Navigation path

Left navigation

Additional tools

MEMO/11/124

Brussell, l-1 ta’ Marzu 2011

Permezz ta’ “Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej”, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Reding qed tipproponi sfida lin-negozjanti: li jżidu l-preżenza tan-nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej

Wara laqgħat li saru llum mad-diretturi ta’ impriżi u mal-imsieħba soċjali dwar in-nisa fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet (ara IP/11/242), il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding sfidat lill-kumpaniji Ewropej ikkwotati fil-borża biex jiffirmaw “Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej” sa Marzu 2012. Dan l-impenn jirrappreżenta impenn volontarju mill-kumpaniji kkwotati fil-borża biex iżidu l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet ta’ diriġenti għal 30% sal-2015 u għal 40% sal-2020 (ara l-Anness). Il-kumpaniji fl-Ewropa kollha kkwotati fil-borża jistgħu jiffirmaw.

“Kelli l-ewwel diskussjoni kostruttiva mad-diretturi ta' impriżi biex nisma' l-opinjonijiet tagħhom dwar iż-żieda fil-parteċipazzjoni femminili fil-bordijiet ta' diriġenti Ewropej,” qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju Ewropew għall-Ġustizzja. “Filwaqt li xi diretturi ta’ kumpaniji jqisu li l-intervent permezz ta’ regolamenti huwa indispensabbli - bħal fil-każ tan-Norweġja, Franza u Spanja - oħrajn qed iqisu inizjattivi awtoregolatorji promettenti. Minn diskussjonijiet bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u r-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali ħarġu pożizzjonijiet simili."

“It-titjib fil-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tmexxija tal-impriżi jista’ jirriżulta f’kumpaniji li jagħtu iktar profitt u fi spinta fit-tkabbir ekonomiku.”

“Fit-12-il xahar li ġejjin għandi l-ħsieb li nagħti l-aħħar possibilità lill-awtoregolamentazzjoni. Nixtieq li l-kumpaniji juru kreattività sabiex ma jkunx hemm il-ħtieġa li l-leġiżlaturi jużaw il-kreattività tagħhom.”

“L-iktar ħaġa importanti għalija hija r-riżultat. L-għan tiegħi huwa li l-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet ta’ diriġenti tal-kumpaniji Ewropej ewlenin kkwotati fil-borża tiżdied għal 30% fl-2015 u għal 40% sal-2020.”

"Nistieden lill-kumpaniji kkwotati fil-borża madwar l-Ewropa kollha biex jiffirmaw l-“Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej” u biex jiżviluppaw il-mod kredibbli tagħhom biex jattiraw iktar nisa fl-ogħla karigi.”

“Fi żmien sena mil-lum, fil-Jum Internazzjonali tan-Nisa (8 ta’ Marzu 2012), il-Kummissjoni se tagħmel valutazzjoni biex tara jekk kienx hemm progress sinifikanti u jekk ġewx żviluppati inizjattivi awtoregolatorji kredibbli biex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-impriżi. Jekk dan iseħħ sa Marzu 2012, ikun pjaċir tiegħi li nifraħ lill-qasam Ewropew tal-kummerċ. Jekk, min-naħa l-oħra, dan ma jseħħx, ikolli nirrikorri għall-kreattività regolatorja tiegħi.”

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Viviane Reding u Gertrude Tumpel-Gugerell, membru tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew mexxew il-laqgħa ta' llum bejn il-Kummissjoni u d-diretturi ta' impriżi - kapijiet eżekuttivi u presidenti ta' bordijiet - u l-imsieħba soċjali. Il-laqgħa kienet l-ewwel pass lejn bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-laqgħat tal-impriżi u fil-karigi ta’ tmexxija fl-ikbar kumpaniji Ewropej. Skont figuri ġodda ppreżentati llum mill-Kummissjoni, jidher li fl-ikbar kumpaniji Ewropej in-nisa jirrappreżentaw biss 12% tal-membri tal-bord ta’ diriġenti u f’97% tal-każijiet il-president tal-bord huwa raġel. F'dawn l-aħħar snin il-progress kien miexi bil-mod ħafna: matul dawn l-aħħar seba’ snin is-sehem ta' membri nisa f'bordijiet fl-UE żdied bi ftit aktar minn nofs punt perċentwali fis-sena. B’din ir-rata, sakemm ma titteħidtx azzjoni, se jkun jeħtieġ li jgħaddu 50 sena oħra qabel ikun hemm bilanċ raġonevoli (40% minn kull sess) fuq il-bordijiet tal-kumpaniji. Sadanittant, il-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-UE qed ikomplu jitilfu t-talent femminili.

L-Istati Membri u l-kumpaniji ħadu diversi miżuri biex jindirizzaw din is-sitwazzjoni: minn “miżuri ħfief” bħal kodiċijiet u karti ta’ tmexxija korporattivi sa miżuri leġiżlattivi, bħal kwoti marbuta mas-sess tal-persuni.

L-“Impenn formali għal iktar nisa fit-tmexxija tal-impriżi Ewropej” hija disponibbli fuq il-websajt tal-Viċi President Reding. Din se tgħin fil-monitoraġġ tal-ħidma tal-kumpaniji biex jattiraw iktar nisa fl-ogħla karigi. Kull kumpanijia kkwotata fil-borża tista’ tiffirma dan l-impenn u tkun ta' eżempju tajjeb. Fi żmien sena, il-Kummissjoni Ewropea se tevalwa mill-ġdid is-sitwazzjoni u tiddeċiedi dwar il-passi suċċessivi.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website