Navigation path

Left navigation

Additional tools

Brussell, it-13 ta' Mejju 2011 – Flash Eurobarometer dwar iż-Żgħażagħ Attivi

European Commission - MEMO/11/292   13/05/2011

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/292

Brussell,it-13 ta’ Mejju 2011

Brussell, it-13 ta' Mejju 2011 – Flash Eurobarometer dwar iż-Żgħażagħ Attivi

53 % taż-żgħażagħ Ewropej lesti jiċċaqalqu għax-xogħol

Iktar minn nofs iż-żgħażagħ Ewropej (53 %) qalu li huma lesti – jew jixtiequ – jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-Ewropa. Ftit iktar stqarrew b'mod ċar li jippreferu jaħdmu barra mill-pajjiż għal żmien limitat (28 %) milli għal żmien twil (25 %). Iż-żgħażagħ irġiel (56 %) kienu lesti li jmorru jaħdmu barra iktar miż-żghażagħ nisa (49 %) u l-persuni tal-età minn 15 sa 19-il sena kienu lesti iktar li jmorru jaħdmu barra minn dawk minn 30 sa 35 sena (63 % vs 42 %). Kien ukoll iktar probabbli li dawk li għandhom kwalifiki ogħla jridu jgħixu barra minn pajjiżhom iktar minn dawk bi kwalifiki ta' livell sekondarju bikri (55 % vs 33 %). Il-fatt li iktar minn nofs iż-żgħażagħ huma lesti li jiċċaqalqu għax-xogħol huwa aħbar pożittiva għas-suq tax-xogħol Ewropew minħabba li l-mobilità fix-xogħol tal-UE attwali hija biss ta' 3 %.

Ir-rieda taż-żgħażagħ li jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-Ewropa

14 % taż-żgħażagħ Ewropej qattgħu żmien barra mill-pajjiż għal studju jew taħriġ

Huwa iktar probabbli li persuni li qattgħu żmien jistudjaw barra mill-pajjiż, jaħdmu barra mill-pajjiż wara l-istudji tagħhom. Żgħażugħ Ewropew minn sebgħa (14 %) qal li kien barra mill-pajjiż – jew qiegħed barra mill-pajjiż fiż-żmien tal-istħarriġ– għal edukazzjoni jew taħriġ. Il-proporzjon kien ivarja minn 3 % fit-Turkija għal 39 % f'Ċipru u 41 % fil-Lussemburgu.

Il-proporzjon taż-żgħażagħ li kienu barra mill-pajjiż għal għanijiet ta' tagħlim jew taħriġ

Minn dawk l-14 % li kienu barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta' edukazzjoni jew taħriġ, 43 % marru għal studji ta' edukazzjoni ogħla u 26 % għamlu t-taħriġ tagħhom f'kumpanija bħala parti mill-edukazzjoni avvanzata tagħhom. 43 % qalu li kienu barra mill-pajjiż bħala parti mill-edukazzjoni skolastika (skola sekondarja bikrija u avvanzata) u 33 % bħala parti mill-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV). 21 % għamlu taħriġ jew apprendistat bħala parti mill-programm ETV tagħhom.

L-għan ewlieni tal-perjodu ta' mobilità ta' taħriġ għat-tagħlim taż-żgħażagħ barra mill-pajjiż

Iż- żgħażagħ bi kwalifika ta' edukazzjoni ogħla u dawk li bħalissa qegħdin f'edukazzjoni ogħla kienu l-iktar probabbli li jistqarru li għexu barra mill-pajjiż, u dawk li jgħixu fl-ibliet li kienu barra minn pajjiżhom għal raġunijiet ta' edukazzjoni kienu kważi d-doppju ta' dawk li jgħixu fl-irħula u ż-żoni rurali (21 % vs. 12 %).

65 % użaw finanzjamenti privati biex jiffinanzjaw il-mobilità tat-tagħlim tagħhom.

Kważi tliet kwarti (65 %) ta' dawk li ġew mistoqsija kif iffinanzjaw l-itwal perjodu barra minn pajjiżhom, qalu li għamlu użu minn finanzjament privat jew tfaddil. Programmi tal-UE bħall-Erasmus iffinanzjaw 15 % tal-istudji u t-taħriġ barra mill-pajjiż. 19 % ta' dawk li semmew dan it-tip ta' finanzjament kellhom edukazzjoni ogħla u 9 % kellhom edukazzjoni sekondarja ġenerali ta' livell bikri jew ETV.

Riżorsi finanzjarji taż-żgħażagħ li damu l-iktar barra mill-pajjiż

Il-proporzjon taż-żgħażagħ li rċievew self għall-istudju jew għotjiet nazzjonali jew reġjonali sabiex jiffinanzjaw l-għajxien tagħhom barra mill-pajjiż, ivarja ħafna bejn il-pajjiżi li ġew mistħarrġa. Filwaqt li kważi n-nofs ta' dawk li wieġbu fin-Norveġja, il-Lussemburgu u l-Islanda qalu li użaw dawn il-mezzi ta' finanzjament, fi 17 minn 31 pajjiż mistħarreġ, il-proporzjon kien inqas minn 20 %.

Riżorsi finanzjarji taż-żgħażagħ li damu l-iktar barra mill-pajjiż

Self għall-istudju u għotjiet nazzjonali jew reġjonali


L-iktar benefiċċji importanti li wieħed jagħmel żmien barra mill-pajjiż huma l-ħiliet fuq bażi wiesgħa

Iż-żgħażagħ jikkunsidraw il-ħiliet fuq bażi wiesgħa bħala l-kapaċità tagħhom li jitkellmu lingwa barranija, l-għarfien kulturali, l-adattabilità u l-kompetenzi interpersonali – li huma kollha apprezzati minn dawk li jimpjegaw - bħala l-iktar benefeċċji importanti li wieħed imur barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta' edukazzjoni u taħriġ. Fi 18 minn 31 pajjiż mistħarreġ, l-ikbar proporzjonijiet ta' dawk li wieġbu jaħsbu li l-ikbar jew it-tieni l-ikbar benefiċċju li għexu barra mill-pajjiż kien li tejbu l-ħiliet tagħhom fil-lingwa barranija.

Riżorsi finanzjarji taż-żgħażagħ li damu l-iktar barra mill-pajjiż

Il-finanzi huma l-ostaklu ewlieni li wieħed imur barra mill-pajjiż

Il-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ Ewropej ma qattgħu l-ebda żmien barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta' edukazzjoni. Meta dawk li xtaqu jmorru barra mill-pajjiż ġew mistoqsija għaliex ma marrux, 33 % qalu li r-raġuni ewlenija kienet in-nuqqas ta' finanzjament u l-ispejjeż li wieħed jgħix barra mill-pajjiż. Kwart minnhom stqarru li r-rabtiet familjari żammewhom milli jmorru barra mill-pajjiż. Iż-żgħażagħ nisa kienu iktar probabbli li jagħżlu din ir-raġuni mill-irġiel (31 % vs. 19 %). Bl-istess mod, dawk li wieġbu li għandhom kwalifiki ta' edukazzjoni sekondarja ġenerali ta' livell bikri kienu iktar probabbli li jagħżlu din ir-raġuni (38 %) minn dawk ta' gruppi ta' edukazzjoni oħra (minn 24 % sa 28 %).

Ir-raġunijiet taż-żgħażagħ għaliex ma għamlux żmien barra mill-pajjiż għal raġunijiet ta' edukazzjoni, taħriġ, xogħol jew volontarjat

Iktar żgħażagħ Ewropej jixtiequ jwaqqfu n-negozji tagħhom fil-futur

Filwaqt li 42 % qalu li mhumiex interessati, 43 % taż-żgħażagħ Ewropej qalu li jixtiequ jwaqqfu n-negozju tagħhom fil-futur. Il-proporzjon ta' dawk li ma kinux ħerqana li jwaqqfu n-negozju tagħhom kien ogħla bejn dawk minn 15 sa 19-il sena (50 %) milli bejn dawk minn 30 u 35 sena (34 %) u bejn dawk bi kwalifiki ta' ETV u edukazzjoni ogħla. 6 % ta' dawk li wieġbu qalu li diġà waqqfu n-negozju tagħhom. Iż-żgħażagħ fil-Bulgarija kienu l-iktar probabbli li jixtiequ jwaqqfu n-negozju tagħhom (74 %) filwaqt li ż-żgħażagħ Taljani kienu l-inqas probabbli (27 %). Ir-raġunijiet mogħtija għaliex ma ridux iwaqqfu n-negozju tagħhom kienu jvarjaw iżda wieħed minn sebgħa qal li kien wisq riskjuż u 13 % ħasbu li jkun wisq komplikat.

Ix-xewqa taż-żgħażagħ li jwaqqfu negozju

Partiċipazzjoni f'organizzazzjoni

Kważi nofs (46 %) iż-żgħażagħ Ewropej huma involuti fi klabb tal-isports, klabb taż-żgħażagħ, jew f'organizzazzjoni taż-żgħażagħ jew kulturali.

Il-proporzjon li kienu attivi fi klabb tal-isports, klabb taż-żgħażagħ jew organizzazzjoni kulturali

Parteċipazzjoni f'attivitajiet volontarji

Bejn wieħed u ieħor, kwart taż-żgħażagħ (24 %) qalu li fi 12-il xahar qabel l-istħarriġ kienu involuti f'attività volontarja organizzata.

Parteċipazzjoni f'attivitajiet volontarji organizzati

Parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet

Tmien żgħażagħ minn għaxra (79 %) qalu li fit-tliet snin li għaddew ivvutaw f'elezzjoni politika, jew fil-livell lokali, jew reġjonali jew Ewropew.

Partiċipazzjoni fl-elezzjonijiet fil-livell lokali, nazzjonali reġjonali jew tal-UE

Metodu tal-istħarriġ

Bejn is-26 ta' Jannar u l-4 ta' Frar 2011, 57 000 żgħażugħ Ewropew ġew intervistati bit-telefown għal dan il-Flash Eurobarometer "Żgħażagħ Attivi" (Nru 319a+b). It-taqsima dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-mobilità u x-xogħol kopriet il-grupp minn 15 sa 35 sena u inkludiet is-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja u t-Turkija. It-taqsima dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà kopriet iż-żgħażagħ minn 15 sa 30 sena tas-27 Stat Membru tal-UE.

Għal aktar tagħrif:

Ir-rapport tal-Ewrobarometru huwa disponibbli fis-sit: http://ec.europa.eu/public_opinion

IP/11/567


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website