Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/238

Brussell, it-13 ta’ April 2011

Reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-EnerġijaMistoqsijiet u Tweġibiet

X’inhi d-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija?

Fl-Istati Membri kollha tal-UE diġà jeżistu taxxi fuq l-enerġija ,u sa ċertu punt, dawn huma armonizzati fil-livell tal-UE. Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija attwali, adottata fl-2003, inħolqot primarjament sabiex jiġi evitat tgħawwiġ kompetittiv fis-settur tal-enerġija fi ħdan is-Suq Intern. Id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni dwar x’għandu jkun intaxxat, meta u x’eżenzjonijiet huma permessi. Ġew stabbiliti rati minimi, ibbażati l-aktar fuq il-volum ta’ enerġija kkunsmata għal prodotti użati għat-tisħin, għall-elettriku u għal fjuwils tal-magni. Lil hinn minn dawn ir-rati minimi, l-Istati Membri huma liberi li jistabbilixxu r-rati nazzjonali tagħhom kif jidhrilhom xieraq.

Għaliex il-Kummissjoni tixtieq tirrevedi dawn ir-regoli?

Id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija attwali hija skaduta għax ma tindirizzax l-ambizzjonijiet ogħla tal-UE dwar il-politiki għall-enerġija u t-tibdil fil-klima. Jeħtieġ li tiġi riveduta wkoll sabiex tindirizza problemi li feġġew fis-Suq Intern. Fl-aħħarnett, l-ambitu attwali tagħha mhuwiex koerenti ma’ dak tal-Iskema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (ETS) li hi l-ikbar skema internazzjonali għan-negozjar ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra.

L-ewwelnett, ir-rati minimi attwali għall-prodotti tal-enerġija huma bbażati fuq il-volum (EUR/1000l) u huma stabbiliti skont ir-rati storiċi fl-Istati Membri. Dan joħloq kompetizzjoni inġusta bejn sorsi ta’ fjuwil u benefiċċji inġustifikabbli mil-lat fiskali għal ċerti tipi ta’ fjuwils meta mqabbla ma’ oħrajn. Pereżempju, skont ir-rati minimi attwali, il-faħam huwa l-inqas intaxxat u l-etanol huwa l-iktar intaxxat. Sorsi tal-enerġija rinnovabbli jiffaċċjaw diskriminazzjoni partikolari taħt id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija attwali, għaliex huma intaxxati bl-istess rata bħas-sors ta’ enerġija li qegħdin jissostitwixxu (eż. il-bijodiżil huwa intaxxat daqs id-diżil eċċ). Minħabba li din ir-rata hija bbażata fuq il-volum, u mhux fuq il-kontenut tal-enerġija, prodotti b’kontenut ta’ enerġija aktar baxx bħas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli jġorru piż fiskali akbar meta mqabbla mal-fjuwils li qed jikkompetu magħhom. Din il-kwistjoni tkun indirizzata fid-Direttiva riveduta tal-Kummissjoni, għaliex it-taxxa fuq l-enerġija tkun marbuta mal-kontenut tal-enerġija.

It-tieni, mil-lat tat-tibdil fil-klima, id-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija ma tindirizza bl-ebda mod il-bżonn għat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2. Fil-fatt, kif għadu kif deskritt aktar ’il fuq, ċerti fjuwils fossili huma intaxxati b’mod aktar vantaġġuż minn kompetituri aktar nodfa. Qafas tal-UE kieku jippermetti lill-Istati Membri biex japplikaw taxxa fuq is-CO2 biex jilħqu l-miri tagħhom ta’ kondiviżjoni tal-isforzi, mingħajr il-biża’ li jxekklu l-kompetittività tagħhom fl-UE.

Finalment, Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija riveduta b’element ta’ CO2 timpedixxi ħafna politiki nazzjonali milli joħolqu ostakli u distorsjonijiet fis-Suq Intern. L-Istati Membri diġà qed jibdew jintroduċu t-taxxi nazzjonali tagħhom dwar is-CO2, iżda interpretazzjonijiet differenti jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u spejjeż għoljin ta’ konformità għal negozji transkonfinali. Approċċ fuq livell tal-UE għat-tassazzjoni tas-CO2 jiżgura ambjent ekwu għall-industrija fl-UE, u jiffaċilita l-attività transkonfinali. It-tassazzjoni tas-CO2 ma tkunx applikata għas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, anzi tagħtihom vantaġġ ulterjuri meta mqabbla ma’ fjuwils konvenzjonali li jkunu qegħdin jikkompetu magħhom.

X’inhuma l-għanijiet ewlenin tad-Direttiva proposta l-ġdida dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija?

Id-Direttiva riveduta għandha l-għan li tibdel il-mod kif l-enerġija tiġi ntaxxata sabiex tappoġġja l-għan ta’ tranżizzjoni lejn ekonomija b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u biex tevita problemi għas-Suq Intern.

  • It-Tibdil fil-Klima: Bl-introduzzjoni tal-element tas-CO2 fit-tassazzjoni tal-enerġija, il-proposta għandha l-għan li tagħmel it-tassazzjoni tal-enerġija konformi mal-impenji tal-UE dwar it-tibdil fil-klima. Is-CO2 rilaxxat se jingħata prezz minn setturi barra l-EU ETS: ogħla ma jkunu l-emissjonijiet ta’ fjuwil partikolari, aktar sejra tkun għolja t-taxxa fuq is-CO2. Dan se jippremja lis-sorsi tal-enerġija ekoloġiċi u se jestendi l-isforzi sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar it-tnaqqis tas-CO2, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli.

  • L-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija: L-enerġija hija skarsa, u t-tassazzjoni għandha tirrefletti dan. Bl-irbit tal-livell ta’ taxxa mal-kontenut ta’ enerġija tal-fjuwils, jinħoloq inċentiv kbir fis-setturi kollha sabiex ikunu aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

  • Is-Suq Intern: Bil-ħolqien ta’ qafas tal-UE għat-tassazzjoni tas-CO2 jiġy evitati ħafna politiki fiskali differenti favur l-ambjent fost l-Istati Membri, billi n-negozji jingħataw ċertezza legali akbar u jonqsu l-ispejjeż għall-konformità. Il-proposta tiddistingwi wkoll bejn setturi koperti mill-EU ETS u dawk barra minnha, u dan għandu jgħin biex tiġi evitata tassazzjoni doppja.

  • Il-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi: L-Istati Membri jkunu jistgħu jiddeċiedu li jimplimentaw bidla fit-taxxa li tiffavorixxi t-tkabbir, billi jżidu t-tassazzjoni fuq prodotti tal-enerġija sabiex inaqqsu l-piż tat-taxxa fuq il-ħaddiema b’konformità mal-Istrateġija tal-2020.

X’bidliet se ġġib magħha l-proposta l-ġdida?

It-taxxi relatati mal-enerġija se kunu maqsumin f’2 komponenti: wieħed ibbażat fuq il-kontenut tas-CO2 u l-ieħor ibbażat fuq il-kontenut tal-enerġija.

CO2: Rata minima waħda għall-emissjonijiet tas-CO2 (EUR 20/t CO2) tkun introdotta għas-setturi kollha mhux koperti mill-EU ETS. Dan jipprovdi prezz tal-karbonju għal dawn is-setturi tal-ekonomija, jiġifieri d-djar, it-trasport, in-negozji żgħar u l-agrikoltura li huma barra mill-EU ETS. Sorsi tal-enerġija rinnovabbli ma jkunux soġġetti għal dan l-element tas-CO2.

ENERĠIJA: Rati minimi ta’ taxxa għall-enerġija jkunu bbażati fuq il-kontenut tal-enerġija ta’ fjuwil (EUR/GJ) milli fuq il-volum. Dan ifisser li fjuwil jiġi intaxxat fuq il-bażi tal-ammont ta’ enerġija li jiġġenera, u l-effiċjenza akbar fl-użu tal-enerġija tiġi ppremjata awtomatikament. Il-komponent tal-enerġija tat-taxxa se jgħin biex jitneħħew id-distorsjonijiet attwali għal sorsi ta’ enerġija kompetituri (eż. il-petrol u d-diżil) u se jwassal għal tassazzjoni aktar ġusta għall-konsumaturi minħabba li l-kontenut tal-enerġija huwa aktar importanti mill-volum meta niġu għall-konsum tal-enerġija. GJ wieħed ikun intaxxat bl-istess mod, irrispettivament mill-prodott li jkun qed jipproduċih.

Kemm l-element ta’ kontenut tas-CO2 kif ukoll tal-enerġija jkunu kkombinati flimkien biex tinħoloq rata kumplessiva li fuqha jkun intaxxat il-prodott. L-Istati Membri jkunu liberi li jistabbilixxu r-rati tagħhom lil hinn mir-rati minimi tal-UE, u jfasslu l-istrutturi tagħhom għal dawn it-taxxi: pereżempju, jistgħu jiddeċiedu li jgħollu iktar mir-rata minima l-element ta’ taxxa fuq il-kontenut ta’ enerġija biss u mhux l-element tas-CO2, jew bil-kontra). Madankollu, l-istess rati u struttura għandhom imbagħad jiġu applikati għall-fjuwils kollha użati għall-istess għan (fjuwils tal-magni jew fjuwils oħra).

Perjodi ta’ tranżizzjoni twal għall-allinjament sħiħ tat-tassazzjoni tal-kontenut ta’ enerġija sal-2023, se jagħtu biżżejjed żmien lill-industrija sabiex taddatta ruħha għall-istruttura l-ġdida ta’ tassazzjoni.

X’inhu l-ambitu tal-proposta?

L-element tal-enerġija tat-taxxa jkun japplika għall-fjuwil kollu użat għat-trasport u t-tisħin. Użi mhux relatati mal-fjuwil tal-prodotti tal-enerġija se jibqgħu barra mill-ambitu tat-tassazzjoni tal-enerġija bħalma qed jiġri attwalment (eż. fi proċessi metallurġiċi).

L-element tas-CO2 tat-taxxa se jissupplimenta s-sistema tan-negozjar tal-emissjonijiet billi japplika għal setturi li jibqgħu barra (it-trasport, id-djar, l-agrikoltura u l-industriji ż-żgħar). B’dan il-mod, l-emissjonijiet kollha minn installazzjonijiet industrijali se jkunu soġġetti għal sinjal tal-prezz tas-CO2 wieħed.

Għaliex issa?

Għadd ta’ raġunijiet jispjegaw għaliex dan huwa l-mument opportun għall-Kummissjoni biex tressaq din il-proposta. L-ewwelnett, filwaqt li l-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw l-istrateġiji tagħhom biex jilħqu l-miri tal-UE 2013-20 dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima, din il-proposta tipprovdi tweġiba ċara dwar l-irwol li jista’ jkollhom it-taxxi. It-tieni, id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija hija mfassla biex tissupplimenta t-tielet fażi tal-EU ETS (2013-2020) li se tistabbilixxi CAP globali tal-UE u se tipprovdi għat-tranżizzjoni minn kwoti għal irkanti. Għaldaqstant, hemm urġenza sabiex issir il-proposta issa sabiex ikun hemm żmien biżżejjed sabiex isir qbil fuqha mill-Parlament u mill-Kunsill.

Mill-perspettiva tas-Suq Intern, huwa importanti wkoll li jiġi stabbilit qafas komuni għat-tassazzjoni tas-CO2 minn issa. L-Istati Membri qed jibdew jintroduċu t-taxxi tagħhom stess fuq is-CO2 u l-approċċi tagħhom jistgħu jvarjaw. Ħafna politiki nazzjonali differenti jistgħu joħolqu diffikultajiet għal negozji li joperaw b’mod transkonfinali, u jista’ joħloq ukoll tgħawwiġ tal-kompetizzjoni fl-UE. Għaldaqstant, ikun aħjar li jkun introdott approċċ tal-UE minn issa, milli aktar tard meta jistgħu jkunu meħtieġa aġġustamenti ġodda kumplessi tal-liġijiet nazzjonali.

Fl-aħħarnett, ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija hija element ukoll fl-Istrateġija Ewropa 2020 u tirreaġixxi għat-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2008. Hija tirrefletti wkoll il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li saret f’Cancun, il-Messiku, f’Novembru u Diċembru 2010. B’dak il-mod, tkun qed tikkontribwixxi għal tkabbir sostenibbli, u għall-promozzjoni ta’ ekonomija aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, aktar ekoloġika u aktar kompetittiva. Minħabba li ħafna Stati Membri issa qegħdin jiddefinixxu l-istrateġiji tal-politika tagħhom biex joħorġu mill-kriżi ekonomika u finanzjarja, id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija tipprovdi wkoll opportunitajiet biex jintlaħqu miri ambjentali u ekonomiċi. Tippermettilhom, jekk iridu, li jittrasferixxu ftit mill-piż tat-taxxa minn fuq il-ħaddiema jew il-kapital fuq tassazzjoni li tippromwovi mġiba favur l-ambjent u favur l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija. Bosta partijiet interessati differenti, il-Parlament Ewropew kif ukoll għadd ta’ Stati Membri, NGOs u wħud mill-komunità kummerċjali qed jisħqu fuq il-Kummissjoni sabiex tressaq din il-proposta malajr kemm jista’ jkun.

Kif se tippromwovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija din il-proposta?

Il-Kummissjoni ħadet l-impenn li tippromwovi l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija biex ittejjeb kemm il-kompetittività tal-UE kif ukoll is-sigurtà tal-provvista filwaqt li tilħaq miri aktar ambizzjużi tat-tnaqqis ta’ gassijiet b’effett serra. It-tassazzjoni hija għodda b’saħħitha biex iddawwar lill-konsumaturi lejn użu tal-enerġija li jkun aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. It-tassazzjoni ta’ prodotti tal-enerġija skont il-kontenut ta’ enerġija tagħhom huwa l-approċċ l-aktar effiċjenti biex ikun inċentivat użu tal-enerġija aktar effiċjenti minħabba li jagħti lill-utent sinjal ta’ prezz ċar marbut mal-"valur tal-enerġija" reali tal-prodott li jikkonsma.

Dwar il-komponent tal-enerġija tat-taxxa, il-proposta sejra ssaħħaħ ukoll ir-relevanza tar-rati minimi billi tiżgura li tnaqqis taħt il-livelli minimi mhux se jkun aktar possibbli għan-negozji. Barra minn hekk, il-possibbiltà li jingħataw rati ta’ taxxa mnaqqsa, li madankollu jkun meħtieġ li jkunu ogħla mil-limiti minimi, se jkollha tkun marbuta b’mod ċar mal-kisba tal-għanijiet dwar l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, eż. bis-saħħa ta' ftehimiet industrijali b’għanijiet verifikabbli ta' frankar.

Kif se tqis it-tniġġis din il-proposta?

Il-proposta se tqis l-emissjonijiet tas-CO2 tal-fjuwil fis-sistema fiskali billi tapplika element ta’ taxxa relatat mas-CO2 għal fjuwils li mhumiex koperti mill-EU ETS. Minħabba li l-emissjonijiet tas-CO2 ma għandhomx konfini u huma ta’ natura transkonfinali, jagħmel sens li l-problema tkun indirizzata f’qafas ta’ tassazzjoni komuni tal-UE. Min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ tniġġis tal-arja lokali, ikun aktar xieraq li l-Kummissjoni tħalli l-għażla tal-istrument f’idejn l-Istati Membri. Fil-fatt, strumenti oħra bħall-ħlasijiet għat-toroq jew għall-konġestjoni jistgħu jintużaw b’mod aktar immirat mit-tassazzjoni fuq l-enerġija sabiex dawn il-problemi jiġu indirizzati.

Għaliex il-Kummissjoni qed tipproponi rati minimi minflok armonizzazzjoni sħiħa tat-taxxi fuq l-enerġija?

L-approċċ tar-rati minimi ntgħażel bħala s-soluzzjoni ta’ kompromess fl-1993 kemm sabiex jiġu limitati d-distorsjonijiet fis-Suq Intern kif ukoll biex tingħata ftit flessibilità lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-bżonnijiet baġitarji tagħhom. Filwaqt li l-approċċ ġenerali xorta waħda għadu validu, huwa importanti li r-rati minimi stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE jibqgħu jgħoddu u jiġu aġġornati b’mod regolari sabiex jitqiesu l-iżviluppi ekonomiċi, politiċi u internazzjonali.

X’inhu l-impatt tad-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija fuq il-fjuwils tal-magni?

L-impatt tagħha sejjer jiddependi fuq għadd ta’ fatturi, inklużi l-livell ta’ taxxa attwali u l-mod li bih l-Istati Membri jiddeċiedu li jistrutturaw it-taxxi tagħhom madwar il-livelli minimi l-ġodda. L-impatt ewlieni għall-Istati Membri se jkun li huma se jkollhom itemmu t-trattament fiskali inugwali li jeżisti bħalissa għall-petrol u d-diżil. Bħalissa d-diżil huwa ntaxxat b’rata aktar baxxa għal kull litru mill-petrol fl-Istati Membri kollha minbarra wieħed (ir-Renju Unit) minkejja l-enerġija u l-kontenut tas-CO2 ogħla għal kull volum tiegħu. Dan wassal għal sitwazzjoni fejn is-sinjali tal-prezzijiet tas-suq ma jistgħux jaqdu l-irwol tagħhom aktar: filwaqt li l-prezz tad-diżil (qabel it-taxxa) huwa ogħla mill-prezz tal-petrol (minħabba żieda fid-domanda għad-diżil fl-UE), din ir-relazzjoni tinqeleb fil-pompi minħabba s-sistema tat-taxxa. Dan min-naħa tiegħu jwassal għal domanda ogħla għad-diżil minkejja n-nuqqas tiegħu fl-UE. Il-proposta se ttemm din id-distorsjoni billi tapplika tassazzjoni newtrali għall-petrol u d-diżil kif ukoll għal fjuwils oħrajn tal-magni wara perjodu tranżizzjonali ta’ għaxar snin sabiex l-atturi tas-suq ikunu jistgħu jaddattaw il-proċessi industrijali tagħhom. Il-parti l-kbira tal-Istati Membri se jkunu jistgħu jiksbu dan jew jgħollu d-diżil jew billi jraħħsu l-petrol.

X’se jkun it-trattament ta’ fjuwils tal-magni alternattivi bħall-LPG (gass petroleum likwifikat) u s-CNG (gass naturali kkumpressat)?

L-Istati Membri li jippromwovu s-CNG u l-LPG spiss japplikaw livelli ta’ tassazzjoni baxxi ħafna għal dawn il-prodotti. Madankollu, il-livell ġenerali ta’ użu s’issa kien pjuttost limitat. Għal aktar konsistenza, finalment għandhom jiġu applikati l-istess rati ta’ taxxa għal kull kontenut tal-enerġija u s-CO2 għall-fjuwils tal-magni kollha, inklużi s-CNG u l-LPG. Dan ifisser li l-vantaġġi relattivi ta’ kull fjuwil f’termini ta’ emissjonijiet tas-CO2 se jiġu awtomatikament ippremjati permezz tas-sistema ta’ taxxa, iżda minbarra dan, l-ebda vantaġġ kompetittiv ieħor ma huwa sejjer jingħata. Madankollu, minħabba li r-rati ta’ taxxa attwali fuq dawn il-prodotti, ħafna drabi huma baxxi ferm u xorta jista’ jkun hemm bżonn ta’ ċertu limitu ta’ żmien sakemm ikunu jistgħu jikkompetu b’mod ugwali mal-fjuwils tal-magni tradizzjonali, id-Direttiva l-ġdida tipprevedi perjodi tranżizzjonali twal għall-allinjament tar-rati tat-taxxa. Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu jkomplu joffru trattament ta’ benefiċċju għas-CNG u għal-LPG għal tnax-il sena.

X’se jkun l-impatt tal-proposta fuq il-bijofjuwils?

Bħalissa, il-biofjuwils huma intaxxati fuq il-bażi tal-volum, bl-istess rata bħall-fjuwil li huma intenzjonati li jissostitwixxu, fattur li jitfagħhom fi żvantaġġ kompetittiv. Skont il-proposta, il-bijofjuwils se jkunu ntaxxati fuq il-bażi – ġeneralment aktar baxxa – ta’ kontenut tal-enerġija. Huma se jkunu eżenti wkoll mill-element tas-CO2 sabiex tkun riflessa l-prestazzjoni aħjar tagħhom fir-rigward tal-emissjonijiet tas-CO2. Madankollu, dan it-trattament pożittiv huwa riżervat għall-bijofjuwils li jikkonformaw mal-kriterji ta’ sostenibbiltà relevanti kif definiti fl-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) u fl-Artikolu 7b tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwils (2009/30/KE).

X’se jkun l-impatt fuq il-fjuwils għat-tisħin?

Anke għall-fjuwils tat-tisħin, id-Direttiva l-ġdida se tneħħi t-trattament fiskali inġust li jeżisti bħalissa għall-prodotti tal-enerġija billi tobbliga lill-Istati Membri japplikaw l-istess livell ta’ taxxa għal kull t/CO2 kif ukoll għal kull GJ. Dan ifisser, pereżempju, li r-rati ta’ taxxi baxxi ħafna attwali fuq il-faħam, li huwa l-prodott bl-ogħla kontenut ta’ CO2, se jkollhom jiżdiedu.

Fl-istess ħin, bl-introduzzjoni ta’ element ibbażat fuq is-CO2, it-tassazzjoni ta’ prodotti tat-tisħin għall-ewwel darba se tirrifletti l-effetti relatati mal-klima tal-prodotti. Minħabba li n-negozji kollha soġġetti għall-EU ETS se jiġu eżentati awtomatikament minn dan l-element ta’ taxxa, il-proposta se twassal ukoll għal ambjent ekwu ta' kompetittività bejn l-installazzjonijiet ġewwa u dawk barra l-ETS u se tiżgura li l-emittenti kollha jikkontribwixxu għall-isforz ta’ tnaqqis tal-Gass b’Effett Serra.

X’inhu t-trattament tal-elettriku?

Fil-prinċipju, id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija mhux se tibdel it-trattament tal-elettriku. Bħal qabel, it-taxxa relatata mal-kontenut tal-enerġija se tkun imposta fil-punt tal-konsum u r-rata minima mhux se tiġi mmodifikata.

Dwar l-element tas-CO2, dan jista’ jiġi ntaxxat biss fuq il-fjuwils użati biex jiġġeneraw l-elettriku minħabba li l-elettriku ma jwassalx għal emissjonijiet fil-punt tal-konsum. Madankollu, il-ġenerazzjoni tal-elettriku hija soġġetta għall-EU ETS u għaldaqstant, se tkun eżentata mill-element tas-CO2. Madanakollu, l-element tas-CO2 se japplika għall-installazzjonijiet żgħar għall-ġenerazzjoni tal-elettriku li jaqgħu barra l-ETS minħabba d-daqs tagħhom.

Il-proposta se jkollha impatt fuq l-enerġija nukleari?

Il-proposta mhux se taffettwa t-trattament tal-enerġija nukleari. L-elettriku minn sorsi nukleari huwa intaxxat fil-punt tal-konsum bħall-elettriku li ġej mis-sorsi l-oħrajn kollha. Taxxi fuq il-fjuwil nukleari bħal dak li ġie introdott dan l-aħħar fil-Ġermanja jaqgħu barra l-ambitu tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija u għaldaqstant, mhumiex affettwati minn din ir-reviżjoni.

Din il-proposta kif se taffettwa lill-familji?

Id-djar jammontaw għal 10% tal-emissjonijiet tas-CO2, u allura l-Istati Membri se jkollhom jinkludu dan is-settur fl-istrateġiji tagħhom, minkejja l-mezzi li huma jixtiequ jużaw (eż. it-taxxa fuq is-CO2 jew in-neċessità li jinbidlu s-sistemi ta’ tisħin). Politiki ambjentali kultant ikollhom impatt fuq il-baġits tad-djarb’mod partikolari fuq il-familji bi dħul baxx. Għaldaqstant, huwa mifhum li politiki ambjentali ambizzjużi għandu jkollhom sistemi ta' protezzjoni sodi li għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri soċjali. L-impatt tat-taxxa l-ġdida proposta fuq l-enerġija/is-CO2 jiddependi l-aktar fuq kif l-Istati Membri jiddeċiedu li jirriċiklaw id-dħul minn din it-taxxa. Pereżempju, jistgħu jużaw parti mid-dħul biex jikkumpensaw lill-familji (partikolarment dawk bi dħul baxx) b’somma f’daqqa. Parti mid-dħul mit-taxxa fuq l-enerġija jista’ wkoll jitqassam mill-ġdid b’mod effiċjenti sabiex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt fuq il-familji. L-Istati Membri li diġà introduċew taxxa tas-CO2 spiss akkumpanjaw tali miżuri b’miżuri soċjali effettivi.

Barra minn hekk, il-proposta se tkompli tippermetti lill-Istati Membri sabiex jadottaw rata mnaqqsa għall-prodotti tal-enerġija wżati għat-tisħin domestiku. Madanakollu, għall-kuntrarju tad-Direttiva attwali, fejn din l-għażla ta’ rata mnaqqsa tapplika biss għall-gass naturali, faħam u elettriku, l-Istati Membri se ikunu jistgħu japplikaw tali eżenzjoni bl-istess mod għall-fjuwils tat-tisħin kollha wżati għal skopijiet domestiċi (inklużi l-gass, iż-żejt u l-faħam). Il-Kummissjoni se tirrevedi l-effetti ta’ din id-dispożizzjoni ta’ eżenzjoni f’rapport wara sentejn.

Id-Direttiva tikkunsidra l-ispeċifiċitajiet ta’ ċerti setturi?

Wieħed mill-għanijiet ta’ din id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija huwa li jiżgura li t-tassazzjoni fuq l-enerġija tapplika b’mod aktar konsistenti u effettiv madwar l-UE kollha. Għaldaqstant, is-sistema l-ġdida ta’ tassazzjoni tkun tiddistingwi biss bejn setturi taħt l-ETS fejn il-prezz tal-karbonju diġà japplika u dawk barra l-ETS li se jkollhom iħallsu l-element tas-CO2.

Minkejja dan, sabiex ikunu evitati effetti negattivi, qegħdin jiġu proposti ċerti regoli speċifiċi għal dawn is-setturi li huma f’riskju ta’ "rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju (jiġifieri industriji li jirrilaxxaw gassijiet b’effett serra u li jistgħu jitħajjru li jieħdu l-produzzjoni tagħhom barra l-UE biex jibqgħu kompetittivi). Huma se jibbenefikaw minn kreditu fuq it-taxxa bbażat fuq l-iżvilupp tal-konsum tagħhom għall-element fiskali relatat mas-CO2. Sa ċertu punt, l-ispeċifiċità tal-agrikoltura se tibqa’ tkun riflessa fid-Direttiva riveduta sakemm l-eżenzjonijiet sħaħ mill-element ta’ taxxa fuq l-enerġija se jibqgħu jkunu possibbli jekk isiru ċerti impenji favur l-ambjent u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija.

Fl-aħħar nett, ġew proposti ċerti perjodi tranżizzjonali sabiex jiġu evitati bidliet brutali għall-utenti ta’ ċerti prodotti tal-enerġija (bħad-diżil, ara iktar ’il fuq).

Kif se jintlaqtu l-prodotti importati?

L-iffissar ta’ prezz fuq l-emissjonijiet tal-karbonju marbuta mal-produzzjoni fl-UE jista’ jwassal għal distorsjonijiet fir-rigward ta’ prodotturi minn pajjiżi terzi fejn ma jkunx hemm fis-seħħ mekkaniżmi simili. Il-maġġoranza tal-industriji li jirrilaxxaw gassijiet b’effett serra li huma f’riskju ta’ "rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju", huma koperti mill-ETS. F’dan il-kuntest l-UE ddeċidiet li tegħleb ir-riskju ta’ rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju billi tqassam sehem akbar ta’ konċessjonijiet b’xejn lis-setturi f’riskju, minflok ma tipprova timponi "taxxa konfinali fuq il-karbonju" fuq il-prodotti importati. Għaldaqstant, id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija ma tipprevedix "taxxa konfinali fuq il-karbonju" fuq il-prodotti importati. L-industriji mhux fl-ETS li jkunu soġġetti għall-element tas-CO2 huma ġeneralment iżgħar u inqas suxxettibbli għall-kompetizzjoni internazzjonali u r-rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju. Madankollu, il-proposta fiha dispożizzjonijiet għall-installazzjonijiet f’setturi li jistgħu jkunu f’riskji ta’ rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju (eż. setturi b’intensità qawwija ta’ enerġija u esponiment kummerċjali għoli bħal għadd ta’ proċessi mineraloġiċi), bl-istess mod kif isiru d-dispożizzjonijiet għall-industriji f’riskju taħt l-ETS. Dawn se jirċievu kreditu fiskali għall-element tas-CO2 ibbażat fuq il-konsum storiku tal-enerġija, soluzzjoni li tipproteġihom minn kompetizzjoni inġusta filwaqt li tħallilhom fis-seħħ l-inċentiv li jnaqqsu l-emissjonijiet tagħhom.

Fil-qosor, x’inhuma l-eżenzjonijiet attwali skont id-Direttiva dwar it-tassazzjoni tal-enerġija u kif se jkunu fil-futur?

L-Istati Membri se jżommu ħafna mill-flessibbiltà li jgawdu minnha llum, b’konformità mal-għanijiet tal-politiki dwar l-enerġija u l-klima.

  • Fir-rigward ta’ fjuwils tal-magni, il-proposta għandha l-għan li tapplika trattament konsistenti għall-prodotti kollha f’termini ta’ kontenut ta’ enerġija u tas-CO2 wara perjodu tranżizzjonali. Għaldaqstant, eżenzjonijiet attwali għall-bijofjuwils, is-CNG (gass naturali kkumpressat) u l-LPG (gass petroleum likwifikat) se jitneħħew bil-mod maż-żmien (sal-2023). Dan ifisser li fl-2023 kull prodott se jibbenefika biss minn eżenzjonijiet jekk dan ikun iġġustifikat mill-bilanċ tas-CO2 tiegħu.

  • F’dak li jirrigwarda l-fjuwils għat-tisħin użati min-negozji, ir-regoli attwali jippermettu lill-Istati Membri li jnaqqsu r-rati ta’ taxxa tagħhom sa żero għal negozji b’intensità qawwija ta’ enerġija u sa 50% mil-livell minimu tal-UE għal negozji oħra, taħt ċerti kundizzjonijiet. Sabiex jitnaqqsu d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri u jkunu evitati problemi relatati mal-għajnuniet mill-Istat, id-Direttiva riveduta se tippermetti tnaqqis diskret ta’ taxxi mill-Istati Membri biss bil-kundizzjoni li jiġu rispettati l-livelli minimi tal-UE (kemm għall-komponent ta’ taxxa relatat mal-enerġija kif ukoll għal dak relatat mas-CO2). Min-naħa l-oħra, in-negozji li jipparteċipaw fl-EU ETS se jiġu eżentati awtomatikament mill-komponent tat-taxxa tas-CO2; barra minn hekk kumpaniji minn setturi esposti għar-riskju ta’ rilokazzjoni minħabba emissjonijiet tal-karbonju se jirċievu kreditu fiskali mandatorju fuq is-CO2. Iż-żewġ regoli se jiġu applikati fuq bażi obbligatorja mill-Istati Membri, u dan għandu jevita distorsjonijiet.

  • Fir-rigward tat-tisħin domestiku, il-flessibbiltà attwali tal-Istati Membri li jeżentaw xi prodotti (il-gass, il-faħam u l-kokk u l-elettriku) se tiġi estiża għall-fjuwils tat-tisħin kollha (inklużi ż-żjut minerali) biex tippermetti trattament konsistenti għall-prodotti tal-enerġija. Fl-istess waqt il-Kummissjoni se tirrapporta fuq l-effett ta’ din l-eżenzjoni fir-rapport regolari tagħha billi tara jekk hijiex konformi mal-għanijiet tagħha tal-politika dwar l-enerġija u l-klima.

  • Dwar l-agrikoltura, din se tibqa’ tibbenefika minn rati ta’ taxxi aktar baxxi, minkejja li dawn, issa se jiddependu fuq għanijiet ambjentali biex ikun żgurat li l-agrikoltura tikkontribwixxi wkoll għall-isforz ta’ kondiviżjoni għall-iffrankar tal-enerġija.

  • L-Istati Membri se jżommu l-għażla li japplikaw trattament ta’ taxxa aktar vantaġġuż f’każi fejn dan huwa ġġustifikat mil-lat ambjentali, bħal għall-elettriku minn sorsi rinnovabbli jew għall-koġenerazzjoni ferm effiċjenti ta’ sħana u elettriku.

  • Il-proposta tal-lum mhux se tibdel l-eżenzjonijiet attwali għat-trasport bl-ajru u marittimu internazzjonali minħabba obbligi internazzjonali eżistenti u r-riskju ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni fil-każi ta’ azzjonijiet unilaterali mill-Istati Membri. Madankollu, dawn l-eżenzjonijiet se jiġu eżaminati mill-ġdid ukoll fir-rapport regolari tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva.

  • Disa’ Stati Membri ġodda (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja, r-Rumanija u s-Slovakkja) se jibbenefikaw minn perjodu tranżizzjonali sal-2020 li matulu mhux se jkollhom jimplimentaw l-element tas-CO2. Dan huwa ġġustifikat minħabba l-livell ta’ dħul ġeneralment aktar baxx tagħhom.

Ir-rati minimi se jiġu adattati għal żviluppi esterni bħall-inflazzjoni u l-iżvilupp tal-prezz tas-CO2?

Iva. Dan se jkun wieħed mill-vantaġġi ewlenin tal-proposta. Ir-rati minimi se jadattaw għal żviluppi esterni bħall-inflazzjoni jew żidiet/tnaqqis fil-prezz tas-CO2. Għaldaqstant, id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija se tirrefletti aktar dawn il-fatturi esterni. Ir-rata ta’ taxxa minima relatata mal-kontenut tal-enerġija se żżomm il-valur reali tagħha u se tiġi adattata kull tliet snin skont ir-rata tal-inflazzjoni prinċipali (ir-rata tal-inflazzjoni ta’ prodotti minbarra l-ikel u l-enerġija). Fir-rigward tar-rata minima relatata mas-CO2, id-Direttiva tipprevedi reviżjoni regolari biex tiżgura li tkun konformi mal-prezz tas-CO2 skont l-EU ETS u li d-distorsjoni tal-kompetittività bejn il-kumpaniji fl-ETS u dawk li mhumiex fl-ETS tkun minimizzata f’dan ir-rigward.

Liema huma l-pajjiżi li diġà implimentaw taxxa fuq il-karbonju?

Illum, id-Danimarka, l-Irlanda, il-Finlandja u l-Isvezja għandhom fis-seħħ taxxa fuq il-karbonju.. Madankollu, dawn ir-rati nazzjonali huma ffissati fuq livelli differenti ħafna u ma jirriflettux il-prezz tal-karbonju skont l-EU ETS.

Meta se tidħol fis-seħħ id-Direttiva riveduta dwar it-Tassazzjoni tal-Enerġija?

Id-Direttiva riveduta tibda tapplika mill-2013, biex taħdem b’mod parallel mat-tielet fażi tal-EU ETS. Ikun hemm perjodu xieraq ta’ introduzzjoni gradwali għall-Istati Membri biex jirristrutturaw it-taxxi tagħhom, biex l-amministrazzjonijiet nazzjonali, in-negozji u s-settur tal-enerġija jkollhom żmien biżżejjed biex iħejju ruħhom. Il-perjodi tranżizzjonali twal għall-allinjament sħiħ tat-tassazzjoni tal-kontenut tal-enerġija, jiġifieri sal-2023, se jagħtu biżżejjed żmien lill-industrija biex taddatta ruħha għall-istruttura tat-tassazzjoni l-ġdida.

Ara wkoll IP/11/468


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site