu dawn l-objettivi skont l-iskadenza miftiehma. Dawn il-multi japplikaw sakemm maġġoranza kwalifikata ta’ Stati Membri ma tivvutax kontrihom.

1 :

* il-punit kollha nnotati b' * huma spjegati fil-glossarju mehmuż ma' dan il-MEMO.

Ara IP/10/225

2 :

Ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200

3 :

Ara IP/10/1288 u MEMO/10/473

4 :

Ara IP/10/1124 u MEMO/10/408

5 :

Ara IP/11/63 u MEMO/11/43

6 :

Ara IP/10/1434, MEMO/10/532 u MEMO/10/533

7 :

Ara IP/10/1541 u MEMO/10/602

8 :

Ara IP/10/1729 u MEMO/10/687

9 :

Ara IP/10/1390, IP/11/469 u MEMO/11/239

10 :

Ara IP/11/22 u MEMO/11/11

11 :

Ara IP/10/1199, MEMO/10/455, MEMO/10/454 u MEMO/10/456

12 :

Ara IP/11/22 u MEMO/11/14

13 :

Ara MEMO/11/11

14 :

Ara IP/10/1768

15 :

Ara MEMO/10/636

16 :

Ara MEMO/10/434

17 :

Ara IP/10/1353, MEMO/10/506 u MEMO/10/660

18 :

Ara MEMO/11/6


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website