Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-BKKTK

Commission Européenne - MEMO/11/171   16/03/2011

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

MEMO/11/171

Brussell, is-16 ta’ Marzu 2011

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-BKKTK

X’inhi l-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva (BKKTK)?

Il-Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva hija ġabra waħdanija ta’ regoli li jkunu jistgħu jużaw il-kumpaniji li joperaw fl-UE sabiex jikkalkolaw il-profitti taxxabbli tagħhom. Fi kliem ieħor, kumpanija jew grupp ta’ kumpaniji jkollhom jikkonformaw ma’ sistema waħda biss tal-UE għall-komputazzjoni tal-introjtu taxxabbli tagħhom, minflok ma’ regoli differenti f’kull Stat Membru fejn joperaw. Barra minn hekk, skont il-BKKTK, kumpaniji attivi f’aktar minn Stat Membru wieħed tal-UE jkollhom bżonn jissottomettu dikjarazzjoni fiskali waħda biss għall-attività kollha tagħhom fl-UE.

Kif taħdem il-BKKTK fil-prattika?

Il-BKKTK tagħmilha possibbli għall-kumpaniji jew gruppi ta’ kumpaniji li jikkonsolidaw il-profitti u t-telf kollha madwar l-UE, għalhekk tirrikonoxxi l-attività trasnfruntiera tagħhom. Id-dikjarazzjoni fiskali konsolidata waħdanija tintuża biex tistabbilixxi l-bażi tat-taxxa tal-kumpanija sabiex, sussegwentement, l-Istati Membri kollha li fihom tkun attiva l-kumpanija jkunu intitolati jintaxxaw ċertu proporzjon ta’ dik il-bażi, skont formula speċifika bbażata fuq tliet fatturi peżati b’mod ugwali (assi, ħaddiema u bejgħ). Dan kollu jsir permezz tal-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru prinċipali tal-kumpanija (jiġifieri, permezz ta’ sistema ta’ ‘uffiċċju uniku' (one-stop-shop)).

Skont id-Direttiva proposta, huma stabbiliti regoli proċedurali ċari fuq kif il-kumpaniji għandhom jagħżlu li jidħlu fis-sistema BKKTK, kif għandhom jissottomettu dikjarazzjonijiet fiskali tagħhom, kif għandhom jiġu armonizzati l-formoli rilevanti u kif għandhom jiġu kkoordinati l-awditi. Għal kull kumpanija jew grupp, id-dikjarazzjonijiet fiskali għall-attivitajiet kollha tagħhom fl-UE jiġu sottomessi permezz tal-awtoritajiet fiskali fl-Istat Membru prinċipali tagħhom, u dan l-istess Stat Membru jkun responsabbli biex jikkoordina l-verifiki u s-segwitu xierqa tad-dikjarazzjoni.

Xi jfisser kull wieħed mill-elementi tal-BKKTK?

Sabiex nispjegaw kull wieħed mill-elementi individwali tal-BKKTK:

Bażi tat-Taxxa – L-ammont tal-profitt ta’ kumpanija li jiġi intaxxat. Il-bażi tat-taxxa tiġi kkalkolata bħala: id-dħulijiet tal-kumpanija nieqes l-ammont li tista’ tibbenifika minnu l-kumpanija mill-eżenzjonijiet tat-taxxa u tnaqqis bħal salarji u deprezzament. Kull Stat Membru għandu sett ta’ regoli differenti biex jikkalkola din il-bażi tat-taxxa. Pereżempju, Stat Membru A jista’ jippermetti d-deprezzament tal-assi fuq perjodu ta’ 10 snin, waqt li Stat Membru B jista’ jippermetti deprezzament fuq perjodu ta’ 5 snin biss. Eżempju ieħor huwa li Stat Membru A jista’ jippermetti li l-ispejjeż kollha għad-divertiment jitnaqqsu mill-profitti, filwaqt li Stat Membru B ma jkunx jippermetti dan. Bażi tat-taxxa waħdanija għall-UE tkun tfisser li l-kumpaniji jkollhom bżonn biss li jagħmlu l-kalkoli tagħhom skont sett wieħed ta’ regoli.

Eżempju: Kumpanija għandha dħulijiet ta’ €10m (eż. mill-bejgħ ta’ prodotti)

Nieqes l-Ispejjeż ta’ €3m (eż. salarji u kostijiet tal-prodott mixtri biex jinbiegħ)

Nieqes it-Tnaqqisiet ta’ €2m (eż. kostijiet tad-deprezzament tal-vetturi tal-kunsinna)

= Bażi tat-taxxa totali ta’ €5m.

Komuni – Ġabra waħda ta’ regoli li jistgħu jiġu applikati madwar l-UE.

Konsolidata – Konsolidazzjoni tfisser l-għadd tal-profitti u t-telf kollha ta’ kumpanija / grupp ta’ kumpaniji minn Stati Membri differenti, sabiex jiġi stabbilit profitt / telf nett għall-attività kollha tagħha fl-UE. Dan imbagħad jintuża sabiex tiġi stabbilita l-bażi taxxabbli finali tal-kumpanija jew grupp.

Eżempju: Grupp tal-BKKTK jikkonsisti mill-kumpaniji A, B, Ċ u D. Il-kumpaniji A u B għandhom profitti ugwali għal €10 miljun kull waħda; il-kumpanija Ċ għandha profitt ugwali għal €5 miljun; il-kumpanija D għandha telf ugwali għal €8 miljun.

Il-bażi konsolidata tat-taxxa għal dan il-grupp hija A+B+C-D = €17 miljun.

Korporattiva – Relatata mat-tassazzjoni tal-kumpaniji

Għaliex għandna bżonn il-BKKTK fl-UE?

Il-BKKTK tagħmel l-affarijiet ferm orħos u aktar sempliċi għan-negozji, billi toħloq ġabra waħda ta’ regoli għall-kalkolazzjoni tal-bażi tat-taxxa ta’ kumpanija jew grupp, u billi tistabbilixxi sistema ta’ ‘uffiċċju uniku' għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjonijiet fiskali. Bħalissa, il-kumpaniji jridu jħabbtu wiċċhom ma’ 27 ġabra ta' regoli differenti għall-kalkolazzjoni tal-profitti taxxabbli tagħhom, u għandhom jissottomettu d-dikjarazzjonijiet lill-awtoritajiet fiskali f’kull Stat Membru fejn huma attivi. Dan jirriżulta fi kostijiet għoljin għall-konformità, piżijiet amministrattivi u riaġġustamenti kumplessi. Is-sistema kkumplikata tal-ipprezzar tat-trasferimenti li hija fis-seħħ bħalissa għat-tranżazzjonijiet fost l-impriżi ta’ grupp hija partikolarment għalja u diffiċli għan-negozji li joperaw fl-UE, u tista’ twassal għal tilwimiet bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u tirriżulta f’tassazzjoni doppja tal-kumpaniji.

Barra minn hekk, billi tippermetti l-konsolidazzjoni tal-profitti u t-telf fil-livell tal-UE, il-BKKTK tagħti ċ-ċans li l-attivitajiet transfruntieri tan-negozji jitqiesu bis-sħiħ, filwaqt li tiġi evitata tassazzjoni eċċessiva.

Il-BKKTK hija l-ewwel pass lejn l-armonizzazzjoni tar-rati tat-taxxa?

Le. Il-BKKTK ma tirrigwardax ir-rati tat-taxxa, u l-Kummissjoni ma għandha ebda pjan li tarmonizza r-rati tat-taxxa korporattiva tal-Istati Membri. L-Istati Membri sejrin ikomplu jiddeċiedu huma r-rati tat-taxxa korporattiva tagħhom, billi dan huwa dritt sovran tagħhom. Meta dan ma jwassalx għal distorsjonijiet, id-differenzi fir-rati tat-taxxa jippermettu li jinżamm ċertu livell ta’ kompetizzjoni tat-taxxa fis-Suq Intern. Madankollu, dak li tagħmel il-BKKTK huwa li toħloq aktar trasparenza fir-rigward tas-sitwazzjoni effettiva tat-taxxa korporattiva fl-Istati Membri, biex b’hekk tinħoloq kompetizzjoni tat-taxxa aktar ġusta fl-UE. Il-BKKTK sejra tkun ukoll ferm aktar effikaċi biex issaħħaħ il-kompetittività tal-UE globalment minn kwalunkwe miżura relatata mar-rati uniformi tat-taxxa korporattiva.

Hemm xi ċifri li juru l-benefiċċji li tista’ ġġib magħha l-BKKTK?

Għal negozji li joperaw b’mod transfruntier fl-UE, il-BKKTK tissarraf b’mod ċar fl-iffrankar tal-ħin u l-kostijiet tal-konformità. Huwa stmat li l-kostijiet attwali tal-konformità jistgħu jitnaqqsu b’7%, li huwa ekwivalenti għall-iffrankar ta’ €0.7 biljun fl-UE kollha.

Is-sistema l-ġdida ġġib magħha wkoll benefiċċji tanġibbli għall-kumpaniji li juru x-xewqa li jespandu fi Stati Membri oħrajn. Bħalissa, impriża kbira tiġi tiswiha aktar minn €140,000 f’nefqa relatata mat-taxxa biss biex tiftaħ kumpanija sussidjarja ġdida fi Stat Membru ieħor. Il-BKKTK tnaqqas dawn il-kostijiet b’€87,000 jew 62%. L-impriżi ta’ daqs medju huma f’pożizzjoni li jgawdu saħansitra aktar, bil-kostijiet medji tagħhom relatati mat-taxxa sabiex jespandu fi ħdan l-UE jonqsu minn €127,000 għal €42,000 (tnaqqis ta’ 67%). Li kieku jkunu saħansitra 5% biss tal-SMEs li jiddeċiedu li jespandu n-negozju tagħhom fuq din il-bażi, l-iffrankar globali jkun madwar €1 biljun.

Barra minn hekk, billi tippermetti lin-negozji jpaċu telf fi Stat Membru wieħed kontra l-profitti xi mkien ieħor fl-Ewropa għal skopijiet ta’ taxxa (jiġifieri konsolidazzjoni), il-proposta tista’ tirriżulta fi frankar addizzjonali ta’ €1.3 biljun għall-kumpaniji fl-UE kollha.

Fil-qosor, il-BKKTK tiffranka lin-negozji €0.7 biljun f’konformità mnaqqsa, €1 biljun fi spejjeż imnaqqsa biex jespandu fuq livell transfruntier u €1.3 biljun permezz ta’ konsolidazzjoni.

Għaliex il-Kummissjoni pproponiet li l-BKKTK tkun fakultattiva għall-kumpaniji?

Il-BKKTK sejra tkun fakultattiva, billi tippermetti lill-kumpaniji li jidhrilhom li jistgħu jibbenifikaw verament minn din is-sistema armonizzata biex japplikawha, filwaqt li kumpaniji oħrajn jistgħu jkomplu jaħdmu fi ħdan is-sistemi nazzjonali tagħhom. Dan huwa approċċ ibbażat fuq is-sens komun, billi jfisser li dawk il-kumpaniji li ma jkollhom ebda ħsieb li jespandu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali tagħhom, u għalhekk ikunu sejrin ikomplu jaħdmu fi ħdan sistema waħda biss għal dejjem, ma għandhomx għaliex jaqilbu bla bżonn għal sistema tat-taxxa ġdida. Il-Kummissjoni temmen ukoll li BKKTK obbligatorja ma tkunx skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, minħabba li jkun ifisser li jkunu qegħdin jiġu introdotti miżuri tal-UE sabiex ikopru attività purament domestika, kif ukoll attività fuq livell tal-UE.

Għaliex il-konsolidazzjoni hija parti importanti minn din is-sistema?

Il-konsolidazzjoni hija aspett kruċjali tal-BKKTK minħabba li tfisser li l-attività transfruntiera ta’ kumpanija fi ħdan l-UE tkun rikonoxxuta b’mod sħiħ.

Pereżempju, illum grupp jista’ jżid il-profitti ta’ kumpanija sussidjarja waħda fi Stat Membru A mat-telf ta’ kumpanija sussidjarja oħra fl-istess Stat Membru A sabiex jiġi stabbilit profitt jew telf nett. Madankollu, l-istess grupp ma jistax jieħu f’kunsiderazzjoni t-telf li jista’ jakkumula fi Stat Membru ieħor B. Dan ifisser li, anki jekk it-telf tal-grupp fi Stat Membru wieħed ikun akbar mill-profitti tiegħu fi bnadi oħra fl-UE (jiġifieri, kien hemm telf nett), huwa xorta jkollu jħallas it-taxxa f’dawk l-Istati Membri fejn saru xi profitti. Ma hemm ebda ħelsien mit-telf transfruntier. Taħt il-BKKTK, il-grupp ikun jista’ jżid il-profitti u t-telf tiegħu mill-kumpaniji sussidjarji kollha madwar l-UE flimkien, sabiex jasal għal ċifra netta. It-taxxa mbagħad titħallas fuq il-profitt nett tal-grupp għall-UE kollha kemm hi. Dan jirrifletti l-ispirtu veru ta’ Suq Uniku.

Minbarra dan, il-konsolidazzjoni telimina l-ħtieġa għas-sistema kumplessa tal-ipprezzar tat-trasferimenti li hija fis-seħħ bħalissa għall-bejgħ transfruntier fi ħdan il-grupp. Minħabba li l-ipprezzar tat-trasferimenti huwa wieħed mill-aktar aspetti diffiċli u għaljin tat-tassazzjoni korporattiva għall-impriżi, l-eliminazzjoni tiegħu twassal għal benefiċċji sinjifikanti għall-kumpaniji u l-gruppi fi ħdan l-UE.

Il-Kummissjoni kif waslet għall-formula ta’ proratizzazzjoni?

Skont il-BKKTK, ladarba tiġi ddeterminata l-bażi tat-taxxa tal-kumpanija, din imbagħad titqassam lill-Istati Membri kollha li fihom tkun attiva l-kumpanija fuq il-bażi ta’ formula fissa ta’ proratizzazzjoni. Din il-formula sejra tkun ibbażata fuq tliet fatturi, peżati bl-istess mod:

  • Assi: Sejrin ikunu koperti l-assi tanġibbli fissi kollha, inkluż bini, ajruplani u makkinarju. Il-kostijiet imġarrba għar-Riċerka u l-Iżvilupp, il-kummerċjalizzazzjoni u r-reklamar fis-6 snin qabel ma kumpanija tidħol fil-BKKTK jiġu inklużi wkoll bħala indikatur rappreżentattiv għall-assi intanġibbli għal 5 snin.

  • Ħaddiema: Sejrin jiġu kkunsidrati żewġ fatturi taħt l-intestatura tal-ħaddiema 50% kostijiet tas-salarji u 50% għan-numru ta’ impjegati.

  • Bejgħ: Dan jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ fejn jintbagħtu / ikunu destinati l-oġġetti. Fir-rigward tas-servizzi, dan ikun fejn jiġi pprovdut fiżikament is-servizz.

Eżempju:

Il-kumpaniji A, B u Ċ jifformaw Grupp BKKTK. Il-bażi konsolidata tat-taxxa hija 900.

Il-kumpanija A għandha kapital ta’ 100, salarji ta’ 100, 1000 impjegat u bejgħ ta’ 10000 fl-Istat Membru A.

Il-kumpanija B għandha kapital ta’ 200, salarji ta’ 200, 2000 impjegat u bejgħ ta’ 20000 fl-Istat Membru B.

Il-kumpanija Ċ għandha kapital ta’ 300, salarji ta’ 300, 3000 impjegat u bejgħ ta’ 30000 fl-Istat Membru Ċ.

Il-kalkolazzjoni ssir kif ġej:

Terz ta’ 900 fuq kapital: 100/600 għal A, 200/600 għal B u 300/600 għal Ċ

Nofs ta’ terz wieħed ta’ 900 fuq salarji: 100/600 għal A, 200/600 għal B u 300/600 għal Ċ

Nofs ta’ terz wieħed ta’ 900 fuq l-impjegati: 1000/6000 għal A, 2000/6000 għal B u 3000/6000 għal Ċ

Terz ta’ 900 fuq bejgħ: 10,000/60,000 għal A, 20,000/60,000 għal B u 30,000/60,000 għal Ċ.

Il-Bażi tat-Taxxa ta' A = 50 + 25 + 25 + 50 = 150 – intaxxati fl-Istat Membru bir-rata ta’ A

Il-Bażi tat-Taxxa ta’ B = 100 + 50 + 50 + 100 = 300 – intaxxati fl-Istat Membru B bir-rata ta’ B

Il-Bażi tat-Taxxa ta’ Ċ = 150 + 75 = 75 + 150 = 450 – intaxxati fl-Istat Membru Ċ bir-rata ta’ Ċ

Il-profitti tal-kumpaniji huma derivati mill-bejgħ, il-ħaddiema u l-assi, li hija r-raġuni għala dawn it-tliet kriterji jifformaw il-formula ta’ proratizzazzjoni. Dawn it-tliet fatturi jfissru li l-formula tibbaża fuq dejta li hija faċilment disponibbli, sejra tkun diffiċli biex tiġi mmanipulata u sejra tkun rappreżentattiva ta’ fejn verament jinħoloq profitt f’negozju.

Kif jidħol id-deprezzament fil-kalkolazzjoni tal-bażi tat-taxxa? Sejjer ikun armonizzat skont il-BKKTK u kif?

Deprezzament huwa l-valur dejjem jonqos ta’ assi matul iż-żmien, li jiġi kkunsidrat bħala tnaqqisa għal skopijiet ta’ taxxa. Pereżempju, jekk tixtri magna għal 100.000€ u tbigħha ħames snin wara għal 20.000€, il-magna tkun ‘iddeprezzat’ bi 80.000€. Dan ma jkunx seħħ fil-ħames sena – hija tkun iddeprezzat ftit ftit kull sena. Meta kumpanija tixtri assi, eż. bini jew karozza, il-bażi taxxabbli tagħha kull sena tkun id-dħul nieqes l-ispejjeż, nieqes provvediment għad-deprezzament ta’ dan l-assi. Id-deprezzament stmat tal-assi huwa mifrux tul il-perjodu li mistenni jintuża mill-kumpanija, u fuq din il-bażi, tnaqqis mill-bażi tat-taxxa jingħata kull sena.

Hemm regoli ta’ deprezzament differenti f’kull Stat Membru. Xi wħud jistgħu jagħżlu li jifirxu t-tnaqqis fuq perjodu itwal (eż. 5% fuq medda ta’ 20 sena), filwaqt li oħrajn jistgħu jirriduċu t-tnaqqis fi spazju ta’ żmien iqsar (eż. 20% fuq 5 snin). L-għan huwa li l-kostijiet tal-assi jinqasmu fuq in-numru xieraq ta’ snin u mhux li jinbidlu l-profitti, pereżempju, billi jkun permess li l-kostijiet kollha jitnaqqsu fl-ewwel sena.

Sejjer ikun hemm sett wieħed ta’ regoli ta’ deprezzament stabbiliti fi ħdan il-BKKTK (25% fuq medda ta’ 4 snin) għall-kumpaniji li jagħżlu li jidħlu fis-sistema. Għal dawk li jibqgħu barra mil-BKKTK, ikomplu japplikaw ir-regoli nazzjonali.

L-SMEs kif jistgħu jibbenifikaw mil-BKKTK?

Il-BKKTK tiftaħ il-possibbiltà ta’ espansjoni fi ħdan l-UE għall-SMEs li, sa issa, jista’ jkun li ħasbu li din hija xi ħaġa kkumplikata u tiswa wisq flus. Billi l-SMEs spiss ma jkollhomx l-istess riżorsi (avukati u esperti tat-taxxa; konsulenti u kunsilieri) bħall-impriżi kbar, l-ostakolu li jkollhom jittrattaw regoli diverġenti għall-kalkolazzjoni tal-bażi tat-taxxa fi Stat Membri oħrajn huwa ħafna drabi wieħed li ma jistax jingħeleb. Il-BKKTK tippermetti lill-SMEs ikomplu jaħdmu b’sistema waħda biss u b’amministrazzjoni tat-taxxa waħda, kif qegħdin jagħmlu bħalissa, anki jekk jagħżlu li jespandu n-negozju tagħhom fi Stati Membri oħrajn. Huwa stmat li l-kostijiet relatati mat-taxxa ta’ impriża ta’ daqs medju li tespandi fl-UE sejrin jonqsu b’67% permezz tal-BKKTK. Il-Kummissjoni ħadmet biex tiżgura li r-regoli ġodda proposti jkunu aċċessibbli biżżejjed għall-SMEs, kif ukoll għal kumpaniji kbar, biex jinftiehmu u jintużaw.

Il-BKKTK sejra tgħin biex tinkoraġġixxi r-Riċerka u l-Iżvilupp u l-kumpaniji innovattivi?

It-trattament tal-ispejjeż tar-Riċerka u l-Iżvilupp fi ħdan il-BKKTK huwa allokat minn regoli ġenerużi u favur l-innovazzjoni: pereżempju, il-pagi u s-salarji tar-riċerkatur huma deduċibbli għal kollox fl-istess sena meta jkunu ġġarrbu (irrispettivament miż-żmien meta jkun disponibbli r-riżultat tar-riċerka) filwaqt li huwa permess tnaqqis immedjat ta’ 100% għan-nefqa fuq bini tar-riċerka. Minbarra dan, ir-regola ġenerali tad-deprezzament qiegħda tassumi progress tekniku mgħaġġel ħafna u tiġġenera kost deduċibbli ta’ kważi 60% fl-ewwel tliet snin. Dan il-metodu qiegħed jirrifletti aħjar il-waqgħa mgħaġġla tal-valur ekonomiku jew tekniku tal-assi fissi. B’mod ġenerali, il-BKKTK toffri ambjent aħjar għar-riċerka u l-innovazzjoni milli previst fis-sistemi attwali tat-taxxa korporattiva fil-maġġoranza tal-Istati Membri.

Hemm xi kundizzjonijiet marbuta mal-applikazzjoni jew in-nonapplikazzjoni tal-BKKTK?

Iva. Il-kumpaniji jkollhom japplikaw il-BKKTK għal perjodu minimu ta’ ħames snin (sabiex jiġi evitat li japplikaw jew jagħżlu li ma jibqgħux japplikaw il-BKKTK għal skopijiet tal-ippjanar tat-taxxa). Barra minn hekk, anness għall-proposta jelenka diversi kriterji li trid tissodisfa kumpanija sabiex tkun eliġibbli għas-sistema BKKTK (pereżempju, it-tip ta’ regoli tat-taxxa korporattiva li għandha tkun koperta minnhom; it-tip ta’ kumpanija …).

Il-BKKTK sejra tkun disponibbli għal kumpaniji mhux mill-UE iżda li huma bbażati fl-Ewropa?

Iva. Il-kumpaniji mhux mill-UE b’fergħat jew sussidjarji fi Stat Membru jkunu jistgħu japplikaw il-BKKTK fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fl-UE, sakemm jilħqu l-istess kriterji kwalifikatorji kif meħtieġ mill-kumpaniji tal-UE (ara hawn fuq).

Il-BKKTK sejra tgħin biex tattira investiment dirett barrani?

Il-BKKTK tista’ tagħmel l-UE suq ferm aktar attraenti għall-investituri barranin. Pereżempju, fil-mument, kumpaniji li joperaw f’pajjiżi terzi bħall-Istati Uniti jew iċ-Ċina jkollhom x’jaqsmu biss ma’ sistema waħda tat-taxxa nazzjonali. Din hija mqabbla ma’ sistema Ewropea ta’ 27 ġabra differenti ta’ regoli, li toħloq wisq aktar kumplessità u kostijiet. Ġabra waħda ta’ regoli għall-bażi tat-taxxa korporattiva, u sistema ta’ ‘uffiċċju uniku’ għas-sottomissjoni tad-dikjarazzjoni fiskali, jagħmlu lill-UE post ferm aktar faċli għall-kumpaniji barranin biex jagħmlu l-investimenti tagħhom. Ħafna pajjiżi terzi diġà indikaw lill-Kummissjoni li l-BKKTK għandha tgħin biex tagħmel l-UE suq aktar interessanti għall-investiment barrani.

Sejjer ikun hemm xi rata ta’ taxxa differenti għall-BKKTK minn dik għas-sistema nazzjonali?

L-Istati Membri sejrin ikomplu jiddeċiedu huma dwar ir-rati tat-taxxa korporattiva tagħhom, inkluż ir-rata għall-kumpaniji li jaħdmu fi ħdan il-BKKTK (billi l-BKKTK tittratta biss il-bażi tat-taxxa, mhux ir-rata tat-taxxa). Stat Membru jista’ jagħżel li japplika rata tat-taxxa differenti għall-BKKTK jekk il-bażi nazzjonali tiegħu tkun estremament differenti u huwa jkun irid iżomm l-istess rata tat-taxxa effettiva (jiġifieri, il-livell reali tat-taxxa ladarba jittieħdu f’kunsiderazzjoni r-rata, il-bażi u l-ammonti varji li jistgħu jitnaqqsu). Pereżempju, jekk il-bażi tal-BKKTK tkun usa' mill-bażi nazzjonali, l-Istat Membru jista’ jagħżel li jistabbilixxi rata aktar baxxa għall-BKKTK sabiex iżomm l-istess rata tat-taxxa effettiva. Possibbiltà oħra hija li l-Istati Membri jallinjaw il-bażijiet nazzjonali tagħhom qrib biżżejjed tal-BKKTK sabiex jevitaw li jkollhom rati differenti għat-tnejn. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi l-approċċ li jqis li huwa l-aħjar għall-ħtiġijiet nazzjonali tiegħu.

Sejjer ikun hemm xi salvagwardja li tipproteġi lill-Istati Membri kontra kumpaniji li jċaqilqu l-assi tagħhom sabiex japprofittaw kemm jistgħu mill-formula?

Il-proposta tal-BKKTK fiha regoli b’saħħithom kontra l-evitar sabiex ikun żgurat li l-gruppi ma jkunux jistgħu jċaqilqu l-profitti tagħhom artifiċjalment minn Stat Membru għal ieħor. Madankollu, il-kumpaniji xorta waħda jkunu jistgħu jeżerċitaw il-libertà tal-moviment u tal-istabbiliment tagħhom għal raġunijiet kummerċjali ġenwini (pereżempju, il-bini ta’ fabbrika ġdida fi Stat Membru ieħor), kif qegħdin jagħmlu llum il-ġurnata.

X’tip ta’ miżuri kontra l-abbuż huma inklużi fil-proposta?

Il-proposta fiha klawżola ġenerali kontra l-abbuż li hija konformi ma’ dik li hija diġà fis-seħħ f’ħafna Stati Membri. Minbarra dan, hija fiha miżuri speċifiċi kontra l-abbuż, bħal restrizzjoni ta’ tnaqqis tal-imgħax f’xi każijiet u eċċezzjoni għall-eżenzjoni tal-introjtu barrani f’każijiet oħrajn.

Il-BKKTK tista’ tikkontribwixxi għal kompetizzjoni fiskali akbar?

Fil-ħolqien ta’ bażi uniformi, il-BKKTK sejra tipprovdi trasparenza akbar u għalhekk għandha tiżgura li l-kompetizzjoni ssir fuq ir-rata tat-taxxa effettiva, minflok fuq elementi potenzjalment moħbija fil-bażijiet differenti. Dan għandu jirriżulta f’kompetizzjoni fiskali aktar trasparenti u ġusta. L-Istati Membri għandhom ikomplu jistabbilixxu r-rati tat-taxxa korporattiva għat-territorji tagħhom. Huwa f’idejn kull Stat Membru li jiddeċiedi x’inhu l-aktar approċċ li jaqbel mal-ħtiġijiet baġitarji nazzjonali tiegħu u t-taħlita tal-politika fiskali.

Il-BKKTK sejra twassal għat-twessigħ tal-bażi tat-taxxa fil-maġġoranza tal-Istati Membri?

Għall-maġġoranza tal-Istati Membri1, il-bażi tal-BKKTK sejra tkun usa’ mill-bażi tat-taxxa nazzjonali eżistenti. Bħala medja, il-bażi tat-taxxa komuni hija usa’ b’7,9%. Din il-bażi usa’ tat-taxxa tfisser li l-Istati Membri ma għandhomx għaliex jinkwetaw dwar is-sostenibbiltà tas-sistemi tat-taxxa tagħhom fil-kuntest tal-konsolidazzjoni baġitarja (jiġifieri, il-bażi usa’ tat-taxxa tnaqqas ir-riskju ta’ telf fiskali).

Il-BKKTK tista’ twassal biex il-kumpaniji fil-fatt jiġu intaxxati aktar jekk il-profitti jaqgħu fi swieq fiskali ogħla?

Il-BKKTK sejra tkun fakultattiva. Jekk il-kumpaniji ma jemmnux li sejrin jibbenifikaw minnha, ma għandhomx għaliex japplikaw għaliha. Madankollu, il-maġġoranza vasta tan-negozji (80%) esprimew appoġġ għall-BKKTK, wara li raw il-benefiċċji li toffri f’dak li għandu x’jaqsam mal-piż amministrattiv imnaqqas, il-kostijiet aktar baxxi tal-konformità u l-evitar ta’ tilwimiet dwar l-ipprezzar tat-trasferimenti (l-istudju KPMG tal-2007, "Harmonised corporate tax base – are European business for or against it? Pan-EU survey results investigating reactions to proposed Common Consolidated Corporate Tax base", Jeff Wagland).

Din il-proposta hija konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà?

Iva. Il-BKKTK hija maħsuba biex tneħħi l-ostakoli mis-Suq Intern, biex b’hekk ikun irħas u aktar faċli għan-negozji biex joperaw fuq livell transfruntier. Hija tista’ tiġi implimentata b’suċċess biss fil-livell tal-UE. Hemm bżonn ta’ approċċ tal-UE sabiex jiġu stabbiliti regoli komuni u sistema ta’ “uffiċċju uniku” għan-negozji transfruntieri; filwaqt li wħud mill-elementi ewlenin tal-proposta (eż. ħelsien mit-telf transfruntier, allokazzjoni tal-bażi tat-taxxa permezz ta’ formula komuni) ma jistgħux jinkisbu f’livell purament nazzjonali.

X’inhuma l-passi li jmiss?

Il-proposta issa trid tiġi diskussa u maqbula mill-Istati Membri fil-Kunsill, wara l-opinjoni tal-Parlament Ewropew.

See also IP/11/319

1 :

L-Estonja mhijiex inkluża minħabba li l-pajjiż għandu taxxa ta’ distribuzzjoni applikabbli biss fuq dividendi mħallsa u ma hemmx bżonn ta’ definizzjoni tal-bażi tat-taxxa.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site