Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/349

Brussell, is-27 ta’ Mejju 2011

Mistoqsija&Tweġiba: Il-Ġlieda kontra t-tabakk fl-UE

X'inhu l-impatt tat-tabakk fuq is-saħħa taċ-ċittadini tal-UE?

Huwa stimat li kull sena madwar 650 000 ċittadin tal-UE, imutu qabel iż-żmien minħabba l-konsum tat-tabakk.

Din il-figura tinkludi wkoll nies li ma jpejpux. Skont stimi konservattivi, fl-2002 fl-EU-15 mietu madwar 80 000 adult, inklużi kważi 20 000 persuna li ma jpejpux, minħabba mard ikkawżat bl-espożizzjoni għad-dħaħen mit-tipjip tat-tabakk fuq il-post tax-xogħol jew id-dar.

Kważi 13-il miljun persuna fis-27 pajjiż tal-UE ibagħtu minn tal-anqas marda waħda mis-sitt kategoriji prinċipali ta' mard marbut mat-tipjip1. Dawn huma:

1. Il-bronkite u infezzjonijiet respiratorji t'isfel

2. Mard kroniku ta' ostruzzjoni tal-pulmun

3. Puplesiji, attakki tal-qalb, ibblukkar tal-arterji (speċjalment fis-saqajn) u mard kardjovaskulari ieħor

4. Ażma

5. Kanċers tal-pulmun

6. Kanċers oħra, bħal dawk tal-frixa, l-esofagu, u l-istonku

Min jagħmel xiex fil-kontroll tat-tabakk fl-UE?

L-UE u l-awtoritajiet tal-Istati Membri jaħdmu flimkien fil-kontroll tat-tabakk.

Fil-qalba tal-kontroll tat-tabakk insibu l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-prodotti tat-tabakk u r-reklamar tat-tabakk. Dawn il-liġijiet għandhom l-għan li jgħaqqdu l-għanijiet interni tas-suq mal-ħtieġa li jiġi żgurat livell għoli tal-ħarsien tas-saħħa pubblika fl-UE kollha. Il-Kummissjoni Ewropea hija inkarigata biex tmexxi l-implimentazzjoni ta' dawn il-liġijiet u biex tipproponi r-reviżjonijiet meħtieġa.

Id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk (2001) tirrikjedi li l-prodotti kollha tat-tabakk mibjugħa fl-UE, juru żewġ twissijiet bil-miktub. l-ewwel twissija obbligatorja hija jew "it-tipjip joqtol" jew "it-tabakk jagħmel ħsara serja lilek u lil ta' madwarek". it-tieni twissija, magħżula minn lista ta' 14, tinkludi "it-tipjip jikkawża kanċer fatali fil-pulmun". Id-Direttiva tipprojbixxi wkoll termini bħal "ħfief" "mhux qawwija" jew "qatran baxx" u tobbliga lill-manifatturi jirrappurtaw lill-Istati Membri rigward l-ingredjenti li jużaw. Barra minn hekk, tipprojbixxi wkoll it-tabakk orali u tistabbilixxi limiti massimi għall-qatran, in-nikotina u l-monossidu tal-karbonju fis-sigaretti.

Id-Direttiva dwar ir-Reklamar tat-Tabakk (2003) tipprojbixxi r-reklamar li jaqsam l-fruntieri, ta' prodotti tat-tabakk fil-medja stampata, ir-radju u s-servizzi onlajn. Tipprojbixxi wkoll l-isponsorizzazzjoni ta' ġrajjiet li jaqsmu l-fruntieri. Barra minn hekk, ir-reklamar u l-isponsorizzazzjoni tat-tabakk fuq it-televiżjoni ilu li ġie pprojbit mill-1989.

Fir-rigward ta' oqsma oħra tal-kontroll tat-tabakk bħall-prevenzjoni, il-waqfien mit-tipjip u l-ambjenti ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip, huma l-Istati Membri individwali li għandhom jerfgħu r-responsabbiltà biex jipprovdu regoli u strutturi xierqa. L-irwol tal-UE f'dawn l-oqsma hu li tagħti appoġġ, tikkumplimenta u tikkordina sforzi nazzjonali. L-UE għamlet ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Istati Membri:

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Prevenzjoni tat-Tipjip (2003), li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jikkontrollaw kwalunkwe forma ta' promozzjoni tat-tabakk u bejgħ lil dawk taħt l-età, kif ukoll biex tinforma aħjar u ttejjeb l-edukazzjoni dwar is-saħħa.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Ambjenti Bla Tipjip (2009) li titlob lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw liġijiet għall-protezzjoni taċ-ċittadini mill-espożizzjoni għat-tipjip tat-tabakk f'postijiet pubbliċi magħluqa, il-post tax-xogħol u t-trasport pubbliku. Din ir-rakkomandazzjoni titlob ukoll li jissaħħu l-liġijiet favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tipjip b'miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu protetti t-tfal, jitħeġġu l-isforzi biex in-nies jieqfu jpejpu u jintwerew stampi ta' twissija fuq il-pakketti tas-sigaretti.

Liema liġijiet nazzjonali favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tipjip huma diġà fis-seħħ?

Sa issa, 15-il Stat Membru għandhom liġijiet li jħarsu b'mod komprensiv liċ-ċittadini mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tipjip tas-sigaretti.

Projbizzjonijiet totali kontra t-tipjip fil-postijiet pubbliċi magħluqa kollha u l-postijiet kollha tax-xogħol, inklużi l-bars u r-restoranti, huma fis-seħħ fl-Irlanda, ir-Renju Unit, il-Greċja, Spanja u l-Ungerija. L-Italja, l-Isvezja, Malta, il-Latvja, il-Finlandja, is-Slovenja, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi introduċew leġiżlazzjoni kontra t-tipjip għalkemm jippermettu kmamar magħluqa, apposta għal min ipejjep.

Fil-bqija tal-Istati Membri, il-liġijiet favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tipjip jeżentaw ċerti postijiet pubbliċi bħall-bars u r-restoranti.

Il-leġiżlazzjoni attwali ta' kull Stat Membru li tħares liċ-ċittadini mid-dħaħen tat-tabakk, tidher hawnhekk:

http://ec.europa.eu/health/tobacco/law/free_environments/index_en.htm

Sabiex tiġi mħarsa s-saħħa taċ-ċittadini, dawn il-liġijiet iridu jiġu infurzati b'mod effettiv. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali ma jinfurzawhomx kif xieraq, lanqas l-iktar dispożizzjonijiet stretti favur l-ambjenti bla tipjip, ma jipprovdu protezzjoni mill-espożizzjoni għad-dħaħen tat-tipjip f'postijiet tax-xogħol fuq ġewwa u postijiet pubbliċi.

Mill-Jum Dinji Bla Tabakk tas-sena l-oħra, bosta pajjiżi kattru l-isforzi tagħhom sabiex jipprovdu liċ-ċittadini tagħhom ambjenti ħielsa mid-dħaħen tat-tipjip. Pereżempju f'April tal-2011, l-Ungerija adottat leġiżlazzjoni komprensiva għal ambjenti bla tipjip. Minn Jannar tal-2012, it-tipjip se jiġi pprojbit fil-postijiet pubbliċi u l-postijiet tax-xogħol magħluqa kollha, inklużi l-postijiet ta' ospitalità u t-trasport pubbliku. Ċerti postijiet fuq barra bħal waqfiet tax-xarabank u l-bandli se jkunu koperti wkoll b'raġġ ta' ħames metri. Eżempju ieħor huwa Spanja, fejn f'Jannar tal-2011, daħlet fis-seħħ liġi ġdida li testendi l-projbizzjoni tat-tipjip għall-postijiet pubbliċi kollha, inklużi l-bars, ir-restoranti, id-diskoteki, il-postijiet tad-divertiment u l-vendi tat-trasport pubbliku. It-tipjip huwa pprojbit ukoll fil-bandli u ż-żoni fuq barra ta' stabbilimenti edukattivi jew tal-kura tas-saħħa, ħlief dawk maħsuba biss għall-edukazzjoni tal-adulti. Fil-Bavarja, wara referendum pożittiv f'Lulju tal-2010, daħlet fis-seħħ projbizzjoni sħiħa għat-tipjip fil-bars u r-restoranti kollha.

Barra minn hekk, f'Settembru tal-2010, fil-Finlandja, daħlet fis-seħħ l-ewwel liġi nazzjonali maħsuba biex twaqqaf għal kollox l-użu ta' prodotti tat-tabakk; b'dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-wirja ta' prodotti tat-tabakk u l-magni tal-bejgħ kollha u li testendi l-projbizzjoni tat-tipjip għall-faċilitajiet fuq barra u l-kmamar tal-lukandi.

Hemm evidenza li turi li l-politiki favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tabakk jirnexxu?

Hemm prova li l-projbizzjonijiet tat-tipjip għandhom impatt pożittiv fuq is-saħħa permezz tat-tnaqqis tal-konsum u l-espożizzjoni. Filwaqt li aktarx ikun hemm bżonn ta' 20-30 sena sabiex ikollna stampa ċara, l-evidenza mill-pajjiżi ħielsa mid-dħaħen tat-tabakk hija waħda inkoraġġanti: il-kwalità tal-arja fuq ġewwa tjiebet b'mod drammatiku wara d-dħul fis-seħħ tal-projbizzjonijiet tat-tipjip, bi tnaqqis ta' 83 % u 86 % ta' materja ta' partikulu fil-bars fl-Irlandai u l-Iskozjaii, rispettivament. Il-kwalità aħjar tal-arja wasslet għal tnaqqis sinifikanti fl-attakki tal-qalb: tnaqqis ta' 11 % fl-Irlandaiii u l-Italjaiv, 17 % fl-Iskozjav u saħanistra tnaqqis akbar f'ċerti ġuriżdizzjonijiet fl-Istati Uniti.

Bosta studji urew ukoll titjib sinifikanti fis-saħħa respiratorja tal-ħaddiema fil-qasam tal-ospitalità bħala riżultat tal-liġijiet favur il-ħelsien mid-dħaħen tat-tipjipvi. Hemm ukoll rapporti li l-politiki għall-ħelsien mid-dħaħen tat-tabakk wasslu għal nuqqas fil-konsum tat-tabakk u inkoraġġew lil dawk li jpejpu biex jieqfu.

X'inhuma l-passi li jmiss fil-kontroll tat-tabakk fl-UE?

Bħalissa l-Kummissjoni qiegħda tikkunsidra l-preżentazzjoni ta' proposta biex fl-2012 issir reviżjoni tad-Direttiva tal-2001 dwar Prodotti tat-Tabakk. Wara tnedija ta' konsultazzjoni pubblika s-sena l-oħra u l-analiżi ta' għażliet possibbli għal reviżjoni fi ħdan stima tal-impatt, id-Direttiva tista' tissaħħaħ, tiġi adattata għal impenni internazzjonali fil-kontroll tat-tabakk, għal żviluppi ġodda fil-prodotti tat-tabakk u għal progressi fix-xjenza. Miżuri possibbli li qegħdin jiġu studjati bħalissa huma:

  • Soluzzjonijiet regolatorji li jindirizzaw prodotti ġodda tat-tabakk u n-nikotina li ma jagħmlux duħħan.

  • Tagħrif aħjar għall-konsumatur.Pereżempju, stampi ta' twissija akbar jew b'naħat doppji, ippakkettjar standardizzat, tagħrif dwar sustanzi ta' ħsara.

  • Ir-regolamentazzjoni tal-ingredjenti fil-prodotti tat-tabakk, b'mod partikolari dawk li jagħmlu l-prodotti tat-tabakk aktar attraenti u jżidu l-vizzju u jiġbdu b'mod speċjali liż-żgħażagħ bħat-togħmiet tal-vanilla u tal-frott.

  • Ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-bejgħ tal-prodotti tat-tabakk.

Il-Kummissjoni tappoġġjaha s-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tat-tabakk?

Iva, l-approċċ tal-Kummissjoni Ewropea jinkludi għajnuna liċ-ċittadini Ewropej biex jifhmu l-effetti tat-tabakk fuq is-saħħa tagħhom. Għalhekk, sa mill-2005, il-Kummissjoni qiegħda tiffinanzja kampanji ta' sensibilizzazzjoni fl-UE kollha.

Il-kampanja "HELP" li kienet fis-seħħ bejn l-2005 u l-2010 iffukat fuq il-prevenzjoni tat-tipjip fost iż-żgħażagħ.

Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tniedi kampanja ġdida: "Dawk li qatgħu t-tipjip ma jżommom xejn". L-għan ta' din il-kampanja hu li tinkoraġġixxi l-adulti żgħar fil-grupp ta' età ta' bejn il-25 u l-34 sena sabiex jaqtgħu s-sigaretti. Dan jirrappreżenta madwar 145 miljun ċittadin tal-UE. Il-kampanja l-ġdida se ċċaqlaq l-fokus minn fuq il-perikli tat-tipjip għall-vantaġġi li wieħed jieqaf ipejjep, permezz ta' nies li qatgħu t-tipjip u l-kisbiet tagħhom, bħala l-mudelli li jispiraw.

X'inhu l-irwol tal-UE fil-kontroll tat-tabakk fuq livell internazzjonali?

L-UE għandha rwol attiv fil-kontroll tat-tabakk fuq livell globali. Hija kienet forza prinċipali għall-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk, li daħlet fis-seħħ fis-27 ta' Frar tal-2005. Din il-Konvenzjoni hija l-ewwel trattat dinji tas-saħħa tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li jorbot. S'issa din tinkludi 172 Parti, inklużi l-Unjoni Ewropea u 26 Stat Membru tal-UE tagħhavii.

Il-Konvenzjoni Qafas tipprovdi qafas regolatorju internazzjonali għall-kontroll tat-tabakk. Hija tinkludi dispożizzjonijiet dwar l-ippakkettjar u l-ittikkettjar, ir-reklamar, il-promozzjoni u l-isponsorizzazzjoni, il-protezzjoni mill-espożizzjoni għad-duħħan tat-tabakk, ir-regolamentazzjoni tal-kontenut tat-tabakk, il-kummerċ illeċitu, il-prezzijiet u l-miżuri tat-taxxi u l-appoġġ għal alternattivi ekonomikament vijabbli għal dawk li jkabbru t-tabakk.

1 :

Sors: l-istudju tal-'ASPETT' (the 'ASPECT' study): http://ec.europa.eu/health/ph_determinants/life_style/Tobacco/Documents/tobacco_fr_en.pdf

i :

Secondhand smoke exposure and risk following the Irish smoking ban: an assessment of salivary nicotine concentrations in hotel workers and air nicotine levels in bars, M Mulcahy et al. Tob Control 2005;14:384-388 doi:10.1136/tc.2005.011635

ii :

Secondhand smoke levels in Scottish pubs: the effect of smoke-free legislation, Semple et al. Tob Control 2007;16:127-132 doi:10.1136/tc.2006.018119

iii :

http://www.independent.ie/national-news/fall-in-heart-attacks-as-smoking-ban-takes-full-effect-1071344.html

iv :

Effect of the Italian Smoking Ban on Population Rates of Acute Coronary Events, G Cesaroni et al. Circulation published February 11, 2008, doi:10.1161/CIRCULATIONAHA.107.72988

v :

International review of the health and economic impact of the regulation of smoking in public places, A Ludbrook et al. (2005) Edinburgh. NHS Health Scotland

vi :

Għad-dettalji dwar l-istudju ara d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Dokument li jakkumpanja l-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar ambjenti bla tipjip L-ISTIMA TAL-IMPATT COM(2009) 328 finali} {SEC(2009) 894.

vii :

L-Istati Membri kollha ħlief ir-Repubblika Ċeka


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website