Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-irmied vulkaniku: sena wara, kemm aħna lesti għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu?

Commission Européenne - MEMO/11/235   12/04/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/235

Brussell, 12 ta’ April 2011

L-irmied vulkaniku: sena wara, kemm aħna lesti għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu?

Fis-sena li għaddiet mill-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull f’April  2010, – kif kienu ftehmu l-ministri fil-Kunsill tat-Trasport tal-4 ta’ Mejju 2010 abbażi ta’ proposti mill-Kummissjoni – ittieħdu għadd kbir ta’ miżuri ta’ segwitu fuq livelli nazzjonali, internazzjonali u tal-UE biex inkunu lesti aħjar f’każijiet ta’ kriżi fl-avjazzjoni, b’mod partikolari dawk ikkawżati mill-irmied vulkaniku. Ir-riżultati miksuba sa issa huma elenkati hawn taħt, iżda l-ħidma għadha ma waqfitx. Il-Kummissjoni Ewropea, l-Eurocontrol u l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni se jipparteċipaw fl-eżerċizzju ta’ simulazzjoni li l-ICAO (International Civil Aviation Organization) se twettaq fit-13 u l-14 ta’ April sabiex tiġi ttestjata l-effikaċja tat-tibdiliet li saru fil-“pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ rmied vulkaniku” tal-ICAO għall-Ewropa, kif ukoll il-proċeduri tiegħu. F’Ġunju, il-Kummissjoni għandha tagħti rendikont lill-Ministri tat-Trasport, abbażi tar-riżultati tas-simulazzjoni u tal-valutazzjoni tagħha tal-progress li jkun sar sa dakinhar.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Siim Kallas, li huwa responsabbli għat-trasport, qal: "L-isforzi intensivi li saru matul dawn l-aħħar tnax-il xahar taw il-frott tagħhom f’termini ta’ titjib fl-ippjanar u s-sistemi ta’ kif jiġu indirizzati l-każijiet ta’ kriżi. Iżda l-ħidma għadha ma waqfitx. Il-kriżijiet ikkawżati mill-vulkani u kriżijiet oħra li jolqtu l-avjazzjoni għandhom natura imprevedibbli u huma differenti minn xulxin. Qatt ma nistgħu naslu għal sitwazzjoni mingħajr riskji, iżda nistgħu nagħmlu l-almu kollu tagħna biex inħejju sistemi b’saħħithom li jgħinuna ntaffu l-effetti tad-diżastri. Il-linji gwida internazzjonali dwar l-indirizzar tal-irmied vulkaniku ġew imtejba ħafna, sar progress sinifikanti biex il-proċess tat-twaqqif tal-Ajru Uniku Ewropew jiġi aċċellerat u saret ukoll ħidma intensiva biex il-kumpaniji tat-trasport bl-ajru jingħataw informazzjoni trasparenti dwar il-valuri limitu għall-irmied vulkaniku. L-eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ rmied vulkaniku li se jsir dan ix-xahar għandu jipprovdi aktar informazzjoni dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu. Abbażi ta’ dan u abbażi ta’ analiżi dettaljata tal-progress li jkun sar, f’Ġunju, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Ministri tat-Trasport, u jekk ikun meħtieġ, tirrakkomanda miżuri oħra li għandhom jittieħdu.”

L-iżviluppi ewlenin li seħħew minn April 2010 huma:

Reviżjoni tal-pjan ta’ kontinġenza għall-Ewropa f’każ ta’ rmied vulkaniku (ICAO)

Wara l-kriżi tal-irmied vulkaniku, kellha tittieħed azzjoni kkoordinata u urġenti fuq livell Ewropew sabiex issir reviżjoni tal-proċeduri internazzjonali eżistenti f’każ ta’ attivitajiet vulkaniċi (linji gwida tal-ICAO għall-Ewropa). Il-linji gwida tal-ICAO applikabbli matul il-kriżi ma kinux adegwati għaliha għaliex kienu bbażati fuq prinċipju ta’ prekawzjoni strett ħafna.

F’Diċembru 2010, l-ICAO iffinalizzat ir-reviżjoni tal-'volcanic ash contingency plan' (pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ rmied vulkaniku) tagħha għall-Ewropa, li jinkludi linji gwida standardizzati għall-għoti ta’ twissija lil inġenji tal-ajru meta sseħħ xi eruzzjoni ta' vulkan, u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti, anke fil-każijiet fejn l-ispazju tal-ajru jkollu jiġi magħluq.

Dan il-materjal ta’ gwida, li jirrifletti l-approċċ imfassal mill-Kummissjoni Ewropea fi tmiem il-ġimgħa tas-17 u 18 ta’ April 2010 abbażi tal-esperjenza tal-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull, issa jiddistingwi bejn it-tliet gradi ta’ kontaminazzjoni b’irmied li għandhom jintużaw fl-Ewropa f’każ li jseħħu aktar eruzzjonijiet.

Fit-13/14 ta’ April 2011, taħt l-awspiċji tal-ICAO, għandhom isiru xi eżerċizzji ta’ simulazzjoni ta’ eruzzjoni vulkanika sabiex jiġi ttestjat u vverifikat kemm il-pjan il-ġdid ta’ kontinġenza huwa effikaċi.

B’mod parallel, f’Ġunju 2010 l-ICAO stabbilixxiet it-Task Force Internazzjonali tagħha għal Każijiet ta’ Rmied Vulkaniku (International Volcanic Ash Task Force) biex tirrevedi l-elementi kollha li huma relatati mal-materjal ta' gwida dwar eruzzjonijiet vulkaniċi, li jinkludu l-iżvilupp ta’ sistema globali ta’ ġestjoni tar-riskju għas-sikurezza, u biex il-livelli sikuri ta’ funzjonament fi spazju tal-ajru kkontaminat bl-irmied ikunu jistgħu jiġu ddeterminati b’mod ta’ rutina. L-ICAO qiegħda tiżviluppa materjal ta’ gwida għall-ġestjoni ta’ operazzjonijiet ta’ titjir u l-proċeduri tal-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni. Ir-riżultati għandhom jiġu ppreżentati f’Ġunju 2011.

Aċċelerazzjoni tal-integrazzjoni tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa permezz tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew (SES)

Il-kriżi wriet il-ħtieġa li s-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Ewropa tiġi kkoordinata ferm aktar. Il-frammentazzjoni nazzjonali eżistenti fil-kontroll tat-traffiku tal-ajru kompliet tkabbar u tintensifika l-effetti tal-kriżi. Fl-4 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill Ewropew ta l-ogħla prijorità politika biex l-implimentazzjoni tal-inizjattiva tal-Ajru Uniku Ewropew tiġi aċċelerata.

Matul is-sena li għaddiet saru avvanzi sinifikanti ħafna fil-ħidma relatata mal-Ajru Uniku Ewropew. L-aktar miżuri importanti li ttieħdu fl-2010 kienu dawn:

  • Miri tal-Prestazzjoni: Fi Frar 2011, l-Istati Membri adottaw, abbażi ta’ proposti mill-Kummissjoni, miri ta’ prestazzjoni għall-Ajru Uniku Ewropew. Dawn huma miri importanti – stabbiliti fuq livell tal-UE u fuq livell nazzjonali – għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, pereżempju f’termini ta’ standards tal-effiċjenza għall-ġestjoni tat-traffiku, għal-livelli ta’ dewmien ta’ titjiriet, l-istandards tas-sikurezza u l-impatt ambjentali. Dawn l-istandards jikkonċernaw b’mod dirett l-istruttura tal-Ajru Uniku Ewropew, u l-ftehim komuni li ntlaħaq mal-Istati Membri kien pass sinifikanti biex l-Ajru Uniku Ewropew jiġi stabbilit.

  • Blokok funzjonali ta’ spazju tal-ajru: Is-sistema tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-Ajru Uniku Ewropew se tkun magħmula minn disa’ gruppi differenti ta’ Stati Membri organizzati fi blokok funzjonali ta' spazju tal-ajru (FABs - functional airspace blocks). Huma l-Istati Membri li għandhom jifthemu bejniethom u joħolqu l-blokok funzjonali ta’ spazju tal-ajru individwali, iżda biex dan ikun possibbli, il-Kummissjoni kellha tadotta regola ta' implimentazzjoni għall-blokok funzjonali u tiżviluppa materjal ta’ gwida, sabiex tfassal bażi għall-proċeduri neċessarji. Fit-3 ta’ Diċembru 2010, dawn ir-regoli ġew adottati mill-Istati Membri fil-Kumitat tal-Ajru Uniku, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni. Sa llum ġew stabbiliti tliet FABs, abbażi ta’ ftehimiet intergovernattivi: l-FAB UK /Irlanda; l-FAB Danimarka/Svezja u l-FABEC (li jinkludi lil Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Pajjizi l-Baxxi, il-Belġju u l-Isvizzera). Dawn id-disa’ FABs għandhom jiġu implimentati sal-4 ta’ Diċembru 2012. Skont l-ipprogrammar attwali, jidher li kollox huwa miexi skont l-iskeda għall-FABs u li l-miri għandhom jintlaħqu faċilment.

  • Fir-rigward tal-istandards komuni tas-sikurezza għall-Ajru Uniku Ewropew, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) għandha tingħata rwol akbar xi twettaq. Fl-2010, il-pjanijiet għall-estensjoni tal-kompetenzi tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni biex dawn jinkludu r-regolazzjoni dwar is-sikurezza fil-qasam tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru mxew b'pass mgħaġġel ħafna, u b’hekk għenu biex jinkiseb approċċ Ewropew armonizzat fir-rigward tal-prijorità ġenerali li s-sikurezza tibqa’ titqies bħala l-ewwel prijorità tal-avjazzjoni. L-Istati Membri għandhom jieħdu deċiżjoni formali f’April 2011.

  • Il-ħatra ta’ amministratur tan-netwerk: L-element ċentrali tal-Ajru Uniku Ewropew huwa l-amministratur tan-netwerk, li għandu jkun entità ċentrali li kuljum tikkoordina l-kontroll tat-Traffiku tal-Ajru fl-Ewropa, u li tassumi rwol ta’ tmexxija fil-koordinazzjoni tar-rispons għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-ġejjieni li jaffettwaw l-avjazzjoni. Fl-2010, il-proċess biex l-Eurocontrol tiġi maħtura bħala l-amministratur tan-netwerk ġie aċċelerat bl-adozzjoni tar-regola ta' implimentazzjoni dwar il-"funzjonijiet tan-netwerk" u bil-ħatra tal-Eurocontrol min-naħa tal-Istati Membri bil-għan li l-ispazju tal-ajru Ewropew jintuża bl-aħjar mod u b'mod koordinat.

  • Il-ħolqien ta’ ċellula ta’ kriżi: Fl-2010, ġiet maħluqa iċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni ta’ Kriżi tal-Avjazzjoni (EACCC - European Aviation Crisis Coordination Cell). Meta tiġi attivata, l-EACCC jkollha presidenza magħmula mill-Kummissjoni u minn Eurocontrol, u tinkludi l-parteċipazzjoni tal-Presidenza tal-Unjoni, tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-utenti tal-ispazju tal-ajru, u tal-ajruporti, kif ukoll ta’ partijiet interessati rilevanti oħra, kif jitqies neċessarju skont in-natura tal-kriżi. Iċ-ċellula ta’ kriżi hija mfassla bħala struttura ta’ appoġġ addizzjonali għall-amministratur tan-netwerk meta jinqala każ ta' kriżi.

  • Il-Pjattaforma tal-Avjazzjoni: Wara li seħħet il-kriżi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tistabbilixxi pjattaforma tal-avjazzjoni, li kienet frott ta' kunsens li ntlaħaq mill-Viċi-President Kallas flimkien ma’ partijiet interessati ewlenin fuq livell Ewropew, sabiex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni fit-tul mas-settur tat-trasport bl-ajru, kif ukoll sabiex ikun possibbli s-segwitu effettiv, f’terminu ta’ żmien qasir, tal-miżuri adottati f’każ ta’ kriżi. Il-Pjattaforma tal-Avjazzjoni ġiet stabbilita bħala grupp ta’ livell għoli tas-settur tal-avjazzjoni biex tipprovdi pariri strateġiċi għal futur sostenibbli għat-trasport bl-ajru u futur kompetittiv għall-industrija tal-avjazzjoni Ewropea. Il-membri tagħha esiġew li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-Ajru Uniku Ewropew; li l-prinċipji tal-Ajru Uniku Ewropew jiġu estiżi għal żoni lil hinn mill-Unjoni Ewropea; u li tiġi ddefinita struttura effikaċi ta’ tmexxija għall-użu tas-SESAR fil-ġejjieni.

  • Teknoloġija għall-Ajru Uniku Ewropew (skjerament tas-SESAR). Is-SESAR huwa l-element teknoloġiku tal-Ajru Uniku Ewropew. Fl-2010 saret ħidma intensiva dwar id-dettalji tal-istrateġija għall-iskjerament tas-SESAR, li permezz tagħha l-Kummissjoni se tkun tista’ tippreżenta komunikazzjoni lill-Kunsill dwar it-tmexxija u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament għall-fażi ta’ skjerament tas-SESAR fl-2010.

Valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju

Waqt il-kriżi ta’ April 2010, ma kinetx disponibbli l-informazzjoni meħtieġa biex l-awtoritajiet u l-kumpaniji tat-trasport bl-ajru nazzjonali u dawk Ewropej ikunu jistgħu jagħmlu valutazzjoni tar-riskju preċiża dwar it-titjir f’kundizzjonijiet ta’ rmied vulkaniku.

Saret ħidma sostanzjali f’żewġ oqsma partikolari: (i) valuri limitu għall-irmied vulkaniku; (ii) il-ħolqien ta’ mudelli meteoroloġiċi

(i) valuri limitu għall-irmied vulkaniku:

L-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni ilha taħdem fuq kif għandu jiġi ddeterminat il-valur limitu għall-irmied vulkaniku minn Mejju 2010, meta l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-Trasport ta’ dak ix-xahar tawha l-mandat li tagħmel dan. Qegħdin jinqalgħu diffikultajiet kbar ħafna biex jiġi stabbilit valur limitu uniku għall-irmied vulkaniku.

Maż-żmien qiegħed isir dejjem aktar ċar li, fil-verità, kull kriżi kkawżata minn irmied vulkaniku tista’ tkun ta’ natura differenti u n-natura tal-irmied tkun differenti wkoll. Għalhekk, mhux vijabbli li għal terminu ta’ żmien qasir jiġi stabbilit valur limitu li “jgħodd għal kull każ”. L-EASA se tkompli taħdem fuq din il-kwistjoni, iżda jidher żgur li mhux se tinstab soluzzjoni fil-qrib. Ta’ min jinnota li dan it-tip ta’ valur limitu ma jeżisti mkien ieħor fid-dinja – lanqas fl-Amerika, jew fix-Xlokk tal-Asja, fejn għandhom aktar esperjenza kif jittrattaw dawn il-kwistjonijiet – u għalhekk mhux possibbli li jiġu adottati soluzzjonijiet li ntużaw f’partijiet oħra tad-dinja.

Madankollu, din il-kwistjoni hija importanti ħafna. Din id-darba, l-EASA se tieħu approċċ differenti biex tindirizza din il-problema b'soluzzjoni oħra. Minflok valur limitu li “jgħodd għal kull każ”, għandhom jiġu stabbiliti miżuri legalment vinkolanti li jesiġu li l-manifatturi tal-inġenji jkollhom jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar ir-riskji assoċjati mal-esponiment għall-irmied vulkaniku u dwar il-livelli ta' tolleranza għall-irmied vulkaniku, tad-diversi inġenji li huma jipproduċu.

Fil-Ħarifa tal-2011, l-EASA se tippubblika proposta għal miżuri legalment vinkolanti (jiġifieri, tibdiliet fil-kodiċijiet tal-ajrunavigabbiltà tal-EASA) li jesiġu li l-manifatturi tal-inġenji jkollhom jipprovdu lill-kumpaniji tat-trasport bl-ajru b’informazzjoni dettaljata dwar ir-riskji assoċjati ma’ livelli differenti ta’ esponiment għall-irmied vulkaniku u dwar il-livelli ta' tolleranza għall-irmied vulkaniku. Attwalment, il-manifatturi tal-inġenji mhumiex obbligati jagħmlu dan. L-EASA għandha tadotta dawn il-miżuri b’mod formali fil-bidu tal-2012, wara perjodu ta’ konsultazzjoni. Il-proposta tal-EASA għal “notifika ta’ emenda proposta” għandha tindirizza l-ħtieġa li tiġi ddefinita u standardizzata d-dejta tal-ajrunavigabbiltà li jipprovdu l-manifatturi tal-inġenji u li hija meħtieġa bħala informazzjoni għall-valutazzjoni tar-riskju operattiv.

Din l-inizjattiva għandha tkun avvanz kbir biex tissolva l-problema bażika li l-kumpaniji tat-trasport bl-ajru jingħataw l-informazzjoni importanti li jeħtieġu, dwar ir-riskju u l-livelli ta’ tolleranza għall-irmied vulkaniku, biex ikunu jistgħu jagħmlu l-valutazzjonijiet neċessarji dwar it-titjir f’kundizzjonijiet ta’ rmied vulkaniku. B’mod partikolari, għandha tippermetti li ssir valutazzjoni tar-riskju ferm aktar preċiża għall-kumpaniji tat-trasport bl-ajru li jtajru l-inġenji tagħhom f’”żoni griżi” f’każijiet ta’ kriżi ta’ rmied vulkaniku.

(ii) prodotti meteoroloġiċi:

Il-qasam l-ieħor li fih saret ħidma sostanzjali kien dak tal-irfinar tal-prodotti meteoroloġiċi li jintużaw f'sitwazzjonijiet ta' kriżi. Jidher ċar li jeħtieġ li jkun hemm aktar preċiżjoni u li l-mudelli jsiru b’mod aħjar. F’dan is-sens, sar xogħol fuq is-sorsi tal-informazzjoni li jintużaw fil-ħolqien tal-mudelli, kif ukoll fuq is-sistemi nnifishom li jintużaw għal dan il-għan.

Sabiex tittejjeb il-kwalità tad-dejta li tiddaħħal fil-mudelli, fl-Islanda ġew stabbiliti sistemi tar-radar ġodda. Barra minn hekk, iċ-ċentru VAAC (Volcanic Ash Advisory Centres - Ċentri ta' Konsultazzjoni dwar l-Irmied Vulkaniku) ta' Londra kiseb kapaċitajiet ġodda ta’ kejl fl-ajru – permezz ta’ ajruplan ġdid u ta’ strumenti, sabiex tittejjeb il-kwalità u tiżdied il-kwantità tad-dejta li tinkiseb minn titjiriet ta’ prova fir-rigward tal-irmied.

L-importanza ta’ dawn l-inizjattivi hija kritika biex il-komunità tal-avjazzjoni tkun tista’ tirċievi informazzjoni preċiża, f’waqtha u konsistenti dwar il-pożizzjoni, l-ammont, l-altitudni, it-trajettorja prevista u d-dispersjoni tal-irmied vulkaniku. Dan ikompli jgħin biex id-deċiżjonijiet dwar l-operat ikunu jistgħu jittieħdu b’mod aħjar u aktar preċiż.

Fuq livell Ewropew, l-EUROCONTROL żviluppat għodda ġdida, li ġiet imsejħa EVITA ('European Crisis Visualization Interactive Tool for ATFCM'). L-Istati Membri għad għandhom il-kompetenza li jiddeċiedu jekk jiftħux jew jagħlqux l-ispazju tal-ajru tagħhom, iżda din l-għodda ttejjeb ħafna l-kapaċità li din l-informazzjoni titqies f’ħin reali u tgħin lill-kumpaniji tat-trasport bl-ajru fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-operat u permezz tagħha jista’ jinkiseb livell aħjar ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru affettwat.

Koordinazzjoni uniformi tad-drittijiet tal-passiġġieri wara l-kriżi tal-irmied vulkaniku

Wara l-kriżi tal-irmied vulkaniku, waħda mill-aktar affarijiet importanti li l-ministri talbu lill-Kummissjoni kienet li din tiżgura li, wara l-kriżi, l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri sseħħ b’mod uniformi. Kien importanti li jiġi żgurat li l-passiġġieri tal-Ewropa kollha jkollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom u li l-industrija tkun ċerta mill-interpretazzjoni komuni tal-leġiżlazzjoni fl-Ewropa kollha.

Fil-ġimgħat ta’ wara li seħħet il-kriżi tal-irmied vulkaniku, il-Kummissjoni Ewropea kkoordinat in-netwerk ta’ awtoritajiet nazzjonali biex jiftehmu dwar linji gwida għall-interpretazzjoni komuni li jgħinu lill-entitajiet nazzjonali tal-infurzar (NEB) jindirizzaw it-talbiet tad-drittijiet tal-passiġġieri li huma relatati mal-kriżi tal-irmied vulkaniku. Il-Kummissjoni ħadmet ħafna wkoll mal-awtoritajiet nazzjonali u ma' kumpaniji individwali tat-trasport bl-ajru biex tiżgura li jittieħed approċċ konsistenti fl-UE kollha.

Ġie stmat li wara l-kriżi tal-irmied vulkaniku, l-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar irċevew madwar 10,000 ilment mill-passiġġieri. Meta wieħed iqis li miljuni ta’ passiġġieri ġew affettwati mill-kanċellazzjoni ta’ titjiriet, din iċ-ċifra tidher baxxa –fi żmien il-kriżi tal-irmied vulkaniku f’April 2010, ġew ikkanċellati aktar minn 100,000 titjira, u dawn affettwaw aktar minn 10 miljun ruħ.

Sena wara, il-Kummissjoni kkonkludiet li, waqt il-kriżi tal-irmied vulkaniku, il-maġġoranza l-kbira tal-kumpaniji tat-trasport bl-ajru assumew ir-resposabbiltajiet tagħhom b’mod xieraq. It-talbiet għal rimbors minħabba titjiriet ikkanċellati ġew ittrattati f’perjodu ta’ żmien raġonevoli, kif ġew ittrattati wkoll ħafna talbiet ta’ rimbors minħabba tibdil fir-rotta u minħabba assistenza meħtieġa għal perjodu ta’ żmien qasir. Il-biċċa l-kbira tat-talbiet li ma ġewx issodisfati mit-trasportaturi bl-ajru u li għalhekk kellhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet nazzjonali huma dawk l-aktar problematiċi, peress li l-passiġġieri tħallew mitluqin għal rashom (fil-biċċa l-kbira, barra minn pajjiżhom) għal perjodi itwal, u għalhekk huma talbiet sostanzjali. Dawn it-talbiet iridu jiġu evalwati mill-awtoritajiet nazzjonali u jekk ikun meħtieġ, jiġu solvuti fil-qorti.

F’dan ix-xahar (April 2011), il-Kummissjoni se tippubblika żewġ komunikazzjonijiet li jivvalutaw l-applikazzjoni tar-Regolament 261/2004 fir-rigward tad-drittijiet tal-passiġġieri u tar-Regolament 1107/2006 fir-rigward ta’ persuni b'mobbiltà mnaqqsa (ir-“Regolament PRM”) u li jistabbilixxu l-passi li jmiss. Il-komunikazzjonijiet iqisu t-tagħlimiet li ttieħdu, b’mod partikolari, mill-kriżi tal-irmied vulkaniku u tal-borra tal-2010, u jikkunsidraw il-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tiġi mtejba u li xi wħud mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament 261/2004 jiġu riveduti.

Pjanijiet ta’ azzjoni għall-mobbiltà fl-Ewropa

Iż-żmien twil li l-ispazju tal-ajru Ewropew dam magħluq wara l-eruzzjoni tal-vulkan fl-Islanda ffrustra bil-kbir lill-passiġġieri li tħallew mitluqin għal rashom fl-ajruporti.

Wara l-kriżi tal-irmied vulkaniku, fil-laqgħa tagħhom tal-4 ta’ Mejju 2010, il-ministri tat-trasport taw appoġġ qawwi għall-proposti tal-Kummissjoni biex tiġi aċċelerata l-ħidma tal-pjanijiet ta' mobbiltà pan-Ewropea. Ħareġ ċar li kemm fil-kriżi tal-irmied vulkaniku kif ukoll f’dik tal-borra ta' Diċembru 2010, meta mezz ta’ trasport ġie affettwat bil-kbir, il-mezzi ta’ trasport l-oħra ma kinux lesti biex jirrimedjaw għad-diffikultajiet li nqalgħu. Fil-Kunsill tat-Trasport tat-2/3 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni pprovdiet rapport dettaljat lill-ministri dwar l-inizjattivi tagħha biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema tat-trasport Ewropea billi tiġi żgurata l-mobbiltà bla interruzzjoni ta’ passiġġieri u oġġetti f’każ li tinqala xi kriżi tat-trasport għal għarrieda.

Biex tkun tista’ tkompli, il-Kummissjoni talbet lill-gvernijiet nazzjonali għall-opinjonijiet tagħhom dwar id-diversi aspetti ta’ dawn il-proposti.

Il-passi li jmiss

April 2011: Eżerċizzju ta’ simulazzjoni ta’ rmied vulkaniku organizzat mill-ICAO

Il-Kummissjoni Ewropea, l-EUROCONTROL u l-EASA se jipparteċipaw f’eżerċizzju kbir ta’ simulazzjoni organizzat mill-ICAO sabiex tiġi ttestjata l-effikaċja tat-tibdiliet li saru fil-“pjan ta’ kontinġenza f’każ ta’ rmied vulkaniku” tal-ICAO, kif ukoll il-proċeduri tiegħu. Dan l-eżerċizzju se jsir fit-13 u l-14 ta’ April u se jinvolvi aktar minn 70 kumpanija tat-trasport bl-ajru, 14-il fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, 10 awtoritajiet regolatorji nazzjonali, il-Volcanic Ash Advisory Centre ta’ Londra (VAAC), kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, l-EASA u l-EUROCONTROL.

L-eżerċizzju għandu jippermetti li ssir valutazzjoni sħiħa tal-impatt li jħallu l-proċeduri aġġornati fuq il-Pjan ta’ Kontinġenza f’Każ ta’ Rmied Vulkaniku tal-ICAO għall-Ewropa. Bħala parti mill-eżerċizzju, se tiġi attivata ċ-Ċellula Ewropea ta' Koordinazzjoni ta’ Kriżi tal-Avjazzjoni (EACCC) li għadha kemm ġiet maħluqa, u se tiġi ttestjata l-EVITA, li hija għodda ġdida li ġiet żviluppata mill-EUROCONTROL. Dan se jkun eżerċizzju ta’ simulazzjoni biss, mingħajr impatt fuq it-titjiriet reali.

Fl-eżerċizzju se ssir simulazzjoni tal-eruzzjoni tal-vulkan Grimsvötn fl-Islanda li twassal għall-formazzjoni ta’ sħaba ta’ rmied vulkaniku li tinfirex lejn in-Nofsinhar għal fuq it-Tramuntana tal-Atlantiku u fl-ispazju tal-ajru tal-Ewropa. Fl-ewwel jum tal-eżerċizzju, l-Istati Membri għandhom jitolbu lill-EUROCONTROL biex tiftaħ, tagħlaq jew tirrestrinġi l-ispazju tal-ajru tagħhom għal inġenji tal-ajru abbażi tal-proċeduri nazzjonali tagħhom li jkunu applikabbli attwalment. Fit-tieni jum tal-eżerċizzju, għandu jiġi ttestjat approċċ Ewropew armonizzat ġdid. Dan l-approċċ huwa konsistenti mal-abbozz tal-materjal ta’ gwida tal-ICAO dwar il-ġestjoni ta’ operazzjonijiet ta’ titjir f’każ ta’ kontaminazzjoni magħrufa jew prevista minn sħab ta’ rmied vulkaniku – (Management of Flight Operations with Known or Forecast Volcanic Cloud Contamination) – li ġie żviluppat minn April 2010 u li jgħin lill-kumpaniji tat-trasport bl-ajru jiddeċiedu jekk itajrux l-inġenji tal-ajru tagħhom fiż-żoni kontaminati mill-irmied, abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju għas-sikurezza aċċettata mill-awtorità superviżorja nazzjonali rilevanti.

Wara dan l-eżerċizzju, fil-bidu ta’ Ġunju se ssir sessjoni ta’ valutazzjoni għall-Ewropa kollha biex tingħata informazzjoni dwar it-tagħlim li jkun inkiseb u biex isir qbil dwar il-miżuri ta' segwitu li għandhom jittieħdu.

Ġunju 2011: Rapport tal-Kummissjoni Ewropea lill-ministri tat-trasport dwar l-irmied vulkaniku u dwar kemm inkunu lesti għal kriżijiet li jistgħu jinqalgħu. F’Ġunju, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-ministri tat-trasport evalwazzjoni tal-progress li jkun sar fl-ambitu ta’ każijiet ta' kriżi kkawżati mill-irmied vulkaniku u ta’ kemm inkunu lesti għalihom, u jekk ikun meħtieġ, tirrakkomanda miżuri oħra li għandhom jittieħdu.

Il-Kummissjoni għandha tkompli timmonitorja s-sitwazzjoni b’mod permanenti u tirriserva d-dritt li tieħu kwalunkwe inizjattiva neċessarja.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site