Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/32

Brussell, 19 ta’ Jannar 2011

D&R: id-Drittijiet tal-Pazjenti Fil-kura Tas-saħħa Transkonfinali

Raġel Ġermaniż avvanzat fiż-żmien li jbati bid-dijabete li jkun sejjer għal żjara fl-Italja jieħu miegħu ftit riċetti tat-tobba żejda, iżda l-ispiżjar jaċċettahomlu? Mara Pollakka tixtieq tagħmel operazzjoni kirurġika f'ġenbejha fil-pajjiż fejn jgħixu u jaħdmu n-neputijiet tagħha, iżda kif se taqbad tirranġa biex tagħmel hekk mill-Polonja? Raġel Portugiż jixtieq jagħmel operazzjoni tal-katerratti għand speċjalista Spanjol, imma wara jkun jista' jikklejmja l-flus li jkun ħallas? Dawn huma għadd żgħir ta' eżempji ta' każi fejn pazjent ikollu bżonn idea ċara tad-drittijiet u tar-regoli tal-kura tas-saħħa transkonfinali.

Liġi tal-UE li għadha kif ġiet adottata tikkjarifika d-drittijiet tal-pazjenti li jirċievu kura sikura u ta' kwalità madwar l-UE u jieħdu lura l-flus li jkunu nefqu għaliha. Il-pazjenti li jmorru f'pajjiż ieħor tal-UE għat-trattament mediku se jibbenefikaw minn trattament ugwali għal dak taċ-ċittadini tal-pajjiż fejn ikunu qed jieħdu l-kura. Din il-liġi l-ġdida se tibbenefika l-pazjenti tal-UE b'għadd ta' modi oħra. Se tagħmilha aktar faċli li l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa jaħdmu b'aktar kooperazzjoni bejniethom u biex ipartu l-informazzjoni dwar standards ta' kwalità u ta' sikurezza fil-kura tas-saħħa. Se tgħin lill-pazjenti li jkunu jeħtieġu kura speċjalizzata, pereżempju dawk li jkollhom bżonn dijanjożi jew kura għal xi marda rari. Tappoġġja l-iżvilupp ta' "Netwerks Ewropej ta' Referenza" li jiġbru flimkien, fuq bażi volontarja, iċ-ċentri ta' tagħrif espert speċjalizzat li huma rikonoxxuti fl-Ewropa. L-esperti dwar is-saħħa mill-Ewropa kollha se jkunu jistgħu jpartu l-aħjar prassi ta' kura u jipprovdu standards eċċellenti.

Fuq liema skala qed nitkellmu?

Il-pazjenti jippreferu li jieħdu l-kura f'pajjiżhom. Għalhekk id-domanda għall-kura transkonfinali tirrappreżenta biss mal-1% tan-nefqa pubblika fuq il-kura tas-saħħa li bħalissa hija ta’ madwar 10 biljun Euro. Din l-istima tinkludi l-kura tas-saħħa transkonfinali li ma tkunx ġiet ippjanata minn qabel mill-pazjenti (pereżempju l-kura f'każ ta' emerġenza). Dan ifisser inqas minn 1% tan-nefqa u tal-moviment tal-pazjenti jkunu għall-kura transkonfinali ppjanata, bħall-operazzjonijiet kiruġiċi fuq il-ġenbejn jew l-irkobbtejn jew tal-katarretti.

X'se jsir mil-leġiżlazzjoni li teżisti f'dan il-qasam (Ir-Regolamenti dwar is-sigurtà soċjali)?

Iċ-ċittadini li jeħtieġu l-kura (li tinkludi l-kura fil-każ ta' emerġenza) meta jkunu msiefrin għal żmien qasir, jibqgħu jibbenefikaw mill-iskema ta' Regolamenti li diġà teżisti.

Għall-kura ppjanata, pazjent diġà jista japplika għall-awtorizzazzjoni minn qabel. Din ma tistax tiċċaħħadlu jekk huwa ma jistax jiġi ttrattat f'limitu ta' żmien li jkun medikament ġustifikabbli.

Allura għalfejn għandna bżonnha din il-leġiżlazzjoni l-ġdida?

Din id-Direttiva mhijiex se taffettwa l-benefiċċji li diġà għandhom iċ-ċittadini permezz tar-Regolamenti dwar is-sigurtà soċjali li jeżistu. Minkejja li r-regoli li hemm fis-seħħ – li jiffokaw fuq il-ftehimiet dwar is-sigurtà soċjali, u mhux fuq id-drittijiet taċ-ċittadini – ilhom iseħħu mill-1971, kienet għadha meħtieġa l-kjarifikazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirċievu l-kura medika fi Stat Membru ieħor.

Fil-każ ta' kura fi sptar, waħda mill-aqwa kisbiet ta' din id-Direttiva l-ġdida hija li l-pazjenti jkunu jistgħu jagħżlu huma stess dak li se jipprovdilhom il-kura.

Għal kura li ma tinvolvix sptar, il-pazjenti se jkunu jistgħu jmorru għall-kura barra minn pajjiżhom mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel jew formalitajiet, u jkunu jistgħu jikklejmjaw lura l-flus li jkunu ħallsu għaliha meta jirritornaw f'pajjiżhom. Din id-Direttiva ma tkoprix biss dawk li jipprovdu s-servizzi mediċi pubbliċi, iżda wkoll dawk privati.

Kemm għall-kura fi sptar kif ukoll għall-kura li ma tinvolvix sptar, il-pazjenti se jkollhom aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwalità u s-sikurezza tal-kura li jkunu se jirċievu.

Din id-Direttiva tfittex ukoll li tindirizza kwistjonijiet prattiċi oħra: fejn nista' nsib tagħrif dwar l-istandards ta' kwalità tal-isptar? Kemm se jintradduli flus lura milli nkun infaqt? Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja diġà kkonfermat1 li d-dritt li wieħed ifittex il-kura medika transkonfinali diġà qiegħed fit-Trattat. Iżda din id-Direttiva li għadha kif ġiet adottata tistabbilixxieh b'mod ċar fil-liġi tal-UE u tipprovdi qafas uniformi u koerenti għaċ-ċittadini kollha tal-Ewropa.

Ikolli bżonn l-awtorizzazzjoni mill-awtorità nazzjonali tiegħi qabel ma nsiefer għall-kura?

L-awtoritajiet nazzjonali jistgħu jintroduċu sistema ta' "awtorizzazzjoni minn qabel" fi tliet każi:

1) Għall-kura medika li tinvolvi mill-inqas lejl wieħed fl-isptar;

2) għall-kura speċjalizzata ħafna u għalja;

3) f'każi serji speċifiċi marbutin mal-kwalità tal-kura barra mill-pajjiż, jew is-sikurezza tagħha. F'dawn it-tliet każi, il-pazjenti li jkunu inxurjati jista' jkun li jridu jitolbu l-permess minn qabel mill-awtorità nazzjonali tas-saħħa li tieħu ħsieb ir-rimborżament.

Din l-awtorizzazzjoni tista' tiġi miċħuda?

L-awtoritajiet tas-saħħa nazzjonali jistgħu jirrifjutaw li jagħtu l-awtorizzazzjoni jekk il-kura jew it-tabib inkwistjoni jistgħu jkunu ta' riskju għall-pazjent. Barra minn hekk, jekk ikun disponibbli t-trattament xieraq f'waqtu fil-pajjiż tal-pazjent, l-awtorizzazzjoni tista' tkun miċħuda, iżda l-Istat Membru jkollu jispjega għaliex ikun ħa din id-deċiżjoni.

X'nagħmel jekk l-awtorizzazzjoni tiġi miċħuda?

Il-pazjenti għandhom id-dritt li jitolbu reviżjoni ta' kull deċiżjoni amministrattiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali għall-każ individwali tagħhom .

Kemm minn dak li nfaqt se jintraddli lura wara li nirċievi t-trattament barra minn pajjiżi?

Il-pazjenti jiġu rimborżati għall-istess ammont ta' flus li kienu jirċievu f'pajjiżhom għall-istess tip ta' kura. L-Istati Membri li joffru s-servizzi tal-kura tas-saħħa b'xejn iridu jinfurmaw lill-pazjenti dwar it-tariffi ta' rimborż.

Nista' mmur infittex il-kura barra jekk din ma tkunx disponibbli f'pajjiżi?

Iva, jekk ċerta kura ma tkunx disponibbli f'xi Stat Membru, l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa ma jistgħux jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni għal pazjent li jkollu bżonn jeħodha f'pajjiż ieħor tal-UE. Iżda l-pazjent jiġi rimborżat għal dan it-trattament bil-kundizzjoni biss li dan ikun jikkorrispondi mal-"pakkett ta' benefiċċji nazzjonali tas-saħħa".

Issoltu, il-pakketti ta' benefiċċji pubbliċi jkunu ddefiniti b'mod pjuttost ġenerali, iżda jekk ikun hemm listi aktar preċiżi (bħal kodiċi dettaljati ta' kontijiet mediċi), dawn għandhom jintużaw għar-rimborż transkonfinali.

Irrid inħallas jien, meta nirċievi l-kura tas-saħħa transkonfinali?

Iva, ġeneralment il-pazjent irid iħallas dak il-ħin, imbagħad jiġi rrimborżat mill-awtorità nazzjonali kemm jista' jkun malajr. Il-liġi tipprevedi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jikkonfermaw bil-miktub minn qabel l-ammont li jkun se jiġi rrimborżat abbażi ta' stima tal-ispejjeż li jagħtihom il-pazjent.

Fejn inkun nista' nsib aktar tagħrif dwar id-drittijiet tiegħi għall-kura tas-saħħa barra minn pajjiżi?

Din il-liġi l-ġdida tipprevedi l-istabbiliment ta' punt ta' kuntatt f'kull Stat Membru li jipprovdi l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-pazjenti għall-kura tas-saħħa madwar l-Ewropa. Dawn iċ-ċentri se jiskambjaw l-informazzjoni bejniethom u jkunu jistgħu jagħtu tagħrif prattiku lill-pazjenti dwar il-kundizzjonijiet u l-gradi tar-rimborż, dwar it-trattamenti disponibbli u min jipprovdihom, dwar il-proċeduri tar-rimedji għall-ilmenti, eċċ. Għalhekk il-pazjenti jkollhom idea iżjed ċara tal-kwalità u tas-sikurezza tal-kura medika barra minn pajjiżhom u konsegwentement ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aktar informati fuq il-kura tas-saħħa transkonfinali.

Jien nista' nittrasferixxi d-dejta medika tiegħi fl-Istat Membru fejn se niġi kkurat?

Il-pajjiż ta' oriġini għandu jiżgura li min ikun se jipprovdi l-kura fil-pajjiż tat-trattament ikollu aċċess għar-rekords mediċi jew bil-miktub jew fuq mezz elettroniku, konformi mad-Direttivi dwar il-protezzjoni tad-dejta. Kooperazzjoni mtejba dwar is-servizzi elettroniċi tas-Saħħa (eHealth) bejn l-Istati Membri tkun tiżgura li din id-dejta tkun tista' tinqara u tinftiehem b'mod sħiħ. Fi kliem ieħor, is-sistemi elettroniċi tal-Informatika marbuta mas-Saħħa ikunu jistgħu "jitkellmu bejniethom". Dan jista' jkun ta' benefiċċju kbir mhux biss għas-sikurezza tal-pazjent iżda wkoll għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa.

X'għandi nagħmel jekk jinqalagħli xi ħaġa waqt li nkun barra qed nieħu l-kura?

Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi r-responsabbiltajiet kemm tal-pajjiż fejn tkun qed issir il-kura, kif ukoll tal-pajjiż li jrid jirrimborża lill-pazjent fir-rigward tal-ilmenti u tar-rimedji. Il-punti ta' kuntatt nazzjonali jipprovdu l-informazzjoni li jkollhom bżonn il-pazjenti f'dan ir-rigward.

Kif nista' nkun ċert li l-kura li nkun irċivejt barra se jkollu segwiment kif suppost meta niġi lura f'pajjiżi?

Hemm għadd ta' miżuri li huma previsti biex jiżguraw il-kontinwità tal-kura. Il-pajjiż fejn ikun sar it-trattament għandu jiżgura li l-pazjenti jkollhom aċċessibbli għalihom ir-rekords mediċi tagħhom marbutin mal-kura li jkunu ħadu, bil-miktub jew fuq mezzi elettroniċi. Pajjiżhom għandu jiżgura li s-segwiment mediku jkun tal-istess kwalità, saret fejn tkun saret il-kura fl-UE.

Ir-riċetta li jkolli tat-tabib tkun rikonoxxuta fi Stat Membru ieħor tal-UE?

Riċetta tat-tabib li tingħata f'pajjiż barrani tal-UE tkun rikonoxxuta f'pajjiż il-pazjent u viċiversa. Dan jiżgura li l-kura mogħtija f'pajjiż ieħor tal-UE tkun segwita kif suppost meta l-pazjent jirritorna f'pajjiżu. Il-pazjent huwa intitolat li jakkwista l-mediċina preskritta sakemm din tkun awtorizzata għall-bejgħ u disponibbli fil-pajjiż fejn jixtieq jixtriha.

Fil-prinċipju, ir-riċetti tat-tobba diġà għandhom ikunu rikonoxxuti jkun fejn ikun fl-UE. B'danakollu, dan mhux dejjem isir fil-prattika. Din id-Direttiva se tkun tipprovdi l-għodda meħtieġa lill-ispiżjara biex ikunu jistgħu jifhmu r-riċetti transkonfinali (pereżempju biex jidentifikaw aktar biċ-ċar il-mediċina li tkun ġiet preskritta u t-tobba u l-pazjenti inkwistjoni).

X'inhuma l-benefiċċji tan-netwerk tal-Valutazzjoni tat-Teknoloġija tas-Saħħa (HTA)?

In-netwerk tal-awtoritajiet nazzjonali jew il-korpi responsabbli għall-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa se jwasslu għal struttura tal-UE permanenti ta' kooperazzjoni f'dan il-qasam. Il-valur miżjud tal-HTA huwa li jgħin lil min jieħu d-deċiżjonijiet biex jagħmel għażliet tajba fl-investiment u l-infiq fil-qasam tas-saħħa. L-għan tal-kooperazzjoni dwar l-HTA huwa li jipprovdi tagħrif oġġettiv u affidabbli dwar l-effikaċja tat-teknoloġiji tas-saħħa. Dan jirrappreżenta azzjoni konkreta li ssaħħaħ iżjed it-teħid informat tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet tas-saħħa.

X’għad hemm bżonn li jsir?

F'livell nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mill-inqas punt ta' kuntatt nazzjonali wieħed li jipprovdi l-informazzjoni relevanti kollha lill-pazjenti. Dawn għandhom jiżguraw li ċ-ċentri ta' referenza jipparteċipaw fin-netwerk ta' referenza Ewropew.

Jeħtieġ li jiżguraw li jkunu fis-seħħ il-proċeduri amministrattivi dwar l-użu tal-kura tas-saħħa transkonfinali u dwar ir-rimborż tal-ispejjeż, u dawn jinkludu l-proċeduri biex isiru l-ilmenti kif ukoll il-makkaniżmi biex jiġu kkalkulati l-ispejjeż.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi n-netwerks li jħeġġu l-kooperazzjoni fl-UE dwar il-valutazzjoni tat-teknoloġija tas-saħħa u dwar is-servizzi tas-saħħa elettroniċi (eHealth). Hi se tgħin ukoll biex tiffaċilita r-rikonoxximent ta' riċetti tat-tobba transkonfinali.

Meta se tidħol fis-seħħ din il-liġi?

Il-gvernijiet nazzjonali għandhom 30 xahar biex idaħħlu dawn il-miżuri fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Għal aktar tagħrif:

http://ec.europa.eu/health/cross_border_care/policy/index_mt.htm

1 :

Kohll u Decker (1998); Ferlini (2000); Geraets-Smits u Peerbooms (2001); Vanbraekel (2001); Inizan (2003); Müller Fauré u Van Riet (2003); Leichtle (2004); Watts (2006); Stamatelaki (2007); Elchinov (2010).


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website