Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/197

Brussell, it-28 ta’ Marzu 2011

MEMO dwar it-Trasport 2050: L-isfidi ewlenin; il-miżuri ewlenin

Għaliex huwa importanti

It-trasport huwa fundamentali għall-ekonomija u s-soċjetà tagħna. Il-mobbiltà hija vitali għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi. L-industrija tat-trasport timpjega direttament madwar 10 miljun persuna u tammonta għal madwar 5 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG). Is-sistemi effettivi tat-trasport huma ewlenin għall-abbiltà tal-kumpaniji Ewropej biex jikkompetu fl-ekonomija dinjija. Il-loġistika, bħat-trasport u l-ħżin, tammonta għal 10-15% tal-ispejjeż ta' prodotti lesti għall-kumpaniji Ewropej. Il-kwalità tas-servizzi tat-trasport għandha impatt ewlieni fuq il-kwalità tal-ħajja tal-bnedmin. Medja ta' 13.2 % tal-baġit ta' kull unità domestika tintefaq fuq oġġetti u servizzi tat-trasport.

L-isfidi ewlenin

Il-mobbiltà se tiżdied. Imma t-trasport Ewropew jinsab f'salib it-toroq. Is-sistema tat-trasport tagħna qed tħabbat wiċċha ma' sfidi kbar:

  • Fid-deċennji li ġejjin, iż-żejt se jsir iktar skars u se jibda jiġi dejjem iktar minn partijiet instabbli tad-dinja. Il-prezz taż-żejt huwa proġettat li ser jirdoppja bejn il-livelli tal-2005 u l-2050 (59 $/barmil fl-2005). L-avvenimenti attwali juru l-volatilità estrema tal-prezzijiet taż-żejt.

  • It-trasport sar iktar effiċjenti fl-enerġija imma xorta jiddependi miż-żejt għal 96 % tal-ħtiġijiet tiegħu tal-enerġija.

  • Il-konġestjoni tiswa lill-Ewropa madwar 1 % tal-Prodott Domestiku Gross (PDG) kull sena.

  • L-emissjonijiet ta' gass b’effett ta’ serra jeħtieġ li jitnaqqsu b'mod drastiku bl-għan li t-tibdil fil-klima jiġi limitat għal 2ºC. B'mod kumplessiv, sal-2050, l-UE teħtieġ li tnaqqas l-emissjonijiet bi 80-95 % taħt il-livelli tal-1990 sabiex tilħaq l-għan tagħha.

  • Il-konġestjoni, kemm fit-toroq kif ukoll fl-ajru, hija ta' tħassib kbir. Meta mqabbla mal-2005, l-attività tat-trasport tal-merkanzija hija proġettata li tiżdied b'madwar 40 % fl-2030 u bi ftit iktar minn 80 % sal-2050. It-traffiku tal-passiġġieri se jikber kemxejn inqas mit-trasport tal-merkanzija: 34 % sal-2030 u 51 % sal-2050.

  • L-infrastruttura mhijiex żviluppata l-istess fil-partijiet tal-Lvant u l-Punent tal-UE. Fl-Istati Membri l-ġodda bħalissa hemm madwar 4 800 km biss ta' awtostradi u l-ebda linja tal-ferrovija mhi mibnijia apposta għall-ferroviji ta’ veloċità qawwija; il-linji tal-ferrovija konvenzjonali ta' spiss ikunu f'kundizzjoni ħażina

  • Is-settur tat-trasport tal-UE qed iħabbat wiċċu ma' kompetizzjoni li qed tikber fis-swieq dinjin tat-trasport li qed jiżviluppaw b'mod mgħaġġel ħafna.

Għal opinjoni komprensiva dwar l-istatistiki ewlenin dwar ir-Trasport ara:

It-Trasport 2050: 50 fatt u ċifra.

It-Trasport 2050: Il-miżuri ewlenin

L-istrateġija msemmija fil-Pjan ta' Direzzjoni għat-Transport 2050 għal Żona Unika tat-Trasport għandha l-mira li tintroduċi bidliet strutturali profondi biex tittrasforma s-settur tat-trasport.

Is-settur għandu jkompli jagħmel progress fis-snin li ġejjin (2011-2014) b'miżuri ewlenin li jinkludu:

  • Bidla kbira fil-qafas regulatorju għall-Ferroviji (Il-Pakkett tal-Ferroviji 2012/2013). Fil-qalba tal-Pjan ta' Direzzjoni għat-Trasport 2050 hemm il-ħtieġa ta' trasformazzjoni fis-settur tal-ferroviji sabiex sal-2050 isir iktar attraenti u jirnexxilu jkollu sehem iktar sinifikanti fis-suq għall-passiġġieri u l-merkanzija fuq distanzi medji (>300 km). Fl-istess ħin, l-għan huwa li t-tul tan-netwerk attwali tal-ferrovija b'veloċità qawwija jitrippla sal-2030. Dan kollu jitlob sfidi kbar għall-qafas regolatorju għall-ferroviji inkluż: il-ftuħ tas-suq għas-servizzi domestiċi tal-passiġġieri; l-introduzzjoni ta' strutturi uniċi ta' ġestjoni għal-linji tal-ferrovija tal-merkanżija; separazzjoni strutturata tal-amministraturi tal-infrastruttura u l-fornituri tas-servizz; kif ukoll titjib fl-ambjent regolatorju sabiex il-ferroviji jsiru iktar attraenti għall-investiment tas-settur privat. Il-Kummissjoni se tippreżenta pakkett ambizzjuż ta' inizjattivi leġiżlattivi għas-settur tal-ferroviji 2012-2013.

  • Netwerk ewlieni ta' infrastruttura strateġika huwa essenzjali għall-ħolqien ta' Żona Ewropea Unika tat-Trasport reali. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposti ġodda għal Netwerk Trans-Ewropew "multimodali" ewlieni fl-2011 (pubblikazzjoni tal-Linji Gwida TEN-T (in-Netwerk Trans-Ewropew tal-Enerġija), mapep u proposti finanzjarji). L-UE se tipprovdi finanzjament permezz ta' qafas uniku biex il-flus jintużaw b'mod koerenti fit-TEN-T u bil-fondi ta' koeżjoni u strutturali. Il-kundizzjonalità tal-finanzjament se tiżgura li tiffoka fuq il-prijoritajiet tal-UE u l-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda (stazzjonijiet ta' ċċarjġar/rifoniment tal-fjuwil għal vetturi ġodda, teknoloġija ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku).

  • Biex tinħoloq sistema ta' trasport li tiffunzjona kompletament b'mod multimodali jenħtieġ li jitneħħew ix-xkiel u l-ostakli f'partijiet ewlenin oħra tan-netwerk, jiġifieri b'Pakkett għall-Ajruporti biex titjieb l-effiċjenza u l-kapaċità tal-Ajruporti (2011), b'Komunikazzjoni dwar it-trasport tal-Passaġġi tal-Ilma Interni (2011) biex jitneħħew l-ostakoli u titjieb l-effiċjenza tal-passaġġi tal-ilma interni, kif ukoll b'inizjattiva E-Marittima (2011) għal trasport maritimmu mingħajr dokumenti u intelliġenti – bħala parti mit-tħejjija biex tinħoloq żona reali tal-"Blue Belt", mingħajr ostakoli, għat-trasport bil-baħar. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex tneħħi r-restrizzjonijiet għall-Kabotaġġ fit-Toroq (2012-2013).

  • Biex jinħoloq ambjent finanzjarju ġust: approċċ ġdid għall-imposti tat-trasport. L-imposti tat-trasport għandhom jiġu ristrutturati fid-direzzjoni ta' applikazzjoni usa' tal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas" u "l-utent iħallas". Il-miżuri ewlenin għas-snin li ġejjin se jinkludu:

  • Il-pubblikazzjoni tal-linji gwida għall-applikazzjoni tal-ispejjeż tal-infrastruttura għall-karozzi tal-passiġġieri (2012). Bħala t-tieni stadju, se ssir proposta li tistabbilixxi qafas għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż għall-vetturi kollha tat-triq (minbarra dawk koperti bl-Eurovignette) biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-infrastruttura kif ukoll l-ispejjeż soċjali tal-konġestjoni, is-CO2 (jekk ma jkunx inkluż fit-taxxa tal-fjuwil), it-tniġġis lokali, l-istorbju u l-aċċidenti. L-Istati Membri se jkunu ħielsa biex japplikaw dawn l-imposti, imma dawk li jiddeċiedu li jkomplu se jkunu jistgħu jagħmlu dan fi ħdan qafas komuni tal-UE.

  • Titkompla l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għal mezzi oħra tat-trasport.

  • Biex ikun żgurat finanzjament stabbli għat-trasport, għandu jiġi applikat il-prinċipju ta' dħul ta' allokazzjoni miġbura mill-utenti tat-trasport għall-iżvilupp ta' netwerk integrat u effiċjenti (jiġifieri parti mill-imposti tat-trasport għandha terġa' tiġi investita mill-ġdid fit-trasport sabiex jiġi provdut il-finanzjament meħtieġ għal infrastruttura tat-trasport ta' kwalità għolja.

  • Progressivament tiġi permessa sistema elettronika Ewropea għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq eż. is-Servizz Elettroniku Ewropew għall-Ġbir tat-Taxxi għall-Użu tat-Triq għat-trakkijiet se jkun disponibbli minn Ottubru 2012, u sentejn wara għat-tipi kollha tal-vetturi, u l-iżgurar li s-sewwieqa tat-trakkijiet jistgħu jħallsu taxxi differenti għall-użu tal-awtostradi elettronikament u permezz ta' fornitur ta' servizz wieħed għall-Ewropa kollha. Dan jista' jissostitwixxi ħafna sistemi differenti li qed jintużaw bħalissa minn 21 Stat Membru li japplikaw għall-imposti għat-toroq. Il-prinċipju huwa l-istess bħal tat-telefonija ċellulari – l-imposta tmur lura għand l-operatur/l-awtoritajiet nazzjonali tiegħek minn kull fejn tkun fl-Ewropa. U bis-sistemi elettroniċi għall-ġbir tat-taxxi għall-użu tat-triq, l-imposti jistgħu jiġu aġġustati faċilment għal kundizzjonijiet varji (il-ħin li fih ikun hemm l-iktar traffiku, il-vetturi li jniġġsu l-iktar).

  • Pjan Strateġiku tal-UE għat-Teknoloġija tat-Trasport (2011). Ir-riċerka u l-użu effettiv tat-teknoloġiji ġodda se jkunu ewlenin biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fl-UE bħal fil-kumplament tad-dinja, għall-bliet, it-trasport intraurban u b'distanzi twal. Fl-2011, il-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tat-Trasport (STTP) se jkun inizjattiva ewlenija li tiġbor flimkien u tiffoka mill-ġdid l-isforzi tar-riċerka u l-iżvilupp tat-trasport fl-Ewropa.

  • Il-prijorità se tkun fuq il-produzzjoni ta' vetturi ekoloġiċi, sikuri u silenzjużi għall-mezzi kollha tat-trasport minn vetturi tat-toroq sa bastimenti, barkuni, ferroviji u inġenji tal-ajru. L-oqsma ewlenin se jinkludu: fjuwils alternattivi, materjali ġodda, sistemi ġodda ta' propulsjoni u għodod tal-IT u tal-ġestjoni tat-traffiku biex titmexxa u tiġi integrata sistema kumplessa tat-trasport. L-STTP se jistabbilixxi: fejn irridu niffukaw il-flus għar-riċerka; x'għandha tkun l-istrateġija tal-użu biex l-użu tat-teknoloġiji ġodda fis-suq jingħata inċentiv/jiġi żgurat; kif għandhom jiġu pprovduti l-istandards meħtieġa tal-UE biex ikun żgurat l-użu koerenti madwar l-Ewropa.

  • Bħala parti mill-STTP kumplessiv, fl-2012 il-Kummissjoni se tippubblika Strateġija ta' Sistemi ta' Trasport Ekoloġiku, b'iktar dettalji dwar il-miżuri speċifiċi biex l-introduzzjoni tal-Vetturi Ekoloġiċi tingħata inċentiv u tiġi ffaċilitata u dwar l-iżvilupp ta' standards wiesgħa tal-UE għall-użu ta' vetturi ekoloġiċi, pereżempju regoli dwar l-interoperabbiltà ta' infrastrutturi għall-iċċarġjar, linji gwida u standards għall-infrastruttura tar-riforniment tal-fjuwil.

  • Strateġija ta' tliet partijiet għat-trasport fil-bliet. Parti ewlenija mill-istrateġija tat-Trasport 2050 hija li sal-2050 tersaq lejn l-għan ta' eliminazzjoni gradwali tal-karozzi li jaħdmu bil-fjuwil konvenzjonali fil-bliet, b'ċaqliqa lejn karozzi elettriċi, karozzi li jaħdmu bl-idroġenu, karozii ibridi, it-trasport pubbliku u l-mixi jew iċ-ċikliżmu fil-bliet. Ħafna mir-responsabbiltà tat-trasport fil-bliet tibqa' f'idejn l-Istati Membri u l-bliet individwali jiddeċiedu dwar it-taħlita xierqa tat-trasport għaż-żona tagħhom. Madankollu, biex tiġi ffaċilitata ċ-ċaqliqa lejn trasport iktar ekoloġiku, il-Kummissjoni se:

  • Tintroduċi proċeduri u assistenza finanzjarja għall-awditjar tal-mobbiltà urbana u l-pjanijiet tal-mobbiltà urbana, fuq bażi volontarja. Teżamina l-possibbiltajiet tal-fondi Reġjonali u ta' Koeżjoni li għandhom jiġu marbuta mal-bliet u r-reġjuni li ressqu l-awditjar tal-mobbiltà urbana.

  • Il-Kummissjoni se tressaq proposti għal qafas tal-UE għat-tariffi tal-utenti tat-toroq urbani u skemi ta' restrizzjonijiet għall-aċċess, għall-għadd li qed jiżdied ta' Stati Membri li jridu jużaw l-iskemi tal-imposti biex itaffu l-konġestjoni u jċaqilqu x-xejriet tat-trasport fil-bliet. Dan se jiżgura li l-iskemi differenti joperaw fi ħdan qafas koerenti wiesa' tal-UE, u li ma jkunux diskriminatorji.

  • Għas-soluzzjonijiet teknoloġiċi għal karozzi ekoloġiċi, l-ebda belt ma tista' taġixxi waħedha. Hawnhekk, l-UE se tiffoka fuq l-isforzi tar-riċerka tal-UE, tintroduċi strateġiji wiesgħa tal-użu u l-kundizzjonijiet xierqa tas-suq biex tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta' karozzi ġodda iktar ekoloġiċi fil-bliet; it-tranżazzjoni għal karozzi tal-passiġġieri ekoloġiċi hija prijorità ewlenija għall-Pjan Strateġiku tal-UE għat-Teknoloġija tat-Trasport (2011).

  • Għall-mezzi li jkollhom distanza twila, fejn l-ivvjaġġar bl-ajru u t-trasport marittimu se jibqgħu dominanti, il-punt fokali se jkun fuq iż-żieda tal-kompetittività u t-tnaqqis tal-emissjonijiet permezz ta':

  • Modernizzazzjoni kompluta tas-sistema tal-kontroll tat-traffiku tal-Ewropa sal-2020 (SESAR) 1, li twassal għal Ajru Uniku Ewropew: bi vjaġġi tal-ajru iqsar u iktar sikuri u b’kapaċità akbar. Bħala l-ewwel pass, sa tmien l-2012 se jinħolqu Blokki ta' Spazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) permezz tal-kooperazzjoni mal-Istati Membri. L-Ajru Uniku waħdu se jwassal għal tnaqqis ta' 10 % fl-ivvjaġġar bl-ajru bi tnaqqis verament sinifikanti fil-fjuwil użat u fl-emissjonijiet.

  • Titjib ewlieni simili fil-ġestjoni tat-traffiku huwa ewlieni għat-titjib kumplessiv fl-effiċjenza u f'inqas emissjonijiet fil-mezzi kollha. Dan ifisser l-użu ta' sistemi ta' ġestjoni avvanzati tat-trasport bl-art u fuq l-ilma (ERTMS, ITS, RIS, Safeseanet u LRIT2).

  • Miżuri ewlenin oħra għall-avjazzjoni u t-traport marittimu se jinkludu: l-introduzzjoni ta' magni ekoloġiċi, tfassil u ċaqliq għal fjuwils sostenibbli (ara l-STTP); it-tlestija tal-Ispazju Komuni Ewropew għall-Avjazzjoni ta' 58 pajjiż u biljun abitant sal-2020; kif ukoll il-ħidma mal-imsieħba internazzjonali u fl-organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-ICAO (l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali) u l-IMO (l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali) biex jiġu promossi l-kompetittività Ewropea u l-għanijiet tal-klima f'livell globali.

  • Għat-trasport marittimu, b'mod partikolari, il-mira biex jitnaqqsu l-emissjonijiet b'mill-inqas 40 % mill-fjuwils tal-bunkers tista' tintlaħaq permezz ta' miżuri operazzjonali, miżuri tekniċi, inkluż disinn ġdid tal-bastimenti, u fjuwils b'karbonju baxx. Meta wieħed iħares lejn in-natura globali tal-bastimenti, sabiex ikunu effettivi dawn il-miżuri jeħtieġ li jinħadmu fuq il-kuntest internazzjonali tal-IMO.

  • Spinta ewlenija lejn l-ippjanar tal-ivvjaġġar multimodali u biljetti integrati. Żona Ewropea Unika tat-Trasport tiddependi fuq is-sistemi effettivi u interoperabbli wiesgħa tal-Ewropa għall-ippjanar tal-ivvjaġġar multimodali u biljetti integrati.

  • Fuq perjodu qasir ta' żmien se jkun hemm spinta ewlenija biex nimxu 'l quddiem bil-miżuri meħtieġa tal-UE sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tal-ivvjaġġar integrat multimodali li jibda bl-istandards ewlenin meħtieġa sabiex jiġi ffaċilitat l-ippjanar wiesa' tal-UE għall-ivvjaġġar bil-ferrovija (2012), kif ukoll il-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi jkollhom aċċess għall-ivvjaġġar fil-ħin reali u għall-informazzjoni dwar it-traffiku.

Is-servizzi tat-trasport ta' kwalità għolja fis-setturi kollha jiddependu fuq il-konsolidazzjoni tal-leġiżlazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha. Wara t-tlestija tal-qafas leġiżlattiv għad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha, il-Kummissjoni se tippubblika rapporti dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, u iktar tard fl-2011 se tippreżenta linji gwida dwar l-interpretazzjoni komuni tad-drittijiet tal-passiġġieri fil-mezzi kollha.

Il-lista ta' hawn fuq mhijiex eżawrjenti, għandha l-għan li tenfasizza wħud mill-miżuri ewlenin li se jimxu 'l quddiem fil-perjodu 2011-2014 biex jintroduċu t-tibdiliet strutturali ewlenin meħtieġa biex tinbena Żona Ewropea Unika tat-Trasport integrata.

Il-lista kompluta ta' inizjattivi mbassra fil-Pjan ta' Direzzjoni għat-Trasport 2050, f'iktar minn 40 qasam tat-trasport bit-triq, bil-ferrovija, bl-ajru, trasport marittimu u fuq l-ilma, tista' tinstab fuq http://ec.europa.eu/transport/index_en.htm.

1 :

Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew, cf http://ec.europa.eu/transport/air/sesar/sesar_en.htm.

2 :

Is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, is-Sistemi Intelliġenti tat-Trasport (għat-trasport bit-triq), is-Servizzi tal-Informazzjoni dwar ix-Xmajjar, is-sistema tal-informazzjoni maritimma tal-UE SafeSeaNet u l-Identifikazzjoni u t-Traċċar mill-Bogħod ta' Bastimenti.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website